Monday, 11 December 2017
           
Home
IS-SITTA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2017) ID-DNUB JOQTOL PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 30 September 2017

Din hija il- Liturgija  tas-Sitta u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

004-prodigal-son.jpg

 

Wara li l-Mulej Ġesù wettaq il-Missjoni l-kbira, dik li jkisser il-Mewt u jeqred il-biża’ tagħha minn fuq kull bniedem permezz tal-Misteru tal-Għid tiegħu, huwa reġa’ lura għand il-Missier, iżda fid-dinja ħalla l-Knisja biex biha jibqa’ preżenti hawn fostna.  Permezz tal-Knisja, Kristu jibqa’ sal-aħħar jum isalva l-bniedem bix-xandir tal-Aħbar it-Tajba u billi jxerred, f’qalb dawk li jemmnu din l-Aħbar, l-Ispirtu Qaddis tiegħU.  Min għandu dan l-Ispirtu fil-maturità tiegħu biss, jista’ jgħix skont il-qalb ta’ Alla.  Mingħajru, jistinka, jitqanżaħ u jkollu kemm irid intenzjonijiet tajba, l-bniedem għandu limitu sakemm jista’ jasal.  Għalhekk, xogħol il-Knisja hu li xxandar l-Imħabba li Alla għandu għall-bniedem u li ġiet murija ċara mmens fi Kristu, u tlaqqa’ l-bniedem mal-Ispirtu ta’ Kristu rebbieħ fuq kull tip ta’ mewt.

 

Din l-Aħbar li l-Knisja tagħti ħajjitha biex ixxandar, u dan l-Ispirtu, jixhdu għal ħaġa waħda: “Alla hekk ħabb lill-bniedem li ta lil Ibnu l-Waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.  Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.”  (Ġw. 3, 16-17).  B’dan jidher li Alla jħobb lil kulħadd, ħbieb u għedewwa.  U Alla lili u lilek iħobbna hekk kif aħna u m’hemmx għalfejn nimpressjonawh bil-merti tagħna biex iħobbna.  Iħobbna saħansistra meta aħna nkunu għedewwa tiegħu meta flok nagħmlu x-xewqa tiegħu, nagħmlu r-rieda tal-għadu l-kbir tiegħu li huwa satana.  Għalhekk Alla jħobbna hekk kif aħna, bit-tajjeb u l-ħażin li għandna; iħobbna u jagħdirna anke meta naħsbu ħażin fiH minħabba l-Istorja li jibagħtilna u li lilna ma togħġobniex, anzi ma tagħmilx sens.  L-Imħabba ta’ Alla tisboq l-irvell u r-rabja tagħna kontrih.  Hu joqgħod jistenna sakemm nikkalmaw, imbagħad flok jikkastigana jiġi jkellimna bil-Grazzja tiegħu u nibdew, ftit ftit, naraw is-sewwa tiegħu u l-iżbalji tagħna.  Dan jagħmlu mhux għax Hu dgħajjef, għax jekk irid jista’ jaqleb id-dinja li hu għamel, f’sekonda, imma għax iħobb, għax l-Imħabba hija Alla u l-Imħabba tissaporti kollox.

 

Imma noqogħdu attenti!  Jekk Alla lili jħobbni daqshekk, u bil-provi, Huwa jobgħod id-dnub tiegħi!  Huwa jobgħod id-dnub u jrid b’qalbu kollha li aħna neħilsu minnu bħalma missier jew omm trid li binha jeħles mill-vizzju tad-droga li qegħda toqtlu.  Għax l-aħwa, id-dnub joqtol.  Jekk il-Knisja xxandar il-Ħajja għal Dejjem fi Kristu, hija xxandar ukoll li barra minn Kristu hemm il-Mewt għal Dejjem.  Kull meta jien nidneb, jien inkun qed  immut, inkun qed nitlef il-kapaċità li nħobb, inkun qed insir iktar egoista, inkun qed intappan u ngħatti d-dawl li suppost joħroġ mill-Knisja li tagħha jiena membru.  Għax bid-dnub tiegħi inkun qed inlibbes lill-Knsija ta’ Kristu bid-dnub, anke meta dan id-dnub hu personali ħafna u ħadd ma jaf bih.

