Tuesday, 24 October 2017
           
Home arrow Home
IT-TNEJN U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2017) IS-SALIB TAN-NISRANI MDAWWAL MILL-GHID PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 02 September 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tnejn u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

gesu_mad_dixxipli.jpg

 

It-tbatija hi misteru.  Hi dejjem misteru.  Imma għan-Nisrani it-tbatija hija misteru mdawwal.  Ġa għidna xi darba oħra hawn, li n-Nisrani għandu don li l-ebda bniedem ieħor m’għandu, u dan hu d-don tad-Dixxerniment, jiġifieri l-kapaċita li ġejja mhux minnu imma mill-Ispirtu s-Santu, li jagħraf u jara l-affarijiet b’mod differenti.  Anke t-tbatija u s-Salib, in-Nisrani jarahom mod differenti mid-dinja.  Jekk ma jarahomx mod differenti, mhu Nisrani xejn, imma hu bniedem ’reliġjuż’ ieħor bħal-Lhudi, il-Musulman jew il-Buddista.

 

Issa, hawn qegħdin nitkelllmu fuq l-iktar ħwejjeġ serji tal-Ħajja!  Jien nixtieq li għandi dan id-Dixxerniment, imma  m’għandix.  Aħna lkoll, jekk nafu x’qegħdin nagħmlu meta ninsabu mexjin wara Kristu, ninsabu fi proċess ta’ bidla, ta’ trasfigurazzjoni fi Kristu.  Bil-mod il-mod aħna qegħdin niġu mibdula fi Kristu, insiru parti minnU.   U jekk Kristu kien imdawwal fuq is-Salib tiegħu, aħna wkoll niddawlu, iktar kemm nidħlu fiH.  Allura, anke jekk forsi għadna fqar fid-Dixxerniment, nittamaw li darba għad ikollna din il-kariżma biex hekk tassew inkunu sinjal ta’ Kristu fid-dinja.

 

 

Is-Salib, it-tbatija tiddawwal biss jekk inpoġġuha fil-kuntest tal-Għid.  M’hemmx Dawl ieħor.  Għall-bniedem tal-Fida matura, dan hu Dawl biżżejjed.  ”Fid-dinja tbatu jkollkom,”  qal Kristu, ”iżda agħmlu l-qalb: jien irbaħt id-dinja!”  (Ġw. 16, 33).  Il-bniedem jipprova jsolvi s-Salib, jeqred it-tbatija, u dan tah enerġija fiżika u intellettwali biex ivvinta ħwejjeġ kbar u avanza b’mod tal-għaġeb fil-mediċina u l-kumditajiet.  Imma Kristu jgħid: ”Fid-dinja tbatu jkollkom.”  It-tbatija ma tinqeridx minn wiċċ l-art.  Hu baħnan min jaħseb li jekk ikollu l-flus, is-saħħa, nisa kemm irid, fama, poplarità, setgħa... jista’ jaħrab mit-tbatja.  It-tbatija hi parti intrinsika mill-Ħajja.  M’hemmx Ħajja fejn m’hemmx tbatija.  L-Iben ta’ Alla ma giex fid-dinja biex ineħħi t-tbatija, anke jekk serraħ lill-bniedem b’ħafna mirakli.  Hu ġie biex jagħti sens lit-tbatija, u din hija xi ħaġa kbira, tafux.

 

It-tbatija tiddawwal fid-Dawl tal-Għid.  Ilkoll resqin lejn l-Għid, lejn Qawmien, lejn mogħdija mill-bniedem il-qadim tad-dnub li se jkollu jmut, għall-bniedem ”ġdid”, il-bniedem li jgħix għal dejjem, il-bniedem li ma jidnibx iktar.  L-Istorja ta’ kull bniedem hija mmarkat minn dan il-proċess tal-Għid, bħalma n-natura wkoll hija mmarkata bih.  Kollox iħabbar l-Għid.  Kollox ikanta bil-ferħ il-mogħdija mid-dlam tal-lejl għad-dawl taż-żeriq; mill-mewt tax-xitwa għall-ħajja tar-rebbiegħu u s-sajf; mit-taħsir u l-mewt tal-żerriegħa midfuna fil-ħamrija, għall-ħajja glorjuża ta’ pjanta ġdida li toħroġ minnha.  In-natura hi ”Għid” kollha kemm hi!  Anke l-Istorja tagħna!  Ħarsu lura u tindunaw li lkoll għexna, bla ma konna nafu, mogħdijiet qaddisa minn inkwiet għas-sliem, minn provi għall-mistrieħ.  Araw hux veru.

