Din
hija il- Liturgija ta' L-Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Hemm ftit vrus
fit-Tielet Kapitlu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann li huma famużi u li jiġbru fihom
il-Bxara tas-Salvazzjoni fi Kristu. Dan
il-Vanġelu jgħid: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu l-Waħdieni, biex
kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex
jagħmel ħaqq mid-dinja imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min
ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-Isem tal-Iben il-Waħdieni ta’
Alla.” (Ġw. 3, 16-18).
Hemm bosta
reliġjonijiet li matul il-mixja tas-sekli wegħdu salvazzjoni f’isem Alla, imma
l-Aħbar Nisranija togħla ’l fuq għax turi lil Alla jagħti lil Ibnu stess biex
jassigura s-Salvazzjoni lill-bniedem.
Jekk Alla nqeda b’ħafna affarijiet biex jiġbed l-individwu lura minn
tarf is-sies tat-telfien, hawn issa qed jinqeda bil-“kollox” tiegħU, bl-aqwa
ħaġa li seta’ jagħti. Fi Kristu,
l-Missier jasal fl-ogħla quċċata tal-għotja tiegħU. Hawn l-Imħabba tinagħta totalment għall-għadu,
u m’hemm xejn x’jinagħta iktar lili u lilek.
Imma dawn
il-versi jagħmlu enfasi fuq il-kundizzjoni waħdanija li titlob l-Aħbar
it-Tajba: il-Fidi fl-Iben. Illum
nitkellmu ħafna fuq il-Ħniena tal-Missier, u hekk għandu jkun, għax kien hemm
sekli mdallma għall-Knisja meta din il-Ħniena ċċajpret f’moħħ il-bniedem li
beda jaħseb li hu jrid ikun biex isalva lil ruħu. Din l-emfasi żejda fuq
l-isforzi u l-intenzjoni tal-bniedem, poġġiet lill-bniedem fiċ-ċentru, u sa
fejn jista’ jasal bit-tqanżiħ tiegħu.
Hawn tgħib il-Ħniena u tidher il-ġustizzja skont id-dinja: jekk int
kapaċi, tirbaħ, jekk le, xejn.
Anke ħafna
devozzjonijiet lejn il-qaddisin, li meta huma korretti huma tant tajbin biex
jispiraw lill-bniedem biex jaffaxxina
ruħu bid-dawl tal-Imħabba ta’ Alla għalih, spiċċaw biex pinġulna l-qaddisin
bħala “supermen” u “superwomen”, nies ta’ barra minn hawn li wieħed jaqta’
qalbu jimitahom. Jista’ jkun li inti
taqra storja ta’ qaddis u tiġi bbumbardjat bil-merti tiegħu, bil-penitenzi
tiegħu, bil-qdusija tiegħu, u ftit li xejn bix-xogħol tal-Fuħħari Divin, li
minn ċappa tafal bla sura bħalna, kapaċi joħroġ arti meraviljuża li hu
l-bniedem qaddis. Storja vera ta’ qaddis
hi dik li tpoġġi lil Alla fiċ-ċentru u tispiċċa biex iġġegħlek tfaħħar lil Alla
għall-Grazzji kbar li kapaċi jagħti lill-bniedem, u tgħinek tistaqsi: “U lili,
għaliex le? Jekk Alla għamel dan ma’ dan
id-dgħajjef u l-imsejken, midneb u għadu ta’ Alla, għax ma jistax jagħmel
l-istess miegħi?”
Meta tpoġġi lil
Alla fiċ-ċentru tal-Istorja tas-Salvazzjoni, int ma tinqatax barra, imma
timtela b’ottimiżmu u b’Tama Nisranija li anke lilek, midneb, dgħajjef, bla
ħila u bniedem mhux ta’ min jorbot fuqu, Alla kapaċi jibdlek fi bniedem ġdid,
f’Nisrani Adult. Anzi, il-Bibbja togħxa
tpoġġi lil Alla jaħdem dejjem mad-dgħajjef biex tidher iktar il-qawwa
tiegħu. Il-kobor tal-bniedem ġust tinsab
f’li tintwera l-Glorja ta’ Alla u mhux tiegħu.
Alla jagħżel lil Abraham, lil Iżrael, lis-sajjieda tal-Galilija, biex
minn nies impossibbli, jagħmel l-għeġubijiet, u hekk id-dinja “tara” u temmen u
ssalva. Gidgħon mar jitqabad mal-għedewwa bl-eluf ta’ ġellieda,
iżda l-Mulej ċekkinlu n-numru u qallu: “Bi tlett mitt raġel insalvakom.” (Imħ. 7, 7).
