Saturday, 18 November 2017
           
Home
IT-TLIETA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2017) GHANDNA B{ONN KNISJA OMM LI TWIDDIBNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 09 September 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tlieta u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

ezekiel_prophet.jpg

 

Alla huwa Mħabba u l-Imħabba ma tisforza lil ħadd.  Din hija ċ-ċavetta li biha wieħed jista’ jħoll il-Misteru tal-ħażen fid-dinja.  Kieku ried, Alla seta ħalaq kollox ipprogrammat għat-tajjeb biss, imma b’hekk kien joħloq dinja ta’ “robots” u mhux bnedmin ħielsa.  Dan, l-Imħabba ma tistax tagħmlu.  L-Imħabba vera tħalli lil maħbub jew lil maħbuba fil-libertà.  L-ebda ġuvni ma jista’ jisforza tfajla biex tħobbu.  L-Imħabba jew hija ħielsa jew xejn.  Jista’ jbeżżagħha jew jisforzaha b’elf mod, imma lil qalbha ma jirbaħhiex b’daqshekk.  U Alla li hu l-espert per eċċellenza tal-Imħabba, dan jafu ħafna ħafna iktar minna. 

 

Ħafna ma jidħlux fil-profond ta’ dan li qed ngħidu u jagħmlu l-mistoqsija ta’ dejjem: “Jekk Alla jħobbna daqshekk, kif iħalli tant inġustizzji fid-dinja, tant traġedji, tant kruha?”

 

 

La Alla ħalaq lill-bniedem f’att ta’ Mħabba, kellu jirriskja mmens fuqu.  Ma setax ma jħallihx ħieles li jagħżel jekk iħobbux lura jew le.  La l-bniedem hu frott l-Imħabba hu għandu l-libertà tal-għażla bejn li jwettaq ħwejjeġ tajba jew ħżiena.  Hu minn hawn li tnissel id-dnub.  Nistgħu naħsbu, anzi għandna nkunu ċerti, li Alla kien jaf x’se jiġri u diġa kellu f’moħħu sa minn qabel l-opra tal-ħolqien li hu kien se juri bl-aqwa mod l-Imħabba tiegħu billi jibqa’ jħobb lill-bniedem anke meta dan b’mod ingrat kien se jsir l-għadu ta’ min ħalqu.  Li jinżel jgħammar mal-bniedem f’Ġesù ta’ Nazaret kien diġa “miktub” minn qabel il-ħolqien tad-dinja.  Dan kien inevitabbli.

 

Il-bniedem uża l-libertà għażiża tiegħu biex dineb.  Dan ikkorrompa n-natura tagħna u d-dnub sar ħafna iktar faċli għalina milli opri ta’ ġustizzja.  Fina daħlet is-susa tal-mewt, u magħha l-biża’ tal-qerda, u dan għamel minna egoisti.  L-Imħabba lejn l-ieħor hekk kif inhu, kif ħabbna Alla, sar impossibbli għalina.  Għalhekk barra l-fidwa fi Kristu li l-Missier offra lill-bniedem, Huwa ħalla fid-dinja Knisja biex tkun ta’ Omm, ta’ Għalliema u ta’ Gwida għalina, għax anke meta niskopri l-Imħabba ta’ Alla, xorta nibqgħu suġġetti għan-natura li ladarba dinbet f’Adam tibqa’ miġbuda lejn it-taħsir.

 

Il-Knisja tgħinna bit-twissijiet u l-pariri tagħha, u f’dan is-sens tpoġġi quddiemna kliem ġej minn Alla nnifsu, li huma gwida, triq lejn Ħajja għal Dejjem u ħelsien mill-mewt.  U f’dan l-isfond li rridu nħarsu lejn il-liġi u l-preċetti li tagħtina l-Knisja.  Ħadd ma jista’ jeħdilna l-libertà li tana Alla nnifsu, imma mal-libertà titwieled ukoll ir-responsabiltà u huwa hawn li għandna bżonn il-Knisja biex tgħinna u tikkoreġina.

