Din
hija il- Liturgija tas-Sitta u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Wara li l-Mulej Ġesù wettaq il-Missjoni l-kbira, dik li jkisser il-Mewt u
jeqred il-biża’ tagħha minn fuq kull bniedem permezz tal-Misteru tal-Għid
tiegħu, huwa reġa’ lura għand il-Missier, iżda fid-dinja ħalla l-Knisja biex
biha jibqa’ preżenti hawn fostna.
Permezz tal-Knisja, Kristu jibqa’ sal-aħħar jum isalva l-bniedem
bix-xandir tal-Aħbar it-Tajba u billi jxerred, f’qalb dawk li jemmnu din
l-Aħbar, l-Ispirtu Qaddis tiegħU. Min
għandu dan l-Ispirtu fil-maturità tiegħu biss, jista’ jgħix skont il-qalb ta’
Alla. Mingħajru, jistinka, jitqanżaħ u
jkollu kemm irid intenzjonijiet tajba, l-bniedem għandu limitu sakemm jista’
jasal. Għalhekk, xogħol il-Knisja hu li
xxandar l-Imħabba li Alla għandu għall-bniedem u li ġiet murija ċara mmens fi
Kristu, u tlaqqa’ l-bniedem mal-Ispirtu ta’ Kristu rebbieħ fuq kull tip ta’
mewt.
Din l-Aħbar li l-Knisja tagħti ħajjitha biex ixxandar, u dan l-Ispirtu,
jixhdu għal ħaġa waħda: “Alla hekk ħabb lill-bniedem li ta lil Ibnu l-Waħdieni,
biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex
jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.” (Ġw. 3, 16-17). B’dan jidher li Alla jħobb lil kulħadd, ħbieb
u għedewwa. U Alla lili u lilek iħobbna
hekk kif aħna u m’hemmx għalfejn nimpressjonawh bil-merti tagħna biex
iħobbna. Iħobbna saħansistra meta aħna
nkunu għedewwa tiegħu meta flok nagħmlu x-xewqa tiegħu, nagħmlu r-rieda
tal-għadu l-kbir tiegħu li huwa satana.
Għalhekk Alla jħobbna hekk kif aħna, bit-tajjeb u l-ħażin li għandna;
iħobbna u jagħdirna anke meta naħsbu ħażin fiH minħabba l-Istorja li
jibagħtilna u li lilna ma togħġobniex, anzi ma tagħmilx sens. L-Imħabba ta’ Alla tisboq l-irvell u r-rabja
tagħna kontrih. Hu joqgħod jistenna
sakemm nikkalmaw, imbagħad flok jikkastigana jiġi jkellimna bil-Grazzja tiegħu
u nibdew, ftit ftit, naraw is-sewwa tiegħu u l-iżbalji tagħna. Dan jagħmlu mhux għax Hu dgħajjef, għax jekk
irid jista’ jaqleb id-dinja li hu għamel, f’sekonda, imma għax iħobb, għax
l-Imħabba hija Alla u l-Imħabba tissaporti kollox.
Imma noqogħdu attenti! Jekk Alla
lili jħobbni daqshekk, u bil-provi, Huwa jobgħod id-dnub tiegħi! Huwa jobgħod id-dnub u jrid b’qalbu kollha li
aħna neħilsu minnu bħalma missier jew omm trid li binha jeħles mill-vizzju
tad-droga li qegħda toqtlu. Għax l-aħwa,
id-dnub joqtol. Jekk il-Knisja xxandar
il-Ħajja għal Dejjem fi Kristu, hija xxandar ukoll li barra minn Kristu hemm
il-Mewt għal Dejjem. Kull meta jien
nidneb, jien inkun qed immut, inkun qed
nitlef il-kapaċità li nħobb, inkun qed insir iktar egoista, inkun qed intappan
u ngħatti d-dawl li suppost joħroġ mill-Knisja li tagħha jiena membru. Għax bid-dnub tiegħi inkun qed inlibbes lill-Knsija
ta’ Kristu bid-dnub, anke meta dan id-dnub hu personali ħafna u ħadd ma jaf
bih.
