Tuesday, 24 October 2017
           
Home arrow Home
IL-HAMSA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2017) IL-GENEROZITÀ TA’ ALLA LI TMUR LIL HEMM MID-DNUB TAGHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 23 September 2017

Din hija il- Liturgija  tal-Hamsa u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

matthew.20.1-16.jpg

 

Alla hu Mħabba u l-Imħabba hi dejjem ġeneruża.  L-oġġett tal-Imħabba ta’ Alla huwa l-bniedem, huwa jien u huwa int.  Għalhekk Alla hu dejjem ġeneruż immens magħna u din il-ġenerożità tiegħu tmur lil hemm mid-dnubiet kollha li nwettqu.  Jekk naslu fit-tmiem tad-dnubiet tagħna, l-Imħabba ta’ Alla għalina tkun qisha għadha se tibda t-tiġrija: ma tgħejja qatt tinagħta, tinagħta u terġa’ tinagħta.  Din il-ġenerożità mmensa u l-Imħabba ta’ Alla ntwerew b’mod spettakulari meta l-Iben niżel jgħammar fostna fil-ġisem ta’ Ġesù ta’ Nazaret.  Mhux biss għammar magħna, u tgħabba bit-tbatjiet tagħna... mhux biss tħassarna u għen lil kull min iltaqa’ miegħu... mhux biss imliena bid-Dawl u l-Għerf tat-tagħlim tiegħu... imma fuq kollox Hu daħal fil-Misteru tal-Għid, u din kienet l-akbar att ta’ ġenerożita li qatt wettaq Alla.  Għalkemm huwa Alla li jista’ kollox, Hu ma jistax jisboq dik il-ġenerożità!

 

Fil-Misteru tal-Għid, Kristu daħal fit-tbatija, fil-Passjoni, fil-Mewt u fil-Qawmien Glorjuż.  Dan hu l-Misteru tal-Għid.  Imma xi tfisser din l-għotja, din il-ġenerożità?  Xi jgħidlek lilek u lili dan il-Misteru tal-Għid li Kristu ġie biex jgħix u jġarrab?  Importanti li mhux biss inkunu nafu imma li dan l-għarfien isir ħuġġieġa nar f’qalbna, ibiddilna, jsir Imħabba reċiproka lejn dak Alla li ħabbna tant u jqaċċatt minna l-irbit tal-egoiżmu biex inkunu nistgħu ninagħtaw għal ħutna l-bnedmin.  Ovvjament dan ma jistax ikun xogħolna.  Dan hu xogħol l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla.

 

 

Imma nerġa’ nistaqsi, x’għamel għalina Kristu meta waslet is-siegħa tiegħu?  Huwa miet biex iħallas id-dejn tad-dnub tagħna.  Huwa ħa fuqu dak li l-Liġi kienet titlob għalina: min jidneb iġarrab il-mewt.  Hu ħa fuqu d-dnub tad-dinja kolllha u ġarru miegħu lejn il-Kalvarju u hemm il-bniedem Ġesù Kristu ħa l-kastig biex min jemmen f’dan kollu, jiġi ġġustifikat, isir ġust, jeħles mill-mewt tad-dnub.  Aħna nistgħu ngħixu għal dejjem, għax Kristu daħal fil-mewt f’ismna u wera li l-Imħabba hi akbar mil-Liġi, akbar mill-mibegħda, akbar mid-Dnub, għax l-Imħabba ħarġet rebbieħa.  Fi Kristu rxuxtat naraw l-Imħabba rxuxtata fuq il-mewt tad-dnub.  L-Imħabba hi akbar mill-ħaqq.  U dan b’risq tiegħi u tiegħek! 

 

Imma dawn huma paroli fqar immens, immens!  Kif jista’ wieħed jitkellem fuq l-Aħbar it-Tajba bi kliem tant fqir!  Għalhekk, jew jaħdem l-Ispirtu s-Santu jew xejn.  Huwa Hu li għandu s-setgħa li jiftħilna l-għajnejn ta’ qlalubna biex naraw dak li għajn qatt ma rat u nisimgħu dak li widna qatt ma semgħet x’lesta għalina Alla li jħobbna tant.  J’Alla x-xorti kbira ta’ ħajjitna tkun li ngħarfu bl-Ispirtu dak kollu li Kristu wettaq għalina!

