Tuesday, 24 October 2017
           
Home arrow Home
L-GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2017) INT MIN INT, JEKK TEMMEN ISSALVA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 19 August 2017

Din hija il- Liturgija  ta' L-Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

michael_angelo_immenraet_-_jesus_and_the_woman_of_canaan.jpg

 

Hemm ftit vrus fit-Tielet Kapitlu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann li huma famużi u li jiġbru fihom il-Bxara tas-Salvazzjoni fi Kristu.  Dan il-Vanġelu jgħid: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu l-Waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.  Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.  Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-Isem tal-Iben il-Waħdieni ta’ Alla.”  (Ġw. 3, 16-18). 

 

Hemm bosta reliġjonijiet li matul il-mixja tas-sekli wegħdu salvazzjoni f’isem Alla, imma l-Aħbar Nisranija togħla ’l fuq għax turi lil Alla jagħti lil Ibnu stess biex jassigura s-Salvazzjoni lill-bniedem.  Jekk Alla nqeda b’ħafna affarijiet biex jiġbed l-individwu lura minn tarf is-sies tat-telfien, hawn issa qed jinqeda bil-“kollox” tiegħU, bl-aqwa ħaġa li seta’ jagħti.  Fi Kristu, l-Missier jasal fl-ogħla quċċata tal-għotja tiegħU.  Hawn l-Imħabba tinagħta totalment għall-għadu, u m’hemm xejn x’jinagħta iktar lili u lilek.

 

Imma dawn il-versi jagħmlu enfasi fuq il-kundizzjoni waħdanija li titlob l-Aħbar it-Tajba: il-Fidi fl-Iben.  Illum nitkellmu ħafna fuq il-Ħniena tal-Missier, u hekk għandu jkun, għax kien hemm sekli mdallma għall-Knisja meta din il-Ħniena ċċajpret f’moħħ il-bniedem li beda jaħseb li hu jrid ikun biex isalva lil ruħu. Din l-emfasi żejda fuq l-isforzi u l-intenzjoni tal-bniedem, poġġiet lill-bniedem fiċ-ċentru, u sa fejn jista’ jasal bit-tqanżiħ tiegħu.  Hawn tgħib il-Ħniena u tidher il-ġustizzja skont id-dinja: jekk int kapaċi, tirbaħ, jekk le, xejn. 

 

Anke ħafna devozzjonijiet lejn il-qaddisin, li meta huma korretti huma tant tajbin biex jispiraw lill-bniedem biex  jaffaxxina ruħu bid-dawl tal-Imħabba ta’ Alla għalih, spiċċaw biex pinġulna l-qaddisin bħala “supermen” u “superwomen”, nies ta’ barra minn hawn li wieħed jaqta’ qalbu jimitahom.  Jista’ jkun li inti taqra storja ta’ qaddis u tiġi bbumbardjat bil-merti tiegħu, bil-penitenzi tiegħu, bil-qdusija tiegħu, u ftit li xejn bix-xogħol tal-Fuħħari Divin, li minn ċappa tafal bla sura bħalna, kapaċi joħroġ arti meraviljuża li hu l-bniedem qaddis.  Storja vera ta’ qaddis hi dik li tpoġġi lil Alla fiċ-ċentru u tispiċċa biex iġġegħlek tfaħħar lil Alla għall-Grazzji kbar li kapaċi jagħti lill-bniedem, u tgħinek tistaqsi: “U lili, għaliex le?  Jekk Alla għamel dan ma’ dan id-dgħajjef u l-imsejken, midneb u għadu ta’ Alla, għax ma jistax jagħmel l-istess miegħi?” 

 

Meta tpoġġi lil Alla fiċ-ċentru tal-Istorja tas-Salvazzjoni, int ma tinqatax barra, imma timtela b’ottimiżmu u b’Tama Nisranija li anke lilek, midneb, dgħajjef, bla ħila u bniedem mhux ta’ min jorbot fuqu, Alla kapaċi jibdlek fi bniedem ġdid, f’Nisrani Adult.  Anzi, il-Bibbja togħxa tpoġġi lil Alla jaħdem dejjem mad-dgħajjef biex tidher iktar il-qawwa tiegħu.  Il-kobor tal-bniedem ġust tinsab f’li tintwera l-Glorja ta’ Alla u mhux tiegħu.   Alla jagħżel lil Abraham, lil Iżrael, lis-sajjieda tal-Galilija, biex minn nies impossibbli, jagħmel l-għeġubijiet, u hekk id-dinja “tara” u temmen u ssalva.  Gidgħon mar  jitqabad mal-għedewwa bl-eluf ta’ ġellieda, iżda l-Mulej ċekkinlu n-numru u qallu: “Bi tlett mitt raġel insalvakom.”  (Imħ. 7, 7).  Importanti li dejjem tidher il-qawwa ta’ Alla u mhux tal-biedem.

