Sunday, 19 November 2017
           
Home arrow News arrow Latest arrow IL-WIEHED U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2017) MINGHAJR IL-KNISJA, DIFFICLI S-SALVAZZJONI
IL-WIEHED U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2017) MINGHAJR IL-KNISJA, DIFFICLI S-SALVAZZJONI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Thursday, 24 August 2017

Din hija il- Liturgija  tal-Wiehed u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 san_pietru.jpg

 

Is-Salvazzjoni tal-bniedem hi, fl-aħħar mill-aħħar, xi ħaġa ħafna personali, bejn l-individwu u Alla.  Wara kollox, fuq is-sodda tal-mewt, anke jekk tkun imdawwar minn dawk li inti tħobb u ħabbewk, int waħdek se tkun fit-tabqida tal-aħħar; u fit-tebut ħadd mhu se jiġi miegħek, la martek, la uliedek u lanqas ħadd.  F’Jum il-Ħaqq, meta jinfetħu l-kotba u tiġi mistoqsi mistoqsija sempliċi: f’liema qies int ħabbejt, waħdek ukoll tkun wieqaf quddiem Alla.  Id-deċiżjonijiet li tieħu matul ħajtek: tagħmilx ir-rieda ta’ Alla jew inkella tidneb u titbiegħed minnu, li veru jistgħu jiġu kkundizzjonati minn ħaddieħor, imma finalment dawn id-deċiżjonijiet inti teħodhom.

 

Bejnek u bejn Alla wkoll ikun dak il-mument ta’ Grazzja, meta Alla jidħol fl-Istorja tiegħek, jidħol f’Ħajtek, biex isejjaħlek b’mod tassew intimu, għas-Salvazzjoni, għall-bdil tar-rotta.  Imma l-konverżjoni, normalment, mhix berqa, ma tiġix għandna bħal sajjetta, iżda hi proċess, proċess ta’ bidla ta’ mentalità, proċess li ħafna drabi hu bil-mod ħafna.  Din il-konverżjoni hija mqabbla ma’ vjaġġ fid-deżert, vjaġġ twil u mhux faċli.  Vjaġġ li fih għandna bżonn l-għajnuna, u wieħed ma jistax jagħmlu waħdu.  In-nies tad-deżert kienu jafuh tajjeb dan.  Qatt ma kienu jaqsmu d-deżert waħedhom, imma fi grupp, f’karovana, biex jekk tgħejja, jgħinuk sħabek, jekk jonqsok l-ilma ma jħallukx tmut bil-għatx, jekk jidhru l-ħallelin ma jattakkawkx għax m’intix waħdek.  Mill-banda l-oħra, inti titgħallem tagħmel ma’ ħaddieħor dak li tixtieq li ħaddieħor jagħmel miegħek.  Din il-karovana, dan il-grupp li fuqu nserrħu fil-mixja tagħna lejn Alla hija l-Knisja.  Mingħajrha hu faċli li nintilfu fid-deżert waħxi u bla nies.  Kollox hu mmensament diffiċli  mingħajr il-Knisja Ommna.

 

L-Ewwel Qari

 

Biex isalva l-bniedem, l-individwu, Alla dejjem ħaseb li jpoġġilu miegħu poplu, grupp li jgħinu.  Dan imur kontra l-mentalità mxajtna tal-kultura dominanti tal-lum, li trid teqred il-grupp, il-familja, u teżalta l-individwaliżmu.  Dwar dan, il-pajjiżi kollha tal-punent qed jgħaddu liġijiet, li jiġu preżentati b’mod sabiħ u pożittiv.  Qed jidħku bina!  Għad jasal żmien meta naħsdu dak li qed niżirgħu illum!  Dan ċert.  Din l-imxija ta’ liġijiet bdiet fl-Iskandinavja fis-sittinijiet.  Il-Prim Ministru Svediż, Olaf Palme kien jemmen li l-bniedem iktar kemm ikun waħdu iktar ikun ħieles.  Mad-daqqa t’għajn dan jidher li hu veru... Waħdek inqas problemi.  Dwar dan, il-filosofu ateju Ġermaniż Nietzsche ħareġ bi frażi li baqgħet famuża: “L-infern hu l-ieħor!”  L-ieħor, il-proxxmu, hu rival, sors ta’ nkwiet għalik.  Għalhekk iktar kemm tkun waħdek, inqas trouble. Dan hu l-għerq li minnu tnissel l-attakk sfrenat fuq il-familja.  Waħdek aħjar!  U tefgħu lill-bniedem f’solitudni u dieqa terribbli.  In-nies tal-Iskandinavja ma jonqoshom xejn ekonomikament, iżda huma l-iktar nies li joqtlu ruħhom b’idejhom.  Tmur fejn tmur fl-Ewropa, tara nisa ta ċerta età jippassiġġaw bi klieb żgħar, gustusi, minxutin u kull tant imlibbsin ukoll.  Kulħadd waħdu!