 

L-Ewwel Qari

 

Bħala prekursuri tal-Knisja, Alla bagħat il-profeti u nies ġusti oħra.  Dawn inagħtaw il-missjoni li jwasslu l-Kelma ta’ Alla lill-poplu magħżul.  Il-Kelma ta’ Alla hija Kelmet l-Imħabba, u biex iwassluha Alla mela lill-profeti ul-messaġġiera tiegħu bl-Imħabba lejn il-poplu.

 

Kollha ġew milqugħa ħażin.  L-Imħabba ġiet feruta f’qalbha għax ma ġietx mifhuma, anzi l-bniedem ħasibha għadu tiegħu.  Sal-lum il-biċċa l-kbira tal-bnedmin għadhom jaħsbu li biex Alla jħobbok trid timpressjonah bit-tajjeb tiegħek, u trid titqanżaħ ħafna biex tagħmel dan!  Għalhekk ħafna ma jagħtux kasu u jagħmlu fattihom u jipposponi l-jum meta jippruvaw jerġgħu lura lejH għax hekk jaqblilhom.  Dan hu qsim il-qalb għall-Imħabba li hi Alla.

 

Fis-suspett tiegħu il-bniedem ħaqar il-messaġġiera tal-Imħabba u sikwit qatilhom.  Dawn il-messaġġiera ma ġewx emmnuti għax l-Imħabba ma ġietx emmnuta.  Kollha fallew; kollha ġew emarġinati.  Imma xogħolhom wettquh tajjeb.  Huma kienu fost il-ftit li għarfu l-Misteru tal-Imħabba ta’ Alla u ma setgħux ma jħobbuhiex u ma jobduhiex.  Ġeremija, l-Ħadd li għadda, qalilna li għalkemm kellu qalbu mimlija mrar u xtaq li ma jwassalx iktar il-Kelma tal-Imħabba, f’għadmu xorta kellu bħal nar jaqbad li ma ħallihx kwiet.  Din hi l-esperjenza ta’ kull min jiskopri li hu maħbub minn Alla f’qies tal-ġenn.

 

Eżekjel kien wieħed minn dawn il-messaġġiera.  Kien jaf xi jfisser it-toqol li tkun messaġġier ta’ Alla għax dawn l-affarijiet huma serji mmens.  Alla jgħabbi l-profeta bir-responsabilta li jwiddeb, anke kultant bi kliem aħrax bħalma kull missier iwiddeb lil ibnu.  Jekk le, ikun hu respnsabbli tad-dnub tal-poplu.  F’dan id-dawl, il-Knisja u dawk li għandhom responsabiltajiet fiha, għandhom ukoll dan it-toqol tat-twiddib u għandna lkoll nifhmu li Allaħares ma tkunx il-Grazzja u l-għajnuna ta’ Alla biex twettaq tajjeb dan ix-xogħol.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.  33, 7-9

 

"Lilek, o bniedem, qegħedtek għassies ta' dar Iżrael. Meta tisma' minn fommi xi kelma, għandek twiddibhom f'ismi.

 

Jekk jien ngħid lill-midneb: 'Int tmut żgur,' u int ma tkellmux u ma twiddbux biex jitlaq triqtu, hu, il-midneb, imut fi ħżunitu, imma demmu nfittxu minn idejk.  Imma jekk inti twiddeb il-midneb dwar triqtu biex jerġa' lura minnha u ma jerġax, hu jmut fi dnubu, imma int tkun salvajt ħajtek.”

 

Salm Responsorjali

 

Huwa iebes għall-bniedem li jisma’ minn min iwiddbu għax ilkoll għandna fina id-duda tas-suppervja.  Dan hu aktarx l-aktar dnub li niddejqu nammettu, imma huwa d-dnub li hu l-Omm tad-dnubiet kollha.  L-umli jobdi imma s-supperv ma jobdix u jagħmel fattih.  Din hi l-istorja ta’ kulħadd.

