Din
hija il- Liturgija tad-Disgha u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Iil-bniedem li jersaq lejn Alla u jimmatura fir-relazzjoni tiegħu miegħu,
jiskopri li Alla hu Mħabba u li lilu, fuq livell personali u intimu ħafna, Alla
jħobbu mmensament. Anzi, l-Imħabbba ta’
Alla tisboq kulma l-bniedem jista’ jixtieq; u dwar dan titfa’ xaqq dawl
l-Antifona tad-Dħul tal-Ewkaristija tal-lum... antifona li ħafna drabi tinqabeż
minn min iqaddes, imma li sikwit tkun ferm sabiħa. L-Antifona li għandna tgħid: “Insejjaħlek,
għax inti tweġibni, o Alla; ressaq widintek lejja, isma’ kliemi. Bħal ħabba tal-għajn ħarisni, għad-dell ta’
ġwenħajk kenninni.” (S. 16, 68).
L-iktar parti sensittiva ta’ ġisem il-bniedem, u li hu jħarisha l-iktar,
hija l-għajn. U meta jsemmi l-ħabba
tal-għajn qed jirreferi għal dik il-parti ċkejkna ta’ ġismu li hi l-iktar
dgħajfa, imma l-iktar li l-ġisem kollu jiddefendi b’qawwa. Is-salmista li kiteb dawn il-versi qosra huwa
bniedem li għaraf b’liema għożża hu mkebbeb minn Alla u allura jista’ juża dan
il-kliem hekk teneru. Alla jħarisna
bħalma l-bniedem iħares il-mimmi, il-ħabba ta’ għajnu. Hu mportanti li nżommu dan f’moħħna
fil-mumenti diffiċli tal-Ħajja.
Il-Kolletta, mbagħad, tistedinna biex norbtu r-rieda tagħna ma’ ta’ dan
Alla li jista’ kollox u li jixtieqilna tant ġid. Meta wieħed jiskopri l-Imħabba ta’ Alla ma
tibqax daqshekk tqila li wieħed jorbot Ħajtu, ix-xewqat tiegħu, ma’ dawk ta’
Alla. Normalment, il-bniedem jiddefendi
l-pjanijiet tiegħu għal ħajtu bil-forzi tiegħu kollha għax wara kollox jekk
tneħħilu l-pjanijiet, ix-xewqat tiegħu, x’jibqagħlu l-bniedem? Imma meta int taf li Alla jeżisti, li Hu
jħobbok tassew, li ħadd daqsu ma jifhem dwar il-Ħajja, int tintelaq fiH u
tħallih jagħmel hu, u dan ikun ta’ serħan il-moħħ enormi.
Imma min għadu bid-dubji dwar din l-Imħabba, mhu se jċedi xejn minn dak li
hu “tiegħu”. Lanqas jekk toqtlu. Jekk pjanijietu ma jirnexxux, ikollu
jirrassenja ruħu u jgħid: “Xi trid tagħmel?
Jien sfortunat!” Dan mhux kif
wieħed iħalli f’idejn Alla. Din hi
rassenjazzjoni ta’ bil-fors. Ġo fina
hemm xitan li jipprova jpinġilna lil Alla bħala dittatur, bħal dak il-bniedem
tal-parabbola li qal il-kliem iebes dwar Alla: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel
aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek
fl-art.” (Mt. 25, 24-25). Din il-Gidba mhix imbegħda minna. Dejjem qegħda wara l-kantuniera tistenniena
biex tittentana meta ċ-ċirkostanzi jkunu jaqblu.
Imma l-Knisja għandha l-verità dwar Alla għax żeragħha fiha l-Iben bil-Mewt
u l-Qawmien tiegħu. Hi għandha
l-Missjoni qaddisa li xxandar dejjem u kullimkien l-Aħbar tal-Imħabba li hi
Alla. Illum hu Jum il-Missjoni, u
fiż-żminijiet tal-lum dan ma jfakkarnix biss fis-suwed tal-Afrika bħal meta
konna żgħar. Il-Knisja hija missjunarja
anke f’Malta, anke fl-Italja, fi Franza, fl-Ingilterra... U jekk aħna Nsara veri, lkoll aħna
missjunarji, inkelli m’aħniex parti mill-Knisja.