Importanti li dejjem tidher il-qawwa ta’ Alla u mhux tal-biedem.
Konna qed ngħidu
li din l-Aħbar titlob ħaġa waħda mingħand il-bniedem: il-Fidi. Għalik, aktarx li din tidher “too good to be
true”, ħaġa faċli żżejjed x’ħin tirrifletti fuq ir-rigal enormi, ta’ barra minn
hawn li hemm fir-rebħ tas-Salvazzjoni li hi Ħajja għal Dejjem fl-hena
tal-Missier, hena li tant hi kbira li tibda tinħass b’xi mod ġa minn din
id-dinja, u tibdel b’mod radikali l-mod kif int tħares lejn it-tbatija u
l-miżerja tagħna hawn. Liema Fidi jitlob
Alla mill-bniedem, li għalina jista’ jkun li tidher faċli? Il-Fidi fl-Iben, fi Kristu, f’Ġesù ta’
Nazaret. Xi jfisser temmen fl-Iben ta’
Alla? Ifisser li temmen fil-Misteru
tal-Għid tiegħu. Iktar milli temmen
fil-mirakli li għamel, fil-qdusija tiegħU, fit-tagħlim tiegħu, int mitlub
temmen fil-Misteru tal-Għid tiegħu għax hu dan li jsalva lid-dinja, lilek u
lili. Jekk temmen biss li Kristu kien
bniedem kbir tassew, itjeb minn kull bniedem ieħor, għamel ħwejjeġ ta’ barra
minn hawn, u l-għerf tiegħu jisboq kull għerf ieħor li ħareġ minn fomm
il-bniedem... dan mhux biżżejjed, din mhix il-Fidi mitluba minnek.
Fil-Misteru
tal-Għid, Kristu daħal fil-Passjoni, fil-Mewt fuq is-Salib, fil-falliment
totali ta’ bniedem mejjet u midfun; imma minn hemm ġie maqlugħ mill-Missier
rebbieħ fuq il-Mewt, kapaċi issa jimla bl-Ispirtu ta’ Ħajja għal Dejjem li dawk
li jemmnu fiH. Fl-Għid, Kristu rebaħ
il-merti li jien u int għandna bżonn biex insalvaw. Dan bħal xi ħadd li wara li jaħli u jissagrifika
ħajtu kollha biex jivvinta mediċina li tfejjaq il-marda qerrieda tiegħek, int
taħtafha, teħodha... u tfiq! Imma int
tista’ ma temminx li din il-kura se tfejqek...
u taqta’ lilek innifsek mill-fejqan li ħaddieħor igawdi minnu.
Jekk aħna
nkantaw il-Glorji tal-Verġni Marija, Omm Alla u Omm tagħna, dan nagħmluh waqt
li nafu li dawn il-Glorji rebaħhom għaliHa Kristu. Jekk Hi twieldet bla tebgħa ta’ dnub, dan
seħħ b’antiċipazzjoni tal-merti li kellu jirbaħ Kristu fuq il-Kalvarju. Jekk hi ġiet imtellgħa s-sema, dan kien
bil-merti ta’ Kristu. Jekk il-qaddisin
kollha saru qaddisin, dan kien bil-merti ta’ Kristu. Imma huma emmnu! Dan hu mportanti. U l-Fidi tagħhom imliethom bl-Ispirtu s-Santu
li għamel li huma jgħixu ħajja ġusta skont ir-rieda ta’ Alla.
Illum, aktar
minn qatt qabel, hu tqil għall-bniedem jemmen.
Altru li mhux faċli! Illum
il-bniedem avanza f’ħafna oqsma tal-Ħajja u ftit li xejn iħoss li għandu bżonn
Salvazzjoni. Ċerti soċjetajiet għadhom
mhumiex aljenati minn tip ta’ Ħajja komda, u t-tħannin għal Salvazzjoni għadha
tħabbat f’qalb il-bniedem. Imma
fis-soċjetà tagħna, tal-punent, il-kumditajiet u l-pjaċiri tal-Ħajja għamlu
minna nies boloh, għomja, li jemmnu biss li l-bniedem hu materja u
daqshekk. U jekk hu materja biss, hemm
il-mewt lesta u daqshekk. Naturalment,
inqas kemm taħseb fuq dan, aħjar.