 

Konna qed ngħidu li din l-Aħbar titlob ħaġa waħda mingħand il-bniedem: il-Fidi.  Għalik, aktarx li din tidher “too good to be true”, ħaġa faċli żżejjed x’ħin tirrifletti fuq ir-rigal enormi, ta’ barra minn hawn li hemm fir-rebħ tas-Salvazzjoni li hi Ħajja għal Dejjem fl-hena tal-Missier, hena li tant hi kbira li tibda tinħass b’xi mod ġa minn din id-dinja, u tibdel b’mod radikali l-mod kif int tħares lejn it-tbatija u l-miżerja tagħna hawn.  Liema Fidi jitlob Alla mill-bniedem, li għalina jista’ jkun li tidher faċli?  Il-Fidi fl-Iben, fi Kristu, f’Ġesù ta’ Nazaret.  Xi jfisser temmen fl-Iben ta’ Alla?  Ifisser li temmen fil-Misteru tal-Għid tiegħu.  Iktar milli temmen fil-mirakli li għamel, fil-qdusija tiegħU, fit-tagħlim tiegħu, int mitlub temmen fil-Misteru tal-Għid tiegħu għax hu dan li jsalva lid-dinja, lilek u lili.  Jekk temmen biss li Kristu kien bniedem kbir tassew, itjeb minn kull bniedem ieħor, għamel ħwejjeġ ta’ barra minn hawn, u l-għerf tiegħu jisboq kull għerf ieħor li ħareġ minn fomm il-bniedem... dan mhux biżżejjed, din mhix il-Fidi mitluba minnek. 

 

Fil-Misteru tal-Għid, Kristu daħal fil-Passjoni, fil-Mewt fuq is-Salib, fil-falliment totali ta’ bniedem mejjet u midfun; imma minn hemm ġie maqlugħ mill-Missier rebbieħ fuq il-Mewt, kapaċi issa jimla bl-Ispirtu ta’ Ħajja għal Dejjem li dawk li jemmnu fiH.  Fl-Għid, Kristu rebaħ il-merti li jien u int għandna bżonn biex insalvaw.  Dan bħal xi ħadd li wara li jaħli u jissagrifika ħajtu kollha biex jivvinta mediċina li tfejjaq il-marda qerrieda tiegħek, int taħtafha, teħodha... u tfiq!  Imma int tista’ ma temminx li din il-kura se tfejqek...  u taqta’ lilek innifsek mill-fejqan li ħaddieħor igawdi minnu.

 

Jekk aħna nkantaw il-Glorji tal-Verġni Marija, Omm Alla u Omm tagħna, dan nagħmluh waqt li nafu li dawn il-Glorji rebaħhom għaliHa Kristu.  Jekk Hi twieldet bla tebgħa ta’ dnub, dan seħħ b’antiċipazzjoni tal-merti li kellu jirbaħ Kristu fuq il-Kalvarju.  Jekk hi ġiet imtellgħa s-sema, dan kien bil-merti ta’ Kristu.  Jekk il-qaddisin kollha saru qaddisin, dan kien bil-merti ta’ Kristu.  Imma huma emmnu!  Dan hu mportanti.  U l-Fidi tagħhom imliethom bl-Ispirtu s-Santu li għamel li huma jgħixu ħajja ġusta skont ir-rieda ta’ Alla.

 

Illum, aktar minn qatt qabel, hu tqil għall-bniedem jemmen.  Altru li mhux faċli!  Illum il-bniedem avanza f’ħafna oqsma tal-Ħajja u ftit li xejn iħoss li għandu bżonn Salvazzjoni.  Ċerti soċjetajiet għadhom mhumiex aljenati minn tip ta’ Ħajja komda, u t-tħannin għal Salvazzjoni għadha tħabbat f’qalb il-bniedem.  Imma fis-soċjetà tagħna, tal-punent, il-kumditajiet u l-pjaċiri tal-Ħajja għamlu minna nies boloh, għomja, li jemmnu biss li l-bniedem hu materja u daqshekk.  U jekk hu materja biss, hemm il-mewt lesta u daqshekk.  Naturalment, inqas kemm taħseb fuq dan, aħjar. 