L-Ewwel Qari
Din il-Knisja, li hi l-poplu ta’ Alla, hi l-aktar ħaġa mportanti għal Alla
fl-univers li ħalaq: hija l-mimmi ta’ għajnejh għax hu poġġiha hawn biex tkun il-melħ
li ssalva t-togħma tad-dinja, id-dawl li jkeċċi d-dlam minn moħħ
il-bniedem. Dan kollu wieħed jgħidu għal
Kristu, imma ngħiduh ukoll għall-Knisja għax Hu jgħammar fiha bl-Ispirtu
tiegħu. Għalhekk il-Knisja hi qaddisa
għax Dak li jgħammar fiha hu qaddis.
In-Nisrani hu qaddis għax Kristu jgħammar fih. U l-Knisja hi qaddisa b’risq id-dinja għax
il-missjoni tagħha hi li tqaddes id-dinja.
U biex jiddefendi l-Knisja, il-poplu tiegħu, Alla għandu s-setgħa jinqeda
b’min irid. Ħafna drabi jinqeda b’nies
li m’humiex propjament parti mill-Knisja tiegħu imma li jkollhom setgħa u
influwenza fid-dinja. Dan Alla jista’
jagħmlu għax hu Sid l-Istorja. Għal
ħafna dan hu tqil biex jitwemmen, imma x’Alla jkun jekk jitlef il-kontroll ta’
x’qed jiġri fid-dinja. Dan bħal arazzi
ta’ arti kbira bħal dawk li għandna merfugħa fil-mużew tal-Kon-Katidral ta’ San
Ġwann. Minn wara jkun jidher ħafna ħjut
bla sens, għoqod u taħwid. Imma malli
tittawwal mill-faċċata tibqa’ mbellah bil-meravilja ta’ x’kapaċi jagħmel
il-bniedem bil-arti tiegħu! Hekk huma
l-ġrajjiet li jiġru madwarna. Alla
jdawwar kollox għall-ġid tal-Knisja tiegħu, anke jekk jiġru affarijiet li Hu ma
jkunx iridhom. Wara kollox hu ħalaq
lill-bniedem bħala ħlejqa ħielsa.
Fit-Testment il-Qadim, Iżrael għadda mill-esperjenza tal-Eżilju ta’
Babel. Mad-daqqa ta’għajn din kienet
tidher ġrajja tassew negattiva u ta’ tbatija għall-poplu li Alla kien wegħdu li
se jkun miegħu dejjem. Anke aħna ngħaddu
minn dawn is-sitwazzjonijiet fil-Ħajja personali tagħna. Iżrael staqsa l-għala bla ma fehem xejn. Anke aħna nistaqsu. U anke l-Knisja. Għax anke l-Knisja tgħaddi minn żminijiet
diffiċli meta kollox jidher li qed jintilef, bħalma qed jiġri lill-Knisja llum
fil-pajjiżi tal-punent. Imma
lill-Knisja, l-Ispirtu ta’ Kristu jagħtiha dixxerniment biex tagħraf xi jrid
jgħidilha Alla bis-sinjali taż-żminijiet.
Mhux faċli tagħraf dawn is-sinjali mill-ewwel, la għall-bniedem
individwali u lanqas għall-poplu bħala Knisja.
Iżrael ma kienx jaf x’qed jiġrilu.
Imma dan l-Eżilju li dam madwar sebgħin sena kien ta’ ġid spiritwali
enormi għall-poplu. Fl-Eżilju vvinta
s-sinagoga għax issa Tempju ma kellhomx.
Fis-sinagoga skopra l-Kelma ta’ Alla li qabel ma kinitx ċentrali
fil-Ħajja tiegħu; u l-Kelma mlietu
b’ħeġġa biex jistenna l-Messija mwiegħed.