 

Jekk Alla lili jħobbni, jobgħod kull ħaġa li lili tagħmilli l-ħsara.  Għax fejn hemm l-Imħabba hemm ukoll il-mibegħda, anke jekk din tidher kuntradizzjoni.  Anzi, jkolli ngħid, li ma jistax ikollok setgħa li tħobb, mingħajr ma jkollok ukoll setgħa li tobgħod.  L-Imħabba u l-Mibegħda, għalkemm ħafna drabi huma għedewwa, huma fl-istess ħin “tewmin”!  Jekk tħobb trid tobgħod!  Ma tistax tħobb lil Alla u tħobb ukoll lid-dnub!  Ma tistax tħobb lil martek u tħobb ukoll, bl-istess mod, li xi ħaddieħor!  Ma tistax tħobb lil saħħtek u tħobb ukoll li dak li jeqridlek saħħtek.  Ma tistax tħobb mingħajr ma tobgħod lil dak kollu li jiċċalinġjalek din l-Imħabba.  Ma tistax tħobb lil Alla u ma tobgħodx lix-xitan.  L-ibaħ xbiha ta’ din l-Imħabba għat-tajjeb li tobgħod kulma hu ħażin hija l-Verġni Marija li bil-ħarsa ħanina ta’ Omm turina l-Imħabba ta’ Alla, imma fl-istess ħin tgħaffeġ taħt riġlejha bla ħniena ta’ xejn, lis-serp li hu satana, il-giddieb, dak li jġib l-inkwiet, dak li jrid jarana mejtin għal dejjem.  Hemm taqtigħa għal ħajjitna u ħafna drabi dan hu moħbi minn għajnejna.

 

Għalhekk, jekk Alla jħobbna, anke meta nidinbu, Huwa jobgħod id-dnub tagħna għax id-dnub joqtol u Hu jrid jagħtina Ħajja għal Dejjem.

 

L-Ewwel Qari

 

Minħabba l-velenu tal-mewt li hemm fid-dnub, il-Mulej, li jara s-sitwazzjoni ferm ferm iktar milli qatt nistgħu narawha aħna, jsejħillna l-ħin kollu, kull jum ta’ ħajjitna, għall-konverżjoni.  Lil Alla ma nagħtuh xejn bil-konverżjoni tagħna. Huwa Hu li jimlina bil-Ħajja, bis-sliem, bil-paċi magħna nfusna u mal-oħrajn.  X’differenza hemm bejn il-Ħajja qaddisa u l-ħajja/mewt fid-dnub!  Illi mad-dnub tidħol il-mewt fina, dan nistgħu nixhdu għalih aħna lkoll, jekk inkunu sinċiera.  Hija ċ-ċertezza li Alla jħobbna, din l-“Assurance”, kif isejħulha biblisti Ngliżi, li tkeċċi l-egoiżmu ’l barra minna.  Imma meta nidinbu, dan nagħmluh għax ma jkollniex ċertezza, garanzija dwar l-Imħabba ta’ Alla.  Nidħlu fil-wied tal-insigurtà, tad-dubju, tad-dlam... u mill-ewwel naħsbu għal rasna u ma jkollniex moħħ ħaddieħor... u niddefendu ruħna għax inħossuna mhedda... u nidinbu.  Kemm-il darba għaddejna minn din l-esperjenza.  Naħarbu mill-qagħda ta’ dieqa billi nfittxu l-Ħajja fir-regħba għall-flus, fil-passjoni tar-rabja u l-vjolenza u l-kliem mill-agħar, fiż-żina u l-kumplament.  Imma hawn m’hawnx Ħajja, imma mewt u iktar mewt. 

 

F’dan il-qari, l-Lhud jakkużaw lill-Mulej li mhix sewwa l-imġieba tiegħu għax kienu bdew jemmenu li l-Ħajjin mhumiex dawk li jgħixu Ħajja tajba skont ir-rieda ta’ Alla, imma dawk li kienu mwielda fil-poplu ta’ Alla, il-poplu ta’ Iżrael.  Mingħalihom li huma, għax kienu Lhud, jagħmlu x’jagħmlu huma skużati, waqt li l-pagani, anke jekk jgħixu ħajja ġusta, huma mejta għal dejjem u m’hemmx salvazzjoni għalihom.  Alla, permezz tal-profeti tiegħu jurihom li, hu min hu, kull min jikkommetti d-dnub hu mbiegħed minn Alla, u allura mbiegħed mill-Ħajja.

