Din
hija il- Liturgija tat-Tletin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ir-reliġjonijiet kollha tad-dinja jistrieħu xi
ftit jew wisq fuq sett ta’ liġijiet morali li juru lill-bniedem il-mod
rispettabbli kif għandu jgħix. F’dan
ir-rigward, ir-reliġjonijiet kważi kollha għamlu ġid għax “immansaw”
lill-bniedem u firduh mill-ħajja
selvaġġa tal-annimali. Naturalment,
fl-antik, kien hemm reliġjonijiet pagani li flok immaturaw lill-bniedem kienu rifless
tal-istint annimalesk li kultant jisponta fina.
Kien hemm reliġjonijiet ta’ sagrifiċċji umani, per eżempju. Imma ġeneralment, il-morali reliġjuża
għolliet lill-bniedem ’il fuq mil-livell tal-ħlejjaq l-oħra.
Anke l-Kristjaneżmu minn dejjem kellu xi forma
ta’ “guide-lines”, jew preċetti li fuqhom in-Nisrani serju kellu jimxi. Wara kollox il-Kristjaneżmu ħareġ
mill-Ġudajiżmu, ir-reliġjon tal-Lhud, reliġjon li kienet ibbażata fuq il-Liġi
ta’ Mosè u tant u tant preċetti oħra li daħlu matul iż-żmien biex iservu ta’
sur madwar dawk l-Għaxar Kelmiet primittivi li inagħtaw fuq is-Sinaj.
Imma l-Kristjaneżmu mhux reliġjon
tal-Liġi. Kristu nnifsu kien akkużat li
kien jikser ċerti preċetti ’l hemm u ’l hawn u aktar minn darba ħadha
mal-Fariżej li kienu legalisti primi.
Kristu għaraf li l-Liġi hi mejta mingħajr l-Ispirtu. Dan hu mportanti li nirriflettu ħafna fuqu
għax ħafna minnha huma legalisti puri li joqogħdu attenti li ma tgħaddix nemusa
minn ġol-għarbiel tagħhom, kif jgħid il-Mulej, imma mbagħad iħallu jgħaddi
ġemel. Dan hu serju.
Il-Kristjaneżmu mhux reliġjon imma Aħbar! Huwa l-Aħbar it-Tajba, l-Evangelium,
il-Kerigma tas-Sinjur Tagħna Sidna Ġesù Kristu.
Dan jista’ jfixkel, għax għal ħafna sekli l-Kristjaneżmu ġie ridott għal
reliġjon oħra. Il-Kristjaneżmu jħabbar
fatt li ġara storikament. Min jemmen fih
hu salv. Dan il-fatt hu li fi żmien
storiku, il-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja liebes laħam bħal tal-bnedmin,
magħruf bħala Ġesù ta’ Nazaret, biex Hu jgħix l-esperjenza tal-Għid, jiġifieri
jidħol fil-Passjoni, l-Mewt u d-Difna, imma biex joħroġ rebbieħ bil-Qawmien
mill-Mewt, opra tremenda tal-Missier, u hekk juri li l-Mewt, l-akbar għadu
tal-bniedem, intrebħet.
Dan hu l-bażi tal-Kristjaneżmu... iktar minn
xi Liġi jew xi preċett morali. Li
jagħmlek Nisrani hu l-fatt li int ġejt mogħti l-Grazzja stupenda tal-Fidi f’dan
il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.
Jiġifieri, int tagħraf u temmen li Kristu bata u miet espressament
għalik, għax id-dnubiet tiegħek ma setgħux jinħafru mingħajr din l-offerta ta’
Alla nnifsu b’risq tiegħek. Dan hu ta’
mportanza enormi. Għandna bżonn din
il-laqgħa ħajja ma’ dan Kristu li ħallas tant għalina. Biex wieħed jidħol f’dan il-Misteru, l-ewwel
irid jagħraf lilu nnifsu, jagħraf id-dnub tiegħu, jibqa’ mistagħġeb kemm kien
imqarraq meta kien jiġġudika lil ħaddieħor u kien jaħseb li hu O.K. għax dejjem
sab raġunijiet għall-iżbalji tiegħu.