Jekk Alla lili jħobbni, jobgħod kull ħaġa li lili tagħmilli l-ħsara. Għax fejn hemm l-Imħabba hemm ukoll
il-mibegħda, anke jekk din tidher kuntradizzjoni. Anzi, jkolli ngħid, li ma jistax ikollok
setgħa li tħobb, mingħajr ma jkollok ukoll setgħa li tobgħod. L-Imħabba u l-Mibegħda, għalkemm ħafna drabi
huma għedewwa, huma fl-istess ħin “tewmin”!
Jekk tħobb trid tobgħod! Ma
tistax tħobb lil Alla u tħobb ukoll lid-dnub!
Ma tistax tħobb lil martek u tħobb ukoll, bl-istess mod, li xi
ħaddieħor! Ma tistax tħobb lil saħħtek u
tħobb ukoll li dak li jeqridlek saħħtek.
Ma tistax tħobb mingħajr ma tobgħod lil dak kollu li jiċċalinġjalek din
l-Imħabba. Ma tistax tħobb lil Alla u ma
tobgħodx lix-xitan. L-ibaħ xbiha ta’ din
l-Imħabba għat-tajjeb li tobgħod kulma hu ħażin hija l-Verġni Marija li
bil-ħarsa ħanina ta’ Omm turina l-Imħabba ta’ Alla, imma fl-istess ħin tgħaffeġ
taħt riġlejha bla ħniena ta’ xejn, lis-serp li hu satana, il-giddieb, dak li
jġib l-inkwiet, dak li jrid jarana mejtin għal dejjem. Hemm taqtigħa għal ħajjitna u ħafna drabi dan
hu moħbi minn għajnejna.
Għalhekk, jekk Alla jħobbna, anke meta nidinbu, Huwa jobgħod id-dnub tagħna
għax id-dnub joqtol u Hu jrid jagħtina Ħajja għal Dejjem.
L-Ewwel Qari
Minħabba l-velenu tal-mewt li hemm fid-dnub, il-Mulej, li jara
s-sitwazzjoni ferm ferm iktar milli qatt nistgħu narawha aħna, jsejħillna l-ħin
kollu, kull jum ta’ ħajjitna, għall-konverżjoni. Lil Alla ma nagħtuh xejn bil-konverżjoni
tagħna. Huwa Hu li jimlina bil-Ħajja, bis-sliem, bil-paċi magħna nfusna u
mal-oħrajn. X’differenza hemm bejn
il-Ħajja qaddisa u l-ħajja/mewt fid-dnub!
Illi mad-dnub tidħol il-mewt fina, dan nistgħu nixhdu għalih aħna lkoll,
jekk inkunu sinċiera. Hija ċ-ċertezza li
Alla jħobbna, din l-“Assurance”, kif isejħulha biblisti Ngliżi, li tkeċċi
l-egoiżmu ’l barra minna. Imma meta
nidinbu, dan nagħmluh għax ma jkollniex ċertezza, garanzija dwar l-Imħabba ta’
Alla. Nidħlu fil-wied tal-insigurtà,
tad-dubju, tad-dlam... u mill-ewwel naħsbu għal rasna u ma jkollniex moħħ
ħaddieħor... u niddefendu ruħna għax inħossuna mhedda... u nidinbu. Kemm-il darba għaddejna minn din
l-esperjenza. Naħarbu mill-qagħda ta’
dieqa billi nfittxu l-Ħajja fir-regħba għall-flus, fil-passjoni tar-rabja u
l-vjolenza u l-kliem mill-agħar, fiż-żina u l-kumplament. Imma hawn m’hawnx Ħajja, imma mewt u iktar
mewt.
F’dan il-qari, l-Lhud jakkużaw lill-Mulej li mhix sewwa l-imġieba tiegħu
għax kienu bdew jemmenu li l-Ħajjin mhumiex dawk li jgħixu Ħajja tajba skont
ir-rieda ta’ Alla, imma dawk li kienu mwielda fil-poplu ta’ Alla, il-poplu ta’
Iżrael. Mingħalihom li huma, għax kienu
Lhud, jagħmlu x’jagħmlu huma skużati, waqt li l-pagani, anke jekk jgħixu ħajja
ġusta, huma mejta għal dejjem u m’hemmx salvazzjoni għalihom. Alla, permezz tal-profeti tiegħu jurihom li,
hu min hu, kull min jikkommetti d-dnub hu mbiegħed minn Alla, u allura mbiegħed
mill-Ħajja.