 

L-Ewwel Qari

 

Il-bniedem jidneb għax ma jagħrafx din l-Imħabba ta’ Alla għalih.  Dan jagħmel minnu bniedem egoista.  Dan hu aħna lkoll.  Mingħajr l-Imħabba ta’ Alla aħna nidħlu mill-ewwel, istantanjament, fil-mewt u fil-biża’ tal-mewt.  Kollox jibda jheddidna!  U għalhekk il-ħin kollu bil-ponnijiet merfugħa biex niddefendu ruħna kontra dak li jista’ jiġrilna, kontra dak li jista ħaddieħor jgħidilna, kontra l-mard li nistgħu inġarrbu aħna jew l-għeżiez tagħna... fi gwerra kontra kollox.  Dejjem taħt assedju!  Dan hu l-bniedem imsejken maqtugħ mill-għarfien tal-Imħabba tal-Missier li ntweriet fl-Iben Kristu Ġesù. 

 

Il-konverżjoni vera mhux li għandek dnub u tmur tqerr biex titqarben.  Ħafna drabi nidħku bina nfusna nkunu!  Diġa taf li x’ħin jgħaddu jumejn int se terġa’ taqa’ fl-istess gandott.  Din mhix konverżjoni, mhix bidla tal-qalb.  Il-konverżjoni hija li int tħossok maħbub tassew minn Alla, hekk kif int, anke bid-dnub tiegħek.  Mhux għax Alla jiġi jaqa’ u jqum jekk tidnibx jew le!  Żgur li le!  Alla ma jridekx tidneb għax id-dnub joqtlok.  Imma lilek iħobbok għax jaf li int u jien ilsira tal-kundizzjoni marida, tal-kanċer tar-ruħ li huwa d-dubju tagħna dwar Alla.

 

Meta niskopru l-konverżjoni, qalbna timtela b’Fiduċja f’Dak li jħobbna tant u ninħelsu mill-biża’ ta’ x’jista’ jiġri. Din hi l-Fidi!  Ħafna drabi l-Istorja ma tiġix kif nippjanawha aħna, u Allaħares!  Imma fina jkun hemm dik iċ-ċertezza li tgħidilna li Hu jaf x’inhu jagħmel; ċertezza li l-Istorja hija mmexxija mill-Imħabba li toħroġ il-ġid minn kollox.  Dan hu l-ottimiżmu dejjiemi tan-Nisrani.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  55, 6-9

 

Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,

sejjħulu sakemm hu fil-qrib!

Ħa jħalli triqtu l-midneb,

u l-bniedem  il-ħażin fehmietu;

ħa jerġa' lura għand il-Mulej u jħenn għalih,

għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.

 

  "Il-fehmiet tiegħi m'humiex fehmietkom,

u t-triqat tiegħi m'humiex triqatkom,

oraklu  tal-Mulej.

Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,

daqshekk ieħor huma triqati 'l fuq minn triqatkom,

u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.

 

Salm Responsorjali

 

Fiż-żminijiet tagħna l-Knisja qegħda tinduna li għandha bżonn li jkollha process, strutturi ta’ evanġelizzazzjoni mill-ġdid tal-imgħammdin membri tagħha, barra milli għal dawk li jgħixu f’pajjiżi li dari konna nsejħulhom “tal-Missjoni”.  Spiċċa ż-żmien fejn wieħed jieħu “for granted” il-Fidi ta’ kulħadd fil-Parroċċa.  L-influwenza tal-midja ddominata mill-kultura dominanti, sekulariżżata u pagana tal-lum qegħda tinfiltra fil-familji u d-djar ta’ madwar il-knisja tar-raħal.  Qabel, il-knisja tal-ġebel kienet bħal qroqqa mdawra mill-flieles/djar, u din ix-xbiha kienet vera għax il-knisja kienet it-tieni dar ta’ kulħadd.  Dan m’għadux il-kas, jekk irridu nkunu sinċieri.  Jekk il-pajjiż qiegħed jgħaddi ċerti liġijiet li jmorru kontra l-etika morali li dejjem ħaddnet il-Knisja mill-bidu nett, dan għax il-poplu jridhom dawn il-liġijiet.  Alla jibgħat is-sinjali taż-żminijiet biex narawhom u nibdlu l-mentalità.  Il-Knisja għandha jkollu żewġt iġwienaħ jekk trid li ttir: il-ġwejnaħ li mdorrijin bih, dak tal-liturġija u s-servizz sagramentali; u l-ieħor tal-evnaġelizzazzjoni, tal-predikazzjoni kateketika u profonda li trawwem il-poplu fil-Fidi.  Għax mingħajr Fidi m’hemmx sagramenti, u mingħajr sagramenti l-Fidi tinxef.  Żewġt iġwienaħ, mhux wieħed!

