Sunday, 19 November 2017
           
Home arrow Home
IT-TMIENJA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2017) IL-HNIENA U L-MOGHDRIJA TA’ ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 14 October 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tmienja u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 parobola_tieg.jpg

 

Alla hu l-ikbar misteru li jeżisti.  Kemm tħabat il-bniedem biex jifhmu!  Minn meta kien għadu jgħix fl-għerien u l-ħajja kienet tant prekarja li ħadd ma kien jaf filgħodu jekk kienx se jibqa’ ħaj sa filgħaxija, il-bniedem beda jħares ’il fuq lejn il-kwiekeb bil-lejl jew lejn ix-xemx tiela maż-żerniq u jistaqsi u jerġa’ jistaqsi: Min ħalaqni?  Minn għamel dan kollu?  Għalfejn qiegħed hawn jien?  Għax ġejt propju jien u mhux ħaddieħor floki?  Huma dawn li jagħmel lill-bniedem ħlejqa kbira: il-mistoqsijiet tiegħu.  Illum moħħ il-bniedem żviluppa u jagħmel mistoqsijiet ħafna iktar profondi: Jekk Alla huwa Mħabba għaliex hawn tant tbatija u nġustizzja fid-dinja?  Jekk Hu jħobbni lili, għaliex qiegħed ngħix din l-Istorja ta’ dieqa u tribulazzjoni?

 

Dawn u tant mistoqsijiet oħra  jimmarkaw it-taqbida li kull bniedem għandu ma’ Dak li jimla kollox u li għaliH tixhed ix-xjenza meta tgħid li xejn ma jista’ jibda mix-xejn għax bil-fors irid ikun hemm “principju” li minnu jibda kollox.  Il-verità hi li moħħ il-bniedem ma jistax “jaħtaf” lil Alla u jippossedih għax l-intellett tiegħu hu ċkejken wisq anke jekk forsi għad jiżviluppa ħafna iktar sakemm jilħaq il-potenzjal tal-għaġeb li għandu.  Kien għalhekk li Alla nnifsu jissorprendi lill-bniedem billi juri lilu nnifsu lil din il-ħlejqa tiegħu.  Miegħu biss għamel dan.  Hu beda proċess ta’ Rivelazzjoni, sensiela ta’ ġrajjiet, proċess bil-mod il-mod, sakemm niżel Hu nnifsu jgħammar mal-bniedem biex jgħinu jifhem Hu min hu u jkollu tweġiba għall-mistoqsijiet dejjiema tiegħu.

 

 

Imma anke meta fi Kristu Alla ta kollox lill-bniedem u m’hemmx iktar tagħrif li jista’ jagħtih, il-bniedem xorta jibqa’ jikkumbatti u jixpruna moħħu biex jifhem iktar, jagħraf iktar, iġarrab iktar minn hu Alla.  U anke jekk Alla poġġa Knisja, Ġemgħa li fiha hu jgħammar mal-bniedem, l-għarfien li kull bniedem għandu jiddependi mill-kondizzjonamenti tiegħu, mill-Istorja li hu għadda minnha, mill-qawwiet psikoloġiċi li jiffurmawh; tant li kull bniedem jista’ jkun li għandu dehra differenti ta’ Alla. Imma Alla tant hu kbir li dawn ix-xbihat kollha li jgħammru fl-imħuh jista’ jkun li jkunu kollha parti mill-verità.  Jew le.  Għax fl-imħuħ tagħna l-bnedmin jeżistu ħafna karikaturi foloz ta’ Alla.  Ikun eżerċizzju tajjeb jekk int tistaqsi lilek innifsek bis-serjetà: “Min hu tassew Alla għalija?”  U tipprova tirrispondi bis-sinċerità bla ma tħalli la tagħlim, la duttrina, la dak li taħseb is-soċjetà timmarkalek it-tweġiba tiegħek.  Jista’ jkun li hawn min jiskopri li għalih Alla hu dittatur u mhux Missier li jħobb u li din l-ideja qegħda tassew moħbija f’moħħu anke jekk hu jagħmel kollox biex jgħattiha u jaħbiha.  Hawn min jaħseb li Alla mhux veru li jista’ kollox, anzi donnu tilef il-kontroll tad-dinja.  Hawn min addirittura jaħseb li Alla huwa biss invenzjoni tal-moħħ fertili tal-bniedem.  Fuq dan, il-ħin kollu jsiru dibattiti, għax Alla jibqa’ s-suġġett li forsi l-iktar li jinteressa lil moħħ il-bniedem, anke jekk il-bniedem jidher tant aljenat fid-dinja tal-lum. 