Bla ma ndunajna,
xi ħadd bena saqaf tal-konkrit fuq rasna minflok l-immensità tas-sema, u tlifna
l-kapaċità li noħolmu lil hemm minn dak li naraw u mmissu b’idejna. Anzi, l-ideja biss ta’ Alla sar irrejali,
irrelevanti, kontra n-natura. S’issa
f’pajjiżna, dan għadu fil-bidu, imma lil hemm resqin.
Dan il-bniedem
ma jħossx li għandu bżonn ta’ Salvazzjoni.
Jekk għadu b’saħħtu u għandu l-flus... jekk ġietu xi ftit tajba...
għalih dan hu biżżejjed... m’hemm xejn iktar x’jitlob u x’jixtieq. Anzi għal dan il-bniedem, ir-reliġjon hi
perikoluża, tagħmel minnek estremista, iġġib il-firda, taqla’ l-gwerer u
l-inkwiet u John Lennon ikanta: immaġina lid-dinja ħielsa minn kull tip ta’
reliġjon... Kemm hu tqil għal dan
il-bniedem biex jitkarrab is-Salvazzjoni mingħand Kristu! Hija mpossibiltà. U waħedha tidher il-verità li anke biex
temmen fi Kristu, int trid l-għajnuna ta’ Alla, il-Grazzja. Anke l-Fidi hi Grazzja. Altru li Alla hu kollox, u kollox minnU.
L-Ewwel Qari
Għal-Lhud,
is-Salvazzjoni ġeneralment kienet tfisser xi ħaġa differenti milli tfisser
għan-Nisrani. B’Salvazzjoni, n-Nisrani
jifhem li bil-Fidi Hu jagħraf dejjem aktar lil Alla li wera ruħu fi Kristu, u
iktar kemm jgħarfu, iktar iħobbu, u hekk jirbaħ Ħajja għal Dejjem fi ħdanu, u
jkun salvat mill-mewt ta’ dejjem.
Jiġifieri għalina, s-Salvazzjoni għandha tifsira ħafna profonda u
spiritwali, li tmiss lir-ruħ l-iktar.
Il-Ġudajiżmu,
jiġifieri r-reliġjon Lhudija, dejjem kienet aktar iffokata fuq il-ħajja t’hawn. Il-poplu kien idur lejn Alla biex jgħinu
fil-problemi t’hawn. Din aħna nagħmluha
wkoll, imma ma niqfux hemm. U għal-Lhud,
relazzjoni ma’ Alla lanqas kienet tiddependi tant mill-Fidi imma minn jekk
intix Lhudi jew le. Jekk inti Lhudi,
tajjeb jew ħażin, int membru tal-poplu magħżul ta’ Alla. Issa din kienet ta’ mportanza enormi
għalihom. Huma kellhom dan is-sens ta’
superjorità fuq il-bqija tal-ġnus. Hu
veru li l-Iskrittura kienet tgħidilhom li Alla għażel lilhom mhux għax kienu
aħjar mill-oħrajn... imma jibqa’ l-fatt li lilhom għażel il-Mulej.
Minħabba f’hekk
huma kienu jippretendu li Alla jindaħal u jsalvahom fil-kriżijiet politiċi li
sikwit kien ikollhom. Din kienet l-ideja
tagħhom ta’ Salvazzjoni: Salvazzjoni nazzjonali, ideja politika ħafna. Is-Salmi, naturalment, jitkellmu ħafna fuq
Salvazzjoni fuq livell personali wkoll, Salvazzjoni mill-għadu li wieħed kien
iħabbat wiċċu miegħu. Kienet ideja
prattika u eżistenzjali ħafna. Imma ma
kinux jemmnu li Alla kien iħobb lil kulħadd.
Kien iħobb lilhom; jew almenu, kien iħobb lilhom iktar mill-oħrajn. L-oħrajn kienu l-“klieb”... hekk kienu
jsejħulhom, u din id-deskrizzjoni peġġjorattiva se niltaqgħu magħha fil-Vanġelu
tal-lum. Kien minħabba din il-mentalità
li huma stennew Messija politiku, gwerrier, eroj li jibni Imperu Lhudi kbir
mill-Eġittu sax-Xmara tal-Ewfrat fl-Iraq.