Għalhekk il-Bibbja hi mimlija b’din it-taqtigħa bejn il-Ħajja u l-Mewt,
bħalma se nisimgħu f’dan il-qari minn Eżekjel.
Min iħobb il-Ħajja, jobgħod il-Mewt u jaqbad l-armi qaddisa
tal-konverżjoni biex jiġġildilha.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.
18, 25-28
Dan igħid il-Mulej: Intom tgħidu: ‘M'hijiex sewwa l-imġiba
tal-Mulej!' Issa isimgħu, dar Iżrael: Forsi l-imġiba tiegħi m'hijiex sewwa?
Mhux l-imġiba tagħkom li m'hijiex sewwa? Jekk wieħed ġust jitbiegħed
mill-ġustizzja tiegħu u jagħmel il-ħażen, u jmut minħabba dan, minħabba
ħżunitu jkun miet. Imma
jekk il-midneb jerġa' lura mid-dnub li jkun għamel, u jagħmel il-ħaqq u
l-ġustizzja, hu jsalva ruħu. Għax
ikun intebaħ u reġa' lura mid-dnubiet kollha li jkun għamel, u jibqa' ħaj u ma
jmutx.
Salm Responsorjali
Santu Wistin, li kien jaf tajjeb
id-differenza bejn Ħajja fi ħdan il-Mulej u ħajja fil-kumpanija tax-xjaten,
jgħid: “Xi writtna aħna mill-ewwel ġenituri tagħna? Xejn ħlief saħta, żbalji, xewqat ħżiena u
mewt, u biex jifdina minn dan, ġie Kristu fid-dinja.” (Diskorsi, 2). Imma lil Kristu rridu nfittxuH u nsibuH. Miskin in-“Nisrani” li jqatta’ ħajtu kollha
bla ma jinduna li għex ta’ fqir, meta, fil-fatt, kien miljunarju li qatt ma skopra li hemm
wirt enormi miktub fuq ismu u akkwistat għalih mill-merti tal-Passjoni, l-Mewt
u l-Qawmien mill-Mewt tal-Iben ta’ Alla.
Il-Magħmudija li rċivejna meta konna trabi
mhix ċajta. Hi toħloq fina tensjoni li
ħafna ma jkunux jafu minn fejn hi ġejja.
Din it-tensjoni hija qaddisa.
Hija l-vojt li hemm fina li Kristu biss jista’ jimla. Din it-tensjoni timbuttana biex infittxu
l-verità, biex infittux li ngħarfu lil Kristu.
Għalhekk dan is-Salm, bir-raġun kollu, jokrob
quddiem il-Mulej biex jurina triqatu. U
t-triq tiegħU hi Kristu. “Għalik
nixxennaq il-ħin kollu!” (v. 2) jesklama s-Salmista. Alla nnifsu jippermetti li nduqu l-mewt
tad-dnub biex nobogħdu lid-dnub.
Jippermetti li jinħoloq fina nuqqas ta’ sliem, xewqat għal Ħajja aħjar
bla ma nistgħu nissodisfawhom bi ħwejjeġ u għana materjali, biex infittxu lil
min hu aqwa minn dan: l-Iben il-Waħdieni li għandu biss hemm il-Ħajja.
Imma aħna dgħajfa wisq anke jekk fostna ssib
ħafna li jaħsbu li huma għorrief.
Mingħajr id-dawl tal-Ispirtu nibqgħu inteftfu fid-dlam, anke jekk ikun
nofs in-nhar. “Ftakar fil-ħniena u t-tjieba
tiegħek, Mulej. La tiftakarx fil-ħtijiet
u d-dnubiet tiegħi, imma ftakar fija skont tjubitek” (vv. 6-7).
Għax l-Imħabba tiegħU tmur lil hemm mid-dnubiet tad-dinja kollha
flimkien, aħseb u ara mid-dnub tiegħi u tiegħek. L-għaxqa tal-Mulej hi li jara lil dawk li
kienu “mejtin” minħabba d-dnub, ġejjin lura jiġru lejH għax jafu li hu Ħanin u
jaħfer u li għandu jinsab dak kollu li qalbhom fettxet ħajjithom kollha.
