Tuesday, 24 October 2017
           
Home arrow News arrow Latest arrow IS-SEBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2017) IL-MISSJONI VERA TAL-KNISJA
IS-SEBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2017) IL-MISSJONI VERA TAL-KNISJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 07 October 2017

Din hija il- Liturgija  tas-Sebgha u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 laborers-in-the-vineyard.jpg

 

Il-Missjoni vera u qaddisa tal-Knisja hu li xxandar lil Ġesù Kristu bħala l-unika tama għall-bniedem, l-unika Salvazzjoni dejjiema, l-Uniku Wieħed li jagħti sens lill-Ħajja bil-ferħ u t-tbatijiet tagħha.  M’hemmx salvazzjoni u sigurtà għalija u għalik barra minn Ġesù Kristu, u barra minnu kollox hu frugħa għax kollox għandu s-susa tal-mewt ħliefu.  Huma dawk li għandhom din il-Fidi li huma membri veri tal-Knsija ta’ Kristu.  Għax ġuridikament, fuq ir-reġistru tal-parroċċi hemm biljuni ta’ nies imniżżlin għax darba rċivew il-Magħmudija, imma dawk li għandhom il-Fidi adulta huma tassew inqas; ferm inqas.

 

Ħafna nies jitolbu l-Ħajja mingħand ħafna allat ta’ żmienna, bħalma fi żmien l-antik il-pagani kienu jittamaw f’allat li vvintaw huma stess.  Imma huma dawk li għalihom Kristu jiġi l-ewwel u qabel kollox biss li jagħmlu parti mill-Missjoni kbira li għandha l-Knisja.  Dawk li huma membri tal-isem fiha, jgħabbuha b’toqol iebes ta’ drawwiet u kulturi li tgħaddi għalihom.  Dawn l-affarijiet żejda jċajprulha l-viżjoni tal-Missjoni Glorjuża tagħha: tħabbar il-ħin kollu lil Ġesù Kristu bħala l-Waħdieni li rebaħ il-mewt.  Dan hi tagħmlu waqt li tikkumbatti l-mentalità tal-kultura dominanti ta’ żmienna, kultura tal-mewt li l-giddieba jsejħulha “progress”.  Kontriha hemm qawwiet imdallma ta’ setgħat għonja li jużaw flejjes enormi biex jirreklamaw u jxerrdu din il-kultura li twiegħed il-ħajja waqt li tagħti l-mewt.  Mewt lit-trabi fil-ġuf, mewt lill-familja skont n-natura, mewt lill-ġeneru kif ħalqu Alla: maskil u femminil, eċċ. 

 

 

Minn huma dawk li jagħmlu parti minn Knisja f’minoranza li tikkumbatti kontra dawn is-setgħat mudlama?  Huma dawk li dwarhom il-Bibbja, lejn l-għeluq tagħha, tgħid: “Min huma, minn fejn ġejjin?  Huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir u li ħaslu ħwejjiġhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf!”  (Apok. 7, 14).  Huma dawk li dwarhom titkellem il-Kolletta, it-Talba tal-Bidu tal-Quddiesa tal-lum: dawk skoprew fl-esperjeza tagħhom li Alla hu tant tajjeb  “li tahom aktar milli jistħoqqilhom, aktar milli huma stess jistgħu jixtiequ u ħafrilhom kull ma jbeżżagħhom fil-kuxjenza tagħhom.”  Dawn in-nies ħadd ma jċaqlaqhom.  Id-dinja tgħajjarhom u ġġagħalhom ibatu imma kif ħabbret minn qabel il-Bibbja: “Għad jagħmlu gwerra lill-Ħaruf, u l-Ħaruf joħroġ rebbieħ fuqhom, għax hu Sid is-sidien u Sultan is-slaten, flimkien ma’ dawk li huma miegħu msejħin u magħżulin u fidili.”  (Apok. 17, 14). 

