Din
hija il- Liturgija tas-Sebgha u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Missjoni vera
u qaddisa tal-Knisja hu li xxandar lil Ġesù Kristu bħala l-unika tama
għall-bniedem, l-unika Salvazzjoni dejjiema, l-Uniku Wieħed li jagħti sens
lill-Ħajja bil-ferħ u t-tbatijiet tagħha.
M’hemmx salvazzjoni u sigurtà għalija u għalik barra minn Ġesù Kristu, u
barra minnu kollox hu frugħa għax kollox għandu s-susa tal-mewt ħliefu. Huma dawk li għandhom din il-Fidi li huma
membri veri tal-Knsija ta’ Kristu. Għax
ġuridikament, fuq ir-reġistru tal-parroċċi hemm biljuni ta’ nies imniżżlin għax
darba rċivew il-Magħmudija, imma dawk li għandhom il-Fidi adulta huma tassew
inqas; ferm inqas.
Ħafna nies
jitolbu l-Ħajja mingħand ħafna allat ta’ żmienna, bħalma fi żmien l-antik
il-pagani kienu jittamaw f’allat li vvintaw huma stess. Imma huma dawk li għalihom Kristu jiġi
l-ewwel u qabel kollox biss li jagħmlu parti mill-Missjoni kbira li għandha
l-Knisja. Dawk li huma membri tal-isem
fiha, jgħabbuha b’toqol iebes ta’ drawwiet u kulturi li tgħaddi għalihom. Dawn l-affarijiet żejda jċajprulha l-viżjoni
tal-Missjoni Glorjuża tagħha: tħabbar il-ħin kollu lil Ġesù Kristu bħala
l-Waħdieni li rebaħ il-mewt. Dan hi
tagħmlu waqt li tikkumbatti l-mentalità tal-kultura dominanti ta’ żmienna,
kultura tal-mewt li l-giddieba jsejħulha “progress”. Kontriha hemm qawwiet imdallma ta’ setgħat
għonja li jużaw flejjes enormi biex jirreklamaw u jxerrdu din il-kultura li
twiegħed il-ħajja waqt li tagħti l-mewt.
Mewt lit-trabi fil-ġuf, mewt lill-familja skont n-natura, mewt
lill-ġeneru kif ħalqu Alla: maskil u femminil, eċċ.
Minn huma dawk
li jagħmlu parti minn Knisja f’minoranza li tikkumbatti kontra dawn is-setgħat
mudlama? Huma dawk li dwarhom il-Bibbja,
lejn l-għeluq tagħha, tgħid: “Min huma, minn fejn ġejjin? Huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir u li
ħaslu ħwejjiġhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf!” (Apok. 7, 14). Huma dawk li dwarhom titkellem il-Kolletta,
it-Talba tal-Bidu tal-Quddiesa tal-lum: dawk skoprew fl-esperjeza tagħhom li
Alla hu tant tajjeb “li tahom aktar
milli jistħoqqilhom, aktar milli huma stess jistgħu jixtiequ u ħafrilhom kull
ma jbeżżagħhom fil-kuxjenza tagħhom.”
Dawn in-nies ħadd ma jċaqlaqhom.
Id-dinja tgħajjarhom u ġġagħalhom ibatu imma kif ħabbret minn qabel
il-Bibbja: “Għad jagħmlu gwerra lill-Ħaruf, u l-Ħaruf joħroġ rebbieħ fuqhom,
għax hu Sid is-sidien u Sultan is-slaten, flimkien ma’ dawk li huma miegħu
msejħin u magħżulin u fidili.” (Apok.
17, 14).
L-Ewwel Qari
Imma l-Knisja
hija l-ħin kollu ttentata tagħmel kompromess mal-kultura tal-mewt li biha hija
mdawra. Kif qal wieħed għaref: l-Insara
huma ħut jgħumu fl-ilma; imma fi żmienna, dan l-ilma qed jiġi mibdul. Qed jibdlulna l-ilma li fih neżistu! Qed jibdlulna l-ilma! Dan hu tal-biża’, tafux. Dan ifisser li min qed jibdel l-ilma,
jġiegħel lill-ħuta tgħix bil-mod kif irid hu.
Din hija l-isfida ta’ żmienna.