Min ma jagħrafx id-dejn tiegħu mal-Missier ma
jista’ qatt jifhem għaliex Kristu kellu jbati tant, u Alla, li ma jafx x’inhi
Mewt, kellu jidħol fil-Mewt għalih. Int
tasal biex tgħid li Kristu miet għal dak il-ħalliel, jew għall-ieħor li hu
qattiel, jew għal dik il-prostituta, jew l-ieħor li jmexxi d-droga... u hekk tkun qed taqta’ lilek innifsek
mis-Salvazzjoni ta’ Kristu. Għax isalva
biss min jemmen fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. Dan tgħidu l-Iskrittura l-ħin kollu. Mhux ta’ b’xejn li l-Mulej qal li
l-prostituti u l-pubblikani kienu iktar qrib is-Saltna, għax ndubhom kien
f’idejhom. Ħadd minnhom ma kien
jiddubita li kien midneb prim. U
għall-midneb ġie Alla fid-dinja.
Min jiskopri din l-Imħabba ta’ Alla, tinbet
fih Imħabba reċiproka lejn minn bata tant għalih u ħabbu tant meta kien għadu
tiegħu. Il-midneb li jgħaddi minn din
l-esperjenza, jibqa’ mbellah bil-ġenerożità ta’ Alla miegħu! U r-riżultat ta’ dan ikun li l-ġrieħi nterni
tiegħu li kienu għamluh egoista u midneb, jinxfulu, ifiqulu, b’tali mod li ma
jaħsibx iktar fih innifsu, ma jiġbidtx iktar lejh, imma l-Imħabba timbuttaħ
lejn l-“ieħor”, lejn il-proxxmu. Dan
bħal wieħed li jkollu darsa tuġgħu. Ma jkollu moħħ ħadd. Ħsiebu kkonċentrat fuq dak li qed iħoss
hu. Ma jistax jaħrab l-uġigħ
tiegħu. Imma jekk tfieqlu d-darsa,
allura kapaċi jagħti kasek. Dan hu li
jseħħ fil-konverżjoni.
Allura, altru li l-Kristjaneżmu mhux
Liġi. Il-Kristjaneżmu hu Mħabba, u
kontra l-Imħabba m’hemm l-ebda Liġi.
Kristu tkellem fuq kif ikun in-Nisrani.
Hu tana ritratt tan-Nisrani fid-Diskors tal-Muntanja. Mur prova għamel Liġi minnu dan id-Diskors,
isa! Ħadd mhu kapaċi li jibda jgħix
dan. Id-Diskors tal-Muntanja huwa erba’
darbiet itqal mill-Għaxar Kmandamenti.
Kristu ma tahulniex bħala Liġi, imma ried jurina x’kapaċi tagħmel
l-Imħabba bil-bniedem. Ħadd minnha mhu
kapaċi jgħix l-Għaxar Kmandamenti, aħseb u ara d-Diskors tal-Muntanja, imma min
jiskopri li Alla hu nnamrat miegħu/magħha, jinżel fih l-Ispirtu tal-Imħabba, li
hu l-Ispirtu s-Santu u huwa Dan li jagħmel il-bniedem jgħix mhux biss l-Għaxar
Kmandamenti imma wkoll id-Diskors tal-Muntanja.
Il-Liġi ma ssalvax, imma l-Imħabba li titnissel mill-Fidi f’dak li
għamel Ġesù għalina, iva.
L-Ewwel Qari
Dak li ntqal lill-Poplu ta’ Alla, tant u tant
sekli ilu, għadu ħafna relevanti għalina llum.
