Sunday, 19 November 2017
           
Home arrow News arrow Latest arrow ID-DISGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2017) IL-KNISJA U L-ISTAT GHALL-GID TAL-BNIEDEM
ID-DISGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2017) IL-KNISJA U L-ISTAT GHALL-GID TAL-BNIEDEM PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 21 October 2017

Din hija il- Liturgija  tad-Disgha u Ghoxrin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

tributo-al-csar.-.jpg

 

Iil-bniedem li jersaq lejn Alla u jimmatura fir-relazzjoni tiegħu miegħu, jiskopri li Alla hu Mħabba u li lilu, fuq livell personali u intimu ħafna, Alla jħobbu mmensament.   Anzi, l-Imħabbba ta’ Alla tisboq kulma l-bniedem jista’ jixtieq; u dwar dan titfa’ xaqq dawl l-Antifona tad-Dħul tal-Ewkaristija tal-lum... antifona li ħafna drabi tinqabeż minn min iqaddes, imma li sikwit tkun ferm sabiħa.  L-Antifona li għandna tgħid: “Insejjaħlek, għax inti tweġibni, o Alla; ressaq widintek lejja, isma’ kliemi.  Bħal ħabba tal-għajn ħarisni, għad-dell ta’ ġwenħajk kenninni.”  (S. 16, 68). 

 

L-iktar parti sensittiva ta’ ġisem il-bniedem, u li hu jħarisha l-iktar, hija l-għajn.  U meta jsemmi l-ħabba tal-għajn qed jirreferi għal dik il-parti ċkejkna ta’ ġismu li hi l-iktar dgħajfa, imma l-iktar li l-ġisem kollu jiddefendi b’qawwa.  Is-salmista li kiteb dawn il-versi qosra huwa bniedem li għaraf b’liema għożża hu mkebbeb minn Alla u allura jista’ juża dan il-kliem hekk teneru.  Alla jħarisna bħalma l-bniedem iħares il-mimmi, il-ħabba ta’ għajnu.  Hu mportanti li nżommu dan f’moħħna fil-mumenti diffiċli tal-Ħajja.

 

 

Il-Kolletta, mbagħad, tistedinna biex norbtu r-rieda tagħna ma’ ta’ dan Alla li jista’ kollox u li jixtieqilna tant ġid.  Meta wieħed jiskopri l-Imħabba ta’ Alla ma tibqax daqshekk tqila li wieħed jorbot Ħajtu, ix-xewqat tiegħu, ma’ dawk ta’ Alla.  Normalment, il-bniedem jiddefendi l-pjanijiet tiegħu għal ħajtu bil-forzi tiegħu kollha għax wara kollox jekk tneħħilu l-pjanijiet, ix-xewqat tiegħu, x’jibqagħlu l-bniedem?  Imma meta int taf li Alla jeżisti, li Hu jħobbok tassew, li ħadd daqsu ma jifhem dwar il-Ħajja, int tintelaq fiH u tħallih jagħmel hu, u dan ikun ta’ serħan il-moħħ enormi.

 

Imma min għadu bid-dubji dwar din l-Imħabba, mhu se jċedi xejn minn dak li hu “tiegħu”.  Lanqas jekk toqtlu.  Jekk pjanijietu ma jirnexxux, ikollu jirrassenja ruħu u jgħid: “Xi trid tagħmel?  Jien sfortunat!”  Dan mhux kif wieħed iħalli f’idejn Alla.  Din hi rassenjazzjoni ta’ bil-fors.  Ġo fina hemm xitan li jipprova jpinġilna lil Alla bħala dittatur, bħal dak il-bniedem tal-parabbola li qal il-kliem iebes dwar Alla: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridx.  Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art.”  (Mt. 25, 24-25).  Din il-Gidba mhix imbegħda minna.  Dejjem qegħda wara l-kantuniera tistenniena biex tittentana meta ċ-ċirkostanzi jkunu jaqblu.