 

Ir-rivelazzjoni ta’ Alla tmur il-ħin kollu kontra dan. L-ewwelnett is-Salib l-ebda soċjetà ma tista’ tneħħih mill-Ħajja tal-bniedem.  Mingħajru l-bniedem jikkorrompi ruħu, jgħid x’jgħid. Barra minn dan, mill-bidu nett Alla ra li mhux sew li l-bniedem jgħix waħdu.  Dan hu l-prinċipju ta’ kollox.  Biex juri ruħu lill-bniedem Alla għażel poplu, ġens sħiħ, u dan il-poplu wieħed kellu jkun magħżul b’risq il-ġnus kollha.  Minn dan il-poplu, Alla, fil-persuna ta’ Kristu, ried li jibni Knisja, poplu ġdid, ġens qaddis, kotra li timxi flimkien lejn l-Art Imwegħda u mhux lejn ix-xejn kif jaħsbu l-“għorrief” u l-politiċi tal-lum. 

 

U bħala servizz għal dan il-poplu “ġdid”, servizz għall-Knisja, Kristu ried iwaqqaf fiha ġerarkija ta’ nies magħżula minnU biex tgħaqqad flimkien u mhux biex tifred.  F’din l-unità, f’din l-għaqda, l-individwu ma jħossux waħdu, mitluf fl-univers, imma parti minn klan li jieħu ħsiebu.  Hu veru li l-ġerarkija mhux dejjem taqdi tajjeb din il-missjoni fdata lilha.  Imma mbagħad jieħu ħsiebha Alla nnifsu;  jsaffiha, jnaddafha u jgħaddiha mill-forġa bħalma jgħaddu d-deheb.  Iżrael kemm-il darba esperjenzja tmexxija korrotta, imma xorta, fl-aħħar mill-aħħar, kien hemm Alla jieħu ħsiebu u saffielu r-ragħajja tiegħu, kif se naraw f’dan il-qari.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  22, 19-23

 

Dan jgħid Sidi, il-Mulej ta' l-eżerċti:

'Mur, asal wasla sa għand dan il-ministru,

sa għand Sebna, li jagħmel mill-palazz,

u għidlu:

 Nwarrbek minn postok,

u nneħħik minn fejn qiegħed.

 

Dakinhar insejjaħ lill-qaddej tiegħi

Eljakim bin Ħilkija,

nlibbsu l-libsa tiegħek,

u nħażżmu bit-terħa tiegħek,

u nagħtih f'idejh il-ħakma tiegħek.

U jkun missier għal min jgħammar f'Ġerusalemm,

u għad-dar ta' Ġuda.

 

Nqiegħed muftieħ dar David fuq spallejh.

Jiftaħ hu, u ħadd ma jagħlaq;

jagħlaq hu, u ħadd ma jiftaħ.

 U nwaħħlu bħal musmar ma' ħajt fis-sod,

 u jkun tron glorjuż għal dar missieru.