 

L-Ewwel Qari

 

Imma l-Knisja hija l-ħin kollu ttentata tagħmel kompromess mal-kultura tal-mewt li biha hija mdawra.  Kif qal wieħed għaref: l-Insara huma ħut jgħumu fl-ilma; imma fi żmienna, dan l-ilma qed jiġi mibdul.  Qed jibdlulna l-ilma li fih neżistu!  Qed jibdlulna l-ilma!  Dan hu tal-biża’, tafux.  Dan ifisser li min qed jibdel l-ilma, jġiegħel lill-ħuta tgħix bil-mod kif irid hu.  Din hija l-isfida ta’ żmienna.  Sfida li, wara kollox, eżistiet minn dejjem.  Sfida li ma tħallix lill-Knisja tħabbar dak li jridha tħabbar Alla.  Sfida li ma taċċettax lill-Knisja li tkun differenti. 

 

Id-dinja trid li l-Knisja ta’ Kristu tkun NGO oħra, kbira u sinjura kemm trid, li xogħolha jkun li tagħmel karità fil-bżonnijiet ta’ din l-art, li tgħin bħalma tgħin ir-Red Cross u għaqdiet bħal dawn.  Iridu li l-Knisja titkellem biss fuq il-ħajja t’hawn, għax għal dawn, kliem bħal salvazzjoni, fidi, eternità, dnub eċċ huma biss tixrid il-moħħ u aljenazzjoni.  Ma jriduhiex ixxandar lil Ġesù Kristu u l-Misteru tal-Għid tiegħu.  Ma jriduhiex tħabbar li Kristu miet għall-bniedem dgħajjef biex isalvah.  Dan ma jriduhx għax għalihom il-bniedem mhux veru li hu dgħajjef jew midneb.  Id-dnub ma jeżistix.  Anzi l-bniedem qiegħed dejjem jiskopri iktar kemm hu kbir... jiskopri li fl-aħħar mill-aħħar huwa hu li hu Alla!!  Iridu li l-Knisja tkun bħall-għaqdiet l-oħrajn li jgħinu lill-bniedem jersaq lejn din l-ereżija!

 

Għalhekk, f’kull ġenerazzjoni l-Knisja trid titqabad kontriha nnifisha biex ma tħallix li taqa’ fit-tentazzjoni li tiċħad lil Kristu u tfittex il-ferħ tal-bniedem f’allat ivvintati mid-dinja.  Dan li qed ngħidu għall-Knisja naturalment ngħiduh għalina lkoll li nittamaw li nagħmlu parti  minnha.  Il-Knisja mhix il-Kurja, jew is-Santa Sede biss.  Hija aħna li ngħidu li aħna Nsara.  Huma hienja dawk li jemmnu li huma Nsara, imma jekk huma nies serji, jindunaw ukoll li bħala Nsara jġorru responsabiltà enormi.  Mhix kwistjoni li wieħed imur jaħdem għall-familja u jieħu ħsieb uliedu biss waqt li jobdi l-liġijiet tal-pajjiż.  Dak anke l-pagani jagħmluh.  Hemm bżonn li nistaqsu mistoqsijiet profondi lis-soċjetà ta’ madwarna.  Hemm bżonn li ninfurmaw ruħna.  Hemm bżonn li nkunu differenti.  Għax jista’ jiġrilna bħalma ġralha l-għalqa tad-dwieli li fuqha se jkellimna Isaija. 

 

Noqgħodu attenti.  Il-Missier għażaqna, naddafna, saqqiena, bnielna torri biex iħarisna... dan kollu bi Kristu li ta ħajtu l-għażiża biex ħallas id-dejn kollu tad-dnub tagħna.  Bi Kristu aħna għonja!  Aħna għalqa għammiela li kapaċi tagħti nbid bnin u ħelu għall-festa.  L-inbid tal-Imħabba u tal-għaqda bejnietna.  Allaħares qatt li nagħtu nbid qares tal-egoiżmu, nbid tad-drittijiet biss, inbid/ħall tal-“egolatrija” kif sejħilha din il-ġimgħa l-Papa.  Ego, egoiżmu, ġib ’l hawn biss għax jien għandi jedd għal kollox.  Araw jekk is-soċjetà li qegħdin nibnu hix dan l-inbid qares...

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  5, 1-7

 

 Ħa ngħanni lill-maħbub tiegħi

l-għanja ta' mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu.

Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli

fuq għolja għammiela.

 

  Għażaqha u naddafha miż-żrar,

u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar;

bena torri f'nofsha,

u wkoll ħaffer magħsar fiha.

