Tuesday, 24 October 2017
           
Home arrow Home
L-ERBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2017) IL-MAHFRA TURI MIN AHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 16 September 2017

Din hija il- Liturgija  ta' L-Erbgha u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

apostle_paul.jpg

Il-bniedem minn dejjem kien ħlejqa reliġjuża.  Minn meta kien jgħix fl-għerien u beda jibni t-tempji megalitiċi, il-bniedem għaraf li xejn ma jsir mix-xejn, u li  “Id Qawwija” kienet ħalqet lilu u l-univers ta’ madwaru, u fuq kollox għaraf li hu kellu bżonn lil dan ix-“Xi Ħadd” misterjuż.  Minn dan il-ħsieb twieldu r-reliġjonijiet kollha.  Il-bniedem beda jfittex lil Alla u jipprova jibni relazzjoni miegħu.  Iktar kemm beda għaddej iż-żmien, dawn ir-reliġjonijiet iktar bdew jimmaturaw.  Dam il-bniedem ma għadda għall-kunċett ta’ “Alla Wieħed”, imma fil-poplu ta’ Iżrael, Alla beda juri lilu nnifsu.

 

Matul din il-mixja ta’ maturazzjoni, l-bniedem għaraf id-dgħufija tiegħu u beda jħoss il-bżonn li l-azzjonijiet tiegħu ikunu kkontrollati minn liġijiet.  Għalhekk l-ewwel kodiċi ta liġijiet kienu ta’ natura reliġjuża.  Kull reliġjon kellha xi tip ta’ liġijiet: jekk il-bniedem jobdi kien ikollu lil Alla, jew l-allat, biex jgħinu, jekk le kien jibqa’ bla għajnuna.  Din hi ideja primittiva ħafna u li għadha timmarka  anke lil moħħ tagħna, tant li wieħed ma jimmaġinax reliġjon mingħajr xi tip ta’ liġijiet morali.  Anzi mill-ewwel  ngħaqqdu l-kunċett ta’ Alla ma’ liġijiet, mal-mod morali ta’ kif wieħed għandu jgħix f’soċjetà. 

 

 

Imma lill-bniedem wieħed ma jistax jeħodlu kopja.  Huwa ħlejqa li tiżbalja.  Beda jinduna li ġewwa fih hemm reżistenza qawwija għal kull tip ta’ liġi, anke jekk jaqbel li hi tajba u li għandu bżonnha.  Għalhekk beda jinduna li sikwit kellu bżonn il-maħfra ta’ Alla jekk ried li jkollu xi tip ta’ relazzjoni miegħu.  Beda jinduna wkoll li kellu bżonn jaħfer lil ħutu l-bnedmin, u li jiġi maħfur minnhom, jekk ried li jkompli jgħix f’soċjetà, fi grupp, f’ġemgħa.  Infatti s-sliem fil-grupp jew tribù tiegħu kien jiddependi għal kollox mill-maħfra ta’ bejn il-bnedmin.

 

Dan kollu kien ġie nkarnat fir-reliġjonijiet, f’xi wħud iktar minn oħrajn.  Huwa ovvju li hemm maħfra mod u hemm maħfra mod ieħor.  Hemm differenza bejn li taħfer lil ibnek u li taħfer lill-għadu tiegħek.  Hemm differenza bejn li wieħed jaħfer ħmerija u li jaħfer ġerħa fil-qalb li qatt ma tfieq għal kollox.  Ħafna drabi l-maħfra jkollha titqabad kontra n-natura tagħna u sikwit toħroġ telliefa.  F’dan il-kas il-bniedem jipprova jagħti raġun lilu nnifsu biex jinħeba mit-tingiż tal-kuxjenza.  Ħafna huma dawk li tbegħdu minn Alla minħabba li sabuha mpossibbli jaħfru lil għajrhom.  U ħafna huma dawk li, anke jekk ġie li jqerru, qatt ma daqu tassew il-Maħfra sorprendenti ta’ Alla. Jgħaddu minn rit għal rit ieħor tal-Maħfra, imma qatt ma għexu tassew il-mument purifikanti meta huma baqgħu imbellha bil-għaġeb tal-Imħabba ta’ Alla li ħabbu anke meta kien għadu tiegħu, anke meta wettaq oxxenitajiet u qżiżijiet li qatt ma emmen li setgħu jinħafrulu.  Fl-aħħar mill-aħħar huwa dan il-bniedem, li dineb ħafna u nħafirlu ħafna, li jista’ jifhem tassew x’inhi l-Maħfra u li jista’ jasal li jaħfer kollox għax lilu nħafirlu kollox.