 

Imma l-Knisja għandha l-verità dwar Alla għax żeragħha fiha l-Iben bil-Mewt u l-Qawmien tiegħu.  Hi għandha l-Missjoni qaddisa li xxandar dejjem u kullimkien l-Aħbar tal-Imħabba li hi Alla.  Illum hu Jum il-Missjoni, u fiż-żminijiet tal-lum dan ma jfakkarnix biss fis-suwed tal-Afrika bħal meta konna żgħar.  Il-Knisja hija missjunarja anke f’Malta, anke fl-Italja, fi Franza, fl-Ingilterra...  U jekk aħna Nsara veri, lkoll aħna missjunarji, inkelli m’aħniex parti mill-Knisja.

 

L-Ewwel Qari

 

Din il-Knisja, li hi l-poplu ta’ Alla, hi l-aktar ħaġa mportanti għal Alla fl-univers li ħalaq: hija l-mimmi ta’ għajnejh għax hu poġġiha hawn biex tkun il-melħ li ssalva t-togħma tad-dinja, id-dawl li jkeċċi d-dlam minn moħħ il-bniedem.  Dan kollu wieħed jgħidu għal Kristu, imma ngħiduh ukoll għall-Knisja għax Hu jgħammar fiha bl-Ispirtu tiegħu.  Għalhekk il-Knisja hi qaddisa għax Dak li jgħammar fiha hu qaddis.  In-Nisrani hu qaddis għax Kristu jgħammar fih.  U l-Knisja hi qaddisa b’risq id-dinja għax il-missjoni tagħha hi li tqaddes id-dinja.

 

U biex jiddefendi l-Knisja, il-poplu tiegħu, Alla għandu s-setgħa jinqeda b’min irid.  Ħafna drabi jinqeda b’nies li m’humiex propjament parti mill-Knisja tiegħu imma li jkollhom setgħa u influwenza fid-dinja.  Dan Alla jista’ jagħmlu għax hu Sid l-Istorja.  Għal ħafna dan hu tqil biex jitwemmen, imma x’Alla jkun jekk jitlef il-kontroll ta’ x’qed jiġri fid-dinja.  Dan bħal arazzi ta’ arti kbira bħal dawk li għandna merfugħa fil-mużew tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.  Minn wara jkun jidher ħafna ħjut bla sens, għoqod u taħwid.  Imma malli tittawwal mill-faċċata tibqa’ mbellah bil-meravilja ta’ x’kapaċi jagħmel il-bniedem bil-arti tiegħu!  Hekk huma l-ġrajjiet li jiġru madwarna.  Alla jdawwar kollox għall-ġid tal-Knisja tiegħu, anke jekk jiġru affarijiet li Hu ma jkunx iridhom.  Wara kollox hu ħalaq lill-bniedem bħala ħlejqa ħielsa.

 

Fit-Testment il-Qadim, Iżrael għadda mill-esperjenza tal-Eżilju ta’ Babel.  Mad-daqqa ta’għajn din kienet tidher ġrajja tassew negattiva u ta’ tbatija għall-poplu li Alla kien wegħdu li se jkun miegħu dejjem.  Anke aħna ngħaddu minn dawn is-sitwazzjonijiet fil-Ħajja personali tagħna.  Iżrael staqsa l-għala bla ma fehem xejn.  Anke aħna nistaqsu.  U anke l-Knisja.  Għax anke l-Knisja tgħaddi minn żminijiet diffiċli meta kollox jidher li qed jintilef, bħalma qed jiġri lill-Knisja llum fil-pajjiżi tal-punent.  Imma lill-Knisja, l-Ispirtu ta’ Kristu jagħtiha dixxerniment biex tagħraf xi jrid jgħidilha Alla bis-sinjali taż-żminijiet.  Mhux faċli tagħraf dawn is-sinjali mill-ewwel, la għall-bniedem individwali u lanqas għall-poplu bħala Knisja.