Meta dak li kellu jseħħ fil-poplu, seħħ, Alla qajjem sultan pagan, Ċiru, li
rebaħ u ħa f’idejh is-saltna ta’ Babilonja u fost l-ewwel affarijiet li għamel
kien li ta l-permess biex il-Lhud jirritornaw lejn pajjiżhom. X’ħin kollox jgħaddi u l-Istorja tilħaq
il-milja tagħha, kollox jidher li jkun inħadem bizzilla. Iżda sadanitant, kemm dubji u suspetti fuq
Alla!
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.
45, 1, 4-6
Dan jgħid il-Mulej lill-midluk tiegħu,
lil Ċiru li qbadt minn idu l-leminija
biex inrażżan il-ġnus quddiemu
u nħoll il-ħżiem ta' ġenbejn is-slaten;
niftaħ il-bibien quddiemu
u ebda bieb ma jibqa' magħluq:
Minħabba Ġakobb, il-qaddej tiegħi,
u Iżrael, il-maħtur tiegħi,
jien sejjaħtlek b'ismek.
Tajtek isem ta' ġieħ għad li lanqas tafni.
Jien il-Mulej, m'hemmx ieħor ħliefi,
m'hemmx Alla ieħor għajri.
Jien ħażżimtek għad li lanqas tafni,
biex mnejn titla' x-xemx safejn tinżel,
il-bnedmin jagħrfu li m'hemm ħadd ħliefi.
Jiena l-Mulej, m'hemmx ieħor ħliefi.
Salm Responsorjali
Salm 96 inkiteb minn bniedem li ġarrab
x’kapaċi jagħmel Alla għall-poplu tiegħu u għal min għandu l-biża’ li
jitilfu. Iktar kemm għall-ewwel
il-bniedem ma jkun jista’ jifhem xejn x’inhu jiġri, anżi jaħseb li Alla nsieħ,
jew ma jeżistix, iktar ikun kbir l-istagħġib tiegħu meta jara li Alla dejjem
kellu raġun f’li kien qed jagħmel !
Dan joħloq fil-bniedem dak li Alla jogħxa jara : gratitudni, radd
il-ħajr, tifħir u Ewkaristija, li fil-Grieg tfisser ringrazzjament kbir u
mill-qalb. Dan is-Salm hu eżempju bikri
ta’ « Ewkaristija ». Hu mimli
radd il-ħajr lil Alla li wera ruħu Sid l-Istorja u li saħansitra jaqbad f’idu
s-setagħnin tal-art u jagħmel li huma, bla ma jafu, jwettqu r-rieda tiegħu.
Ritornell : Agħtu lill-Muej sebħ u
setgħa
Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej, bierku ismu!
Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.
Għax kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna,
tal-biża' aktar mill-allat kollha.
Għax kollha frugħa l-allat tal-popli;
Jaħweh hu li għamel is-smewwiet!
Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,
agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;
agħtu lill-Mulej is-sebħ ta' ismu!
Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu;
inxteħtu quddiem il-Mulej b'tiżjin qaddis;
triegħdu quddiemu, nies kollha ta' l-art!
Għidu fost il-ġnus: "Il-Mulej isaltan!"
Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek;
hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa.
It-Tieni Qari
Lill-Komunità
ta’ Tessalonika, Pawlu jsejħilha “Knisja” għax fiha ra l-ingredjenti li tagħmel
minnha “Knisja ta’ Kristu”. Ingredjenti
li fl-aħħar mill-aħħar huma tnejn:
l-Imħabba ta’ bejn l-aħwa fil-qies tas-Salib u l-Għaqda. Dawn huma possibbli biss fejn hemm il-Fidi fi
Kristu, jiġifieri fejn hemm nies li jemmnu x’għamel għalihom Alla bil-Miseru
tal-Għid ta’ Kristu. Grupp ta’ nies li
emmnu li huma tant maħbubin minn Alla li Hu bagħat lil Ibnu biex iħallas
id-dejn kollu tagħhom u jagħmilhom ġusti quddiemu. Mhux għax kienu ġusti huma, imma ġew magħmula
ġusti minn Kristu. Ġew imlibbsa l-libsa
l-bajda tal-Magħmudija minħabba l-merti tiegħU u mhux tagħhom.