 

L-Ewwel Qari

 

Alla wera ruħu lil Iżrael, u lid-dinja, bħala Dak li jaħfer dejjem jekk jara f’qalb il-bniedem l-indiema u x-xewqa li jgħix aħjar.  Il-qari li ġej mill-għaref Bin Sirak huwa silta mill-isbaħ u prattika mmens dwar il-bżonn tal-maħfra.  Li bniedem iżomm l-għadab f’qalbu, din hi ta’ għejja u ta’ wġigħ għalih u ġġegħlu jitlef is-sliem u jinfexx fil-mibegħda.  Din tħeġġu għall-vendetta u jidħol f’ċirku li minnu ma jkunx jista’ joħroġ ta’ vjolenzi, waħda tpatti għall-oħra.  Dan kollu jkaxkru lill-bniedem għall-infern minn din id-dinja stess għax Alla jinħeba minnu.

 

Imma kemm iħossu ħieles il-bniedem li jirrikonċilja ruħu ma’ Alla u mal-bnedmin.  Isir ħolqien ġdid!  Jinħeles mill-irbit tal-mewt li jkun dar waħda sewwa madwaru.  Jekk jaħfer lil għajru d-deni li jkun għamillu, jista’ jersaq b’iktar kunfidenza u tama quddiem Alla biex jinħafrulu l-iżbalji tiegħu.  Għax min se jmur quddiem Alla jitolbu l-Maħfra ta’ dnubietu, jekk f’xi mkien mudlam ta’ qalbu għadu jwebbes rasu u jgħid li għandu raġun ma jaħfirx lill-għadu tiegħu?  Jekk hu f’sensih għandu jagħraf li ħadd daqs Alla m’għandu raġun ma jaħfirx.  “Jista’ ma jkollux ħniena minn bniedem bħalu, u mbagħad jitlob il-maħfra ta’ dnubietu?”  (v. 4). 

 

Ilkoll kemm aħna nafu kemm niżbaljaw, kemm sikwit niddejqu bina nfusna u nirrabbjaw għalina nfusna għax aħna tant dgħajfa.  Dan hu tajjeb u ta’ ġid għax bl-għarfien tal-miżerja tagħna nistgħu nibdew ngħadru lil min żbalja kontrina, u xi ftit nersqu biex nifhmuh u naħfrulu.  Ilkoll aħna bnedmin tal-laħam, u ħadd, lanqas l-iktar bniedem ġust, ma jista’ jiftaħar li qatt ma naqas lil ħadd.  Anzi l-ġust hu dak li jaf li jekk Alla jneħħi idu minn fuq rasu, jidneb u jidneb ħafna.  Hu għaqli l-bniedem li jaf jirraġuni bil-kwiet miegħu nnifsu u jgħid f’qalbu li jekk ma jaħfirx issa, se jsibha ħafna iktar tqila fuq is-sodda tal-mewt fejn iduru għalih ix-xjaten u jakkużawh u jwerwruh bil-kastig li riesaq.  Jekk il-kmandament jgħidlek li għandek taħfer, iktar qawwija minn hekk hi l-Maħfra li dejjem irċivejt mingħand Alla.  Jekk Alla ħafirlek tant, ma tistax taħfer int il-ġerħa li rcivejt u li se tfieqlek malajr malli taħfer?  Kun af li fost il-bnedmin m’int se ssib lil ħadd li jifhmek u jgħadrek jekk tkompli żżomm tbaqbaq ġewwa fik ir-rabja għal ħuk.  Il-bnedmin kollha jsibuha diffiċli jaħfru, imma ma jagħtux raġun lill-bniedem li jibqa’ ma jridx jaħfer sal-aħħar.

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.  27, 30 – 28, 9

 

Għadab u qilla, dawn ukoll ta' min jistmerrhom,

u l-bniedem midneb mimli bihom. 

Min ifittex jitħallas b'idejh, isib

ħlasu mingħand il-Mulej,

li jifli sewwa dnubietu.

 

Aħfer il-proxxmu dnubietu,

u mbagħad titlob u dnubietek jinħafrulek.

Bniedem irawwem għadab għal ieħor,  

u mbagħad se jfittex fejqan mingħand il-Mulej?