 

Iżrael ma kienx jaf x’qed jiġrilu.  Imma dan l-Eżilju li dam madwar sebgħin sena kien ta’ ġid spiritwali enormi għall-poplu.  Fl-Eżilju vvinta s-sinagoga għax issa Tempju ma kellhomx.  Fis-sinagoga skopra l-Kelma ta’ Alla li qabel ma kinitx ċentrali fil-Ħajja tiegħu;  u l-Kelma mlietu b’ħeġġa biex jistenna l-Messija mwiegħed.

 

Meta dak li kellu jseħħ fil-poplu, seħħ, Alla qajjem sultan pagan, Ċiru, li rebaħ u ħa f’idejh is-saltna ta’ Babilonja u fost l-ewwel affarijiet li għamel kien li ta l-permess biex il-Lhud jirritornaw lejn pajjiżhom.  X’ħin kollox jgħaddi u l-Istorja tilħaq il-milja tagħha, kollox jidher li jkun inħadem bizzilla.  Iżda sadanitant, kemm dubji u suspetti fuq Alla!

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  45, 1, 4-6

 

Dan jgħid il-Mulej lill-midluk tiegħu,

lil Ċiru li qbadt minn idu l-leminija

biex inrażżan il-ġnus quddiemu

u nħoll il-ħżiem ta' ġenbejn is-slaten;

niftaħ il-bibien quddiemu

u ebda bieb ma jibqa' magħluq:

 

Minħabba Ġakobb, il-qaddej tiegħi,

u Iżrael, il-maħtur tiegħi,

jien sejjaħtlek b'ismek.

Tajtek isem ta' ġieħ għad li lanqas tafni.

Jien il-Mulej, m'hemmx ieħor ħliefi,

m'hemmx Alla ieħor għajri.

Jien ħażżimtek għad li lanqas tafni,

biex mnejn titla' x-xemx safejn tinżel,

il-bnedmin jagħrfu li m'hemm ħadd ħliefi.

Jiena l-Mulej, m'hemmx ieħor ħliefi.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 96 inkiteb minn bniedem li ġarrab x’kapaċi jagħmel Alla għall-poplu tiegħu u għal min għandu l-biża’ li jitilfu.  Iktar kemm għall-ewwel il-bniedem ma jkun jista’ jifhem xejn x’inhu jiġri, anżi jaħseb li Alla nsieħ, jew ma jeżistix, iktar ikun kbir l-istagħġib tiegħu meta jara li Alla dejjem kellu raġun f’li kien qed jagħmel !  Dan joħloq fil-bniedem dak li Alla jogħxa jara : gratitudni, radd il-ħajr, tifħir u Ewkaristija, li fil-Grieg tfisser ringrazzjament kbir u mill-qalb.  Dan is-Salm hu eżempju bikri ta’ « Ewkaristija ».  Hu mimli radd il-ħajr lil Alla li wera ruħu Sid l-Istorja u li saħansitra jaqbad f’idu s-setagħnin tal-art u jagħmel li huma, bla ma jafu, jwettqu r-rieda tiegħu.

 

Ritornell : Agħtu lill-Muej sebħ u setgħa

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Għannu lill-Mulej, bierku ismu!

Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.

 

Għax kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna,

tal-biża' aktar mill-allat kollha.

Għax kollha frugħa l-allat tal-popli;

Jaħweh hu li għamel is-smewwiet!

 

 Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,

agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;

agħtu lill-Mulej is-sebħ ta' ismu!

 

Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu;

inxteħtu quddiem il-Mulej b'tiżjin qaddis;

triegħdu quddiemu, nies kollha ta' l-art!

 

Għidu fost il-ġnus: "Il-Mulej isaltan!"

Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek;

hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa.

 

It-Tieni Qari

 

Lill-Komunità ta’ Tessalonika, Pawlu jsejħilha “Knisja” għax fiha ra l-ingredjenti li tagħmel minnha “Knisja ta’ Kristu”.  Ingredjenti li fl-aħħar mill-aħħar huma tnejn:  l-Imħabba ta’ bejn l-aħwa fil-qies tas-Salib u l-Għaqda.  Dawn huma possibbli biss fejn hemm il-Fidi fi Kristu, jiġifieri fejn hemm nies li jemmnu x’għamel għalihom Alla bil-Miseru tal-Għid ta’ Kristu.  Grupp ta’ nies li emmnu li huma tant maħbubin minn Alla li Hu bagħat lil Ibnu biex iħallas id-dejn kollu tagħhom u jagħmilhom ġusti quddiemu.  Mhux għax kienu ġusti huma, imma ġew magħmula ġusti minn Kristu.  Ġew imlibbsa l-libsa l-bajda tal-Magħmudija minħabba l-merti tiegħU u mhux tagħhom.