 

Bla ma ndunajna, xi ħadd bena saqaf tal-konkrit fuq rasna minflok l-immensità tas-sema, u tlifna l-kapaċità li noħolmu lil hemm minn dak li naraw u mmissu b’idejna.  Anzi, l-ideja biss ta’ Alla sar irrejali, irrelevanti, kontra n-natura.  S’issa f’pajjiżna, dan għadu fil-bidu, imma lil hemm resqin.

 

Dan il-bniedem ma jħossx li għandu bżonn ta’ Salvazzjoni.  Jekk għadu b’saħħtu u għandu l-flus... jekk ġietu xi ftit tajba... għalih dan hu biżżejjed... m’hemm xejn iktar x’jitlob u x’jixtieq.  Anzi għal dan il-bniedem, ir-reliġjon hi perikoluża, tagħmel minnek estremista, iġġib il-firda, taqla’ l-gwerer u l-inkwiet u John Lennon ikanta: immaġina lid-dinja ħielsa minn kull tip ta’ reliġjon...  Kemm hu tqil għal dan il-bniedem biex jitkarrab is-Salvazzjoni mingħand Kristu!  Hija mpossibiltà.  U waħedha tidher il-verità li anke biex temmen fi Kristu, int trid l-għajnuna ta’ Alla, il-Grazzja.  Anke l-Fidi hi Grazzja.  Altru li Alla hu kollox, u kollox minnU.

 

L-Ewwel Qari

 

Għal-Lhud, is-Salvazzjoni ġeneralment kienet tfisser xi ħaġa differenti milli tfisser għan-Nisrani.  B’Salvazzjoni, n-Nisrani jifhem li bil-Fidi Hu jagħraf dejjem aktar lil Alla li wera ruħu fi Kristu, u iktar kemm jgħarfu, iktar iħobbu, u hekk jirbaħ Ħajja għal Dejjem fi ħdanu, u jkun salvat mill-mewt ta’ dejjem.  Jiġifieri għalina, s-Salvazzjoni għandha tifsira ħafna profonda u spiritwali, li tmiss lir-ruħ l-iktar. 

 

Il-Ġudajiżmu, jiġifieri r-reliġjon Lhudija, dejjem kienet aktar iffokata fuq il-ħajja t’hawn.  Il-poplu kien idur lejn Alla biex jgħinu fil-problemi t’hawn.  Din aħna nagħmluha wkoll, imma ma niqfux hemm.  U għal-Lhud, relazzjoni ma’ Alla lanqas kienet tiddependi tant mill-Fidi imma minn jekk intix Lhudi jew le.  Jekk inti Lhudi, tajjeb jew ħażin, int membru tal-poplu magħżul ta’ Alla.  Issa din kienet ta’ mportanza enormi għalihom.  Huma kellhom dan is-sens ta’ superjorità fuq il-bqija tal-ġnus.  Hu veru li l-Iskrittura kienet tgħidilhom li Alla għażel lilhom mhux għax kienu aħjar mill-oħrajn... imma jibqa’ l-fatt li lilhom għażel il-Mulej. 

 

Minħabba f’hekk huma kienu jippretendu li Alla jindaħal u jsalvahom fil-kriżijiet politiċi li sikwit kien ikollhom.  Din kienet l-ideja tagħhom ta’ Salvazzjoni: Salvazzjoni nazzjonali, ideja politika ħafna.  Is-Salmi, naturalment, jitkellmu ħafna fuq Salvazzjoni fuq livell personali wkoll, Salvazzjoni mill-għadu li wieħed kien iħabbat wiċċu miegħu.  Kienet ideja prattika u eżistenzjali ħafna.  Imma ma kinux jemmnu li Alla kien iħobb lil kulħadd.  Kien iħobb lilhom; jew almenu, kien iħobb lilhom iktar mill-oħrajn.  L-oħrajn kienu l-“klieb”... hekk kienu jsejħulhom, u din id-deskrizzjoni peġġjorattiva se niltaqgħu magħha fil-Vanġelu tal-lum.  Kien minħabba din il-mentalità li huma stennew Messija politiku, gwerrier, eroj li jibni Imperu Lhudi kbir mill-Eġittu sax-Xmara tal-Ewfrat fl-Iraq.