Stennieha tagħmel l-għeneb tajjeb,

iżda kull ma għamlet kien għeneb qares.

 

U issa, intom li tgħammru f'Ġerusalemm,

rġiel ta' Ġuda,

agħmlu intom ħaqq bejni u bejn l-għalqa tad-dwieli tiegħi.

  X'kien fadalli nagħmel għall-għalqa tiegħi

u ma għamiltux?

Stennejtha tagħmel għeneb tajjeb,

u kull ma għamlet kien għeneb qares.

 

U issa ħa nurikom

x'sejjer nagħmel jien lill-għalqa tiegħi tad-dwieli.

Nneħħilha l-ilqugħ ta' madwarha,

u jħarbtuha;

nġarrfilha l-ħajt,

biex in-nies tgħaffiġha.

Nagħmel minnha xagħra;

ħadd ma jiżborha jew jaħdimha,

u jinbet fiha  x-xewk u l-ħurrieq.

Jien ngħid lis-sħab

biex ma jagħmilx xita fuqha!

 

Għax l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej tal-eżerċti

hija d-dar ta' Iżrael;

u l-irġiel ta' Ġuda

huma l-mixtla tal-għalqa tiegħu.

Huwa stenna l-ġustizzja,

u araw sab it-tixrid tad-demm,

stenna s-sewwa,             

u araw sama' l-għajat tal-maħqura.

 

Salm Responsorjali

 

Ma’ Iżrael, Alla kien ġeneruż fuq li ġeneruż.  L-Iskrittura tiddiskrivi lil Alla bħala Għarus, namrat li jitħabat il-ħin kollu biex jirbaħ il-qalb tal-maħbuba tiegħu... Iżrael... il-Knisja.  Hu ma jridx attijiet minn barra biss... paroli... riti... festi... ċerimonji... rikkezzi tat-tempji... proġetti fiergħa...  Dawn kollha jieħdu sens jekk il-qalb hi mirbuħa minnu.  Huwa veru li l-Għarusa tilbes sabiħ u tiżżejjen biex togħġob lill-Għarus tagħha, imma għalih qalbha u qalbha biss li tissodisfah.  Il-qalb!  “Min jifhimha l-qalb” (Ġer. 17, 9), jgħid Ġeremija. 

 

Ma’ Iżrael, Jahweh ħadem b’paċenzja kbira.  “Int qlajt dielja mill-Eġittu,” jgħid dan is-Salm li għandna, “warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.”  (v. 9).  Din id-dielja kienet imkasbra ġewwa l-Eġittu, kienet imjassra.  Hu taha l-ħelsien u ġenninha bl-għeġubijiet li għamel magħha.  Keċċa l-ġnus biex ta arthom lilha.  Imma qalbha baqgħet iebsa għalih!  Żejjinha fuq li żejjinha.  Bagħatilha bdiewa li żabruha bil-Kelma, l-profeti, li ħabbrulha li l-Għarus tagħha kien qed jistenniha biex tiltaqha miegħu.  Kollu ta’ xejn.  Hi qatlet il-messaġġiera ta’ Dak li ħabbha tant u Hu telaqha għal riħa; ħarbtilha l-ħitan tas-sigurtà li Hu kien bena madwarha u ħalliha tmur tagħmel esperjenza ma’ maħbubin oħra.  Hi żniet kontra l-Għarus u spiċċat waħedha, imkasbra, liebsa mċerċer, maħmuġa bi ħtijietha. 

 

U dan is-Salm jitlob: “Reġġagħna għalli konna, o Alla tal-eżerċti!”  (v. 20), għax miegħek konna ferm aħjar.  Kemm konna aħjar mal-Mulej!  L-allat moderni qarrqu bina u aħna bagħatna jixxejjer dak li wasslulna missirijietna.  Se naqtgħu inbid qares u għad nixxennqu għaż-żmien meta konna ħaġa waħda ma’ Alla bħala soċjetà.

 

Ritornell tas-Salm.  Il-għalqa tal-Mulej hija d-dar ta’ Iżrael.

 

Salm 80

 

Int qlajt dielja mill-Eġittu,

warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.

Ħejjejt l-art għaliha;

hi xenxlet għeruqha u mliet l-art.