 

Għalhekk illum, il-Knisja sikwit tistieden in-nies biex barra l-quddiesa, jagħmlu l-almu u jiġu jisimgħu katekeżi, jew il-Kelma ta’ Alla.  Ħafna jirrifjutawh dan!  Il-quddiesa biżżejjed, jgħidulek.  Ingannati!  Ma jiġux għax jibżgħu li Alla se jeħdilhom xi ħaġa.  Diġa qed jeħdilhom il-ħin tal-quddiesa!  Diġa qed jeħdilhom tip ta’ ħelsien bil-kmandamenti u l-preċetti tiegħu!    Issa se jivvintaw ukoll is-Smigħ tal-Kelma... 

 

Dan kollu jmur kontra dak li qed twasslilna l-Liturġija tal-Kelma tal-lum.  Alla ma jrid jieħu xejn mingħand ħadd, u lanqas għandu bżonn ħadd!  Hu jrid jagħti u jagħti u jerġa’ jagħti.  Hu ġeneruż.  Huwa l-bniedem li għandu bżonn ta’ Alla.  Huwa l-bniedem li għandu bżonn jiskopru li Alla mhux xi ħadd li trid tikkalmah bil-panadol tal-quddiesa tiegħek.  Il-Quddiesa hi għalik, imma dan inti ma tafux għax m’intix Nisrani.  Għandek bżonn tikber fil-Fidi  biex tkun Nisrani u “tara” u tapprezza l-ġid enormi li tiegħu int werriet. 

 

Is-Salmista li kiteb dan is-Salm huwa bniedem li għaraf dak li kellu jagħraf minn Alla, u dan l-għarfien imlih bi gratitudni.  Mhux hu jagħti lil Alla imma Alla jagħti lilu, u fi Kristu l-Missier tana kollox tant li ma jista’ qatt iktar jagħtina xi ħaġa li tmur lil hemm minn dan!  Fi Kristu, l-Missier tana t-Teżor tiegħu, u min hu mbierek li jġorr dan it-Teżor f’qalbu m’għadux iktar tallab, lanqas ilsir, imma Sultan.

 

Ritornell: Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu.

 

Salm 145

 

 Kuljum irrid inbierkek,

u nfaħħar ismek għal dejjem ta' dejjem.

Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru bil-bosta,

bla tarf il-kobor tiegħu.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

  Twajjeb ma' kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kull ma għamel.

 

 Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,

twajjeb f'dak kollu li għamel.

  Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.

 

It-Tieni Qari

 

Lil Filippin, San Pawl jgħidilhom li għalih jekk imut jew jibqa’ ħaj ftit ieħor, xorta waħda.  Min minna se jgħidu dan il-kliem?  Aħna msejknin, iggranfati ma’ din il-ħajja u mmorru għal xi “check-up” b’qalbna ttaqtaq.  Kull meta mmur għand it-tabib jien, dejjem isibli l-pressjoni għolja.  Kif jista’ jkun li le, jekk ikolli qalbi tħabbat sitta sitta!  Aħna lkoll ta’ min jagħdirna.  Meta Kristu beka quddiem il-qabar ta’ Lazzru, ma bekiex għal Lazzru għax diġa kien jaf li l-Missier kien taħ is-setgħa li jqajmu mill-mewt biex dawk li kien hemm preżenti jaraw u jemmnu fiH.  Huwa beka għan-nies miġbura, għajjiena u mitluqa, beżagħna mill-mewt.  Fuqna jibki Kristu, mhux fuq min telaq.  Jibki fuqna għax jarana mdawrin bil-biża’ tal-mewt li hu ta’ ħafna tipi.

 

Imma għandna tama!  Kull min jikber fil-Fidi, jikber fil-ħelsien minn dan il-biża’ tal-mewt.  Dan hu rigal kbir li Alla jrid jagħtina fi Kristu!  X’ġenerożità!  U aħna naħsbu li Alla dejjem irid Hu!  Kristu ġie sabiex jaqsam il-mewt fi tnejn, biex dawk li jemmnu fih jgħaddu ġa minn hawn għall-Ħajja ta’ Dejjem.  Il-mewt ma tfisser xejn għal min hu ħaġa waħda ma’ Kristu.  Ġon-Nisrani hemm l-Ispirtu ta’ Dak li rebaħ il-Mewt; ta’ Dak li jbeżza l-mewt tiegħek u tiegħi.  Pawlu jgħid: “Għalija l-ħajja hi Kristu u l-mewt hija rebħ!”  (v. 21). 