Sfida li, wara kollox, eżistiet minn dejjem. Sfida li ma tħallix lill-Knisja tħabbar dak
li jridha tħabbar Alla. Sfida li ma
taċċettax lill-Knisja li tkun differenti.
Id-dinja trid li
l-Knisja ta’ Kristu tkun NGO oħra, kbira u sinjura kemm trid, li xogħolha jkun
li tagħmel karità fil-bżonnijiet ta’ din l-art, li tgħin bħalma tgħin ir-Red
Cross u għaqdiet bħal dawn. Iridu li
l-Knisja titkellem biss fuq il-ħajja t’hawn, għax għal dawn, kliem bħal
salvazzjoni, fidi, eternità, dnub eċċ huma biss tixrid il-moħħ u
aljenazzjoni. Ma jriduhiex ixxandar lil
Ġesù Kristu u l-Misteru tal-Għid tiegħu.
Ma jriduhiex tħabbar li Kristu miet għall-bniedem dgħajjef biex
isalvah. Dan ma jriduhx għax għalihom
il-bniedem mhux veru li hu dgħajjef jew midneb.
Id-dnub ma jeżistix. Anzi l-bniedem
qiegħed dejjem jiskopri iktar kemm hu kbir... jiskopri li fl-aħħar mill-aħħar
huwa hu li hu Alla!! Iridu li l-Knisja
tkun bħall-għaqdiet l-oħrajn li jgħinu lill-bniedem jersaq lejn din l-ereżija!
Għalhekk, f’kull
ġenerazzjoni l-Knisja trid titqabad kontriha nnifisha biex ma tħallix li taqa’
fit-tentazzjoni li tiċħad lil Kristu u tfittex il-ferħ tal-bniedem f’allat
ivvintati mid-dinja. Dan li qed ngħidu
għall-Knisja naturalment ngħiduh għalina lkoll li nittamaw li nagħmlu
parti minnha. Il-Knisja mhix il-Kurja, jew is-Santa Sede
biss. Hija aħna li ngħidu li aħna
Nsara. Huma hienja dawk li jemmnu li
huma Nsara, imma jekk huma nies serji, jindunaw ukoll li bħala Nsara jġorru
responsabiltà enormi. Mhix kwistjoni li
wieħed imur jaħdem għall-familja u jieħu ħsieb uliedu biss waqt li jobdi
l-liġijiet tal-pajjiż. Dak anke l-pagani
jagħmluh. Hemm bżonn li nistaqsu mistoqsijiet
profondi lis-soċjetà ta’ madwarna. Hemm
bżonn li ninfurmaw ruħna. Hemm bżonn li
nkunu differenti. Għax jista’ jiġrilna
bħalma ġralha l-għalqa tad-dwieli li fuqha se jkellimna Isaija.
Noqgħodu
attenti. Il-Missier għażaqna, naddafna,
saqqiena, bnielna torri biex iħarisna... dan kollu bi Kristu li ta ħajtu
l-għażiża biex ħallas id-dejn kollu tad-dnub tagħna. Bi Kristu aħna għonja! Aħna għalqa għammiela li kapaċi tagħti nbid
bnin u ħelu għall-festa. L-inbid
tal-Imħabba u tal-għaqda bejnietna.
Allaħares qatt li nagħtu nbid qares tal-egoiżmu, nbid tad-drittijiet
biss, inbid/ħall tal-“egolatrija” kif sejħilha din il-ġimgħa l-Papa. Ego, egoiżmu, ġib ’l hawn biss għax jien
għandi jedd għal kollox. Araw jekk
is-soċjetà li qegħdin nibnu hix dan l-inbid qares...
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Isaija. 5, 1-7
Ħa ngħanni
lill-maħbub tiegħi
l-għanja ta'
mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu.
Il-maħbub tiegħi
kellu għalqa tad-dwieli
fuq għolja
għammiela.
Għażaqha u naddafha miż-żrar,
u ħawwel fiha
dwieli mill-aħjar;
bena torri
f'nofsha,
u wkoll ħaffer
magħsar fiha.
Stennieha
tagħmel l-għeneb tajjeb,
iżda kull ma
għamlet kien għeneb qares.
U issa, intom li
tgħammru f'Ġerusalemm,
rġiel ta' Ġuda,
agħmlu intom
ħaqq bejni u bejn l-għalqa tad-dwieli tiegħi.