Minn bniedem bħalu m'għandux ħniena,

u mbagħad se jitlob għal dnubietu?

 

Jekk bniedem jibqa' mgħaddab,

min se jpattilu għal dnubietu?

Ftakar fl-aħħar ta' ħajtek, u ieqaf mill-mibegħda;

ftakar fit-taħsir u l-mewt, u oqgħod  għall-kmandamenti.

  Ftakar fil-kmandamenti u tobgħodx il-proxxmu;

ftakar fil-patt ta' l-Għoli u agħlaq għajnejk għall-offiża.

 

  Warrab mit-tilwim u jonqsu dnubietek;

għax bniedem qalil ikebbes in-nar ta' ġlieda,

u bniedem midneb jaqla' l-inkwiet qalb il-ħbieb,

u jiżra' l-mibegħda fost dawk li jgħixu fis-sliem.

 

Salm Responsorjali

 

Dan li ġej huwa Salm ħelu mmens u hu bħal kuċċerina għasel għal min għandu l-morr f’qalbu.  Is-Salmista huwa bniedem ħelu, mimli gratitudni lejn Alla u għandu s-sliem f’qalbu miegħu innifsu u ma’ kulħadd.  Għaliex huwa hekk ?  Għax għandu gratitudni lejn Alla li fejjaqlu qalbu u ħafirlu.  Hu jaf mill-esperjenza tiegħu li « Hu jaħfer dnubietek kollha, jfejjaq il-mard tiegħek kollu, jifdi lil ħajtek mill-ħofra, u jdawrek bit-tjieba u l-ħniena. »  (vv. 3-4).  Hieni huwa l-bniedem li ġarrab dan kollu mingħand il-Mulej.  Hu se jsibha faċli jaħfer l-iżbalji ta’ ħaddieħor għax Alla ħafer lil tiegħu.  Meta wieħed iħoss f’qalbu li kien tassew ħati imma li l-Imħabba ta’ Alla kienet ikbar mid-dnubiet kollha tiegħu, allura jidħol fis-sigurtà ta’ Alla.  Hu ma jħossux mhedded iktar għax Alla hu Missieru u allura ma jsibhiex bi tqila jagħlaq għajnejh għall-għaġir tal-għadu tiegħu.

 

Tassew li l-Maħfra ta’ Alla għalina hi bħal twelid ġdid.  Alla jagħmina « ġodda » meta jaħfrilna ; jagħmilna nies kapaċi naħfru minn qalbna għax mimlijin ferħ u radd il-ħajr lejH li ħafrilna tant.  Qabel konna fqar u tallaba, anke jekk  għonja fil-ġid tad-dinja.  Imma l-Maħfra ta’ Alla tagħmilna « milljunarji » u x’jimporta jekk xi ħadd jisraqlek xi ħaġa meta int għani tant b’teżor moħbi f’qalbek li hi l-Imħabba ta’ Alla ? 

 

Inti Bin Alla !  Tafu dan jew le ?  ħafna ma jafuhx dan.  Il-Maħfra ta’ Alla hi bħat-tgħanniqa tal-Missier fil-parabbola tal-Iben prodigu.  Alla jgħannaqna miegħu il-ħin kollu u aħna lanqas biss nindunaw.  Imma min jinduna, hu bniedem « ġdid ».  Min hu iktar sinjur, iktar hieni, iktar ħieles minn min hu iben adottat minn Alla nnifsu ?  Dan tassew li jaħfer u jaħfer dejjem għax hekk mexa miegħu il-Mulej.

 

Ritornell : Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej.

 

Salm 103

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B'qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

  Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

  u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena;

 

Ma joqgħodx jitlewwem magħna,

u anqas jinkorla għal dejjem.

Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;

ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.

 

Daqskemm huma s-smewwiet 'il fuq mill-art,

hekk hi kbira tjubitu ma' min jibża' minnu;

daqs kemm hu mbiegħed il-lvant mill-punent,

hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.

 

It-Tieni Qari

 

Fil-qari li ġej, San Pawl jgħid xi ħaġa kbira: “Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej.  Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.”  (v. 9).  Biex din tassew isseħħ f’ħajjitna jrid ikollna intimità kbira mal-Mulej, intimità mibnija fuq Imħabba vera.  Huwa hawn li rridu naslu.  Alla għal dan ħalaqna.  Hu ħalaqna biex ngħarfu l-Imħabba kbira tiegħu lejna murija fi Kristu Ibnu, u meta jkollna din ix-xorti, nimtlew b’Imħabba lejH u lejn il-proxxmu tagħna.  Ngħixu għaliH u mmutu għaliH!  Hu kollox u fuq kollox.