 

Meta l-bniedem ibati imma ħarstu hija ffissata fuq iż-żerniq li se jiġi żgur, it-tbatija hi mirbuħa; tiċkien.  Imma din mhix teorija!  Din il-ħaġa wieħed irid jgħixha!  U wieħed jgħixha bil-Fidi.  Bil-Fidi f’Dak li kien l-ewwel wieħed li fetaħ triq fil-Mewt u rebaħha: Kristu Ġesù.

 

L-Ewwel Qari

 

Ġesù kien totalment imdawwal għax kien jaf li Missieru kien bagħtu fuq l-art għal siegħa waħda: biex iwettaq il-Misteru tal-Għid, jiġfieri dħul minn jeddu fit-tbatija u l-mewt, biex jiġi gglorifikat bil-Qawmien għal Ħajja għal Dejjem.  Dan ma kellux għalfejn jagħmlu għalih innfisu, imma biex jiftaħ triq sabiex il-bnedmin li jemmnu fiH ikollhom it-tbatija u l-mewt spjegati, imdawla, mogħtija sens, u hekk titneħħa n-niggieża tagħhom.  Lill-appostli qalilhom darba wara darba, li kellu jgħaddi minn dan il-proċess u dan kien inikkithom, kif inikket lilna, għax it-tbatija kienu jafu x’inhi, imma l-Qawmien le.  It-tbatija kulħadd jemmen fiha, jaf li teżisti, imma l-Qawmien jemmen fih biss dak li jġarrbu.

 

Anke l-profeti u n-nies ġusti ta’ qabel Kristu kienu jaqgħu fil-ħofra tad-dippressjoni quddiem problemi u tbatijiet kbar.  Ġeremija jidħol fi kriżi akuta, anke bħalma daħlu tant oħrajn bħal Ġwann l-Battista, meta ra li dak kollu li kien ipprova jagħmel għall-ġid sarlu suf, sfalu fix-xejn.  Fejn kien Alla?  Kristu seta’ jistaqsi fejn kien Alla fuq is-Salib, ukoll.  Id-Dlam tal-Għid jagħmi.  Għax l-Għid mhux biss is-siegħa tal-Qawmien, imma huwa ”ġimgħa” sħiħa, dik li aħna nsejħulha l-”Ġimgħa Mqaddsa”.  Hemm il-perijodu tat-tensjoni dejjem tiżdied, imbagħad l-inżul fl-uġigħ mentali tal-Ġetsemani, il-faraġ fit-tbatija, il-Passjoni li donna ma tintemm qatt, id-difna meta kollox jidher mitmum u fallut... u mbagħad il-Glorja tal-Qawmien!!  Din, u din biss hija  n-nisġa tal-Istorja tad-dinja u tiegħek.  Il-bniedem jista’ jaljena moħħu kemm irid, imma din ir-rejaltà ma jaħrabx minnha. 

 

Anke Ġeremija ma kienx imdawwal fuq il-proċess paskwali.  Kif tridu jkun?  Anzi, hu kien konvint li Alla qarraq bih!  Mhix ċajta!  Din hi tbatija kbira.  Falliment totali.  Fejn hi l-Fidi?  Fejn għebet?  Imma l-profeta xorta ma jsibx ruħu waħdu.  Kristu ma sabx ruħu waħdu fil-ġnien.  Fit-tbatija tagħna, anke jekk għad m’aħniex imdawlin, inħossu, x’imkien fina, bħal nar jaqbad li ma jridx jintefa li jikser id-dlam u jittamana li min jaf...

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  20, 7-9

 

Qarraqtni, Mulej, u jien tqarraqt:

kont aqwa minni, u għelibtni.

Jien sirt id-daħka ta' kuljum,

kulħadd jiddieħak bija.

  Kull meta niġi biex nitkellem,

  jien ngħajjat, u nxandar,

 'Moħqrija u ħsara!'

 

Il-kelma tal-Mulej saret għalija

tagħjir u tmaqdir kuljum.

U jien għedt: 'Ma nsemmihx aktar,

ma nitkellimx aktar f'ismu.'

Iżda f'qalbi hemm bħal nar jaqbad,

magħluq f'għadmi.

Għejejt inżommu magħluq ġo fija,

ma niflaħx aktar għalih.

