Tuesday, 24 October 2017
           
Home arrow Home
ID-DSATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2017) IT-TAQBIDA TAL-FIDI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 12 August 2017

Din hija il- Liturgija  tal-Dsatax il-Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

peter-walking-on-water.jpg

 

X’inhi dik il-kariżma, rigal mogħti minn Alla, li huwa n-Nisrani biss li għandu?  Liema hi dik il-ħaġa li jekk għandek lilha tista’ tgħid li int Nisrani adult, jekk m’għandekx għadek m’intix, anke jekk int twajjeb ħafna, ta’ karattru sabiħ, tħobb lill-Knisja eċċ.  Kull Nisrani veru għandu d-Dixxerniment.  Kelma forsi tqila imma ta’ mportanza enormi.  Id-Dixxerniment ifisser li jkollok id-Dawl ġej minn Alla biex tara sens f’kollox.  Xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni.  Kollox ġej minn Alla, jew jiġri għax iħallih jiġri Alla.  Jekk għandek Dixxerniment ifisser li tinduna li Alla qed jgħidlek xi ħaġa b’dak li jiġrilek, tajjeb jew ħażin.  Id-Dixxerniment huwa li int ikollok għajnejn spiritwali li kapaċi jaraw dak li ħaddieħor ma jarax.  U n-Nisrani għandu Dixxerniment mhux biss fuq l-Istorja tiegħu imma wkoll fuq dik tal-oħrajn.  Il-Profeti u n-nies ġusti tal-Iskrittura kienu magħrufa mhux għax kienu jħabbru x’ser jiġri, imma għax kienu jfissru dak li ġara u li kien qed jiġri dak il-ħin madwarhom, anke jekk xi wħud bid-Dixxerniment li kellhom, setgħu anke  jipprevedu x’se jiġri fil-futur, kif kienet se tispiċċa l-biċċa.

 

Ħafna nies li huma tajbin, ta’ karattru li ma tista’ tgħid xejn fuqu, li jħobbu lill-Knisja, jħobbu jitolbu, huma reliġjużi... m’għandhomx dan id-Dixxerniment għax m’humiex Insara.  Hawn ħafna nies qaddisin fid-dinja li mhumiex Insara, imma n-Nisrani għandu dan li ħadd iktar m’għandu:  li jiġi xi ħadd quddiemu bi problema u d-Dawl li jġorr fih jgħinu jaqrah lil dan il-bniedem qisu ktieb miftuħ.

 

 

Ħafna nies tajbin jinfixlu quddiem dak li jiġrilhom u ma jkollhomx Dawl biex jifhmu x’ried jgħid Alla b’dak li jkun ġralhom.  Infatti l-iktar raġuni l-għala dejjem kien hawn nies li ma jemmnux li Alla jeżisti huwa propju għax ma jistgħux iqabblu flimkien l-eżistenza ta’ Alla li hu Mħabba, jew l-Imħabba li hi Alla, mar-rejaltà tad-dinja mimlija ħażen, inġustizzji, kriminalità, nies dgħajfa li donnu ħadd ma jiddefendihom, mard, qtil, gwerer... il-lista donnha ma tispiċċa qatt.  Fil-Korea ta’ Fuq hemm miġnun li donnu ħadd ma jista għalih u li jista’ jdaħħalna fi gwerra li teqred id-dinja.  Fejn hi l-Imħabba f’dan kollu?  L-Imħabba hemm qegħda, imma jrid ikollok id-Dixxerniment biex taraha.  Mingħajr id-Dixxerniment għandna bħal qxur f’għajnejna li ma jħalliniex naraw ir-rejaltà.  Dejjem fid-dlam, u fid-dlam ma nafux x’hemm moħbi, u allura nibżgħu.  Ħafna jgħixu dejjem imħassbin minn dak li jista’ jiġri, dejjem fid-dlam, għax m’għandhomx Dixxerniment.