 

Imma l-Profeti sikwit kienu jinfdu din il-mentalità u jissorprendu l-poplu billi jgħidu li anke lill-barranin Alla jħobb u jrid isalva, dejjem jekk ikunu disposti li jduru lejh.  Bil-mod il-mod bdew iħallu l-barranin li jemmnu f’Jahweh, jidħlu fit-Tempju, imma dawn kellhom bitħa apposta għalihom għax i-Lhud qatt ma riedu jitħalltu magħhom.  Infatti li tmiss barrani kien ifisser titniġġes u ma kontx tkun tista’ tidħol fit-Tempju, jekk ma ssaffix ruħek.  Qatt ma fehmu l-kunċett li huma kienu l-poplu magħżul b’risq il-popli l-oħra.  Iżrael kien Grazzja u Barka għall-ġnus tal-art għax minnu kellu jitnissel Dak li kellu jimmerita s-Salvazzjoni dejjiema għal kull bniedem.

 

F’dan is-sens, anke l-Knisja qegħda fid-dinja b’risq id-dinja.  Dawk li huma verament parti mill-Knisja, l-Ġisem fid-dinja ta’ Kristu, dawn huma Dawl għal tant nies imdallma li ma jafux min hu Kristu, anke jekk semgħu ħafna fuqu.  Il-Knisja tagħti togħma lid-dinja għax hija melħ, u ftit melħ isalva l-borma kollha.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  56, 1.  6-7

 

 Dan jgħid il-Mulej:

"Żommu s-sewwa u agħmlu l-ġustizzja,

għax is-salvazzjoni tiegħi għoddha waslet,

u l-ġustizzja tiegħi dalwaqt tfeġġ."

 

Ulied il-frustier li ntrabtu mal-Mulej biex jaqduh,

u biex iħobbu isem il-Mulej,

u jkunu qaddejja tiegħu,

kull min iħares is-Sibt u ma jiksrux

u jżomm sħiħ fil-patt tiegħi,

lil dawn inwassalhom

sal-muntanja mqaddsa tiegħi,

u nferraħhom f'dar it-talb tiegħi.

 

Il-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji tagħhom

ikunu jogħġbuni telgħin minn fuq l-artal tiegħi,

għax dari 'dar it-talb' tissejjaħ għall-popli kollha.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 67, li minnu se nieħdu parti ċkejkna għal-Liturġija tal-Kelma tal-lum, huwa Salm universalista, fis-sens li jitkellem fuq il-ġnus kollha u mhux fuq Iżrael biss.  « Fost i-ġnus kollha tiddi s-salvazzjoni ta’ Alla ; u jithennew il-ġnus u jgħajtu bil-ferħ għax ifaħħruH il-popli kollha. »  (vv. 3-5).

 

Is-Salmista jitlob ukoll biex il-Mulej iberikna u jdawwal wiċċu fuqna.  (v. 2).  Hi ripetizzjoni ta’ parti mit-talba tant magħrufa li nsibu fil-Ktieb tan-Numru, fejn il-Mulej innifsu jindika lill-missirijiet il-kliem li bihom għandhom ibierku lil uiedhom.  Din it-talba tgħid : « Ibierkek il-Mulej u jħarsek !  Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena !  Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem ! »  (Num. 6, 24-26). 

 

Xi jfisser dan il-kliem ?  Xi jrid jgħid is-Salm tal-lum meta jgħid : « Iħenn għalina Alla u jberikna, u jdawwal wiċċu fuqna » ?  (v. 2).  Żgur li mhux qed jitkellem fuq xi ħmerija minn dawk li nħobbu nitolbu għalihom aħna.  Qed jitkellem fuq xi ħaġa serja ħafna.  X’inhi l-iktar ħaġa mportanti li għandu Alla u li hi tiegħu biss u li Hu biss jista’ jagħtiha ?  Hija l-Ħajja… il-Ħajja ta’ Dejjem… il-Ħajja Dejjem.  Hija l-eternità.  Hija r-rebħa totali u dejjiema fuq il-mewt.  Dawn l-affarijiet għand Alla biss qegħdin.  Huwa meta Hu jagħtina din il-Ħajja li Hu jkun qed iħenn għalina u jberikna.  U kif se jkollna din il-Ħajja ?  Kif se jagħtihielna ? 