 

Salm Responsorjali

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum titkellem il-ħin kollu fuq it-tbatija ta’ kull bniedem, mhux tal-bniedem ta’ Alla biss.  Titkellem fuq l-għatx etern li hemm ġo kull wieħed minna għall-ħelsien mill-gaġġa ta’ din il-Ħajja.  Aħna nixbħu eżatt lil għasfur li faqqas ġo gaġġa.  Qatt ma daq ħelsien.  Qatt ma tar ħlief ftit pulżieri!  Hu jaħseb li din hi l-Ħajja u xejn iktar.  Hekk imdorri.  L-aqwa li sidu kuljum jibdillu l-ilma u jagħtih l-iskalora.  X’jonqsu?  Imma ġo qalbu ċkejkna hemm bħal nar li ma jistax jitfih li jgħidlu li hu mhux għal dan kien maħluq.  Jiġu mumenti meta jissuspetta li hu jista’ jagħmel parti mid-dinja ta’ barra l-ħadid tal-gaġġa.  Iħoss bħal leħħa ta’ xewqa biex itir ’il fuq ’il fuq lejn eżistenza bla tmiem!  Imma mbagħad bħal jerġa’ jqum minn din il-ħolma, iħares lejn il-ħawt bl-ilma u l-iskalora fil-landa u jgħid, “Xi trid tagħmel? L-aqwa li għandi dawn.”  U tintemm il-ħolma.  Dan hu l-bniedem.

 

Is-Salmista jgħajjat: “Alla, Alla tiegħi!”  Għandu għatx biex itir b’Alla.  U ma jridx jieqaf milli jgħajjat.  Jista’ jkun li għandu kollox... ħafna ilma u ħafna “skalora”, imma ma jridx jikkuntenta ruħu b’dan.  “Alla, O Alla, int Alla tiegħi! Għalik inbakkar, lilek infittex, għalik għatxan, għalik qed innin bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma!” (ara vv. 2-3).  Jgħidulu: “Imma għaliex int imdejjaq?  X’jonqsok?  Għandek kollox...”  Imma hu ma jridx jaf għax induna, u dan hu Għerf kbir li l-ebda università ma taf tgħallimulek, li hu mhux għal dan kien maħluq imma għal xi ħaġa eternament ikbar u isbaħ!  “Għax il-Grazzja tiegħek aħjar mill-Ħajja!”  (v. 4).  Ir-rigal t’Alla hu żgur li hu aqwa minn Ħajja ġo gaġġa!

 

Imma s-Salmista jesperjenzja l-mogħdija glorjuża tal-Għid: mid-dlam għad-dawl, mill-mewt għall-Ħajja, bħalma jipproklamaw is-Salmi kollha.  Hu jispiċċa billi jgħid: “Inbierkek tul Ħajti kollha, ngħolli jdejja, insejjaħ ismek u ngħannilek b’xofftejn ferrieħa!”  (v. 5w). 

 

Ritornell:  Għalik għatxana ruħi, Mulej, Alla tiegħi.

 

Salm 63

 

Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.

Ruħi bil-għatx għalik,

għalik imxennaq jiena,

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

 

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,  

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;  

ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b'ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,  

u jgħannilek fommi b'xufftejn ferrieħa,

 

Għax int kont għajnuna għalija,  

għad-dell ta' ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

  Miegħek tingħaqad ruħi,

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

It-Tieni Qari

 

Jekk aħna ninagħtaw il-Grazzja li nidħlu f’dan il-proċess paskwali, jekk naraw l-Istorja, il-ġrajjiet li minnhom ngħaddu, bħala Għid wara Għid, allura nkunu qed nissieħbu fil-Passjoni u l-Qawmien ta’ Kristu.  Dan hu li jitlob Alla minna.  Dan hu li jogħġob lil Alla (v. 1).  Din hija  l-qima spiritwali li tagħmel minna qaddisin.  Ir-rejaltà, imma, hi li malli jidher il-monstru tat-tbatija, is-Salib, ninsew l-Għid, ninsew kollox, nippanikjaw u nintefgħu nitolbu lil Alla jneħħilna dik l-Istorja, dak is-Salib.  Għalina l-Grazzja tfisser li jitneħħa minn quddiemna dak kollu li jdejjaqna, li jkun ta’ prova għalina.  Bħallikieku nistgħu b’hekk noqogħdu hawn għal dejjem.  Kemm aħna dgħajfa, jiena l-ewwel wieħed!

 

Pawlu jistedinna biex “noffru ġisimna bħala sagrifiċċju ħaj” (v. 1).  Dan wieħed jista’ jagħmlu biss jekk jemmen li Alla hu tabilħaqq Missieru u li fl-Istorja tiegħu qed jiktiblu ġrajjiet li jgħoddu eżatt għalih biex jimmatura u jikseb il-Ħajja ta’ Dejjem, li mhix din li tintemm.  Għalhekk dawk li mxew ’il quddiem fil-Fidi jgħidulek: “Oqgħod sieket quddiem l-Istorja u stenna!”  Huma jgħidu dan għax skoprew il-fedeltà ta’ Alla. 