 

Imma rridu noqogħdu attenti meta qegħdin nitkellmu fuq din il-kariżma li hi esklussivament Nisranija.  Hija l-frott ta’ Fidi li tkun imxiet ħafna ’l quddiem.  Jien, u naħseb int ukoll, għad m’għandniex dan id-Dawl fuq l-Istorja tagħna u anke tal-oħrajn, imma l-fatt li ninsabu mexjin fit-triq tal-Fidi, fil-proċess ta’ twemmin dejjem iktar profond u safi, għandna għalfejn nittamaw li għad ikollna r-rigal tad-Dixxerniment.  Hu tajjeb li nixxenqu għal dawn l-affarijiet qaddisa, għax hemm nies li ma jixxenqu għal xejn mingħand Alla ħlief għal ħwejjeġ materjali.  Hemm oħrajn li ma jniżżluhiex li m’għandhomx Fidi adulta.  Jaħsbu li għandhom il-Fidi u daqshekk.  Kollox statiku għalihom; kollox wieqaf.  L-umli qatt u qatt  mhu kuntent bil-Fidi tiegħu u dejjem jokrob quddiem il-Missier biex jagħtih il-Grazzja l-kbira ta’ għarfien dejjem aħjar tal-Misteru ta’ Ġesù.

 

Meta jibda jitnissel id-Dixxerniment fina, nibdew nindunaw, wara ħafna esperjenzi, li dak kollu li ngħaddu minnu hu biex nissaħħu fil-Fidi.  It-taqbida għall-Fidi hi l-akbar prova li għandna fil-Ħajja.  Id-dinja toffri elf ħaġa, imma hu minn hawn li jiddependi kollox.  Kellu raġun San Pawl jgħid fl-aħħar jiem ta’ Ħajtu: “Ngħid għalija, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal.  Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.”  (2 Tim. 4, 6-7).  Biex jiftaħar Pawlu?  Bil-konverżjonijiet li wettaq fost tant popli?  Bil-ġiri tiegħu ’l hawn u ’l hemm biex ixandar dak li ma setax iżommu moħbi f’ħobbu?  Bit-tbatijiet li ġarrab?  Hu jiftaħar li f’dan kollu żamm il-Fidi, li jfisser li f’dak kollu li għadda minnu hu kiber fil-Fidi.  Għax il-Fidi jew tikber jew tiddgħajjef.  Ma teżistix Fidi wieqfa. 

 

Il-Fidi hi proċess u miskin il-bniedem li hu kuntent u jgħid: “Jien għandi Fidi biżżejjed.”  Hu ngannat.  Il-Fidi stess timbuttak biex tittallab iktar Fidi mingħand il-Missier.  Ngħaddu minn Fidi għal Fidi, jgħid l-Appostlu, u lil Timotju jgħidlu: “Tqabad it-taqbida t-tajba tal-Fidi.”  (1 Tim. 6, 12).  Hekk il-Fidi tikber fi “stages” ġewwa fina, dejjem bi Grazzja tal-Missier, u magħha jikber ukoll bil-mod il-mod dak id-Dawl li tkellimna fuqu u li huwa d-Dixxerniment.  Dan id-Dixxerniment huwa sur kontra l-attakki ta’ Satana.  Għax l-iktar li jogħxa jagħmel l-għadu hu li jattakkalna l-Fidi, u meta l-Istorja ma nifhmuhiex... u din il-ħaġa tiġrilna sikwit lilna lkoll għal ilkoll fqar fid-Dixxerniment... jiġi hu u jgħidilna ħelu ħelu: “Iħobbok Alla!  Ara xi ġralek?  Issa, li kieku Alla kien tassew iħobbok...” u jibqa’ sejjer u jagħmel festa bina.  Imma min għandu d-Dixxerniment jirbaħ l-attakk tal-għadu għax jara lil hemm mill-ġrajja.  Hu jaf  li Alla Missieru għandu dejjem raġun, u li dejjem joħroġ il-ġid mid-deni għal dawk li jħobbuH.  Hu jibqa’ jistenna u jafda; anzi, u din tal-għaġeb, hu jfaħħar lil Alla bħalma għamel Ġob meta qal: “Hu tani u Hu ħadli.  Ikun imbierek isem il-Mulej!”  (Ġob 1, 21).