 

Il-vers li kkwotajna minn Ġwanni fil-bidu jgħid : « Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. »  (Ġw. 3, 16).   Allura din il-Ħajja li tmur lil hemm mill-mard u l-mewt, il-Missier jagħtihielna permezz ta’ Kristu, permezz tal-Fidi tagħna fiH.  Dan hu li jrid jgħid dan is-Salm meta jgħid : « Iħenn għalina Alla u jberikna, u jdawwal wiċċu fuqna. »  (v. 2). 

 

U liema hu l-wiċċ ta’ Alla ?  Mhux darba u tnejn, it-Testment l-Antik jgħidilna li l-bniedem ma jistax jara lil Alla u jibqa’ ħaj.  Jekk niltaqgħu ma’ xi ħadd importanti ħafna, ħafna, kemm kemm ikollna l-kuraġġ inżommu għajnejna f’għajnejh, aħseb u ara quddiem Alla !  Mela kif se nara l-wiċċ ta’ Alla ?  Alla wriena wiċċu f’wiċċ Kristu.  Alla libes laħam il-bniedem biex il-bniedem ikun jista’ « jagħmilha » miegħu !  Anzi l-Missirijiet tal-Knisja jmorru pass ieħor ’il quddiem u jgħidu li l-wiċċ ta’ Alla huwa l-wiċċ sofferenti ta’ Kristu fuq is-Salib.  Jekk niskopri l-wiċċ ta’ Alla niskopri l-Imħabba li tinagħta totalment għalina sal-qies tal-mewt l-iktar kiefra u nġusta.

 

Ritornell : Ifaħħruk il-popli kollha o Alla.

 

Salm 67

 

Iħenn għalina Alla, u jberikna;

idawwar għal fuqna d-dija ta' wiċċu!

  Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

 

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ,

għax trieġi l-popli bis-sewwa,

u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.

 

Ifaħħruk il-popli, o Alla,

ifaħħruk il-popli kollha.

Iberikna Alla, u tibża' minnu

l-art kollha minn tarf għall-ieħor!

 

It-Tieni Qari

 

San Pawl ikompli mit-Tieni Qari tal-Ħadd li għadda, jitniehed fuq ix-xorti li messet lill-Poplu Lhudi, il-Poplu propja tiegħu, li meta deher il-Messija li tant kien ilu jistenna u jitlob għaliH, ma għarfux.  Din id-diżgrazzja tista’ tiġri anke lilna.  Aħna twelida mdawrin bl-għożża ta’ drawwiet sbieħ Insara;  il-post liturġiku, il-knisja, minn dejjem kienet it-tieni dar tagħna; trawwimna nisimgħu il-Kelma tal-Ħajja; minn meta konna żgħar, Ġesù kien il-ħabib tagħna, u tgħallimna bl-amment il-ġrajjiet għeżież tal-Kotba Mqaddsa.  Imma dan kollu kien biss bi tħejjija għal meta nsiru adulti.  Ma stajniex nikbru waqt li l-Fidi tagħna tibqa’ tat-tfal.  Imma ħafna drabi dan hu li ġara.  U issa li aħna mdawrin bl-irwiefen tas-sekularizzazzjoni u bbumbardjati mill-midja u r-reklamar tad-dinja, tkun diżgrazzja bħal dik tal-Poplu Lhudi jekk infittxu Fidi fejn nistkennu u ma nsibu xejn.

 

Il-ġimgħa l-oħra, Pawlu qalilna li lil-Lhud Alla tahom il-liġi tal-Ħajja, il-liturġija glorjuża tat-Tempju, il-Patrijarki u l-Profeti, il-patt, u l-Wegħda l-kbira tal-miġja tal-Messija.  Issa llum jgħid li Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu.   (v. 29).  Il-Poplu Lhudi jibqa’ l-Poplu ta’ Alla, bħalma l-Poplu ta’ Alla hija l-Knisja, tant li  hemm min qal li ma tistax tħobb lill-Knisja u tobgħod lill-Poplu Lhudi. 