 

Aqbad bniedem fit-triq, ibda kellmu fuq it-temp, fuq l-aħbarijiet, l-isports, fuq dak li trid... imma malli ssemmilu lil Alla mill-ewwel jisserja u tinduna li mmultiplikat il-konċentrazzjoni tiegħu fuq dak li qed tgħidlu u fuq dak li jrid iwieġeb.  Alla hu suġġett jaħraq!

 

L-Ewwel Qari

 

Tgħidli x’tgħidli l-Istorja tiegħi sa issa; jgħidu x’jgħidu dawk li huma mpressjonati wisq bil-kobor ta’ moħħhom u tal-intelliġenza tagħhom u fil-kburija tagħhom ma jaċċettaw xejn ħlief dak li moħħhom jista’ jifhem, jien nista’ nagħraf lil Alla biss bi Grazzja!  Lill-bniedem, jew Alla jagħtih li “jara” jew inkella jibqa’ jteftef.  Din id-dipendenza fuq Alla hu “challenge” kbir wisq għall-bniedem li jaħseb li hu xi ħaġa u li hu supperv.  Imma l-Grazzja biss trid tkun li tagħmel li l-bniedem jistenna li jisbaħ meta d-dlam idawru minn kullimkien; li jibqa’ jaħseb it-tajjeb fuq Alla u jittama fiH meta madwaru kollox jgħidlu li hu ffissat u tilef moħħu.  Hi l-Grazzja biss li tiftaħ l-għajnejn tal-ispirtu tal-bniedem u jkun jista’ jinduna li Alla hu kollu kemm hu Ħniena; kollu kemm hu Mogħdrija; kollu kemm hu Missier ta’ qalb ħelwa u umli; kollu kemm hu Sabar.  Alla biss jaf kif inhu magħmul moħħ il-bniedem u Hu miġnun fuqu anke meta l-bniedem m’għandux saħħa jaħseb tajjeb fuqU. 

 

Iżrael huwa l-perċimes li tqabad ma’ Alla.  Alla nnifsu qabad taqbida miegħu bħalma fuħħari “jitqabad” maċ-ċappa tafal li jkollu quddiemu fuq ir-rota tiegħu.  Alla ma ħalaqx lill bniedem talpa, għaġina li tagħmel biha li trid.  Kif Alla “jitqabad” mal-bniedem, il-bniedem “jitqabad” ma’ Alla.  Hemm rieda ta’ Alla kontra r-rieda tal-bniedem.  Imma meta l-bniedem jammetti li tilef it-taqbida u jintelaq f’idejn min ħalqu, din tkun rebħa għalih, rebħa enormi, għax jagħraf xi ftit il-Misteru tal-Imħabba u l-Mogħdrija tal-Missier.  Iżrael tqabad u ħareġ tellief, imma rebaħ għax hu l-ewlieni fost il-popli.  Fit-telfa, r-rebħa.  Hekk jaħdem Alla!

 

Il-profeti għenu biex Iżrael skopra ħafna minn Alla.  Isaija jwassal din ix-xbiha ħelwa u kollha mogħdrija u ħniena ta’ Alla fil-qari tal-lum, bħalma jagħmel f’tant testi oħrajn tiegħu.  Il-profeta jiftaħ l-orizzont tal-Imħabba ta’ Alla għall-popli kollha u mhux għal Iżrael biss.  Jekk Iżrael kien tassew il-Poplu ta’ Alla, dan mhux biss b’ġieh għalih imma b’risq il-ġnus kollha.  Din kienet profezija tassew ispirata minn Alla għax hi rivoluzjonarja fis-sens li Alla ma hux Alla ta’ Iżrael biss imma tal-ġnus kollha u l-bnedmin kollha huma msejħin biex jiltaqgħu miegħU u fiH isibu s-sens ta’ kollox, is-salvazzjoni għal dejjem.

 

Alla hu dak li jrid jagħmel festa.  Kien hemm min qal li Alla huwa Festa!  Din hi dehra ħafna differenti minn dik li għandhom nies twajba li jħobbu l-Knisja imma li għalihom Alla hu Dak li trid tisforza ħafna u tistinka u tbati biex tikkonvinċih li int “twajjeb” u hekk tkun tistħoqq il-premju tiegħU.  Hu tajjeb li nħabbru lil dawk li huma “għajjenin” spiritwalment, li Alla huwa Festa.  Alla jridna nkunu ferħanin, anzi Hu l-ħin kollu jistedinna għall-Ferħ.  Imma min jemmnu lil Alla, jekk aħna nfittxu l-ferħ għand in-nies, għand il-flus, għand il-karriera, għand il-familja, għand is-saħħa...? 