 

Dawn emmnuh b’tali mod li xejn ma baqa’ mportanti għalihom ħlief l-Imħabba li huma raw fi Kristu.  Alla nnifsu miet għalihom biex huma ma jmutux.  Dan fejjaqhom mill-egoiżmu tagħhom u minnhom bdew jidhru dawn iż-żewġ sinjali tal-Imaħbba saħansitra lejn l-għadu, u l-Għaqda bejniethom.  Dawn is-sinjali ma ssibhomx fid-dinja, u malli bdew jidhru saru kalamita li bdiet tiġbed iktar nies pagani biex jikkonvertu.

 

Hemm bżonn urġenti li fil-komunità tagħna jidhru dawn is-sinjali.  Fejn ma jidhrux, il-Knisja ma tistax tkun missjonarja.  L-Imħabba u l-Għaqda fil-Knisja jikbru fil-qies li tikber il-Fidi tagħha.  Dak li għadda, għadda.  Ma nistgħux naffordjaw li noqogħdu noħolmu bil-Fidi ta’ missirijietna, jew ta’ żmien l-Atti tal-Appostli.  Pawlu VI kien qal li rridu naħdmu biex nibnu l-Knisja bħallikieku trid tinbena mill-ġdid f’kull ġenerazzjoni.  Kif se ngħin jien biex tinbena l-Knsija llum?  Billi nikkonverti jien l-ewwel.  Billi nikber fil-Fidi.  Billi nittallab quddiem il-Missier li jagħtini l-Ispirtu li nagħraf dejjem iktar il-Misteru ta’ Kristu, x’għamel għalija Kristu.

 

Il-Knisja tgħin lill-bniedem jasal għal dan billi l-ewwel nett u fuq kollox, tevanġelizzah, ixxandarlu l-Aħbar it-Tajba tal-Għid ta’ Kristu.  Issib lingwaġġ li bih tfiehem lill-bniedem tal-lum dak li għadda minnu Kristu għalih, għax wara kollox dan hu li jimpurtaha n-nies.  In-nies tbati, imma tinġibed lejn min jagħtiha Tama.  Evanġelizzazzjoni u Sagramenti li minnhom tnixxi l-Grazzja.  Dawn it-tnejn flimkien, u mhux waħda ferm iktar mill-oħra.  Flimkien u ndaqs.  Kelma u Liturġija.  Meta dawn isiru bil-galbu u b’ħeġġa qaddisa, tinbena l-Knisja.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin.  1, 1-5b

 

Pawlu u Silvanu u Timotju lill-knisja ta' Tessalonika f'Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu: grazzja lilkom u sliem.

 

Aħna kull ħin niżżu ħajr lil Alla minħabba fikom ilkoll, u niftakru fikom dejjem meta nitolbu. Niftakru fil-ħidma li hi ġejja mill-fidi tagħkom u fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom; niftakru fil-qawwa tat-tama tagħkom f'Sidna Ġesù Kristu quddiem Alla Missierna. Aħna nafu, ħuti, li Alla jħobbkom u għażilkom. Għax l-Evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u b'persważjoni sħiħa.