Imma l-Profeti
sikwit kienu jinfdu din il-mentalità u jissorprendu l-poplu billi jgħidu li
anke lill-barranin Alla jħobb u jrid isalva, dejjem jekk ikunu disposti li
jduru lejh. Bil-mod il-mod bdew iħallu
l-barranin li jemmnu f’Jahweh, jidħlu fit-Tempju, imma dawn kellhom bitħa
apposta għalihom għax i-Lhud qatt ma riedu jitħalltu magħhom. Infatti li tmiss barrani kien ifisser
titniġġes u ma kontx tkun tista’ tidħol fit-Tempju, jekk ma ssaffix ruħek. Qatt ma fehmu l-kunċett li huma kienu l-poplu
magħżul b’risq il-popli l-oħra. Iżrael
kien Grazzja u Barka għall-ġnus tal-art għax minnu kellu jitnissel Dak li kellu
jimmerita s-Salvazzjoni dejjiema għal kull bniedem.
F’dan is-sens,
anke l-Knisja qegħda fid-dinja b’risq id-dinja.
Dawk li huma verament parti mill-Knisja, l-Ġisem fid-dinja ta’ Kristu,
dawn huma Dawl għal tant nies imdallma li ma jafux min hu Kristu, anke jekk
semgħu ħafna fuqu. Il-Knisja tagħti
togħma lid-dinja għax hija melħ, u ftit melħ isalva l-borma kollha.
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Isaija. 56, 1. 6-7
Dan jgħid
il-Mulej:
"Żommu
s-sewwa u agħmlu l-ġustizzja,
għax
is-salvazzjoni tiegħi għoddha waslet,
u l-ġustizzja
tiegħi dalwaqt tfeġġ."
Ulied il-frustier
li ntrabtu mal-Mulej biex jaqduh,
u biex iħobbu
isem il-Mulej,
u jkunu qaddejja
tiegħu,
kull min iħares
is-Sibt u ma jiksrux
u jżomm sħiħ
fil-patt tiegħi,
lil dawn
inwassalhom
sal-muntanja mqaddsa tiegħi,
u nferraħhom
f'dar it-talb tiegħi.
Il-vittmi
maħruqa u s-sagrifiċċji tagħhom
ikunu jogħġbuni
telgħin minn fuq l-artal tiegħi,
għax dari 'dar
it-talb' tissejjaħ għall-popli kollha.
Salm
Responsorjali
Salm 67, li
minnu se nieħdu parti ċkejkna għal-Liturġija tal-Kelma tal-lum, huwa Salm universalista,
fis-sens li jitkellem fuq il-ġnus kollha u mhux fuq Iżrael biss. « Fost i-ġnus kollha tiddi s-salvazzjoni
ta’ Alla ; u jithennew il-ġnus u jgħajtu bil-ferħ għax ifaħħruH il-popli
kollha. » (vv. 3-5).
Is-Salmista
jitlob ukoll biex il-Mulej iberikna u jdawwal wiċċu fuqna. (v. 2).
Hi ripetizzjoni ta’ parti mit-talba tant magħrufa li nsibu fil-Ktieb
tan-Numru, fejn il-Mulej innifsu jindika lill-missirijiet il-kliem li bihom
għandhom ibierku lil uiedhom. Din
it-talba tgħid : « Ibierkek il-Mulej u jħarsek ! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u
jurik il-ħniena ! Iħares lejk
il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem ! » (Num. 6, 24-26).
Xi jfisser dan
il-kliem ? Xi jrid jgħid is-Salm
tal-lum meta jgħid : « Iħenn għalina Alla u jberikna, u jdawwal wiċċu
fuqna » ? (v. 2). Żgur li mhux qed jitkellem fuq xi ħmerija
minn dawk li nħobbu nitolbu għalihom aħna.
Qed jitkellem fuq xi ħaġa serja ħafna.
X’inhi l-iktar ħaġa mportanti li għandu Alla u li hi tiegħu biss u li Hu
biss jista’ jagħtiha ? Hija
l-Ħajja… il-Ħajja ta’ Dejjem… il-Ħajja Dejjem.
Hija l-eternità. Hija r-rebħa
totali u dejjiema fuq il-mewt. Dawn
l-affarijiet għand Alla biss qegħdin.
Huwa meta Hu jagħtina din il-Ħajja li Hu jkun qed iħenn għalina u
jberikna. U kif se jkollna din
il-Ħajja ? Kif se
jagħtihielna ?