 

L-Ewwel Qari

 

Missier il-Profeti ta’ Iżrael huwa Elija.  L-Istorja kollha tiegħu, bħalma hi l-Istorja tagħna, kienet tlajja u nżul, kollox parti mit-taqbida tal-Fidi, mill-vjaġġ tal-Fidi... minn Fidi għal Fidi akbar.  Għax Alla jibgħat il-provi biex fil-forġa tal-prova mhux tinqered il-Fidi, bħalma ġie li jiġri, imma tissaħħaħ.  Rebħa ssaħħek biex tirbaħ rebħa ikbar id-darba ta’ wara. 

 

L-ewwel qari jsib lil Elija f’taqbida enormi ta’ Fidi.  Kien ittentat b’mod atroċi biex jidħol fi kriżi ta’ Fidi.  Fuq il-muntanja tal-Karmel, il-Fidi tiegħu kienet fl-aqwa tagħha.  Kien iċċalinġja l-mijiet ta’ qassisin u profeti tal-allat foloz għal wirja ta’ min kien il-veru Alla.  Kien hu li niżżel in-nar mis-sema mingħand Alla waqt li l-oħrajn ħarbu bil-poplu jiġri warajhom.  Dak kien jum ta’ trijonf għal Elija.  Imma mill-ewwel bdiet il-persekuzzjoni li għejjietu.  Kellu jaħrab u wasal fuq is-Sinaj.  U hemm fuq, qagħad jistenna għax kellu bżonn immens l- esperjenza ta’ Alla li terġa tagħtih iż-żelu li kien tilef.

 

Kien mument delikat.  Ma kienx qed jara ċar xi jrid Alla.  Donnu Alla kien ħadlu lura d-Dixxerniment u issa l-Istorja kienet bdiet tbeżżgħu; anke l-ideja tiegħu ta’ Alla, ta’ min tassew kien Alla, bdiet tħawdu.  Hu, li qabel kellu tant intimità miegħu, issa beda jaraH aħrax, iebes, tant tqil biex togħoġbu.  Alla li ħadd u ħadd ma jista’ jeħodlu kopja, ħadd ma jista’ jipprevedi biex se joħroġlok.  Beda jħoss mentalità perikoluża tattakkalu lil moħħu: forsi l-poplu kien ta’ min jifhmu li telaq lil Alla biex mar ifittex il-ferħ għand l-idoli tad-dinja, allat magħmula xbiha tal-bniedem, ivvintati mill-bniedem biex ikunu kif iridhom hu.  L-alla Bagħal, per eżempju, li tant kien qed jikkompeti ma’ Jahweh għal ruħ Iżrael.  Kien alla tal-fertilità, tal-pjaċiri, ta’ dak kollu li toffri d-dinja; alla ta’ din il-ħajja, alla tal-affarijiet li jidhru, alla materjalistà.

 

Dan kollu huwa t-tentazzjoni li jkollna niġġieldu aħna meta nkunu fi kriżi.  Alla l-veru jidher wisq lil hemm minna, “tough”, donnu ma jagħtix kas ta’ dak li tixtieq int, tat-tħannin ta’ qalbek.  Nixxennqu għal alla iktar komdu, iktar “soft”; fil-fond alla li ngħaġnu aħna, li nkunu nistgħu indawruh, nagħmluh għal qadi tagħna u mhux aħna għall-qadi tiegħu.

 

Elija kien jaf li Alla kien se jiltaqa’ miegħu u kien ħafna beżgħan minn dan.  Hu kien terraq erbgħin jum u erbgħi lejl biex wasal hawn, bniedem imdaħħal fiż-żmien, fallut, ċert li l-missjoni li kellu jagħmel ma kienx irnexxielu jagħmilha.  Dak li kien bagħtu jdawwar moħħ u qalb il-poplu kien ġej jiltaqa’ miegħu, issa.  Kif se jiddefendi ruħu.  Il-profeta ħass it-telqa ta’ min tilef it-tama.  U l-Kelma tgħid: “U ara, il-Mulej għadda: riħ qawwi, b’saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej.”  (v. 11).  Dan kien l-Alla li fuqu kien qed jaħseb Elija: mimli qilla, lest biex ipatti u jikkastiga; l-Alla tal-Ħaqq.  Imma Alla ma kienx fir-riefnu.  Wara dan, is-Sinaj tħarket b’terremot qawwi.  Hawn hu, ġej dak li kapaċi jaqleb is-saltniet u jkisser is-setagħna f’daqqa!  Imma lanqas hawn ma kien Alla, u lanqas fin-nirien li ġew wara.