 

Is-Salm li għandna, wara li jistedinna għall-umiltà biex niċċekknu quddiem min tana r-rigal tal-ħajja, iwiddibna, għall-ġid tagħna, biex ma nwebbsux qalbna fil-kburija u fl-irvell kontra Alla, l-aktar meta l-Istorja li jpoġġi quddiemna ma togħġobniex.  Kemm hu tqil li wieħed jagħmel ir-rieda ta’ min ħalqu!  Minn hawn nistgħu nobsru kemm hi kbira l-kburija tagħna.  Alla jkellimna, imma ħafna drabi nsoddu widnejna għax idejjaqna u jgħawweġ il-pjanijiet tagħna.  Is-Salm jgħid: “Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!”  (v. 7).  Huwa l-umli li jħalli lill-Mulej “iħaffirlu” widnejh, kif tgħid il-Bibbja, biex tkun tista’ tgħaddi l-Kelma u tinfed sa ġo qiegħ qalbu.  Meta dan iseħħ, il-bniedem jibqa’ mbellah meta jinduna kemm kien baħnan u stupidu li ħaseb ħażin f’min ħabbu tant.

 

Il-poplu fid-deżert nesa minn xhiex qalgħu Alla.  Nesa l-għaks, l-uġigħ, il-moħqrija tal-Eġittu u baqa’ jiftakar biss fil-ħobs li kienu jitfgħulu kuljum biex jiekol u jieħu saħħtu biex jaħdem iktar, bħal annimal tat-tagħbija.  Ftakar biss fil-basal, fil-kurrat, fil-ħjar u fit-tewm tal-jasar u xxenqu biex jergħu imorru lura!  Lanqas titwemmen, imma dan hu li nagħmlu aħna.  Nixxenqu għad-dnub u għall-pjaċir tiegħu u ninsew il-frosti u l-mewt li jġib fuqna.  Fil-kburija tagħna irridu li nkunu aħna li mmexxu ħajjitna, anke jekk ilkoll għandna manija li niġru lejn tarf is-sies.  Il-poplu kien jibki għall-Eġittu!!  U Mosè qalilhom: “Intom imxejtu ħażin miegħu; m’intomx uliedu, għajb għalikom; nisel ta’ nkwiet u għawġ intom.”  (Dewt. 32, 5). 

 

U hawn is-Salm isemmi żewġ postijiet, Massa u Meriba.  F’dawn il-postijiet il-poplu rvilla kontra Alla fid-deżert għax meta ħasbu li se jsibu l-ilma, jew ma sabux jew sabuh ħażin għax-xorb.  Aħna ngħaddu minn Massa u Meriba wkoll.  Meta l-Istorja ma togħġobniex, aħna nippaikjaw għax ma nafdawx u ekku jibda tiela’ t-tgergir u d-dagħa ta’ Massa u Meriba.  Irrabjati, aħna nwebbsu qalbna kontra l-Mulej u ma nafdawhx u ngħidu: “Xi Mħabba, Mħabba!”  Dan kollu jissarraf f’uġigh enormi għall-midneb.  Ilkoll għandna esperjenza ta’ dan it-taħwid.

 

Ritornell:  Isimgħu leħen il-Mulej, u la twebbsux qalbkom. 

 

Salm 95

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

It-Tieni Qari

 

Kull meta nitkellmu fuq Alla nkunu nitkellmu fuq l-Imħabba, anke meta l-Kelma twiddibna bis-sħiħ u ċċanfarna u tixlina.  F’Alla, kollox hu Mħabba għax Alla hu Mħabba.  Meta n-Nisrani jimxi ’l quddiem fil-Fidi jiskopri li, wara kollox, għażla waħda hemm: jew tħobb jew ma tħobbx.  Din hi l-ġabra tal-kmandamenti kollha.  Il-Lhud l-għaxar kmandamenti ma jsejħulhomx kmandamenti imma l-Għaxar Kelmiet tal-Ħajja.  Jekk trid tgħix obdihom, għax fihom biss hemm il-Ħajja. 