X'kien fadalli nagħmel
għall-għalqa tiegħi
u ma għamiltux?
Stennejtha
tagħmel għeneb tajjeb,
u kull ma
għamlet kien għeneb qares.
U issa ħa
nurikom
x'sejjer nagħmel
jien lill-għalqa tiegħi tad-dwieli.
Nneħħilha
l-ilqugħ ta' madwarha,
u jħarbtuha;
nġarrfilha
l-ħajt,
biex in-nies
tgħaffiġha.
Nagħmel minnha
xagħra;
ħadd ma jiżborha
jew jaħdimha,
u jinbet
fiha x-xewk u l-ħurrieq.
Jien ngħid
lis-sħab
biex ma jagħmilx
xita fuqha!
Għax l-għalqa
tad-dwieli tal-Mulej tal-eżerċti
hija d-dar ta' Iżrael;
u l-irġiel ta'
Ġuda
huma l-mixtla
tal-għalqa tiegħu.
Huwa stenna
l-ġustizzja,
u araw sab
it-tixrid tad-demm,
stenna
s-sewwa,
u araw sama'
l-għajat tal-maħqura.
Salm
Responsorjali
Ma’ Iżrael, Alla
kien ġeneruż fuq li ġeneruż.
L-Iskrittura tiddiskrivi lil Alla bħala Għarus, namrat li jitħabat
il-ħin kollu biex jirbaħ il-qalb tal-maħbuba tiegħu... Iżrael... il-Knisja. Hu ma jridx attijiet minn barra biss...
paroli... riti... festi... ċerimonji... rikkezzi tat-tempji... proġetti
fiergħa... Dawn kollha jieħdu sens jekk
il-qalb hi mirbuħa minnu. Huwa veru li
l-Għarusa tilbes sabiħ u tiżżejjen biex togħġob lill-Għarus tagħha, imma għalih
qalbha u qalbha biss li tissodisfah.
Il-qalb! “Min jifhimha l-qalb”
(Ġer. 17, 9), jgħid Ġeremija.
Ma’ Iżrael,
Jahweh ħadem b’paċenzja kbira. “Int
qlajt dielja mill-Eġittu,” jgħid dan is-Salm li għandna, “warrabt il-ġnus biex
tħawwel lilha.” (v. 9). Din id-dielja kienet imkasbra ġewwa l-Eġittu,
kienet imjassra. Hu taha l-ħelsien u
ġenninha bl-għeġubijiet li għamel magħha.
Keċċa l-ġnus biex ta arthom lilha.
Imma qalbha baqgħet iebsa għalih!
Żejjinha fuq li żejjinha.
Bagħatilha bdiewa li żabruha bil-Kelma, l-profeti, li ħabbrulha li
l-Għarus tagħha kien qed jistenniha biex tiltaqha miegħu. Kollu ta’ xejn. Hi qatlet il-messaġġiera ta’ Dak li ħabbha
tant u Hu telaqha għal riħa; ħarbtilha l-ħitan tas-sigurtà li Hu kien bena
madwarha u ħalliha tmur tagħmel esperjenza ma’ maħbubin oħra. Hi żniet kontra l-Għarus u spiċċat waħedha,
imkasbra, liebsa mċerċer, maħmuġa bi ħtijietha.
U dan is-Salm
jitlob: “Reġġagħna għalli konna, o Alla tal-eżerċti!” (v. 20), għax miegħek konna ferm aħjar. Kemm konna aħjar mal-Mulej! L-allat moderni qarrqu bina u aħna bagħatna
jixxejjer dak li wasslulna missirijietna.
Se naqtgħu inbid qares u għad nixxennqu għaż-żmien meta konna ħaġa waħda
ma’ Alla bħala soċjetà.
Ritornell
tas-Salm. Il-għalqa tal-Mulej hija d-dar
ta’ Iżrael.
Salm 80
Int qlajt dielja mill-Eġittu,
warrabt il-ġnus biex tħawwel
lilha.
Ħejjejt l-art għaliha;
hi xenxlet għeruqha u mliet l-art.
Tgħattew l-għoljiet bid-dell
tagħha,
bħaċ-ċedri l-kbar il-friegħi tagħha.
Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha,
sax-Xmara ż-żraġen tagħha.
Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan
tagħha,
u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?
Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ,
il-bhejjem tar-raba' jirgħu fiha.