 

Anke lilna tana ħafna doni.  Anke jekk niġu naqgħu u nqumu minnhom, Alla ma jeħodhomx lura għax Hu jibqa’ jaħdem u jittama sal-aħħar Jum sabiex jinfetħulna għajnejna u ngħarfu l-Misteru.

 

U dawk fostna li jaħsbu li huma weqfin, li aħna fost dawk li nqdejna bil-Grazzji ta’ Alla u ma tajnihomx bis-sieq, noqogħdu attenti għax tal-aħħar jiġu l-ewwel u tal-ewwel, l-aħħar.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  11, 13-15,  29-32

 

Ħuti:  issa ngħid lilkom il-pagani. Sakemm jiena appostlu tal-pagani nibqa' nagħmel ġieħ lill-ministeru tiegħi,  bit-tama li nqajjem l-għira ta' ġensi u hekk insalva lil xi wħud minnhom.  Għax jekk it-tkeċċija tagħhom ġiebet il-ħbiberija tad-dinja ma' Alla, l-ilqugħ tagħhom mill-ġdid xi jkun ifisser, jekk mhux ħajja mill-imwiet? 

 

Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu.  Bħalma fl-imgħoddi intom ma kontux tobdu lil Alla, imma issa sibtu l-ħniena tiegħu minħabba d-diżubbidjenza tagħhom; hekk huma wkoll m'humiex jobduh minħabba l-ħniena li sibtu intom mingħandu, ħalli issa huma wkoll isibu l-ħniena.  Għax Alla ħalla 'l kulħadd fil-jasar tad-diżubbidjenza, biex jagħmel ħniena ma' kulħadd.

 

Evanġelju

 

Tir u Sidon kienu bliet pagani, ġirien ta’ Iżrael. Ma kinux jistennew il-Messija u ma kinux jittamaw f’Salvazzjoni fiH.  Kellhom allat oħra.  Għal-Lhud kienu “l-klieb”, dawk li ma jafux min hu Alla.  Imma “ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi”.  (v. 22).  Din il-mara hija xbieha tal-Knisja li twieldet fost il-pagani.  Hija tiġri wara Ġesù u tibda tgħajjat kemm tiflaħ.  Għaliex?  Għal żewġ raġunijiet: l-ewwel, kellha nkwiet kbir... kbir ħafna.  Bintha, kellha xitan fiha. Din it-tifla hija x-xbiha ta’ tant nies bla Fidi, bla Tama, bla sens fil-Ħajja, li għandhom vojt etern jgħawwar ġewwa fihom.  Għandhom bżonn Salvazzjoni imma ma jemmnux li jeżisti Salvatur għalihom.  Hija s-soċjetà pagana tal-lum li tfittex il-ferħ u l-milja tal-Ħajja għand l-idoli foloz.  Ma jafux l-għala ma jistgħux isibuhom!  Kemm nies huma taħt il-kontroll tax-xjaten tagħhom u lanqas biss jaħsbu fuq Alla... anzi l-ħsieb biss ta’ Alla jdardarhom, jitfagħhom iktar ’l isfel fid-dippressjoni tagħhom.  Dan hu l-infern, ħuti.  Dan hu l-infern.

 

Imma bla ma jafu hemm min qed jinterċiedi għalihom: l-Omm li huma caħdu, il-Knisja li titniehed kuljum fit-talb tagħhom għal dawn uliedha.  Dan it-twegħir kien l-ewwel raġuni l-għala l-mara bdiet tiġri wara Kristu u tgħajjat għall-għajnuna.  It-tieni raġuni kienet li għalkemm imwielda pagana, hi kellha l-Fidi... u x’Fidi kellha!  Kos, fil-Vanġeli nsibu li l-iktar drabi li Ġesù baqa’ mbellah u mpressjonat bil-Fidi tan-nies kien meta dawn in-nies kienu pagani, bħal din il-mara u ċ-ċenturjun.  B’xi mod kienet temmen f’Ġesù; kienet temmen li għandu setgħa fuq ix-xjaten ta’ bintha, u xejn u ħadd ma kien se jżommha milli taħtaf iċ-ċans meta semgħet li kien għaddej minn hemm.