 

Huwa fl-eqqel tal-kriżi u tad-dubji, li dawk li huma magħżulin minn Alla jkollhom laqgħa tassew ħajja ma’ Alla l-veru.  Huwa fil-mument meta int tħossok l-aktar imbiegħed  minnU, fil-mument tal-ikbar solitudni, fil-waqt meta int ċert li m’għadek temmen b’xejn... hu f’dak il-waqt li int tiġi mdaħħal fis-Sorpriża meraviljuża tal-Missier.  Dan għexuh tant nies; għexuh ukoll ħafna minna.  Alla jgħaddi u int tibqa’ mbellah bis-sbuħija tiegħu.  Tibqa’ mmeraviljat kif f’sekonda jgħib id-dlam, u qalbek li kienet iebsa u mbeżża’, kiesħa u xettika, issa ssir Ħuġġieġa taqbad.  Elija ħass żiffa ħelwa.  Hemm kien dak Alla li tant kien ħaseb ħażin dwaru.  Mhux il-Ħaqq, lanqas il-Qilla ma ġew jiltaqgħu miegħu, imma l-Imħabba u l-għożża.  U Elija ħareġ bla biża’ quddiem l-Imħabba.

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten.  19, 9a,  11-13a

 

 F’dak iż-żmien: Elija wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej.  Hemmhekk daħal fl-għar u għadda l-lejl ġo fih.   Imbagħad il-Mulej qallu: “Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej.”  U hemm hu, jgħaddi l-Mulej; riħ qawwi, b'saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma l-Mulej ma kienx f'dan ir-riħ. U wara dan ir-riħ theżhżet l-art imma l-Mulej ma kienx f'din it-theżhiża.  U wara t-theżhiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset żiffa ħelwa.  Elija, kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf f'bieb il-għar.

 

Salm Responsorjali

 

Ilkoll nafu li ħafna xjentisti jiċċalinġjaw il-Fidi tal-bniedem tat-triq, il-bniedem komuni.  Mhux kollha, imma ħafna minnhom.  Jgħidu li kulma jeżisti għandu l-provi li jeżisti u li m’hemmx provi dwar l-eżistenza ta’ Alla u ta’ Ħajja oħra wara din.  Il-problema hi li provi dwar il-Mulej hemm, u kif, imma huma provi li m’humiex fid-dinja tax-Xjenza.  Ix-Xjenza hi l-istudju dwar l-opri li ħalaq Alla u mhux dwar Alla u hu għalhekk li x-Xjenza qatt ma tista’ tasal, u lanqas trid li tasal biex tipprova li Alla ma jeżistix.  L-eżistenza ta’ Alla mhix is-suġġett tagħha.

 

Għaliex, seklu wara seklu, bil-ġibda tal-bniedem biex jitbiegħed u mhux biex joqrob lejn Alla, il-fjamma tal-Fidi tibqa’ ħajja, u meta tidher li se tintefa’, araha, terġa tivvampja u tieħu l-Ħajja?  Għax il-Fidi tal-individwu mhix imsejsa biss fuq teorija, idejat, ħsieb, tagħlim, iżda wkoll fuq esperjenza.  Kif sar jaf Elija li Alla hu Mħabba li tmur lil hemm mill-infedeltà tiegħek u tiegħi?  Għax hu kellu esperjenza tagħha.  Hemm, fil-profond tal-bniedem, fejn ix-Xjenza ma’ tistax tidħol u lanqas trid tidħol, hemm fil-bniedem  Alla jwelled il-Fidi għax jiġi u jiltaqa’ miegħu f’xi ġrajja, u din il-laqgħa għalih tant tkun qawwija li ħadd u ħadd ma jista’ jgiddibhielu.  L-esperjenza hi kollox.  Għal Abraham, il-Fidi kienet ibnu Iżakk.  Għal Iżrael, il-Fidi kienet il-ħruġ mill-jasar tal-Eġittu.  Għal Elija, l-Fidi kienet iż-żiffa ħelwa fuq il-Ħoreb.  Għall-Profeti kollha, il-Fidi kienet il-leħen sieket ta’ Alla li huma semgħu.  Għal Marija, il-Fidi kienet it-Tħabbira li saritilha u t-tarbija li dehret fil-maxtura.  Għalik u għalija...  kulħadd għandu l-esperjenza tiegħu.  Fuq Alla  mhux tiddibatti trid imma tirrakkonta!  Mhux kemm taf, imma x’ġarrabt.