Il-vers li
kkwotajna minn Ġwanni fil-bidu jgħid : « Għax Alla hekk ħabb
lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx,
iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. »
(Ġw. 3, 16). Allura din il-Ħajja
li tmur lil hemm mill-mard u l-mewt, il-Missier jagħtihielna permezz ta’
Kristu, permezz tal-Fidi tagħna fiH. Dan
hu li jrid jgħid dan is-Salm meta jgħid : « Iħenn għalina Alla u
jberikna, u jdawwal wiċċu fuqna. »
(v. 2).
U liema hu
l-wiċċ ta’ Alla ? Mhux darba u
tnejn, it-Testment l-Antik jgħidilna li l-bniedem ma jistax jara lil Alla u
jibqa’ ħaj. Jekk niltaqgħu ma’ xi ħadd
importanti ħafna, ħafna, kemm kemm ikollna l-kuraġġ inżommu għajnejna
f’għajnejh, aħseb u ara quddiem Alla !
Mela kif se nara l-wiċċ ta’ Alla ?
Alla wriena wiċċu f’wiċċ Kristu.
Alla libes laħam il-bniedem biex il-bniedem ikun jista’
« jagħmilha » miegħu !
Anzi l-Missirijiet tal-Knisja jmorru pass ieħor ’il quddiem u jgħidu li
l-wiċċ ta’ Alla huwa l-wiċċ sofferenti ta’ Kristu fuq is-Salib. Jekk niskopri l-wiċċ ta’ Alla niskopri
l-Imħabba li tinagħta totalment għalina sal-qies tal-mewt l-iktar kiefra u
nġusta.
Ritornell :
Ifaħħruk il-popli kollha o Alla.
Salm 67
Iħenn għalina Alla, u jberikna;
idawwar għal fuqna d-dija ta' wiċċu!
Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,
fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.
Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ,
għax trieġi l-popli bis-sewwa,
u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.
Ifaħħruk il-popli, o Alla,
ifaħħruk il-popli kollha.
Iberikna Alla, u tibża' minnu
l-art kollha minn
tarf għall-ieħor!
It-Tieni Qari
San Pawl ikompli mit-Tieni Qari tal-Ħadd li
għadda, jitniehed fuq ix-xorti li messet lill-Poplu Lhudi, il-Poplu propja
tiegħu, li meta deher il-Messija li tant kien ilu jistenna u jitlob għaliH, ma
għarfux. Din id-diżgrazzja tista’ tiġri
anke lilna. Aħna twelida mdawrin
bl-għożża ta’ drawwiet sbieħ Insara; il-post
liturġiku, il-knisja, minn dejjem kienet it-tieni dar tagħna; trawwimna
nisimgħu il-Kelma tal-Ħajja; minn meta konna żgħar, Ġesù kien il-ħabib tagħna,
u tgħallimna bl-amment il-ġrajjiet għeżież tal-Kotba Mqaddsa. Imma dan kollu kien biss bi tħejjija għal
meta nsiru adulti. Ma stajniex nikbru
waqt li l-Fidi tagħna tibqa’ tat-tfal.
Imma ħafna drabi dan hu li ġara.
U issa li aħna mdawrin bl-irwiefen tas-sekularizzazzjoni u bbumbardjati
mill-midja u r-reklamar tad-dinja, tkun diżgrazzja bħal dik tal-Poplu Lhudi
jekk infittxu Fidi fejn nistkennu u ma nsibu xejn.
Il-ġimgħa l-oħra, Pawlu qalilna li lil-Lhud
Alla tahom il-liġi tal-Ħajja, il-liturġija glorjuża tat-Tempju, il-Patrijarki u
l-Profeti, il-patt, u l-Wegħda l-kbira tal-miġja tal-Messija. Issa llum jgħid li Alla ma jreġġax lura
d-doni u s-sejħa tiegħu. (v. 29). Il-Poplu Lhudi jibqa’ l-Poplu ta’ Alla,
bħalma l-Poplu ta’ Alla hija l-Knisja, tant li
hemm min qal li ma tistax tħobb lill-Knisja u tobgħod lill-Poplu
Lhudi.
Anke lilna tana ħafna doni. Anke jekk niġu naqgħu u nqumu minnhom, Alla
ma jeħodhomx lura għax Hu jibqa’ jaħdem u jittama sal-aħħar Jum sabiex
jinfetħulna għajnejna u ngħarfu l-Misteru.