Erġa' ejja, Alla ta' l-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur 'il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawwlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik.
Aħna ma nitbegħdux minnek;
roddilna l-ħajja, u aħna nsejjħu
ismek.
Reġġagħna għal li konna, Alla ta'
l-eżerċti;
itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u
nkunu salvi.
It-Tieni Qari
San Pawl jikteb
ittra lill-Filippin, nies li kien jgħixu fil-belt ta’ Filippi li kienet
il-kapitali tal-provinċja Rumana tal-Maċedonja.
Kienet belt importanti ħafna b’kultura għal kollox Rumana. Pawlu kien iħobb b’mod partikulari lil din
il-komunità ċkejkna ta’ Nsara li hu kien ikkonverta fit-tieni vjaġġ ta’
Evanġelizzazzjoni li kien għamel. Hu
kien mar jevanġelizza ġo Filippi wara dehra li kellu ta’ bniedem mill-Maċedonja
li beda jitkarrablu: “Ejja l-Maċedonja u għinna!” (Atti 16, 9).
Il-komunita’ ta’
dixxipli li kellu Pawlu f’din il-belt kienet imdawra minn kultura pagana u
sekulariżżata bħal dik ta’ żmienna.
Għalhekk l-Appostlu jħeġġeġ lill-aħwa biex ikunu differenti mis-soċjetà
ta’ madwarhom. Alla kien għaqqadhom fi
Knisja biex ikunu melħ li jagħti togħma lill-borma li kienet tilfet it-togħma
bid-dnub tal-idolatrija u l-qima lill-allat tad-dinja. Biex ma jimbarmux u jirritornaw għall-ħajja
ta’ qabel, Pawlu jħeġġiġhom biex jitolbu u jroddu ħajr lil Alla. Hu jassigurahom, u jassigura lilna li qed
nisimgħu x’kiteb illum, li s-sliem li Alla jixtieq jagħtina “jgħaddi kull ma
l-moħħ jista’ jaħseb.” (v. 7). Nirriflettu ftit fuq din il-frażi profonda. Hija Kelma ta’ Alla u min hu mħajjar
jikkritikaha billi jgħid: “U ijwa, hawn qed jesaġera biex jimpressjona lil min
qed jisma’!”, ikun qiegħed jikkritika l-Kelma ta’ Alla, lil Alla nnifsu.
Pawlu kien qed
jgħid il-verità, mill-esperjenza personali tiegħu. Hu għex żmien il-qilla, żmien il-vjolenza,
żmien il-partiti, żmien l-egolatrija. Hu
jaf x’differenza sab fi Kristu. Kristu
għalih ma kienx tagħlim imma esperjenza ħajja mnaqqxa fil-laħam ta’ qalbu. Anzi hu dejjem konxju li l-kelma ma tista’
qatt tispjega b’ġustizzja r-rejaltà enormi li hemm tistenniena meta naslu biex
ikollna s-sliem ta’ Kristu f’qalbna.
Hemm proċess. Irridu nimxu lejn
dan, imma l-Kelma, bħalma qegħdin nisimgħu, dejjem tqawwielna qalbna.
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin. 4,
6-9
Ħuti: Tħabbtu raskom
b'xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh
ħajr. U s-sliem ta'
Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista' jifhem, iżommilkom qalbkom u
moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.
Mill-bqija,
ħuti, f'dan għandkom taħsbu: f'kull ma hu veru, f'kull ma hu xieraq, f'kull ma
hu ġust, f'kull ma hu safi, f'kull ma jiġbed l-imħabba, f'kull ma jistħoqqlu
l-ġieħ, f'kull ma hu virtù, f'kull ma ħaqqu t-tifħir; f'dan kollu aħsbu. U kull ma tgħallimtu u
ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina, agħmluh. Alla tas-sliem ikun magħkom.