 

Tgħattew l-għoljiet bid-dell tagħha,

bħaċ-ċedri l-kbar il-friegħi tagħha.

Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha,

sax-Xmara ż-żraġen tagħha.

 

Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha,

u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?

Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ,

il-bhejjem tar-raba' jirgħu fiha.

 

Erġa' ejja, Alla ta' l-eżerċti;

ħares mis-sema, u ara,

u żur 'il din id-dielja.

Ħu ħsieb dak li ħawwlet lemintek,

ir-rimja li int kabbart għalik.

 

 Aħna ma nitbegħdux minnek;

roddilna l-ħajja, u aħna nsejjħu ismek.

Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti;

itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.

 

 

  It-Tieni Qari

 

San Pawl jikteb ittra lill-Filippin, nies li kien jgħixu fil-belt ta’ Filippi li kienet il-kapitali tal-provinċja Rumana tal-Maċedonja.  Kienet belt importanti ħafna b’kultura għal kollox Rumana.  Pawlu kien iħobb b’mod partikulari lil din il-komunità ċkejkna ta’ Nsara li hu kien ikkonverta fit-tieni vjaġġ ta’ Evanġelizzazzjoni li kien għamel.  Hu kien mar jevanġelizza ġo Filippi wara dehra li kellu ta’ bniedem mill-Maċedonja li beda jitkarrablu: “Ejja l-Maċedonja u għinna!”  (Atti 16, 9). 

 

Il-komunita’ ta’ dixxipli li kellu Pawlu f’din il-belt kienet imdawra minn kultura pagana u sekulariżżata bħal dik ta’ żmienna.  Għalhekk l-Appostlu jħeġġeġ lill-aħwa biex ikunu differenti mis-soċjetà ta’ madwarhom.  Alla kien għaqqadhom fi Knisja biex ikunu melħ li jagħti togħma lill-borma li kienet tilfet it-togħma bid-dnub tal-idolatrija u l-qima lill-allat tad-dinja.  Biex ma jimbarmux u jirritornaw għall-ħajja ta’ qabel, Pawlu jħeġġiġhom biex jitolbu u jroddu ħajr lil Alla.  Hu jassigurahom, u jassigura lilna li qed nisimgħu x’kiteb illum, li s-sliem li Alla jixtieq jagħtina “jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jaħseb.”  (v. 7).  Nirriflettu ftit fuq din il-frażi profonda.  Hija Kelma ta’ Alla u min hu mħajjar jikkritikaha billi jgħid: “U ijwa, hawn qed jesaġera biex jimpressjona lil min qed jisma’!”, ikun qiegħed jikkritika l-Kelma ta’ Alla, lil Alla nnifsu.

 

Pawlu kien qed jgħid il-verità, mill-esperjenza personali tiegħu.  Hu għex żmien il-qilla, żmien il-vjolenza, żmien il-partiti, żmien l-egolatrija.  Hu jaf x’differenza sab fi Kristu.  Kristu għalih ma kienx tagħlim imma esperjenza ħajja mnaqqxa fil-laħam ta’ qalbu.  Anzi hu dejjem konxju li l-kelma ma tista’ qatt tispjega b’ġustizzja r-rejaltà enormi li hemm tistenniena meta naslu biex ikollna s-sliem ta’ Kristu f’qalbna.  Hemm proċess.  Irridu nimxu lejn dan, imma l-Kelma, bħalma qegħdin nisimgħu, dejjem tqawwielna qalbna.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin.  4, 6-9

 

 Ħuti: Tħabbtu raskom b'xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr.  U s-sliem ta' Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista' jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.

 

Mill-bqija, ħuti, f'dan għandkom taħsbu: f'kull ma hu veru, f'kull ma hu xieraq, f'kull ma hu ġust, f'kull ma hu safi, f'kull ma jiġbed l-imħabba, f'kull ma jistħoqqlu l-ġieħ, f'kull ma hu virtù, f'kull ma ħaqqu t-tifħir; f'dan kollu aħsbu.  U kull ma tgħallimtu u ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina, agħmluh. Alla tas-sliem ikun magħkom.