U dawk fostna li
jaħsbu li huma weqfin, li aħna fost dawk li nqdejna bil-Grazzji ta’ Alla u ma
tajnihomx bis-sieq, noqogħdu attenti għax tal-aħħar jiġu l-ewwel u tal-ewwel,
l-aħħar.
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani. 11,
13-15, 29-32
Ħuti:
issa ngħid lilkom il-pagani. Sakemm jiena appostlu tal-pagani nibqa'
nagħmel ġieħ lill-ministeru tiegħi, bit-tama
li nqajjem l-għira ta' ġensi u hekk insalva lil xi wħud minnhom. Għax jekk it-tkeċċija tagħhom
ġiebet il-ħbiberija tad-dinja ma' Alla, l-ilqugħ tagħhom mill-ġdid xi jkun
ifisser, jekk mhux ħajja mill-imwiet?
Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa
tiegħu. Bħalma
fl-imgħoddi intom ma kontux tobdu lil Alla, imma issa sibtu l-ħniena tiegħu minħabba
d-diżubbidjenza tagħhom; hekk huma wkoll m'humiex jobduh minħabba l-ħniena
li sibtu intom mingħandu, ħalli issa huma wkoll isibu l-ħniena. Għax Alla ħalla 'l kulħadd
fil-jasar tad-diżubbidjenza, biex jagħmel ħniena ma' kulħadd.
Evanġelju
Tir u Sidon
kienu bliet pagani, ġirien ta’ Iżrael. Ma kinux jistennew il-Messija u ma kinux jittamaw f’Salvazzjoni fiH. Kellhom allat oħra. Għal-Lhud kienu “l-klieb”, dawk li ma jafux
min hu Alla. Imma “ħarġet waħda mara
Kangħanija minn dawk l-inħawi”. (v. 22). Din il-mara hija xbieha tal-Knisja li
twieldet fost il-pagani. Hija tiġri wara
Ġesù u tibda tgħajjat kemm tiflaħ.
Għaliex? Għal żewġ raġunijiet:
l-ewwel, kellha nkwiet kbir... kbir ħafna.
Bintha, kellha xitan fiha. Din it-tifla hija x-xbiha ta’ tant nies bla
Fidi, bla Tama, bla sens fil-Ħajja, li għandhom vojt etern jgħawwar ġewwa
fihom. Għandhom bżonn Salvazzjoni imma
ma jemmnux li jeżisti Salvatur għalihom.
Hija s-soċjetà pagana tal-lum li tfittex il-ferħ u l-milja tal-Ħajja
għand l-idoli foloz. Ma jafux l-għala ma
jistgħux isibuhom! Kemm nies huma taħt
il-kontroll tax-xjaten tagħhom u lanqas biss jaħsbu fuq Alla... anzi l-ħsieb
biss ta’ Alla jdardarhom, jitfagħhom iktar ’l isfel fid-dippressjoni
tagħhom. Dan hu l-infern, ħuti. Dan hu l-infern.
Imma bla ma jafu
hemm min qed jinterċiedi għalihom: l-Omm li huma caħdu, il-Knisja li titniehed
kuljum fit-talb tagħhom għal dawn uliedha.
Dan it-twegħir kien l-ewwel raġuni l-għala l-mara bdiet tiġri wara
Kristu u tgħajjat għall-għajnuna.
It-tieni raġuni kienet li għalkemm imwielda pagana, hi kellha l-Fidi...
u x’Fidi kellha! Kos, fil-Vanġeli nsibu
li l-iktar drabi li Ġesù baqa’ mbellah u mpressjonat bil-Fidi tan-nies kien
meta dawn in-nies kienu pagani, bħal din il-mara u ċ-ċenturjun. B’xi mod kienet temmen f’Ġesù; kienet temmen
li għandu setgħa fuq ix-xjaten ta’ bintha, u xejn u ħadd ma kien se jżommha
milli taħtaf iċ-ċans meta semgħet li kien għaddej minn hemm.
F’dan il-Vanġelu
tidher dik il-mentalità Lhudija li diġa tkellimna fuqha: li l-Messija kellu
jiġi biss għalihom. Anke Ġesù kellu
l-ideja li l-ewwel li kellhom iduqu s-Salvazzjoni kellhom ikunu l-ġens li minnu
ħareġ. Anke għal Ġesù, l-pagani qaddejja
tal-allat foloż, kienu “l-klieb”, imma Hu kien jaf li anke għalihom kien bagħtu
l-Missier. Huwa jieqaf, u jħares lejn
il-mara u darbtejn jipprova jaqtagħlha qalbha.