 

Is-Salmista qatt ma jagħmel trattati biex jipprova l-eżistenza ta’ Alla.  Lanqas biss jinteressah jagħmel dan, u mkien fil-Bibbja ma nsibuhom dawn.  Alla qiegħed hemm u daqshekk.  Ħafna mis-Salmi, mhux kollha, huma innijiet ta’ tifħir u radd il-ħajr lil Alla li jgħaddi u jaħdem fil-qalb tal-bniedem.  Hu jaħdem fis-skiet u bil-ħlewwa, biż-żiffa qaddisa tiegħu.  Min jaf illum kemm nies jinsabu għaddejjin minn din l-esperjenza ta’ Alla!  Henjin huma!  Id-dinja tħobb l-istorbju u l-għajat, l-affarijiet li jagħmlu ħoss u jimpressjow.  Tħobb il-“marketing”!  Imma l-affarijiet tagħha ftit idumu.  Kollox jgħaddi.  Il-mirakli li Alla jwettaq fil-qlub biss jibqgħu, u jibqgħu għal dejjem anke jekk jgħaddu min-nar tal-persekuzzjoni u l-martirju.  M’hemmx nies iktar ostinati u rashom iebsa f’dak li jemmnu, min-nies li rċivew il-Fidi mingħand Alla.

 

Ritornell: Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

 

Salm 85

 

Ħa nisma' xi jgħid Alla;

il-Mulej is-sliem ixandar,

għall-poplu u l-ħbieb tiegħu,

u għal dawk li jafdaw fih.

 

  Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu

għal dawk li jibżgħu minnu,

biex jgħammar is-sebħ f'artna.

 

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,

il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet,

u l-ġustizzja mis-sema tixref.

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi,

u s-sliem fuq il-passi tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Kull dixxiplu li jimxi fuq il-passi ta’ Kristu, u l-Fidi ma jeħodhiex bħala xi ħaġa kulturali, tradizzjonali, li tistrieħ fuq id-drawwiet biss, għandu jistenna li jgħaddi minn taħbit u anke persekuzzjoni.  L-Imħabba hekk hi magħmula.  Kull tip ta’ Mħabba ġġib magħha provi, “side effects”, sagrifiċċji... aħseb u ara l-Imħabba li hi fuq kull Imħabba.  Imma ma ssibx bniedem wieħed li rriskja fuq Ġesù Kristu u jgħidlek “X’mort għamilt b’idi!”  Lil Pietru u sħabu qalilhom: “Tridux titilqu intom ukoll!”  Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej għand min immorru?  Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla.”  (Ġw. 6, 67-69).  Veru li hemm it-tbatija timxi kontra l-kurrent, imma fejn hemm imqar ftit Imħabba kollox jidher eħfef.