 

Għalhekk il-Bibbja hi mimlija b’din it-taqtigħa bejn il-Ħajja u l-Mewt, bħalma se nisimgħu f’dan il-qari minn Eżekjel.  Min iħobb il-Ħajja, jobgħod il-Mewt u jaqbad l-armi qaddisa tal-konverżjoni biex jiġġildilha.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.  18, 25-28

 

Dan igħid il-Mulej:  Intom tgħidu: ‘M'hijiex sewwa l-imġiba tal-Mulej!' Issa isimgħu, dar Iżrael: Forsi l-imġiba tiegħi m'hijiex sewwa? Mhux l-imġiba tagħkom li m'hijiex sewwa?    Jekk wieħed ġust jitbiegħed  mill-ġustizzja tiegħu u jagħmel il-ħażen, u jmut minħabba dan, minħabba ħżunitu jkun miet.  Imma jekk il-midneb jerġa' lura mid-dnub li jkun għamel, u jagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja, hu jsalva ruħu.  Għax ikun intebaħ u reġa' lura mid-dnubiet kollha li jkun għamel, u jibqa' ħaj u ma jmutx.

 

Salm Responsorjali

 

Santu Wistin, li kien jaf tajjeb id-differenza bejn Ħajja fi ħdan il-Mulej u ħajja fil-kumpanija tax-xjaten, jgħid: “Xi writtna aħna mill-ewwel ġenituri tagħna?  Xejn ħlief saħta, żbalji, xewqat ħżiena u mewt, u biex jifdina minn dan, ġie Kristu fid-dinja.”  (Diskorsi, 2).  Imma lil Kristu rridu nfittxuH u nsibuH.  Miskin in-“Nisrani” li jqatta’ ħajtu kollha bla ma jinduna li għex ta’ fqir, meta, fil-fatt,  kien miljunarju li qatt ma skopra li hemm wirt enormi miktub fuq ismu u akkwistat għalih mill-merti tal-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt tal-Iben ta’ Alla. 

 

Il-Magħmudija li rċivejna meta konna trabi mhix ċajta.  Hi toħloq fina tensjoni li ħafna ma jkunux jafu minn fejn hi ġejja.  Din it-tensjoni hija qaddisa.  Hija l-vojt li hemm fina li Kristu biss jista’ jimla.  Din it-tensjoni timbuttana biex infittxu l-verità, biex infittux li ngħarfu lil Kristu.

 

Għalhekk dan is-Salm, bir-raġun kollu, jokrob quddiem il-Mulej biex jurina triqatu.  U t-triq tiegħU hi Kristu.  “Għalik nixxennaq il-ħin kollu!” (v. 2) jesklama s-Salmista.  Alla nnifsu jippermetti li nduqu l-mewt tad-dnub biex nobogħdu lid-dnub.  Jippermetti li jinħoloq fina nuqqas ta’ sliem, xewqat għal Ħajja aħjar bla ma nistgħu nissodisfawhom bi ħwejjeġ u għana materjali, biex infittxu lil min hu aqwa minn dan: l-Iben il-Waħdieni li għandu biss hemm il-Ħajja.

 

Imma aħna dgħajfa wisq anke jekk fostna ssib ħafna li jaħsbu li huma għorrief.  Mingħajr id-dawl tal-Ispirtu nibqgħu inteftfu fid-dlam, anke jekk ikun nofs in-nhar.  “Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, Mulej.  La tiftakarx fil-ħtijiet u d-dnubiet tiegħi, imma ftakar fija skont tjubitek”  (vv. 6-7).  Għax l-Imħabba tiegħU tmur lil hemm mid-dnubiet tad-dinja kollha flimkien, aħseb u ara mid-dnub tiegħi u tiegħek.  L-għaxqa tal-Mulej hi li jara lil dawk li kienu “mejtin” minħabba d-dnub, ġejjin lura jiġru lejH għax jafu li hu Ħanin u jaħfer u li għandu jinsab dak kollu li qalbhom fettxet ħajjithom kollha.