 

Huwa ċar li f’din ir-relazzjoni, m’hemmx iktar bżonn ta’ Liġi.  Għidna li r-reliġjonijiet kollha huma msejsa fuq lista ta’ liġijiet.  Il-Kristjaneżmu le!  Dan nipproklamawh b’saħħitna kollha.  Hu veru li l-Kristjaneżmu għandu xi liġijiet ta’ tip morali, ta’ gwida kif in-Nisrani għandu jġib ruħu.  Imma mhux għax jimxi fuq dawn il-liġijiet huwa Nisrani.  Mhux għalhekk hu Nisrani.  Mhux għax jobdi l-liġijiet huwa Nisrani (u mbagħad m’hawn ħadd li jobdihom kompletament...).  Huwa Nisrani għax bi Grazzja mogħtija lilu bla ma kien jistħoqqlu, huwa għaraf kemm kbira hi l-Imħabba tal-Missier għalih li bagħat lil Ibnu biex jitfarrak fuq forka kiefra biex hu jeħles mid-dejn tad-dnubiet tiegħu.  Jinduna li fi Kristu Alla tah kollox u ma baqagħlux iktar x’jagħtih.  Din hi l-Fidi tan-Nisrani.  Hu minħabba fil-Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu li bniedem isir Nisrani adult.  U l-Missier tah kollox mhux meta hu kien tajjeb imma meta kien għadu tiegħu.  Mhux biss ħafirlu kollox imma ħalla lil Ibnu jbati u jmut biex il-midneb, l-għadu, ma jkollux xi jpatti! 

 

Din hija l-Maħfra li lkoll gawdejna minnha.  Hu għalhekk li aħna nistgħu naħfru. Il-Maħfra ma tista’ qatt tħares lejha mil-lenti tal-Liġi. Ma tistax taħfer bil-fors għax tibża’ minn xi ħaġa.  Le, dik mhix maħfra.  Tista’ taħfer minn barra, imma qalbek tibqa’ feruta.  Ma tkunx ħfirt mill-qalb.  Taħfer tassew għax tkun għaddejt mill-esperjenza tremenda tal-Maħfra li qalbitlek Ħajtek ta’ taħt fuq, tant li tara saħansitra l-inġustizzji li sarulek b’mod differenti.  Jekk taħfer mill-qalb int Nisrani; jekk taħfer għax bil-fors, jew addirittura ma taħfer xejn, int m’intix Nisrani.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  14, 7 - 9

 

 Għax ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu.  Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, mmutu għall-Mulej. Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.  Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun Sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin.

 

Evanġelju

 

Pietru jagħmel mistoqsija mportanti lil Ġesù fil-Vanġelu tal-lum.  Tajjeb, “suppost” naħfru.  Ma nkunux Insara jekk ma naħfrux.  Imma, “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu?  Sa seba’ darbiet?”  (v. 21).  Il-fatt li Pietru għamel din il-mistoqsija, il-fatt biss, jurina li Pietru kien għadu mhux Nisrani.  Wara l-Pentekostè ma għamilhiex aktar din il-mistoqsija, għax dak in-nhar hu għaraf kollox fid-dawl tal-Ispirtu s-Santu.  Hu għaraf f’liema qies kien maħfur minn Alla għal dejjem u għalhekk m’hemmx iktar limitu għall-maħfriet li issa kien se jaħfer.  Bla limitu.  Mhux għax hekk “suppost”.  Mhux għax hekk tgħid il-Liġi.  Mhux b’ħafna sforzi li jġagħluk taħseb li int xi ħaġa.  Imma għax tkun ġejt imfejjaq minn ġewwa mill-Maħfra ta’ Alla.  U l-Maħfra ta’ Alla hija Ġesù Msallab.