 

Iżda Hu ma jaqtax qalbu minna imma jkompli jsejjaħ, u llum qed jerġa’ jsejjaħ, lil dawk li huma qrib, imma wkoll lil dawk li huma mbegħdin: “Ejjew għall-Festa tiegħi!”  Huwa jrid iċarrat il-velu li qiegħed jgħatti wiċċ il-popli, wiċċ in-nies (v. 7), biex hekk ikunu jistgħu “jaraw”  l-Imħabba, il-Ħniena u s-Sabar li Hu għandu għalina.  Dan il-“velu” hu mportanti li nirriflettu fuqu.  Huwa “velu” li qiegħed jgħattilna r-rejaltà u s-sbuħija li hu Alla.  Hemm “għata” li qegħda tgħatti l-ġnus, speċjalment il-ġnus tal-punent li minnhom nagħmlu aħna.  Mhux li kien li naraw f’Alla l-Waħdieni li rebaħ l-ikbar problema li kull bniedem għandu: il-mewt.  Aħna nxandru li fi Kristu, Alla rebaħ il-mewt għal dejjem u għalina.  Kristu tassew qam mill-mewt!  U ta’ dan hemm il-Knisja xhud.  Huwa l-fatt li hi qegħda tgħid il-verità u mhix tigdeb li żammha ħajja elfejn sena.  Il-gideb jgħaddi u jaqa’, imma l-verità tibqa’ għal dejjem.

 

Għalhekk “Sidi l-Mulej jixxotta d-dmugħ minn fuq kull wiċċ”  (v. 8) għax il-mewt li tbikkina ma jibqagħlhiex aktar saħħa fuqna.  U meta wieħed jesperjenzja dan il-fenomenu glorjuż li jiġi mal-Fidi, allura wieħed ikun jista’ jgħajjat fil-ferħ ta’ qalbu: “Huwa veru dak li qalulna.  Hu tassew veru u ma ttamajniex għalxejn!”

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  25, 6-10a

 

 Dak in-nhar: Jagħmel il-Mulej ta' l-eżerċti

għall-popli kollha fuq din il-muntanja,

mejda b'ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa,

b'laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini.

 

U jċarrat minn fuq din il-muntanja

il-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha,

għata li kien jaħbi kollha kemm huma l-ġnus.

Jeqred il-mewt għal dejjem,

jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ,

u jħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha:

għax il-Mulej tkellem.

 

U dakinhar jgħidu: "Dan hu Alla tagħna:

fih ittamajna li jsalvana;

dan hu l-Mulej li fih ittamajna:

nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu."

Għax id l-Mulej tinżel fuq din il-muntanja.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 23 huwa salm li saħħan qalb il-bniedem u nebbaħ l-arti tiegħu.  Alla nebbaħ dan is-salm lis-Sultan David għax ried li l-bniedem jagħraf iktar minn hu Dak li ħalqu.  Kien żmien ta’ ħafna battalji, qtil u twegħir; żmien ta’ konflitti li fihom il-bniedem kien juri kemm kien għad kellu natura selvaġġa u primittiva.  L-ideja naturali li trabbiet f’moħħ dawn in-nies kienet li Alla kien xi gwerrier li jitqabad u jeqred.  Hu veru li din hi waħda mid-deskrizzjonijiet li wieħed jista’ jagħmel tal-Mulej fit-taqtigħa kontra l-ħażen.  Imma l-verità tmur ħafna lil hemm minn dan.  Mal-merħla tiegħu, huwa tassew teneru, manswet, lest li jagħti ħajtu għaliha.  Il-Mulej huwa r-Ragħaj il-kbir, ir-Ragħaj it-Tajjeb, u dawk li jemmnu fiH għandhom fiduċja fih. 

 