L-ewwel jgħid lill-appostli waqt li hi semegħtu: “Ma ġejtx mibgħut ħlief
għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael.”
(v. 24). U wara li hi xorta
tgħidlu: “Għinni, Mulej!” (v. 25), Hu
jkompli jżid, anzi b’ton iktar żorr: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u
tixħtu lill-ġriewi.” (v. 26).
Qabel kienet
qaltlu: “Għinni, Mulej!” Kliem ħiereġ
minn qalb maqsuma, qalb ta’ Omm mifnija.
Kif jista’ ma jarax lil Ommu, Ġesù, f’din il-Mara togħtor taħt
it-tbatija. Hu kien jaf li bħal din
il-Mara kellha tħares lejH Ommu taħt is-Salib.
Imma Kristu qiegħed jgħarrex għall-Fidi ta’ din il-Mara. L-istess jgħarrex għall-Fidi tagħna. Bħalma darba staqsa: “Min tgħidu intom li hu
Bin il-Bniedem?” (Mt. 18, 15), issa
jfittex ħa jara hemmx Fidi fina, f’din il-Mara.
It-tweġiba li
tagħtiH hi wieħed mill-isbaħ versi li nsibu fil-Vanġeli! “Hekk hu, Mulej; iżda l-ġriewi wkoll jieklu
l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!” (v. 27).
Ahh... mhux li kellna Fidi kbira u fl-istess ħin umli bħal din! Għax aħna wkoll midinbin; ħafna drabi konna
għedewwa ta’ Kristu għax poġġejniH fuq wara nett tal-kju tal-allat li
ġennewna. M’għandna nippretendu xejn
għax ħafna drabi konna barranin għaliH; konna allejati mal-“klieb” u mhux ma’
wlied Alla. Konna fost dawk li Kristu
jgħid għalihom: “Ma nafkomx!” (Mt. 7,
23).
Din il-Mara
kienet taf fejn kien postha. U ma
pretendiet xejn bi dritt. Imma kienet
temmen f’Ġesù u kienet miġnuna bl-Imħabba għal bintha. Din hija l-Knisja li titniehed għal uliedha
mitlufin. Il-frak li jaqa’ mill-mejda
ta’ Alla huma biżżejjed. Imqar frak ta’
Fidi. Imqar rigal ta’ Fidi daqs
żerriegħa tal-mustarda. Biha nħarrku
l-muntanji. San Pawl jgħid li mhux biss
il-Knisja, imma anke l-Ispirtu s-Santu qiegħed jitniehed għalina bħalissa, u
l-ħin kollu. Qiegħed jitniehed bi kliem
li ħadd ma jista’ jfissru, ħadd ma jista’ jifhmu, ħlief Alla. Jitnieħed biex ninagħtaw il-Fidi u nfiequ, u
minna jaħarbu x-xjaten kollha.
Kemm ikun sabiħ
jekk fl-aħħar Jum, malli jarana, Ġesù jgħidilna: “Il-Fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq.” (v. 28).
U x’se nixtiequ dak in-nhar?
Ħajja għal dejjem miegħU.
Versett: Hallelujah.
Missier Sidna Ġesù Kristu idawlilna l-għajnejn ta’ qalbna, biex nagħarfu
x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna.
Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San
Mattew. 15, 21-28
Ġesù ħareġ minn hemm u telaq lejn Tir
u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet
tgħajjat u tgħid: "Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha
xitan, u magħdura ħafna!" Iżda hu ma weġibhiex kelma.
Resqu lejh id-dixxipli tiegħu,
jitolbuh u jgħidulu: "Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat
warajna." Imma hu qalilhom: "Ma ġejtx mibgħut ħlief
għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta' Iżrael." Iżda hi resqet,
nxteħtet quddiemu u qaltlu: "Għinni, Mulej!"
Hu weġibha: "M'hux sewwa tieħu
l-ħobż ta' l-ulied u tixħtu lill-ġriewi." "Hekk hu,
Mulej," qaltlu, "iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa' minn fuq
il-mejda ta' sidienhom?" Mbagħad wieġeb Ġesù u qalilha:
"Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq." U minn dak
il-ħin stess bintha fieqet.
|