 

Ritornell: Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, Mulej

 

Salm 25

 

Triqatek, Mulej, għarrafni,

il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

  Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,

għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

Għalik nixxennaq il-jum kollu.

 

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,

għax huma minn dejjem, Mulej.

Tiftakarx fil-ħtijiet u d-dnubiet ta' żgħożiti:

inti tajjeb, Mulej; ftakar fija skond it-tjieba tiegħek.

 

Tajjeb u sewwa l-Mulej;

għalhekk juri triqtu lill-ħatja.

Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,

jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Il-Ħajja hi serja, ħuti!  Il-Ħajja hi ħafna serja!  Ħafna  nies ikasbru l-Medju Evu...  Barra li huma fqar fl-istudju tal-istorja, għax fil-Medju Evu l-bniedem għamel progress kbir ukoll u nieda l-universitajiet u bena katedrali ta’ arkitettura meraviljuża li għadhom jeżistu, f’dak iż-żmien il-bniedem ma kienx aljenat bħalma huwa llum.  Hu veru li fil-predikazzjoni kien hemm enfasi esaġerata fuq l-infern u “l-kastig ta’ dejjem”, imma llum morna n-naħa l-oħra għax l-infern u l-Ġenna m’għadhomx jissemmew, b’tali mod li l-bniedem tilef id-dimensjoni tal-eternità.  Qed jgħix għal hawn biss u tilef “il-ħolma” glorjuża u l-istennija ta’ Ħajja għal dejjem.  Is-setgħa tal-mewt qatt ma kienet kompleta daqs kemm hi fi żmienna.  “Nieklu u nixorbu għax għada se mmutu” huwa l-motto tas-soċjetà tagħna.

 

Dawk li huma mdawla jitniehdu fuq din il-qagħda tal-bniedem tal-lum.  San Pawl jaqbdu ferħ ta’ ġenn jekk kien jara xi komunità minn tiegħu qegħda tintelaq għaċ-ċuċati ta’ din il-Ħajja.  F’dan il-qari narawh jittallab lid-dixxipli tiegħu: jekk tħobbuni xi ftit, jekk għandkom xi xirka u għaqda fl-Ispirtu, jekk għandkom xi ħniena u mogħdrija għalija, ħennu għalija, żommu l-għaqda, kunu fehma waħda, kunu ħsieb wieħed, li takkwistaw lil Kristu minn hawn stess, biex minn hawn stess tgħaddu mill-mewt għall-Ħajja ta’ Dejjem.  Tarmux il-wirt tagħkom!  Xi ftit jew wisq dan hu l-kliem li juża Pawlu.  Tambizzjawx fil-ħwejjeġ tad-dinja għax kollox frugħa u jgħaddi u kollox qed jidbiel u jmut madwarna.  Taljenawx ruħkom bil-partiti għax kollox hu duħħan.  Aħsbu fi dnubkom, jgħidilhom, u tiġġudikaw lil ħadd għax m’intom aħjar minn ħadd.  Aħsbu bħal Kristu!

 

Iktar minn Pawlu, Kristu wera kemm hi vitali r-rebħa fuq id-dnub u l-akkwist tal-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn.  Il-Ġenna tibda minn hawn bħalma l-infern qiegħed hawn!  Biex aħna nduqu minn hawn il-Ġenna, Kristu għex l-Għid għalina.  Xi jfisser għex l-Għid?  Niżel, għamel Kenosi, ħalla li jinġarr ’l isfel mill-Glorja li kellu ma’ Missieru minn dejjem.  Minn Alla sar ilsir, marbut bil-ħbula, imwaqqa’ għaċ-ċajt, bla saħħa, imsawwat, imsammar ma’ salib, maqtul u midfun.  Imma Hu qam mill-mewt biex min jemmen fih ma jibżax iktar!  Hu li sar xejn, Alla għollih fuq kollox u għamlu sid il-mewt.  Il-mewt titwerwer minnu u m’għandhiex setgħa fuq min jemmen fih.  Dan kollu, din l-Istorja tas-Salvazzjoni, seħħet għax hemm il-Mewt marbuta mad-dnub.  Aħna boloh u stupidi, qisna tfal b’sugħajna f’ħalqna u qed nilagħbu li nitilfu kollox.  Imma Hu jaf kemm kbira hi t-taqbida u daħal għaliha Hu biex jifrankalna kollox.  Ħa jkun dejjem imbierek l-Isem tiegħu!