 

Kemm ilna ma nisimgħu fuq il-Ġenna!!  Ħadd m’għadu jsemmi l-Ġenna u lanqas l-Infern.  Il-Ħajja t’hawn saret tiddomina kollox.  Alla qiegħed hemm biex jaqlagħlna l-grazzji għal “hawn”, għal din il-Ħajja.  Il-biċċa l-kbira tat-Talb tagħna hu b’dan il-għan.  L-ikbar grazzji ma nitolbuhomlux: dawk il-grazzji li jkabbru l-Fidi, l-Imħabba, it-Tama f’dinja oħra.  Min hu ħerqan għall-Ġenna u joħlom biha, jinduna malajr li l-problemi t’hawn, li qabel kien qishom muntanji, jsiru żrar.  L-Iskrittura hi mimlija bi frażijiet li jħabbru r-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt personali tagħna.  “Inbelgħet il-Mewt fir-rebħa.  Fejn hi ja mewt ir-rebħa tiegħek?  Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?”  (1 Kor. 15, 54-55).

 

Minn fejn ġejja din ir-rebħa tan-Nisrani fuq il-biża’ tal-mewt jekk mhux mill-ġenerożità ta’ Alla li ntweriet fi Kristu?

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin.  1, 20c-24, 27a

 

Ħuti: Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix u sew jekk immut.  Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ.  Jekk għandi nibqa' ħaj fil-ġisem, dan ifisser li għandi nagħti l-frott tax-xogħol tiegħi. X'naqbad nagħmel ma nafx;  ninsab bejn ħaltejn. Min-naħa l-waħda, nixtieq nintemm u nkun ma' Kristu, li jkun ħafna aħjar għalija;  min-naħa l-oħra, jekk nibqa' ngħix fil-ġisem, ikun ħafna aħjar għalikom.

 

Ħaġa waħda ngħidilkom: ġibu ruħkom kif jixraq lill-Evanġelju ta' Kristu.

 

Evanġelju

 

L-agħar ħaġa li tista’ tiġrilna, lilna li nittamaw fil-Mulej Ġesù hi li naqgħu fis-“suppervja reliġjuża”.  Minn din kienu jbatu ħafna l-Fariżej.  Bħala gupp ta’ nies, dawn kienu rrispettati u stmati ħafna mill-polu Lhudi, u kellhom influwenza kbira mhux biss fil-qasam reliġjuż ta’ żmien Ġesù, imma wkoll f’dak politiku.  Ħafna nies li kellhom reputazzjoni ta’ qdusija u ta’ fedeltà mat-tradizzjonijiet u d-drawwiet reliġjużi ta’ Iżrael kienu prodott ta’ dan il-grupp.  Infatti jekk ridt tkun “xi ħadd” fi żmien Ġesù, ridt li tkun tagħmel parti jew mill-Fariżej jew mir-rivali tagħhom, is-Sadduċej.  Dawn tal-aħħar ma  kinux daqshom fidili mal-irqaqat tal-Liġi ta’ Mosè, u waqt li l-Fariżej kienu jemmnu fil-wegħda tal-Messija u kienu jistennewh b’ħerqa, is-Sadduċej ma kinux jagħtuha wisq importanza din l-ideja u kienu jaħsbu li din tal-Messija kienet sempliċi tama tal-popolin.  Mis-Sadduċej ukoll kienu jkunu l-biċċa l-kbira tas-saċerdoti tat-Tempju u fuq kollox il-Qassisin il-Kbar.

 

Dawn iż-żewġ partiti, jekk ma kienu jaqblu fuq xejn, u sikwit kienu rivali, kienu jaqblu fuq ħaġa waħda żgur: l-oppożizzjoni li wrew lil Ġesù.  Waqt li s-Sadduċej ma kinux iniżżluha din l-ideja tal-Messija, il-Fariżej kellhom ideja differenti tiegħu minn dik li kien jirrappreżenta l-Mulej Ġesù.  Kemm Ġesù  kemm Ġwanni l-Battista qablu kienu jattakkaw liż-żewħ gruppi, speċjalment lill-Fariżej fuq il-wiċċ b’ieħor tagħhom.  Għax waqt li kienu jagħmlu minn kollox biex jobdu l-Liġi, huma weħlu fl-iktar kmandament importanti: l-imħabba tal-proxxmu, speċjalment tal-proxxmu dgħajjef.  Huma kienu jiġġudikaw lil kull min ma kellux saħħa jistinka daqshom fil-ħwejjeġ reliġjużi.  Kienu jaħsbu li huma kienu aħjar mill-oħrajn, u din hi “s-suppervja reliġjuża”.