 

F’dan il-Vanġelu tidher dik il-mentalità Lhudija li diġa tkellimna fuqha: li l-Messija kellu jiġi biss għalihom.  Anke Ġesù kellu l-ideja li l-ewwel li kellhom iduqu s-Salvazzjoni kellhom ikunu l-ġens li minnu ħareġ.  Anke għal Ġesù, l-pagani qaddejja tal-allat foloż, kienu “l-klieb”, imma Hu kien jaf li anke għalihom kien bagħtu l-Missier.  Huwa jieqaf, u jħares lejn il-mara u darbtejn jipprova jaqtagħlha qalbha.  L-ewwel jgħid lill-appostli waqt li hi semegħtu: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael.”  (v. 24).  U wara li hi xorta tgħidlu: “Għinni, Mulej!”  (v. 25), Hu jkompli jżid, anzi b’ton iktar żorr: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi.”  (v. 26). 

 

Qabel kienet qaltlu: “Għinni, Mulej!”  Kliem ħiereġ minn qalb maqsuma, qalb ta’ Omm mifnija.  Kif jista’ ma jarax lil Ommu, Ġesù, f’din il-Mara togħtor taħt it-tbatija.  Hu kien jaf li bħal din il-Mara kellha tħares lejH Ommu taħt is-Salib.  Imma Kristu qiegħed jgħarrex għall-Fidi ta’ din il-Mara.  L-istess jgħarrex għall-Fidi tagħna.  Bħalma darba staqsa: “Min tgħidu intom li hu Bin il-Bniedem?”  (Mt. 18, 15), issa jfittex ħa jara hemmx Fidi fina, f’din il-Mara.

 

It-tweġiba li tagħtiH hi wieħed mill-isbaħ versi li nsibu fil-Vanġeli!  “Hekk hu, Mulej; iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”  (v. 27).  Ahh... mhux li kellna Fidi kbira u fl-istess ħin umli bħal din!  Għax aħna wkoll midinbin; ħafna drabi konna għedewwa ta’ Kristu għax poġġejniH fuq wara nett tal-kju tal-allat li ġennewna.  M’għandna nippretendu xejn għax ħafna drabi konna barranin għaliH; konna allejati mal-“klieb” u mhux ma’ wlied Alla.  Konna fost dawk li Kristu jgħid għalihom: “Ma nafkomx!”  (Mt. 7, 23).

 

Din il-Mara kienet taf fejn kien postha.  U ma pretendiet xejn bi dritt.  Imma kienet temmen f’Ġesù u kienet miġnuna bl-Imħabba għal bintha.  Din hija l-Knisja li titniehed għal uliedha mitlufin.  Il-frak li jaqa’ mill-mejda ta’ Alla huma biżżejjed.  Imqar frak ta’ Fidi.  Imqar rigal ta’ Fidi daqs żerriegħa tal-mustarda.  Biha nħarrku l-muntanji.  San Pawl jgħid li mhux biss il-Knisja, imma anke l-Ispirtu s-Santu qiegħed jitniehed għalina bħalissa, u l-ħin kollu.  Qiegħed jitniehed bi kliem li ħadd ma jista’ jfissru, ħadd ma jista’ jifhmu, ħlief Alla.  Jitnieħed biex ninagħtaw il-Fidi u nfiequ, u minna jaħarbu x-xjaten kollha.

 

Kemm ikun sabiħ jekk fl-aħħar Jum, malli jarana, Ġesù jgħidilna: “Il-Fidi tiegħek kbira!  Ħa jsirlek kif tixtieq.”  (v. 28).  U x’se nixtiequ dak in-nhar?  Ħajja għal dejjem miegħU.

 

Versett:  Hallelujah.  Missier Sidna Ġesù Kristu idawlilna l-għajnejn ta’ qalbna, biex nagħarfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  15, 21-28

 

Ġesù ħareġ minn hemm u telaq lejn Tir u Sidon.  U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: "Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!"  Iżda hu ma weġibhiex kelma.

 

Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: "Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna."  Imma hu qalilhom: "Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta' Iżrael."  Iżda hi resqet, nxteħtet quddiemu u qaltlu: "Għinni, Mulej!"  

 

Hu weġibha: "M'hux sewwa tieħu l-ħobż ta' l-ulied u tixħtu lill-ġriewi."  "Hekk hu, Mulej," qaltlu, "iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa' minn fuq il-mejda ta' sidienhom?"  Mbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: "Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq." U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.

 

 
< Prev   Next >