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin.  2, 1-11

 

Ħuti: Jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta' ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda  u imlewni bil-ferħ! Ħa jkollkom  l-istess imħabba, u ruħ waħda u ħsieb wieħed.  Tagħmlu xejn b'pika ta' partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu.  Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.  Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù:

 

     Hu li għad li kellu n-natura ta' Alla, ma qagħadx         

     ifittex tiegħu li hu daqs Alla,  iżda xejjen lilu  nnifsu

     billi ħa n-natura ta' lsir; sar jixbah lill-bnedmin,

     u deher minn barra bħala bniedem;

     ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-

     mewt tas-salib.

     

    Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet

    u żejjnu bl-Isem  li hu fuq kull isem,

    biex fl-isem ta' Ġesù

    - fis-sema, fl-art u f'qiegħ l-art –

   il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom,

   u kull ilsien jistqarr:

  "Ġesù Kristu hu l-Mulej,

  għall-glorja ta' Alla l-Missier."

 

Evanġelju

 

Il-Knisja minn dejjem għallmet li għandna nisimgħu leħen il-kuxjenza ġewwa fina.  Miskin il-bniedem li jsikket il-kuxjenza tiegħu!  Saħansitra l-Knisja ma tiġġudikaniex fuq il-kuxjenza tagħna, jekk din il-kuxjenza tkun iffurmata kif suppost.  Iffurmata u nfurmata!  Illum ħafna nies jiddilettawha bil-kuxjenza... Wieħed jgħid li l-kuxjenza tiegħu tgħidlu hekk, u l-ieħor jgħid li l-kuxjenza tiegħu tgħid il-kontra!  Alla ħalla lil kulħadd fil-libertà għax Alla hu Mħabba u l-Imħabba ma tisforza lil ħadd.  Imma l-Imħabba ddawwal lil dak li jħalliha ddawlu.  Tħalih ħieles fl-għażliet tiegħu, bħalma ħielsa kienu Adam u Eva fl-Għeden.  Imma l-Imħabba ddawwal u tinforma.

 

Kuxjenza msejsa fuq il-Kelma ta’ Alla u fuq it-tradizzjoni mimlija għerf tal-Knisja, tkun sensittiva mmens fejn jidħol id-dnub.  Fil-Vanġelu se niltaqgħu ma’ żewġt aħwa; il-kbir kien ittentat ma jobdix imma l-kuxjenza tiegħu kienet ħajja u niggżitu u salvatu.  Iż-żgħir kellu kuxjenza ”muta”... ma qaltlu xejn.  Daħaq b’missieru.

 

Kristu kien jaf tajjeb li dawk il-bnedmin li jduqu d-dnub u dak kollu li tagħti d-dinja, iktar jinġibdu lejh għax jafu li d-dinja tidħaq bin-nies.  Ħadd mhu se jidħaq bihom dawn!  Jafu li d-dinja hi gidba.  Quddiem Kristu iktar ikkonvertew nies ”ħżiena” u mill-agħar milli kkonvertew nies ”tat-Tempju”, għax tal-ewwel kienu jafu kemm kerha hi l-ħajja tad-dnub.  Hawn nies ”tajbin” li f’qalbhom jgħiru għal dawk li jidinbu bla ma jħabblu rashom.  Mur għidilhom bl-infern li jkunu qed jgħixu fih! 

 

Versett: Hallelujah.  Il-preċetti tiegħek, Mulej, ta’ min joqgħod fuqhom, imwettqa għal dejjem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  21, 28-32

 

F’dak iż-żmien : Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu : "Intom x'jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu, 'Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli.'  U dak qallu, 'Ma rridx.' Iżda mbagħad biddel  il-fehma u mar.  Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. 'Arani sejjer, sidi,' qallu dan, u ma mar xejn.  Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?" "L-ewwel wieħed," weġbuh.

 

U qalilhom Ġesù: "Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta' Alla.  Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sa l-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx.

 

 
< Prev   Next >