Fejn se ssib il-fiduċja int?   Fil-kultura dominanti li għandna fis-soċjeta’ tagħna tal-punent?  Fil-banek?  Fil-qrati?  Fil-politika?  Fil-midja?  Anke fil-familja l-bniedem qed jitlef il-fiduċja għax qegħda ssir rabta ċoff.  In-nagħġa tistrieħ biss meta tara dahar ir-Ragħaj li jimxi quddiem biex juriha t-triq u jiffaċċja Hu l-ewwel il-periklu.  F’idejh għandu żewġt ibsaten: il-ħatar li kien ikun qasir u r-ragħaj kien jużaħ biex itaptap fuq dahar in-nagħġa, bħallikieku biex jgħidilha: “Hawn jien!”, u bih iwissiha jekk tkun qegħda tittarraf lejn xi sies.  L-għasluġ, mill-banda l-oħfra hu bastu ħafna iktar b’saħħtu, użat għall-ġlied.  Bih ir-ragħaj kien ikun armat għal xi taqbida ma’ xi lupu feroċi u mġewwaħ li kien jiġi biex jaħtaflu xi nagħġa jew ħarufa.  Kristu jgħid li quddiem il-lupu, ir-ragħaj mikri, ix-xrik, kien idabbar rasu.  Ma kienx lest jagħti ħajtu għal nagħaġ li m’humiex tiegħu, imma r-Ragħaj ta’ dan is-Salm huwa s-Sid ħanin li jħobb il-merħla tiegħu u ma jabbandunax lanqas waħda minnhom. Għalhekk, kemm il-ħatar u kemm l-għasluġ huma ta’ faraġ u wens għan-nagħaġ.

 

Anke f’dan is-salm tissemma l-ikla tal-Festa.  Wara xi rebħa fuq l-għedewwa, jew meta l-ħbieb jiltaqgħu flimkien kienu jagħmlu ikla bi nbejjed fini biex jifirħu.  Hu għal dan li l-Mulej jistedinna.  Mhux se jneħħi s-Salib.  Mhux se jneħħi t-tbatija. Mhux se jneħħi t-taqbida. Imma l-Imħabba tiegħu tagħmel li anke jekk dawn jibqgħu jakkumpanjawna ħajjitna kollha, hi timla lil qalbna b’Festa li ħadd ma jista’ jeħodhielna.

 

Ritornell:  Ngħammar għal dejjem f’dar il-Mulej.

 

Salm 23

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

f'mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni.

 

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu.

 

Mqar jekk nimxi f'wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,

huma jwennsuni.

 

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta' ħajti.

U ngħammar f'dar il-Mulej

sakemm indum ħaj!

 

It-Tieni Qari

 

Min jiskopri l-Imħabba u l-Ħniena ta’ Alla, jserraħ rasu biH u jerħi ħajtu f’idejH bla ma joqgħod jinkwieta u jħabbel rasu.  Ħafna mill-inkwiet li joqtolna u jisirqilna l-Ħajja huwa nkwiet tal-bniedem il-qadim tagħna.  Importanti li niskopru dan, biex nibdew nobogħdu lin-natura qadima u midinba tagħna, u nittalbu li tiġi maqtula, bħalma ġie mwiegħed fit-traxxix tal-ilma li jgħarraq, tal-Magħmudija.  X’nambuh il-bniedem il-qadim bil-beżgħat u l-inkwiet tiegħu, bil-passjonijiet u d-dnubiet tiegħu?  Hu ma jafx jgħix!  Mingħalih qiegħed jgħix għax iġemma u jrekken, jixxala u jisker, iħares lejn nisa oħra u jiżni, jigdeb u jiġġudika.  X’nambuhom dawn? 

 

Il-bniedem il-ġdid huwa dak li għandu rasu mistrieħa għax Missieru huwa Alla!  X’jista’ jiġrilu?  Żgur li Missieru mhux se jħallih imut għal dejjem.  Pawlu ma jimpurtah minn xejn li toffri d-dinja għax hu kien għani minn ġewwa: kien bin is-Sultan!  Għalhekk jgħid: “Jien issa tgħallimt ngħaddi b’dak li jkolli; naf ngħix fl-għaks, u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox: ix-xaba’; u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks.”  (vv. 11-12). 

 

Dan hu l-ħelsien tal-biedem il-ġdid. Lil Pawlu, Alla provdielu l-għajnuna mingħand il-Filippin meta kien fil-bżonn.  Il-bżonn huwa bżonn, u meta nkunu fih niskopru li Alla jipprovdi bil-fatti.  Kemm nies għandhom x’jirrakkuntaw dwar dan!

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin.  4, 12-14;  19-20

 

 Ħuti: Naf ngħix fl-għaks, u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox: ix-xaba' u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks.  Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta' dak li jqawwini.  Għamiltu sewwa ħafna meta qsamtu miegħi tbatijieti.

 

Jimliekom Alla tiegħi b'kull ġid fil-ħtieġa tagħkom, skond l-għana tal-glorja fi Kristu Ġesù.  Lil dan Alla u Missierna, glorja għal dejjem ta' dejjem. Amen.