Hi tal-għaġeb il-Kelma ta’ Alla fir-relevanza eterna tagħha. Il-poplu hu mħeġġeġ mill-Mulej biex ma
jaħqarx lill-barrani, lir-refuġjati ta’ żmienna, “għax barranin intom ukoll
kontu fl-art tal-Eġittu” (v. 20),
igħidilhom. Il-barrani li hu mbiegħed
minn artu, diġa qed ibati minn solitudni, minn insigurtà għax imbiegħed
mill-veru ambjent tiegħu. Huwa l-miskin,
u qalb Alla tinħall għat-tbatija tal-imsejken.
M’għandux fuq min idur, u għall-kuntrarju, jsib min iħares lejh bl-ikrah
donnu qed jisraq xi ħaġa. Ħafna minna
l-Maltin u l-Għawdxin kienu “refuġjati”, barranin, emigrati ’l bogħod minn
pajjiżhom minħabba raġunijiet ta’ ekonomija u xogħol. Niftakar kemm kien ikun hawn tħassib dari
meta kienu jgħidu li l-Awstralja jew l-Amerika kienu se jagħalqu bwiebhom
għall-emigranti.
Issa l-folja nqalbet u aħna qegħdin
f’sitwazzjoni fejn aħna mitluba minn Alla nnifsu biex ngħinu lil ħaddieħor li
ġie għandna mhux għal kwistjonijiet ekonomiċi, ħafna drabi, iżda maħrubin minn
moħqrija tal-biża’ u gwerer li nsejna x’inhuma li qed iħarbtu l-artijiet
għeżież tagħhom. Dawn ma humiex fostna
b’kapriċċ! Kemm nies, u l-aktar tfal,
ħalsu b’mewt kiefra l-ħarba tagħhom ta’ bil-fors minn pajjiżhom. Hu veru li hemm il-biża’ ta’ taqliba kulturali u anke reliġjuża fil-pajjiż. Imma dawn in-nies huma okkażjoni għalina li
ngħoddu ruħna bħala Nsara, biex bl-eżempju tagħna nuruhom min hu Kristu u
nrattbulhom qalbhom għaliH, Hu li fuqu ftit li xejn semgħu. Għandna missjoni hawn, u l-Mulej, b’dan
il-qari, qed jistenna li aħna nwettquha.
Qari
mill-Ktieb tal-Eżodu. 22, 20-26
Dan igħid il-Mulej: “La taħqarx il-barrani, u
la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin fl-art ta' l-Eġittu. La taħqrux l-armla jew l-iltim, għax jekk taħqruhom, u huma
jsejjħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom; u l-qilla tiegħi tixgħel,
neqridkom bix-xabla; u n-nisa tagħkom jormlu u wliedkom jisfaw iltiema.
“Jekk inti tislef lil xi fqir mill-poplu
tiegħi, iġġibx ruħek miegħu bħal wieħed sellief, u teħodlux imgħax. Jekk
lil għajrek teħodlu l-libsa tiegħu b'raħan, agħtihielu lura qabel inżul
ix-xemx; għax hu dik
biss għandu biex jitgħatta, dik biss l-għata ta' ġismu; inkella fiex tridu
jorqod? Għax jekk isejjaħli, jiena nisimgħu, għax jien ħanin.”
Salm Responsorjali
F’dawn il-kitbiet tagħna, ħafna drabi
għafasna fuq il-ħtieġa li niskopru l-Wiċċ veru ta’ Alla; niltaqgħu f’laqgħa
ħajja miegħU; insiru nafu dejjem aktar Hu min hu; inpoġġu ruħna fi proċess,
f’mixja, fi vjaġġ lejn dan il-Misteru meraviljuż ta’ Alla li lilna jafna,
wieħed wieħed, imma li aħna ftit li xejn nafuH, anke jekk nafu ħafna dwaru.
Li wieħed jiskopri lil Alla jfisser li
jintebaħ, bi Grazzja, l-għoli, il-fond, il-wisgħa tal-Imħabba li ma titwemminx
li Hu għandu għalik, għalija, għalina, saħansitra meta aħna niġu naqgħu u nqumu
minnu. Il-bniedem li jiskopri lil Alla,
jagħraf li Alla hu sur għalih kontra x-xjaten għedewwa li sikwit ikissruna minn
ġewwa. Alla hu l-qawwa u l-blata tagħna,
il-fortizza u l-ħellies tagħna (v. 3) fi
żmien meta ma nkunux komdi u aljenati, imma mdawrin mill-inkwiet tal-Ħajja.