Evanġelju
Dak li qed jiġri
fl-Ewropa llum hu eżatt dak li jiġri fil-parabbola li se nisimgħu. Hija parabbola profetika li qegħda
sseħħ. L-Ewropa kienet l-ewwel kontinent
li emmnet l-Aħbar it-Tajba. L-għeruq ta’
dak kollu li hu Ewropew veru jinsab fil-Kristjaneżmu. Id-demokrazija li biha tant niftaħru ġejja
mir-rispett lejn il-bniedem li jinbet fin-Nisrani li jemmen l-Aħbar li Alla
ċċekken u sar bniedem fi Kristu, biex jerfa’ lill-bniedem u jagħtih l-istess
natura tiegħu ta’ Alla. Il-ħolma li
l-Kristjaneżmu għandu fuq il-bniedem hi ta’ barra minn hawn, hi ħolma ”divina”,
ta’ Alla li jħobb lil kull bniedem fuq livell personali sal-punt li fi Kristu
inagħta għalih kollu kemm Hu! Daqshekk
jiswa l-bniedem għall-Missier: daqs id-Demm ta’ Ibnu nnifsu!
Imma llum
l-Ewropa qed tirremetti l-Kristjaneżmu.
Tliet Kattoliċi kbar welldu l-Unjoni Ewropeja: De Gaspari (Taljan),
Schumann (Franċiż) u Adenauer (Ġermaniż), it-tlieta li huma ulied fidili
tal-Knisja; it-tlieta ispirati mill-valuri tal-Vanġelu. Illum, l-Ewropa tistħi ssemmi l-Isem ta’
Kristu!! Tistħi mill-għeruq tagħha. Jgħidilhom Ġesù lill-għorrief tal-kultura ta’
żmienna: ”Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura
li ’Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka: bis-saħħa tal-Mulej
seħħ dan, ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna?’
Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed minn għandkom u
tinagħta lil ġens li jagħmel il-frott minnha.”
(vv. 42-43). U hekk qed jiġri. Is-Saltna ta’ Alla qegħda tikber fl-Afrika u
iktar u iktar fl-Asja fejn biljuni ta’ nies qed jistennew l-Aħbar ta’
Kristu. Fiċ-Ċina, diġa hemm iktar membri
tal-Knisja Kattolika milli hemm membri (ħafna minnhom għax bil-fors) tal-Partit
Komunista. Kuljum, f’dawn iż-żewġ
kontinenti, eluf qegħdin jiġu mgħammda fl-Isem ta’ Ġesù.
Imma noqogħdu
attenti! Din il-Kelma tgħodd għalina
wkoll b’mod personali. Kulma tgħid
il-Bibbja hija profezija għas-soċjetà in ġenerali, imma wkoll għal kull
bniedem. Lili u lilek ġiet mogħtija
s-Saltna. Mal-Magħmudija writna Wegħda
Qaddisa; Alla ntrabat magħna li dik iż-żerrigħa ta’ Fidi jkabbarha sakemm issir
siġra enormi li tagħti frott bnin ta’ Mħabba u għaqda ta’ bejn l-aħwa. Jien u int imsejħin biex inkunu Dawl, Melħ u
Ħmira. Imsejħin biex inkunu Profeti, Saċerdoti
u Slaten. Hemm wirt jistenniena li hu
ikbar u isbaħ milli qatt tista’ qalbna tixtieq.
Imma aħna wkoll
nistgħu inlissnu l-kelmiet terribli: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu neħduh
aħna.” (v. 38). Dan nagħmluh bil-fatti kull meta rridu nsiru
Alla aħna tal-Istorja tagħna minflok ma nafdaw fil-Mulej. Dan iseħħ kull meta nintelqu fl-“egolatrija”,
l-idolatrija tal-“Jien”, jien l-ewwel u qabel kollox.
Verseett:
Hallelujah. Fidil il-Mulej f’kull kelma
tiegħu, twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.
Hallelujah.
Qari
mill-Evanġelju ta’ San Mattew. 21, 33-43
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ
tal-poplu : «Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta' għalqa, u
ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha,
u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f'art oħra.
Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu
għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda
l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil
ieħor ħaġġruh. Reġa' bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u
għamlulhom l-istess. Fl-aħħar
bagħtilhom lil ibnu. 'Minn ibni jistħu,' qal. Iżda kif raw lil ibnu
l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, 'Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt
tiegħu niħduh aħna.' Qabduh, xeħtuh 'il barra mill-għalqa u
qatluh.
Issa sid l-għalqa x'jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa
meta jiġi?" Qalulu: "Jeqridhom bla ħniena, ta' ħżiena li
huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi
żmienu."
Qalilhom Ġesù: "Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura
li ‘Il-ġebla
li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka, bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna’? Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta' Alla tittieħed
mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha.»
|