 

Fil-Vanġelu tal-lum m’aħniex se niltaqgħu mal-Fariżej, imma r-rakkont li għandna huwa twiddiba għalina li ma mmorrux, bħall-Fariżej, noħolmu li aħna aħjar minn xi ħadd għax forsi sikwit immorru l-Knisja.  Li wieħed imur il-Knisja hi xi ħaġa tajba mmens, imma tista’ wkoll ma tfisser xejn.

 

Fil-parabbola li jirrakkonta Ġesù, niltaqgħu ma’ żewġ tipi ta’ nies: dawk li damu ħafna jaħdmu fl-għalqa tal-Mulej, u dawk li bdew jaħdmu lejn tmiem il-jum, lejn l-aħħar ta’ ħajjithom għax forsi kkonvertew meta bdew iħossu x-xjuħija riesqa u allura ħasbu għal rashom, għalli jista’ jkun...  Imma t-tema tal-Kelma llum hija l-ġenerożità bla limiti tal-Missier.  Lil dawk li ħadmu ħajjithom kollha, l-Mulej ma naqashom f’xejn.  Tahom dak kollu li kien wegħdhom, li dejjem hu ħafna.  Bin Sirak, fi tmiem tal-Ktieb tiegħu fit-Testment il-Qadim, imur jgħid: “Araw b’għajnejkom kemm tħabatt ftit, imma sibt għalija ħafna mistrieħ.”  (Sir. 51, 27).  Mhux għax kien tħabat ftit, anzi, tħabat fuq li tħabat, imma r-rigal tant kien enormi li ma baqax jiftakar kemm kien bata.  Bħalma jgħid San Pawl fl-Ittra lir-Rumani: “Jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina.”  (Rum. 8, 18). 

 

Xi Nsara huma reklam ikraħ għall-Mulej minħabba li donnhom dejjem bil-geddum, bħalma kienu l-Fariżej, għax qed ibatu ħafna fil-qadi tal-Mulej.  M’għandhomx il-ferħ ta’ nies meħlusa fi Kristu; m’għandhomx gratitudni; dejjem imarmru fuq is-Salib; donnhom li huma nies tal-Liġi, taħt il-madmad, jagħmlu li għandhom jagħmlu għax hekk suppost, xi trid tagħmel...  Imbagħad dawn isibuha faċli li jiġġudikaw lil dawk li huma “tad-dinja”, li ma għażlux lill-Mulej, jew li daru lejH tard f’ħajjithom, mhux bħalhom.  Għandu raġun il-Vanġelu tal-lum jagħlaq bil-frażi: “Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel l-aħħar.”  (v. 16). 

 

J’Alla nkunu minn dawk l-Insara li jaħdmu minn qalbhom għall-Mulej għax fiH sabu dak li dejjem fittxew: l-Imħabba, il-paċi u l-għaqda ta’ bejn l-aħwa.  U fuq kollox, ħa nikbru fl-umiltà li hi l-virtù tal-għorrief veri.

 

Versett:  Hallelujah.  Alla sejħilna permezz tal-Evanġelju, biex niksbu l-glorja ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  20, 1-16a

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ fil-għodu kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli.  Ftiehem ma' xi ħaddiema b'dinar kull jum u bagħathom l-għalqa.  Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol,  u qalilhom, 'Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom.' U marru.  Raġa' ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess.  Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa' ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom, 'Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?'  Qalulu, 'Għax ħadd ma qabbadna.' Qalilhom,'Morru intom ukoll l-għalqa.' 

 

Għal fil-għaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu, 'Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b'dawk ta' l-ewwel.'  Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed.  Ġew ta' l-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed.  Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid  u jgħidu, 'Dawn ta' l-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!' Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom, 'Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b'dinar ftehemt miegħi?  Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan ta' l-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek.  Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?'  

 

Hekk ta' l-aħħar jiġu l-ewwel, u ta' l-ewwel jiġu l-aħħar."

 

 
< Prev   Next >