Hawnhekk għandna biss silta ċkejkna minn Salm
twil wieħed u ħamsin vers. Banda oħra
jgħid: “Imwieġ tal-mewt ħakmuni, widien tal-biża’ werwruni, ħbula tal-imwiet
dawruni, xbiek tal-mewt inqaleb fuqi.”
(vv. 5-6). Minn minna qatt ma
għadda minn esperjenza li dan is-salm jiddiskrivi bi Kliem poetiku u sabiħ. Minn minna, speċjalment ta’ ċerta età, qatt
ma esperjenzja mumenti f’Ħajtu meta xxennaq b’qalbu kollha li jkollu Fidi
ikbar, ċertezza akbar li Alla mhux se
jħallih waħdu, li mhux se jpattihielu għad-dnubiet li għamel meta kien
komdu? Min minna qatt ma xtaq b’qalbu
kollha li jserraħ moħħu b’Alla fl-inkwiet tiegħu? L-esperjenza kollox, u l-esperjenzi ħarxa
jibnulna l-Fidi għax hu hemm li niltaqgħu ma’ Alla li jissorprendina bil-maħfra tiegħu u
bl-għajnuna tiegħu. Għax is-Salm ikompli
jgħid: “Fil-hemm tiegħi lill-Mulej sejjaħt, tlabt l-għajnuna ’l Alla tiegħi; hu
sama’ leħni mit-tempju tiegħu, f’widnejh waslet l-għajta tiegħi.” (v. 7).
Bħalma l-mużika trattab il-qalb, hekk, u anke
iktar minn hekk, is-Salmi jħollu l-id kiesħa li sikwit tagħfas madwar qalbna u
jsaħħnuhielna u jimlewhielna b’Tama ġdida.
Ikun imbierek Alla li darba wara darba jaħfrilna u jagħtina r-rebħa fuq
il-mewt li ddur madwarna.
Ritornell: Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi.
Salm 18
Nħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!
Il-Mulej blata tiegħi,
fortizza u ħellies tiegħi.
Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,
qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!
Nsejjaħ il-Mulej, li hu ta' min ifaħħru,
u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi.
Ħaj il-Mulej! Mbierek hu, il-blata tiegħi!
Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!
Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,
juri mħabbtu mal-midluk tiegħu.
It-Tieni Qari
L-Ewwel Ittra
lit-Tessalonkin, li partijiet minnha se jinqraw f’dawn l-aħħar Ħdud tas-Sena
Liturġika, kienet l-ewwel Ittra li kiteb Pawlu lill-komunitajiet tiegħu. Hija l-iktar Ittra antika tiegħu.
Huwa jfaħħar lill-aħwa
ta’ Tessalonika, belt sinjura tal-Maċedonja, illum fil-Greċja. Kien hawn li Pawlu kellu l-ewwel faraġ u
success fil-Missjoni kbira tiegħu li jxandar il-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu
lill-pagani. Hu jgħid li l-aħwa
tat-Tessalonika kienu laqgħu bil-ferħ l-Aħbar li ġabilhom u ħajjithom inbidlet
għal kollox tant li saru jixbħu lilu fl-Imħabba tagħhom għal Kristu. B’hekk huma saru sinjal għall-pagani ta’
madwarhom u ġibdu lejn Kristu ġmiegħi ġodda.
Huma kienu jħobbuhom
ħafna lil Pawlu u lil sħabu li kienu jevanġelizzaw miegħu, għax fihom kienu
jaraw l-“Anġli tal-Mulej” li taw ħajjithom għalihom biex iwasslulhom l-Aħbar li
Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex kull min jemmen fih ikun ċert
mis-salvazzjoni dejjiema u mill-Imħabba divina.