 

Evanġelju

 

L-Evanġelju jitkellem fuq il-firda bejn Knisja u Stat.  Kien hemm żmien meta l-Knisja tant kellha setgħa li kienet stat fiha nfisha, jew kienet ħaġa waħda mal-istat.  Għall-Grazzja ta’ Alla dan iż-żmien għadda u mar.  Illum, iktar kemm jgħaddi ż-żmien, l-ambjent li fih qegħda tgħammar il-Knisja qed isir jixbaħ dejjem aktar lill-ambjent li fih twieldet elfejn sena ilu: ambjent ostili, ambjent Ruman-pagan, ambjent li fih il-Knisja hi minoranza u hi attakkata l-ħin kollu mill-midja li tant għandha poter illum.  Qiegħed ibexbex iż-żmien tal-persekuzzjoni.  Qiegħed ngħid għall-Ewropa l-aktar, u għall-punent in ġenerali, għax f’pajjiżi oħra, bħal xi pajjiżi Iżlamiċi jew atejisti bħaċ-Ċina, l-Insara ilhom ħafna ppersegwitati.

 

Ħafna jiddispjaċihom jaraw dan ix-xenarju; imma huwa f’din is-sitwazzjoni li l-Knisja, ħaġa tal-għaġeb, dejjem marret għall-aħjar!  Kull meta kienet paxxuta, tmermret u kkorrompiet ruħha; imma meta kellha xxerred saħansitra demmha b’xhieda għall-Għarus tagħha, hija kibret, tferrxet u mmultiplikat! 

 

Hija dejjem tentazzjoni għall-bniedem li jinqeda bir-reliġjon biex jimxi ’l quddiem fil-poter.  Il-Knisja nnifisha, fl-Istorja, waqgħet għat-tentazzjoni li jkollha ħafna poter politiku.  Il-Papiet infushom spiċċaw slaten!  Dan kien ta’ ħsara enormi għall-Knisja u għall-Aħbar ta’ Kristu, tant li f’dawk it-territorji maħkuma direttament mill-Knisja, illum insibu ħafna antiklerikaliżmu.  Din il-libsa, jiġifieri tal-poter politiku, lill-Knisja ma tixirqilhiex.

 

Kieku ried Kristu kien jiddomina x-xena politika ta’ żmienu.  Imma l-libsa tal-politiku, anke lilu, ma xerqitlux.  Kristu ried firda bejn Stat u Knisja.  Mhux bħall-Iżlam li lanqas biss jimmaġina pajjiż Iżlamiku mingħajr ma jkollu Stat Iżlamiku.  Għalihom ir-reliġjon tfisser l-Istat.  Dan iwassal għal inġustizzji kbar.  Ma jfissirx li l-Knisja m’għandhiex id-dritt titkellem fuq il-morali tan-nazzjon.  Ħafna isqfijiet u mexxejja tal-Knisja, ibda min San Tumas à Becket fl-Ingilterra, mietu martri għall-jedd li l-Knsija tkun indipendenti mill-Istat u ħielsa tgħid dak li tħoss fuq il-morali u l-etika tal-liġijiet u tal-mod kif jgħixu dawk li huma membri tagħha.  Kien għalhekk li Kristu qal li l-Knisja trid tkun melħ fl-ambjent tagħha.  Il-borma bla melħ tista’ tarmiha; bla togħma; ma tniżżilhiex.  Knisja mċekkna imma qawwija, tmellaħ il-pajjiż kollu, anke jekk il-maġġoranza ma tkunx parti minnha.  Din hija l-missjoni tal-Knisja f’pajjiżna u kullimkien.

 

Versett:  Hallelujah. Alla sejħilna permezz tal-Evanġelju, biex niksbu l-glorja ta’ Sidna Ġesù Kristu. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  22, 15-21

 

 F’dak iż-żmien il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b'xi kelma.   U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma' xi Erodjani u qalulu: "Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb  is-sewwa, u li t-triq ta' Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares.  Għidilna ħaġa, mela: 'Int x'jidhirlek? Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?" 

 

 Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta' moħħhom, u qalilhom: "Għaliex tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b'oħra?  Uruni l-munita tat-taxxa." Wrewh dinar,  u Ġesù staqsiehom: "Ta' min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?"  Qalulu: "Ta' Ċesari!" Mbagħad qalilhom: "Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta' Ċesari, u lil Alla dak li hu ta' Alla." 

 
< Prev   Next >