 

Il-qaddej li nħafirlu bosta u hu ma kienx kapaċi jaħfer ħaġa ċkejkna lil ħuh, hu kas li jħawwadna!  Ftit minuti qabel kien lest għall-kundanna fuq dejn li ma seta qatt u qatt iħallsu. U issa kien ħiereġ mill-qorti totalment maħfur.  Suppost kien qisu rebaħ lotterija ta’ eluf kbar ta’ liri.  Suppost li kien qed jaqbeż bil-ferħ.  Suppost li kien lest jieħu lil ħbiebu jixorbu miegħu u jagħmlu festa.  Suppost li anke jekk xi ħadd jisirqu xi ħaġa, tant kienet kbira xortih li ma kienx se jagħmel plejtu...  Minflok, qalbu baqgħet iebsa!  Qisu ma nħafirlu xejn!  Bla gratitudni.  Baqa’ bil-geddum, igerger f’qalbu kemm kienet iebsa l-Ħajja miegħu u kemm kellu jbati. 

 

Possibbli dan?  Iva, u din tiġri l-ħin kollu magħna!  Kemm qrar qerrejna!  Kemm maħfriet.  Xita ta’ maħfriet mis-sema.  L-ebda waħda minnhom ma kienet tkun possibbli kieku mhux għax Kristu fetaħ idejħ fuq is-Salib.  Maħfriet li swewlu tant lil Ġesù u aħna qisu xejn.  U noħorġu mill-konfessjonarju bla saħħa biex issa naħfru ċ-ċuċati tal-bnedmin.  Dan hu misteru.

 

In-Nisrani mhux biss għandu saħħa jaħfer, anzi jara fl-inġurja li jirċievi, Grazzja!  Forsi kien Alla li ħalla lil dak li jkun iweġġgħu bl-aġir tiegħu!  Alla jippermetti li nirċievu l-insulti biex nikbru xi ftit fl-umiltà.  Għax aħna l-ħin kollu ta’ Ħajjitna mhedijin nibnu l-pedestal biex nitilgħu fuqu u nkunu xi ftit ’l fuq mill-oħrajn.  U Alla jpoġġi kanun quddiem il-pedestal tagħna, li batejna tant biex bnejna, u jispara balla u kollox jaqa’ mal-art!  Il-kanun ikun dan “l-imbierek” li ġie quddiemi u kissirni b’kelma li qalli jew b’dak li għamilli.  Dan hu ta’ wġigħ veru, imma l-uġigħ, ħafna drabi, jkun ġej mis-suppervja tagħna.

 

David, fuq dawn il-ħwejjeġ, kellu dawl.  Ibnu qam kontrih u ħadlu s-Saltna u hu kellu jaħrab mill-belt bil-ftit suldati li kien għad baqagħlu għax beża’ li jaqbdu ibnu u joqtlu.  Ħareġ ħafi miexi bil-mod għax issa kien xjieh, u f’daqqa waħda jidher wieħed li kien jobogħdu u beda jgħajru, iwaqqgħu għaċ-ċajt u jgaralu l-ġebel.  Wieħed mis-suldati qal lis-sultan biex iħallih imur jaqtagħlu rasu.  Imma David wieġeb: “U jekk hu Alla li qed iħallih jinsultani?”  F’dan il-mument ta’ umiljazzjoni hekk kbira, abbandunat minn kulħadd u donnu anke minn Alla stess li tant kien iffavurieh matul l-Istorja tiegħu, David jibqa’ ankrat ma’ din l-ideja qaddisa li kollox hu minn Alla u li kollox hu għall-ġid ta’ dawk li Alla jħobb.

 

Meta nikbru fil-Fidi u jkollna din l-ispiritwalitá profonda ta’ kif inħarsu lejn l-affarijiet, allura isir aktar faċli għalina naħfru lill-għadu.  Għax jekk nibqgħu fuq livell biss reliġjuż, jew addirittura nibqgħu Insara tal-isem, wieħed jista’ jivvinta liġijiet kemm irid għax il-bniedem m’għandux saħħa jobdihom.  Imma għal Alla kollox jista’ jkun.

 

Versett: Hallelujah.  Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja, u inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  18, 21-35

 

F’dak iż-żmien: Pietru resaq lejh u qallu: "Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba' darbiet?"  "Ma ngħidlikx sa seba' darbiet," wieġbu Ġesù, "imma sa sebgħa u sebgħin darba. 

 

Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma' wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu.  Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent.  Billi ma kellux minn fejn iroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b'hekk jitħallas id-dejn.  Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu, 'Sinjur, stabar ftit bija; kollox inroddlok.'  Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu. 

 

Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa' ma' wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. 'Ħallas dejnek,' qallu.  Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu, 'Stabar ftit bija u nroddlok.'  Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih. 

 
< Prev   Next >