Ritornell: Ftakar fil-ħniena u t-tjieba
tiegħek, Mulej
Salm 25
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u
għallimni,
għax int Alla
tas-salvazzjoni tiegħi.
Għalik nixxennaq il-jum kollu.
Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Tiftakarx fil-ħtijiet u d-dnubiet
ta' żgħożiti:
inti tajjeb, Mulej; ftakar fija
skond it-tjieba tiegħek.
Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq
tiegħu.
It-Tieni Qari
Il-Ħajja hi serja, ħuti! Il-Ħajja hi ħafna serja! Ħafna
nies ikasbru l-Medju Evu... Barra
li huma fqar fl-istudju tal-istorja, għax fil-Medju Evu l-bniedem għamel
progress kbir ukoll u nieda l-universitajiet u bena katedrali ta’ arkitettura
meraviljuża li għadhom jeżistu, f’dak iż-żmien il-bniedem ma kienx aljenat
bħalma huwa llum. Hu veru li
fil-predikazzjoni kien hemm enfasi esaġerata fuq l-infern u “l-kastig ta’
dejjem”, imma llum morna n-naħa l-oħra għax l-infern u l-Ġenna m’għadhomx
jissemmew, b’tali mod li l-bniedem tilef id-dimensjoni tal-eternità. Qed jgħix għal hawn biss u tilef “il-ħolma”
glorjuża u l-istennija ta’ Ħajja għal dejjem.
Is-setgħa tal-mewt qatt ma kienet kompleta daqs kemm hi fi żmienna. “Nieklu u nixorbu għax għada se mmutu” huwa
l-motto tas-soċjetà tagħna.
Dawk li huma mdawla jitniehdu fuq din
il-qagħda tal-bniedem tal-lum. San Pawl
jaqbdu ferħ ta’ ġenn jekk kien jara xi komunità minn tiegħu qegħda tintelaq
għaċ-ċuċati ta’ din il-Ħajja. F’dan
il-qari narawh jittallab lid-dixxipli tiegħu: jekk tħobbuni xi ftit, jekk għandkom
xi xirka u għaqda fl-Ispirtu, jekk għandkom xi ħniena u mogħdrija għalija,
ħennu għalija, żommu l-għaqda, kunu fehma waħda, kunu ħsieb wieħed, li
takkwistaw lil Kristu minn hawn stess, biex minn hawn stess tgħaddu mill-mewt
għall-Ħajja ta’ Dejjem. Tarmux il-wirt
tagħkom! Xi ftit jew wisq dan hu l-kliem
li juża Pawlu. Tambizzjawx fil-ħwejjeġ
tad-dinja għax kollox frugħa u jgħaddi u kollox qed jidbiel u jmut
madwarna. Taljenawx ruħkom bil-partiti
għax kollox hu duħħan. Aħsbu fi dnubkom,
jgħidilhom, u tiġġudikaw lil ħadd għax m’intom aħjar minn ħadd. Aħsbu bħal Kristu!
Iktar minn Pawlu, Kristu wera kemm hi vitali
r-rebħa fuq id-dnub u l-akkwist tal-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn. Il-Ġenna tibda minn hawn bħalma l-infern
qiegħed hawn! Biex aħna nduqu minn hawn
il-Ġenna, Kristu għex l-Għid għalina. Xi
jfisser għex l-Għid? Niżel, għamel
Kenosi, ħalla li jinġarr ’l isfel mill-Glorja li kellu ma’ Missieru minn dejjem. Minn Alla sar ilsir, marbut bil-ħbula,
imwaqqa’ għaċ-ċajt, bla saħħa, imsawwat, imsammar ma’ salib, maqtul u
midfun. Imma Hu qam mill-mewt biex min
jemmen fih ma jibżax iktar! Hu li sar
xejn, Alla għollih fuq kollox u għamlu sid il-mewt. Il-mewt titwerwer minnu u m’għandhiex setgħa
fuq min jemmen fih. Dan kollu, din
l-Istorja tas-Salvazzjoni, seħħet għax hemm il-Mewt marbuta mad-dnub. Aħna boloh u stupidi, qisna tfal b’sugħajna
f’ħalqna u qed nilagħbu li nitilfu kollox.