 

Evanġelju

 

Dak li qed jiġri fl-Ewropa llum hu eżatt dak li jiġri fil-parabbola li se nisimgħu.  Hija parabbola profetika li qegħda sseħħ.  L-Ewropa kienet l-ewwel kontinent li emmnet l-Aħbar it-Tajba.  L-għeruq ta’ dak kollu li hu Ewropew veru jinsab fil-Kristjaneżmu.  Id-demokrazija li biha tant niftaħru ġejja mir-rispett lejn il-bniedem li jinbet fin-Nisrani li jemmen l-Aħbar li Alla ċċekken u sar bniedem fi Kristu, biex jerfa’ lill-bniedem u jagħtih l-istess natura tiegħu ta’ Alla.  Il-ħolma li l-Kristjaneżmu għandu fuq il-bniedem hi ta’ barra minn hawn, hi ħolma ”divina”, ta’ Alla li jħobb lil kull bniedem fuq livell personali sal-punt li fi Kristu inagħta għalih kollu kemm Hu!  Daqshekk jiswa l-bniedem għall-Missier: daqs id-Demm ta’ Ibnu nnifsu!

 

Imma llum l-Ewropa qed tirremetti l-Kristjaneżmu.  Tliet Kattoliċi kbar welldu l-Unjoni Ewropeja: De Gaspari (Taljan), Schumann (Franċiż) u Adenauer (Ġermaniż), it-tlieta li huma ulied fidili tal-Knisja; it-tlieta ispirati mill-valuri tal-Vanġelu.  Illum, l-Ewropa tistħi ssemmi l-Isem ta’ Kristu!!  Tistħi mill-għeruq tagħha.  Jgħidilhom Ġesù lill-għorrief tal-kultura ta’ żmienna:  ”Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li ’Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka: bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan, ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna?’  Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed minn għandkom u tinagħta lil ġens li jagħmel il-frott minnha.”  (vv. 42-43).  U hekk qed jiġri.  Is-Saltna ta’ Alla qegħda tikber fl-Afrika u iktar u iktar fl-Asja fejn biljuni ta’ nies qed jistennew l-Aħbar ta’ Kristu.  Fiċ-Ċina, diġa hemm iktar membri tal-Knisja Kattolika milli hemm membri (ħafna minnhom għax bil-fors) tal-Partit Komunista.  Kuljum, f’dawn iż-żewġ kontinenti, eluf qegħdin jiġu mgħammda fl-Isem ta’ Ġesù.

 

Imma noqogħdu attenti!  Din il-Kelma tgħodd għalina wkoll b’mod personali.  Kulma tgħid il-Bibbja hija profezija għas-soċjetà in ġenerali, imma wkoll għal kull bniedem.  Lili u lilek ġiet mogħtija s-Saltna.  Mal-Magħmudija writna Wegħda Qaddisa; Alla ntrabat magħna li dik iż-żerrigħa ta’ Fidi jkabbarha sakemm issir siġra enormi li tagħti frott bnin ta’ Mħabba u għaqda ta’ bejn l-aħwa.  Jien u int imsejħin biex inkunu Dawl, Melħ u Ħmira.  Imsejħin biex inkunu Profeti, Saċerdoti u Slaten.  Hemm wirt jistenniena li hu ikbar u isbaħ milli qatt tista’ qalbna tixtieq. 

 

Imma aħna wkoll nistgħu inlissnu l-kelmiet terribli: “Ara l-werriet!  Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu neħduh aħna.”  (v. 38).  Dan nagħmluh bil-fatti kull meta rridu nsiru Alla aħna tal-Istorja tagħna minflok ma nafdaw fil-Mulej.  Dan iseħħ kull meta nintelqu fl-“egolatrija”, l-idolatrija tal-“Jien”, jien l-ewwel u qabel kollox.

 

Verseett: Hallelujah.  Fidil il-Mulej f’kull kelma tiegħu, twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  21, 33-43

 

 F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu : «Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta' għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f'art oħra.  

 

Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu.  Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh.  Reġa' bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.  Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. 'Minn ibni jistħu,' qal.  Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, 'Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna.'  Qabduh, xeħtuh 'il barra mill-għalqa u qatluh. 

 

 Issa sid l-għalqa x'jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?"  Qalulu: "Jeqridhom bla ħniena, ta' ħżiena li huma, u  l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu."

 

 Qalilhom Ġesù: "Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li ‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka, bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna’?  Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta' Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha.» 

 
< Prev   Next >