 

Evanġelju

 

Fl-Evanġelju tal-lum se nisimgħu il-parabbola mportanti tal-Ikla tat-Tieġ tas-Sultan, u l-istediniet u l-inviti li bagħat.  Din il-parabbola, jgħidilna Mattew fl-introduzzjoni tagħha, il-Mulej ivvintaha għall-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu, għax lilhom qalha.  Huma kien fost dawk li lil Ġesù ma laqgħuhx.  Kienu qed jistennew il-Messija, imma meta ġie ma għarfuhx għax ma kienx bħalma kienu pinġewh f’moħħhom.  U mhux huma biss.  F’kull ġenerazzjoni, Kristu huwa msallab mill-ġdid minn dawk li ma jarawx fiH dak li qegħdin ifittxu f’ħajjithom.  Kristu jagħti serħan il-moħħ iktar mill-flus; Hu għandu Mħabba ikbar minn tal-mara jew tar-raġel jew tat-tfal;  għandu Ħajja x’jagħti lil tmur lil hemm mis-saħħa tal-ġisem; il-faraġ tiegħu jisboq dak tal-ħbieb; il-ferħ li jagħti hu dejjiemi mhux tal-mument; dak li Hu jagħti, jagħtih b’xejn, bi grazzja, mhux bħad-dinja li trid tħallas għal kollox, u kif.

 

Mill-ġdid, l-Ikla tal-Festa.  Alla donnu jrid jgħidilna xi ħaġa mportanti biha din... il-Kristjaneżmu, il-Knisja, li jkollok relazzjoni ta’ Mħabba ma’ Alla, dan kollu huwa Festa!  Id-dinja għandha ħafna festi, imma l-Festa li tgħammar f’qalb il-bniedem hi dik ta’ Alla.  Il-festi tad-dinja għandhom l-”għada tal-festa”, imma dik li l-Missier qiegħed jistedinna għaliha hi għal dejjem.  Hu għalhekk li l-Martri kienu jmorru jkantaw għall-Martirju!  Minn barra huma mdawrin bl-inkwiet, imma minn ġewwa għandhom il-Festa tal-Ħaruf.

 

Dawk li kienu qrib it-Tempju ma emmnux dan.  Imma emnuh l-imbegħdin, ”il-ħżiena”, dawk li dnubhom jidher, dawk li huma ġġudikati.  X’Misteru!  Noqogħdu attenti għax dan kollu għadu jiġri u jista’ jiġri lilna wkoll.  Allaħares qatt li għad naraw lil nies li ġġudikajna deħlin fis-Saltna u aħna maqfulin barra. 

 

L-aħħar parti li tikkonċerna lil dak li daħal fl-Ikla mhux liebes għat-tieġ donnha li hi parabbola oħra, miżjuda ma’ ta’ qabilha.  Bil-ħwejjeġ li nilbsu nistgħu nagħtu ġieh jew immaqdru l-okkażjoni li nkunu mistednin għaliha.  Timmaġina wieħed dieħel fis-sala tat-tieġ liebes flokk tax-xogħol, bix-”shorts” u karkur f’saqajh?!  Ikun qed jinsulta lill-għarajjes.  Hu laqa’ l-istedina, kieku, imma xorta safa mwaddab ’il barra. 

 

Tilqa’ l-istedina, jiġifieri tgħid li temmen; il-libsa tat-tieġ hija l-opri, l-mod kif wieħed jgħix, li jakkumpanjaw il-Fidi vera.  Għax bil-paroli kulħadd jgħid li jrid, bħalma nagħmel jien, imma l-fatti kollox.  Fidi mingħajr l-opri hi Fidi mejta.  Mhux l-opri li jsalvawk, imma hija l-Fidi li tiftħilna l-Bieb tal-Ġenna; iżda jekk tassew għandek Fidi li se ssalvak, allura din tidher fil-mod li bih int tgħix.

 

Versett: Hallelujah.  Illum la twebbsux qalbkom, iżda isimgħu leħen il-Mulej.  Hallelujah. 

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  22, 1-14

 

F’dak iż-żmien: lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu Ġesù raġa' qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom:  "Is-Saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta' ibnu.  U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.  U reġa' bagħat qaddejja oħra, u qalilhom, 'Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġà maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa.'  Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. 

 

Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.  Mbagħad qal lill-qaddejja tiegħu, 'Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta' min jistedinhom għaliha.  Mela morru f'salib it-toroq u sejjħu għall-festa lil kull min issibu.'  Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u  s-sala mtliet bin-nies għall-mejda. 

 

Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ;  u qallu, 'Ħabib, dan kif dħalt hawn m'intix liebes għall-festa?' Dak tbikkem.  Mbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu, 'Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh 'il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!'  Għax ħafna huma l-imsejjħin, imma ftit il-magħżulin!"

 

 

Last Updated ( Saturday, 14 October 2017 )
 
< Prev   Next >