 

Pawlu bata għal Kristu.  Darba għamel lista sħiħa tal-mumenti iebsa li minnhom għadda għax il-Korintin kienu qed jikkritikawh u ġagħluh jiddefendi lilu nnifsu.  Imma l-ikbar tbatija ta’ Pawlu tidher li kienet dik li se nisimgħu issa, f’dan il-qari li ġej.  Mhux tbatija fiżika kienet, imma tbatija tal-qalb.  Hu jgħid: “Jien imnikket għall-aħħar, il-ħin kollu qalbi maqsuma.”  (v. 2).  Fuqhiex qed jitkellem?  Fuq Iżrael, il-poplu tiegħu, ħutu l-Lhud.  Għax dawn ma laqgħux il-Messija meta Alla żamm il-Wegħda u bagħatulhom.  Din kienet kbira tafux!  Poplu li għadda minn stejjer terribbli, imma li fil-qalba tad-dlam tal-Istorja dejjem kellhom f’moħħhom Dawl ċkejken, il-kandelabru b’seba fjammi li kien jixgħel lejl u nhar fit-Tempju u li kien xbieha tat-Tama fil-Messija li kellu jiġi.  Iktar kemm kollox kien jidher mitluf, iktar kien jwebbsu rashom u jgħidu:  “Il-Mulej għad iżomm Kelmtu u jibgħatilna l-Messija!  Imbierka l-ġenerazzjoni li għad taraH u tisimgħu!”

 

Iżda meta deher, ftit għarfuH, ftit indunaw biH, ftit kienu dawk li ma giddbuHx.  U spiċċaw qatluH u tawH mewt ta’ kriminal.  Dan kien l-uġigħ ta’ qalb ta’ Pawlu.  Hu kien iħoss lilu nnifsu fil-qalba ta’ dan l-iskandlu għax hu bħalhom kien ċaħad lill-Messija meta ġie.  Bħalhom kien webbes rasu.  Bħalhom kien ippretenda Messija differenti.  Meta ra d-Dawl, ra kollox mod ieħor, u kif inbidel hu xtaq li jinbidlu ħutu.  Wara kollox “tagħhom kienet l-adozzjoni u s-sebħ, u l-pattijiet u l-liġi, u l-liturġija, u l-wegħdiet; tagħhom kienu l-patrijarki u l-profeti: u kien minnhom li, skont il-ġisem, ħareġ Kristu.”  (vv. 4-5). 

 

Tant kienet tatu ġewwa din li l-poplu tiegħu biss ma riedx jilqa’ l-Messija, li jmur jgħid xi ħaġa kbira ħafna:  “Nixtieq li jiena nnifsi kont maqtugħ minn Kristu minħabba f’ħuti!”  (v. 3).  San Pawl xtaq li hu ma kien ikun ikkonverta xejn basta jikkonverti l-poplu tiegħu.  Imma hu kellu Dixxernimet fuq din l-Istorja li tidher tal-għaġeb x’ħin wieħed jifli l-istennija mimlija tensjoni li l-Lhud kellhom għall-miġja dejjem toqrob tal-Midluk tal-Mulej.  Hu kien qed jara li r-rifjut ta’ Iżrael kien se jiftaħ il-bibien għall-ġnus kollha, biex, kif tgħid l-Iskrittura: “dawk li qatt ma fettxew lill-Mulej, lanqas staqsew għaliH, sabuH”.  (Is. 65, 1).  L-Aħbar ta’ Kristu ma baqgħetx moħbija f’Iżrael, iżda billi ġiet imkeċċiha ’l barra, ġriet fost il-popli kollha u dawn laqgħuha.  Ara kif jaħdem Alla.  Meta kollox jidher diżastru, Hu jkun qed jaħdem Storja qisha bizzilla.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani.  9, 1-5

 

Ħuti:  Ngħidilkom is-sewwa fi Kristu, m'iniex nigdeb, tixhidli l-istess kuxjenza tiegħi fl-Ispirtu s-Santu,  li jiena mnikket għall-aħħar, u dejjem qalbi maqsuma;  nixtieq li kont jiena stess maqtugħ minn Kristu minħabba f'ħuti, nies ġensi skond il-ġisem:  l-Iżraelin. Tagħhom hija l-adozzjoni ta' wlied Alla u l-glorja, il-pattijiet u l-Liġi, il-liturġija u l-wegħdiet; tagħhom huma l-patrijarki; u kien minnhom li, skond il-ġisem, ħareġ Kristu, li hu fuq kollox, Alla mbierek għal dejjem ta' dejjem. Amen!