 

Salm Responsorjali

 

Sal 138 huwa Salm ta’ tifħir u radd il-ħajr lil Alla għall-għerf tiegħU meta jieħu ħsieb il-bniedem u jipprovdilu dak kollu li għandu bżonn mhux biss għall-Ħajja imma fuq kollox għas-Salvazzjoni tiegħu.  Is-Salmista jgħid “Quddiem l-allat irrid ngħannilek.”  (v. 1).  Dan hu nteressanti.  Jgħid hekk mhux għax jeżistu “allat”.  Dawn huma l-idoli vvintati mill-bniedem u li għandhom imur biex jagħtuh il-Ħajja.  Imma huma vvintati, ma jeżistux, huma mejta.  Madankollu,  għandhom ħakma fuqna, fuq il-bniedem il-qadim tagħna.  Meta s-Salmista jgħid “Quddiem l-allat irrid ngħannilek”, dan ifisser li huwa jriegħex l-idoli tad-dinja, jwarrabhom min-nofs biex iqim lil Alla veru waħdu.

 

Alla poġġa Knisja maġenbna biex tmexxina lejn din ir-rebħa fuq l-“allat” fuq in-natura tagħna miġbuda lejn il-velenu ħelu li jirreklamawlna l-ħin kollu.  Huma “ż-żgħar” li jindunaw b’dan.  Huma “ż-żgħar” li  jafu kemm għandhom dejn mal-Knisja Omm fit-taqbida tagħhom spiritwali.  Il-“kburin” jirvillaw għall-ideja li huma għandhom bżonn minn jgħinhom fil-vjaġġ tagħhom.  Luteru kien Kelma ta’ Alla għall-Knisja, fis-sens li l-Knisja kellha bżonn tirriforma ruħha u kienet il-ħin kollu tipposponi li tagħmel dan.  F’dan is-sens, Luteru kien ta’ ġid għall-Knisja.  Imma huwa kien bniedem bid-difetti tiegħu; kien kburi u ma waqafx fejn kellu jieqaf.  Attakka l-ideja ta’ “Knisja”.  Wettaq l-iżball li qal li l-Knisja mhix tant importanti wara kollox, u żera’ l-ideja tal-individwaliżmu li għandna llum.  Huwa kburi l-bniedem li jaħseb li jista’ jterraq lejn il-Wegħda ta’ Alla, waħdu, mingħajr għajnuna.  Il-fatt li għall-Protestanti mhix tant importanti l-istituzzjoni tal-Knisja wassal biex huma nfirdu f’eluf ta’ setet.  Imma Alla jħares mill-bogħod lejn Knisja umli li ma tafdax fiha nfisha, iżda, waqt li żżomm l-għaqda, tiffisha ħarsitha fuq Dak li hu l-veru mexxej tagħha.

 

Ritornell: It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem.

 

Salm 138

 

Nroddlok ħajr, Mulej, b'qalbi kollha,

għaliex int smajt kliem fommi.

quddiem l-allat irrid ngħannilek.

 

B'wiċċi fl-art ninxteħet

quddiem is-santwarju tiegħek,

u nroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,

għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.

 

Meta sejjaħtlek, int weġibtni,

kattarli l-qawwa f'ruħi.

 

Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;

u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.

It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa' għal dejjem;

la titlaqx għemil idejk!

 

It-Tieni Qari

 

San Pawl kien imżejjen b’għerf u dixxerniment mingħand Alla, iżda huwa qatt ma jiftaħar b’dan, għax kien jaf li dan mhux minnu kien ġej.  Hu kien jaf li meta għamel kif fettilu moħħu u skont l-opinjonijiet tiegħu, ta’ bniedem kburi li kien, hu spiċċa għadu ta’ Alla bla ma nduna.  Għalhekk huwa jgħaġġel biex fl-Ittra lit-Rumani huwa jrodd ħajr lil Alla u jgħolliH bit-tifħir tiegħu għax l-Għerf ta’ Alla jmur immensament lil hemm mill-għerf li jaħseb li għandu l-bniedem.  Illum l-universitajiet huma mimlija b’għalliema ateji.  Għax laħqu xi ħaġa, tkabbru.  Kemm hu msejken il-bniedem!  Kemm kulħadd huwa xorta!  Kemm qiesna għadna tfal żgħar!  Kulħadd minfuħ bih innifsu u Alla jħares lejna u Hu biss jaf kemm kbira hi l-korruzzjoni ta’ qalb il-bniedem.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  11, 33-36

 

 Kemm huma kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal ta' Alla! Kemm tassew ħadd ma jista' jgħarbel il-ġudizzju tiegħu u jifhem it-triqat tiegħu!  

 

     Għax min qatt għaraf moħħ il-Mulej?