Dawn
emmnuh b’tali mod li xejn ma baqa’ mportanti għalihom ħlief l-Imħabba li huma
raw fi Kristu. Alla nnifsu miet għalihom
biex huma ma jmutux. Dan fejjaqhom
mill-egoiżmu tagħhom u minnhom bdew jidhru dawn iż-żewġ sinjali tal-Imaħbba
saħansitra lejn l-għadu, u l-Għaqda bejniethom.
Dawn is-sinjali ma ssibhomx fid-dinja, u malli bdew jidhru saru kalamita
li bdiet tiġbed iktar nies pagani biex jikkonvertu.
Hemm
bżonn urġenti li fil-komunità tagħna jidhru dawn is-sinjali. Fejn ma jidhrux, il-Knisja ma tistax tkun
missjonarja. L-Imħabba u l-Għaqda
fil-Knisja jikbru fil-qies li tikber il-Fidi tagħha. Dak li għadda, għadda. Ma nistgħux naffordjaw li noqogħdu noħolmu
bil-Fidi ta’ missirijietna, jew ta’ żmien l-Atti tal-Appostli. Pawlu VI kien qal li rridu naħdmu biex nibnu
l-Knisja bħallikieku trid tinbena mill-ġdid f’kull ġenerazzjoni. Kif se ngħin jien biex tinbena l-Knsija llum? Billi nikkonverti jien l-ewwel. Billi nikber fil-Fidi. Billi nittallab quddiem il-Missier li
jagħtini l-Ispirtu li nagħraf dejjem iktar il-Misteru ta’ Kristu, x’għamel
għalija Kristu.
Il-Knisja
tgħin lill-bniedem jasal għal dan billi l-ewwel nett u fuq kollox,
tevanġelizzah, ixxandarlu l-Aħbar it-Tajba tal-Għid ta’ Kristu. Issib lingwaġġ li bih tfiehem lill-bniedem
tal-lum dak li għadda minnu Kristu għalih, għax wara kollox dan hu li
jimpurtaha n-nies. In-nies tbati, imma
tinġibed lejn min jagħtiha Tama. Evanġelizzazzjoni
u Sagramenti li minnhom tnixxi l-Grazzja.
Dawn it-tnejn flimkien,
u mhux waħda ferm iktar mill-oħra. Flimkien u
ndaqs. Kelma u Liturġija. Meta dawn isiru bil-galbu u b’ħeġġa qaddisa,
tinbena l-Knisja.
Qari mill-Ewwel Ittra ta’
San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin. 1,
1-5b
Pawlu u Silvanu u Timotju lill-knisja ta'
Tessalonika f'Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu: grazzja lilkom u sliem.
Aħna kull ħin niżżu ħajr lil Alla minħabba
fikom ilkoll, u niftakru fikom dejjem meta nitolbu. Niftakru fil-ħidma li hi ġejja mill-fidi tagħkom u
fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom; niftakru fil-qawwa tat-tama tagħkom
f'Sidna Ġesù Kristu quddiem Alla Missierna. Aħna nafu, ħuti, li Alla jħobbkom u għażilkom. Għax l-Evanġelju tagħna lilkom
ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u
b'persważjoni sħiħa.
Evanġelju
L-Evanġelju jitkellem fuq il-firda bejn Knisja u Stat. Kien hemm żmien meta l-Knisja tant kellha
setgħa li kienet stat fiha nfisha, jew kienet ħaġa waħda mal-istat. Għall-Grazzja ta’ Alla dan iż-żmien għadda u
mar. Illum, iktar kemm jgħaddi ż-żmien,
l-ambjent li fih qegħda tgħammar il-Knisja qed isir jixbaħ dejjem aktar
lill-ambjent li fih twieldet elfejn sena ilu: ambjent ostili, ambjent
Ruman-pagan, ambjent li fih il-Knisja hi minoranza u hi attakkata l-ħin kollu
mill-midja li tant għandha poter illum.