 

Evanġelju

 

Min jaf kemm semgħu affarijiet tal-għaġeb l-Appostli mingħand Kristu?  Imma dawn il-ħwejjeġ mhux dejjem fehmuhom.  Li fehmu żgur kienu l-esperjenzi ta’ barra minn hawn li Hu għaddihom minnhom u li fuqhom inbniet il-Fidi tagħhom fiH.  Il-Mulej juża l-istess pedagoġija jew tagħlim biex imexxina ’l quddiem fil-Fidi.  Aħna ngħidu:  “Fejnu Alla, kif insiena!”  Nitħawdu.  Mur għidilna li Hu biss ikun jaf x’qed jagħmel u aħna ma nkun qed nifhmu xejn.  X’dixxedrniment, dixxerniment! 

 

Darba kien hemm eremita fid-deżert u darba Alla fetaħlu għajnejh biex jara għal mument il-qawwa tax-xjaten fuq il-bnedmin.  Hu ħares lejn il-Punent u ra armata wara armata, fillieri ma tgħoddhomx ta’ xjaten lesti għall-gwerra kontrih!  Kien se jħossu ħażin.  Beda jwerżaq kemm jiflaħ.  U l-Mulej qallu: “Ikkalma, tibżax.  Issa ħares lejn il-Lvant.”  Hekk għamel, u hemm ra ġejjin qtajjiet ta’ anġli ferm iktar fil-għadd mix-xjaten li kien ra qabel, ġejjin biex jiddefenduh!

 

Meta aħna nħossuna se nintilfu f’xi problema jew inkwiet, xi Grazzja tkun kieku l-Mulej jiftħilna għajnejna biex naraw ir-rejaltà vera.  Aħna mdawrin bl-anġli ta’ Alla lesti biex jiddefenduna meta aħna nilħqu dak il-punt fejn tassew ma nistgħu nagħmlu xejn aktar.  Kristu jiġi jiltaqa’ magħna biex jagħtina esperjenza tiegħU mhux meta kollox miexi tajjeb, imma meta “d-dgħajsa tkun f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax ir-riħ kien kontra, u fir-raba’ sahra tal-lejl, bejn it-3.00 u s-6.00 ta’ filgħodu.”  (vv. 24-25).  Lill-Appostli hu kien bagħathom mingħajru fuq id-dgħajsa.  Għalfejn?  Ried isaħħilhom il-Fidi speċjalment dik ta’  Pietru.  U mportanti li nindunaw kemm hi żgħira l-fidi tagħna, inkella kif se nittalbu għal Fidi akbar?  Kif se nintebħu x’ġid kbir ikollna kieku ninagħtaw Fidi iktar sħiħa.  Ħafna drabi naħsbu li dak li jkollna bżonn fil-Ħajja hu li nfiequ minn xi marda, jew li nirċievu xi riżultat tajjeb, jew li tgħaddi tagħna f’xi biċċa xogħol li għalina tidher importanti... meta fil-fatt dak li tassew ikollna bżonn tkun Fidi ikbar fil-Missier li jaf imexxi l-Istorja tagħna ferm aktar.  Aħna lkoll l-istess hawn.  Ilkoll fqar u dgħajfin.  Imma hawn min jaf u hawn min ma jafx.

 

Versett: Hallelujah.  Il-mogħdijiet tiegħek, Mulej, għarrafni; mexxini fis-sewwa tiegħek.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  14, 22-33

 

Wara li n-nies kielu u xebgħu, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies.  Wara li bagħat lin-nies, tela' waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu;  id-dgħajsa kienet diġà f'nofs  il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom.  Fir-raba' sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar.  Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. "Dan xi fantażma!" qalu; u qabdu jgħajjtu bil-biża'.  Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: "Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!"   Wieġeb Pietru u qallu: "Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma."  "Ejja," qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù.  Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża', ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: "Salvani, Mulej !"  Malajr Ġesù medd idu u qabdu: "Bniedem ta' fidi żgħira," qallu,"għaliex iddubitajt?"  Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf.  Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: "Tassew, int Bin Alla!"

 

Last Updated ( Saturday, 12 August 2017 )
 
< Prev   Next >