     Min qatt kien il-kunsillier tiegħu ?

     Min qatt tah l-ewwel biex jistħoqqlu l-ħlas?  

 

 Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih. Lilu l-glorja għal dejjem ta' dejjem. Amen!

 

Evanġelju

 

Kristu ried iwaqqaf Knisja bħala servizz għall-bniedem.  U f’din il-Knisja huwa ried li jkun hemm ġerarkija ta’ dmirijiet. Kien għalhekk li Hu għażel tnax minn fost il-mijiet ta’ dixxipli li kellu, u minn dawn it-tnax hu ried li ħafna drabi jaqbad tlieta minnhom u jurihom ħwejjeġ li ma riedx jurihom lid-disa’ l-oħra.  Inutli nistaqsu għaliex, għax dan hu fatt.  Hu ried ġerarkija. 

 

Hu veru li l-bniedem għandu ġlieda enormi kontra l-egoiżmu tiegħu u kapaċi jħammeġ il-Pjan glorjuż tal-Mulej.  Kienu ħafna dawk li meta Alla poġġihom bħala parti mill-ġerarkija tal-Knisja biex jaqdu l-merħla u mhux biex jistagħnu minn fuqha, huma tradew lil Alla u lill-merħla.  Il-fatt li l-Knisja fl-Istorja tagħha wriet li hi aqwa mill-ġerarkija għax baqgħet ħajja anke meta kienet immexxija ħażin, juri kemm qiegħed magħha Alla.

 

Imma Kristu kien jaf x’inhu jagħmel.  Hu ried l-għaqda.  Dan hu l-għan tal-ġerarkija.  Ma riedx setet, Kristu.  Ried Knisja waħda, magħquda, universali.  Biex jgħasses fuq dan Pietru inagħta kariżma li ma nagħtatx lill-Appostli-Isqfijiet l-oħra. Lilu, Kristu qal il-famużi Kelmiet: “U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi.”  (v. 18).  Kristu kien mgħejjun mill-Missier hawn, f’din l-għażla.  Għax ftit qabel, Pietru ħareġ b’dik id-dikkjarazzjoni famuża: “Inti l-Messija, Bin Alla l-Ħaj!”  (v.17). Kristu għaraf li Pietru kien imdawwal mill-Missier b’Dawl speċjali biex induna li Alla kien qed jgħix mal-bnedmin fil-persuna tiegħu, f’dan il-bniedem li kellu quddiemu.  Tant li Kristu jgħidlu li dan id-Dawl, dan l-għarfien ma kienx ġej minnu imma minnn Alla, u dan kien sinjal għal Kristu li l-Missier ried lil Pietru bħala dak li kellu jgħaqqad it-Tnax ma’ xulxin fi Knisja.  Din il-kariżma, dan id-don, Pietru, li mar jieħu ħsieb il-Knisja li kien hemm f’Ruma, għaddieh lil ta’ warajh, u hekk twieldet il-figura tal-Papa.

 

Issa aħna lkoll nafu kemm kien dgħajjef Pietru!  Ftit vrus wara Kristu jgħajru li kien “xitan” u jgħidlu biex jitlaq minn quddiemu!!  Imma dan hu tajjeb!  Alla jaf x’inhu jagħmel.  Hu jinqeda bi bnedmin dgħajfa biex iktar u iktar tidher il-Glorja tiegħU u hekk tikber il-Fidi tagħna f’dak li ma narawx bl-għajnejn tal-ġisem.

 

Versett:  Hallelujah.  Infaħħrek Missier, Sid is-sema u l-art, għax int għarraft liż-żgħar il-misteri tas-saltna.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evaġelju ta’ San Mattew.  16, 13-20

 

Meta wasal fl-inħawi ta' Ċesarija ta' Filippu, Ġesù staqsa  lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?"  U huma weġbuh: "Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti."  Imma intom min tgħidu li jien?" staqsiehom.  U qabeż Xmun Pietru u qallu: "Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj."  U Ġesù wieġbu u qallu: "Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet.  U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta' l-infern ma jegħlbuhiex.   Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet."  Mbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma' ħadd fuq li huwa l-Messija.

 

 
< Prev   Next >