Qiegħed ibexbex iż-żmien tal-persekuzzjoni. Qiegħed ngħid għall-Ewropa l-aktar, u
għall-punent in ġenerali, għax f’pajjiżi oħra, bħal xi pajjiżi Iżlamiċi jew
atejisti bħaċ-Ċina, l-Insara ilhom ħafna ppersegwitati.
Ħafna jiddispjaċihom jaraw dan ix-xenarju;
imma huwa f’din is-sitwazzjoni li l-Knisja, ħaġa tal-għaġeb, dejjem marret
għall-aħjar! Kull meta kienet paxxuta,
tmermret u kkorrompiet ruħha; imma meta kellha xxerred saħansitra demmha b’xhieda
għall-Għarus tagħha, hija kibret, tferrxet u mmultiplikat!
Hija dejjem tentazzjoni għall-bniedem li
jinqeda bir-reliġjon biex jimxi ’l quddiem fil-poter. Il-Knisja nnifisha, fl-Istorja, waqgħet
għat-tentazzjoni li jkollha ħafna poter politiku. Il-Papiet infushom spiċċaw slaten! Dan kien ta’ ħsara enormi għall-Knisja u
għall-Aħbar ta’ Kristu, tant li f’dawk it-territorji maħkuma direttament
mill-Knisja, illum insibu ħafna antiklerikaliżmu. Din il-libsa, jiġifieri tal-poter politiku,
lill-Knisja ma tixirqilhiex.
Kieku ried Kristu kien jiddomina x-xena
politika ta’ żmienu. Imma l-libsa
tal-politiku, anke lilu, ma xerqitlux.
Kristu ried firda bejn Stat u Knisja.
Mhux bħall-Iżlam li lanqas biss jimmaġina pajjiż Iżlamiku mingħajr ma
jkollu Stat Iżlamiku. Għalihom
ir-reliġjon tfisser l-Istat. Dan iwassal
għal inġustizzji kbar. Ma jfissirx li
l-Knisja m’għandhiex id-dritt titkellem fuq il-morali tan-nazzjon. Ħafna isqfijiet u mexxejja tal-Knisja, ibda
min San Tumas à Becket fl-Ingilterra, mietu martri għall-jedd li l-Knsija tkun
indipendenti mill-Istat u ħielsa tgħid dak li tħoss fuq il-morali u l-etika
tal-liġijiet u tal-mod kif jgħixu dawk li huma membri tagħha. Kien għalhekk li Kristu qal li l-Knisja trid
tkun melħ fl-ambjent tagħha. Il-borma
bla melħ tista’ tarmiha; bla togħma; ma tniżżilhiex. Knisja mċekkna imma qawwija, tmellaħ
il-pajjiż kollu, anke jekk il-maġġoranza ma tkunx parti minnha. Din hija l-missjoni tal-Knisja f’pajjiżna u
kullimkien.
Versett:
Hallelujah. Alla sejħilna permezz tal-Evanġelju, biex niksbu l-glorja ta’
Sidna Ġesù Kristu. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. 22, 15-21
F’dak iż-żmien
il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b'xi
kelma. U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma' xi Erodjani u qalulu:
"Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta'
Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn
wiċċ ħadd ma tħares. Għidilna ħaġa, mela: 'Int x'jidhirlek? Sewwa
jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?"
Imma Ġesù għaraf
il-ħażen ta' moħħhom, u qalilhom: "Għaliex tridu ġġarrbuni, ja wċuħ
b'oħra? Uruni l-munita tat-taxxa." Wrewh dinar, u
Ġesù staqsiehom: "Ta' min huma dan il-wiċċ u din
il-kitba?" Qalulu: "Ta' Ċesari!" Mbagħad qalilhom:
"Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta' Ċesari, u lil Alla dak li hu ta'
Alla."
|