 

Jekk għandkek l-Imħabba, hi stess turik x’għandek tagħmel.  Ħafna drabi dan mhux faċli, imma skont l-Imħabba, s-saħħa.  Iktar kemm tħobb iktar għandek saħħa tagħmel dak li tgħidlek l-Imħabba.  Il-Lhud kienu jiġbru t-twissijiet kollha ta’ Alla f’sentenza waħda li huma jsejħulha ix-Xemà: “Ħobb lil Alla b’qalbek kollha, b’moħħok kollu u bis-saħħa tiegħek kollha, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”  Min jagħmel hekk jinsab fil-Ġenna ġa minn hawn.  Barra minn din il-frażi hemm l-infern u ħafna huma dawk li qegħdin jgħixu fih bla ma jindunaw.  Ħafna mill-inkwiet li għandna ġej mid-dnub.  Aħna nwaħħlu f’dak u fl-ieħor u niskartaw il-verità.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  13, 8-10

 

Tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-Liġi.  

 

Għax il-kmandamenti: "La tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx, la tkunx rgħib," u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f'kelma waħda: "Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek."  L-imħabba ma tagħmilx deni  lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.

 

Evanġelju

 

Qed għixu f’dinja ta’ relattiviżmu kbir.  Kollox sar xejn mhu xejn.  Il-liġijiet tal-Istat fil-punent taw il-barka lil ħafna dnubiet li joqtlu lill-bniedem.  Qegħdin nidraw naċċettaw kollox qisu xejn.  Għalhekk il-Vanġelu tal-lum f’daqqa waħda sar kważi mpossibbli twettqu.  Għax Kristu ma jħarisx lejn il-bniedem kif inħarsu aħna.  Għal Kristu d-dnub hu mewt u dak li kien dnub il-bieraħ hu dnub illum, bħalma l-ikel li kien jivvelena l-istonku l-bieraħ għadu jivvelenah illum.  Wieħed jista’ jwissu kemm jiflaħ, imma t-taħsir tad-dinja li jikber għax fih hemm il-qligħ tal-flus, qed jidħol f’darna.  Illum tfal, żgħażagħ u kbar, kemm jgħafsu buttuna u jidħlu f’dinja ta’ pornografija li taqleb moħħ il-bniedem u tbegħdu miljun mil mill-Imħabba vera.  Fil-kburija tiegħu l-bniedem jgħid li hu ħieles u jagħmel li jrid bla ma jiftakar li l-ħelsien jista’ joqtlok jekk użat ħażin. 

 

Wara dawn l-attakki fuq il-bniedem hemm il-kilba għall-flus, l-ikbar għadu ta’ Alla.  “Mammona” jaħti għat-tixrid tad-droga, għas-serq, qtil, qrati u kull ħażen ieħor.  Min hu mdawwal fuq dan; min qed jimxi wara Kristu, iħoss it-tagħbija li jwissi u jħambaq kontra dan kollu, anke jekk jaf li ż-żufjett se jkun sehmu. 

 

Imma dawk li jibku fuq il-gwaj tad-dinja, li qalbhom tinagħfas meta jaraw żgħażagħ imrobbija sewwa u ta’ karattru tajjeb jittieħdu mill-ġdiem tas-soċjetà, għandhom ikunu jafu li Alla għandu mogħdrija speċjali għalihom.  Alla hu qrib, sieħeb dawk li jinkwetaw fuq il-bniedem u jaħdmu biex jiġbduh lura mis-sies tal-baħħ.  Fil-qalba tad-dieqa, huma jduqu l-ħlewwa tal-Imħabba li hi Alla.  Huma biss jafu kemm hu tajjeb il-Mulej u huma jixxettlu u ma jintelqux minħabba l-faraġ tiegħU.

 

Versett: Hallelujah.  Kull min iżomm il-Kelma ta’ Kristu, fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  18, 15-20

 

"Jekk ħuk jaqa' f'xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma' minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk.  Jekk ma jismax, erġa' mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta' żewġ xhieda jew tlieta.  Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma', mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma' żommu b'wieħed pagan u pubblikan.

 

 Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma     tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema.  Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu   fis-smewwiet, jagħtihielhom.  Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f'ismi hemm inkun jien f'nofshom.

 
< Prev   Next >