 

Għall-kuntrarju, “timxi max-xejra tad-dinja” jfisser: temmen li ħajja waħda biss hawn, din tal-ġisem li tintemm bil-mewt, u għalhekk nixorbu, nieklu u nitbaħardu għax għada mmutu.  Ix-xejra tad-dinja tgħidlek tbatix int imma ħalli lil ħaddieħor ibati.  Aljena ruħek, iddroga ruħek bl-affarijiet li jnessuk li għada pit’għada dan kollu jasal fi tmiemu.  Xerred moħħok!  Hemm għażla quddiemna.  U mhix ħafifa.  Jew il-Ħajja għal Dejjem, jew il-Mewt.  Normalment hi għażla faċli... ħadd ma jrid imut!  Imma ġisimna għandu leblieba fih għal dak kollu li jeqred u jikkorrompi.  Min se jsalvana jekk ma jkollux ħniena minna l-Mulej?!

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  12, 1-2

 

Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta' Alla, offru ġisimkom b'sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom. 

 

  Timxux max-xejra ta' din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta' fehmietkom,  biex iseħħilkom tagħrfu     x'inhi r-rieda ta' Alla, x'inhu t-tajjeb li jogħġbu, x'inhu perfett.

 

Evanġelju

 

Sikwit naqgħu fil-boniżmu u nimmaġinaw li Kristu kien kollu ħlewwa ma’ kulħadd, dejjem jitbissem, dejjem “soft”.  Altru li le!  Ġesù ġie biex jikkumbatti x-xjaten tagħna li għalkemm huma għedewwa mortali tagħna, sikwit nagħmlu allejanza magħhom.  Ġesù jitlobna biex ma nużawx ir-raġuni tagħna imma nistrieħu fuq il-Fidi fiH.  Hu jiffrustra ruħu jara kemm aħna iebsin biex nemmnuH u nafdaw ħajjitna fiH.  Lil Pietru se jgħajru “Xitan!”  (v. 23) f’din is-silta li se nisimgħu.  Għaliex?  Għax bħali u bħalek, għal Pietru, s-Salib, it-tbatija ma kinux imdawla, ma kinux glorjużi.  Is-Salib li Kristu ħabbar għalih innifsu, kien saħta għal Pietru, għall-Appostli, u, ngħiduha kif inhi, għalina wkoll. 

 

Kristu, għal darb’ oħra, jitkellem bis-serjetà ma’ dawk li riedu jimxu warajh u jurihom li lilu ma kienet timpurtaH xejn il-Glorja u s-suċċess t’hawn, imma kienet ta’ valur biss il-Ħajja għal Dejjem.  U biex jasal għal din kellu quddiemu l-proċess tal-Għid: dħul fit-tbatija biex jgħaddi għar-rebħa tal-Qawmien.  Din kienet il-Glorja li wegħdu l-Missier.

 

Id-divinità ta’ Ġesù kienet moħbija taħt l-umanità tiegħu.  Hu kellu jkun l-ewwel bniedem li jgħix l-Għid fil-milja tiegħu u hekk jiftaħ beraħ l-għejjun tal-Ispirtu s-Santu għal dawk kollu li riedu jimxu warajH.  Hu kellu jbati biex aħna ma nbatux, anżi biex lilna jurina s-sens tat-tbatija u hekk tirtab u s-Salib isir Glorjuż flok forka misħuta.  Santa Roża ta’ Lima turina x’għerf dwar it-tbatija aħna nistgħu nakkwistaw minħabba l-merti ta’ Kristu.  Hi tgħid:

 

“Mhux li kienu l-bnedmin jagħrfu kemm hi ħaġa kbira l-grazzja ta’ Alla, kemm hi sabiħa, għolja u għażiża!  Kemm għandha għana moħbi fiha, kemm teżori, kemm ferħ u għaxqa!  Kieku l-bnedmin kienu jafu dan, ma hemmx dubju li kienu jagħmlu minn kollox biex iġibu fuqhom it-tbatijiet u s-sofferenzi.  In-nies, f’kull rokna tad-dinja kienu jfittxu mhux il-ġid tal-art, imma dwejjaq u mard u wġigħ biex jiksbu teżor bla qjies tal-grazzja.  Dan hu l-ħlas kbir li naqilgħu bis-saħħa tas-sabar.  Ħadd ma kien igemgem mis-slaleb u t-tbatijiet li jistgħu jiġu fuqu kieku konna nafu x’hemm lest għalina fil-keffa l-oħra tal-miżien li bih jitqassam kollox lill-bnedmin.”

 

Versett: Hallelujah.  It-triq tal-preċetti tiegħek fehimni, biex naħseb fuq l-għeġubijiet tiegħek.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  16, 21-27

 

F’dak iż-żmien, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin  il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.  Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: "Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!"  Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: "Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m'intix tqis il-ħwejjeġ ta' Alla, imma qiegħed taħsibha ta' bniedem li int!" 

 

Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: "Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu, u jimxi warajja.  Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.  Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu?  Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta' Missieru flimkien mal-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel.

Last Updated ( Saturday, 02 September 2017 )
 
< Prev   Next >