Imma Hu jaf kemm kbira hi t-taqbida u daħal għaliha Hu biex jifrankalna
kollox. Ħa jkun dejjem imbierek l-Isem
tiegħu!
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin. 2, 1-11
Ħuti: Jekk hemm
fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta' ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm
xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda u imlewni bil-ferħ! Ħa
jkollkom l-istess imħabba, u ruħ waħda u ħsieb wieħed. Tagħmlu xejn b'pika ta'
partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis
lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd
minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor. Aħsbu bħalma kien jaħseb
Kristu Ġesù:
Hu li għad li
kellu n-natura ta' Alla, ma qagħadx
ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda
xejjen lilu nnifsu
billi ħa n-natura ta' lsir; sar jixbah lill-bnedmin,
u deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu
nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-
mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet
u żejjnu bl-Isem li
hu fuq kull isem,
biex fl-isem ta'
Ġesù
- fis-sema, fl-art u f'qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom,
u kull ilsien jistqarr:
"Ġesù Kristu hu l-Mulej,
għall-glorja ta' Alla l-Missier."
Evanġelju
Il-Knisja minn
dejjem għallmet li għandna nisimgħu leħen il-kuxjenza ġewwa fina. Miskin il-bniedem li jsikket il-kuxjenza
tiegħu! Saħansitra l-Knisja ma
tiġġudikaniex fuq il-kuxjenza tagħna, jekk din il-kuxjenza tkun iffurmata kif
suppost. Iffurmata u nfurmata! Illum ħafna nies jiddilettawha
bil-kuxjenza... Wieħed jgħid li l-kuxjenza tiegħu tgħidlu hekk, u l-ieħor jgħid
li l-kuxjenza tiegħu tgħid il-kontra!
Alla ħalla lil kulħadd fil-libertà għax Alla hu Mħabba u l-Imħabba ma
tisforza lil ħadd. Imma l-Imħabba
ddawwal lil dak li jħalliha ddawlu.
Tħalih ħieles fl-għażliet tiegħu, bħalma ħielsa kienu Adam u Eva
fl-Għeden. Imma l-Imħabba ddawwal u
tinforma.
Kuxjenza msejsa
fuq il-Kelma ta’ Alla u fuq it-tradizzjoni mimlija għerf tal-Knisja, tkun
sensittiva mmens fejn jidħol id-dnub.
Fil-Vanġelu se niltaqgħu ma’ żewġt aħwa; il-kbir kien ittentat ma jobdix
imma l-kuxjenza tiegħu kienet ħajja u niggżitu u salvatu. Iż-żgħir kellu kuxjenza ”muta”... ma qaltlu
xejn. Daħaq b’missieru.
Kristu kien jaf
tajjeb li dawk il-bnedmin li jduqu d-dnub u dak kollu li tagħti d-dinja, iktar
jinġibdu lejh għax jafu li d-dinja tidħaq bin-nies. Ħadd mhu se jidħaq bihom dawn! Jafu li d-dinja hi gidba. Quddiem Kristu iktar ikkonvertew nies
”ħżiena” u mill-agħar milli kkonvertew nies ”tat-Tempju”, għax tal-ewwel kienu
jafu kemm kerha hi l-ħajja tad-dnub.
Hawn nies ”tajbin” li f’qalbhom jgħiru għal dawk li jidinbu bla ma
jħabblu rashom. Mur għidilhom bl-infern
li jkunu qed jgħixu fih!
Versett:
Hallelujah. Il-preċetti tiegħek, Mulej,
ta’ min joqgħod fuqhom, imwettqa għal dejjem.
Hallelujah.
Qari
mill-Evanġelju ta’ San Mattew. 21, 28-32
F’dak iż-żmien : Ġesù qal lill-qassisin
il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu : "Intom x'jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq
fuq il-kbir u qallu, 'Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli.' U dak qallu, 'Ma rridx.' Iżda mbagħad biddel
il-fehma u mar. Resaq
fuq l-ieħor u qallu l-istess. 'Arani sejjer, sidi,' qallu dan, u ma mar
xejn. Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?" "L-ewwel
wieħed," weġbuh.
U qalilhom Ġesù: "Tassew, ngħidilkom, li
l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta'
Alla. Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom
ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu
dan kollu, bqajtu sa l-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx.
|