F’Pawlu kienu jaraw dak il-bniedem li bih Alla kien qalagħhom mill-qima
lejn l-idoli mejta tad-dinja.
Aħna
lkoll nafu xi tfisser din il-qima lejn l-idoli mejta tad-dinja. Id-dinja hi mimlija allat foloz: flus, fama,
suċċess, saħħa, affetti, passatempi, xiri... kull fejn tħares tara idoli li jwegħduk
il-ferħ, il-Ħajja u jippruvaw inissuk li fil-fatt kollox qed imut madwarek, u
int magħhom. Huma jġennu n-nies li
jemmnu ħafna fihom, imma mhux veru, le mhux veru li jsolvulek il-problema
ċentrali tal-Ħajja tagħna: il-biża’ tal-mewt.
Dan il-biża’ tal-mewt jieħu ħafna forom; hi qagħda psikoloġika profonda
ħafna. Anke meta l-anqas li naħsbu dwar
dan, ġisimna jaf li qiegħed il-ħin kollu jmut, bħal sufarell tal-festa li
jagħmel ħafna storbju, imma li fl-istorbju u s-sbuħija tiegħu qed jaħraq
ħajtu. Hekk aħna lkoll, u dan il-misteru
jiddominana u jaffettwa kull ħaġa li nagħmlu.
Il-bniedem
imbiegħed minn Alla, jħossu waħdu quddiem dan kollu u ma ttiħx tort li jsir
egoista, kif diġa semmejna fil-bidu ta’ din il-kitba. Huwa jdur lejn l-idoli mejta tad-dinja biex
iserrħuh minn din ir-rejaltà. In-Nisrani
jemmen li Kristu huwa l-Waħdieni li rebaħ il-mewt. Ħadd ħliefu ma jista’ jagħtina dak li qalbna
hi maħluqa għalih. Imbierek il-bniedem
li jistenna l-Miġja glorjuża tal-Mulej f’Ħajtu.
Alla ma jiddiżappuntax.
It-Tessalonkin indunaw bid-differenza bejn il-Mulej li hu Ħaj u l-idoli
mejta, u daru lejH b’qalbhom kollha.
Qari mill-Ewwel Ittra ta’
San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin. 1,
5c-10
Ħuti: intom tafu kif ġibna
ruħna meta konna fostkom għall-ġid tagħkom. Intom sirtu tixbhu lilna u l-Mulej, billi lqajtu
l-kelma fost ħafna taħbit bil-ferħ ta' l-Ispirtu s-Santu. Hekk intom sirtu mudell
għal dawk kollha li emmnu fil-Maċedonja u l-Akaja. Mhux biss il-kelma tal-Mulej ħarġet minn għandkom u
xterdet fil-Maċedonja u l-Akaja, imma l-fidi li għandkom f'Alla xterdet ma'
kullimkien b'mod li aħna ma għandna għalfejn ngħidu xejn. Huma stess jgħidu x'laqgħa
kellna għandkom, u kif dortu lejn Alla u tlaqtu l-idoli biex taqdu lil Alla ħaj
u veru u tistennew
ġej mis-sema lil Ibnu, li hu qajjem mill-imwiet, Ġesù li ħelisna mill-korla li
ġejja.
Evanġelju
Ġesù Kristu se jgħolli leħnu
u jlissen il-Kelmiet qaddisa u misterjużi tax-Shemà. “Shemà” hi Kelma Ebrajka li tfisser “Isma’”
bil-lingwa tagħna. Meta Alla jgħidlek
“Isma’”, “Shemá”, ikun tassew irid isemmagħlek xi ħaġa ta’ mportanza enormi
għas-salvazzjoni eterna tiegħek. Ġesù se
jgħidilna x’inhu dak li hu mportanti għal qalb Alla. Imma qabel ma niżvelaw din is-sentenza
memorabbli, ħa ngħidu xi ħaġa fuq kwistjoni polemikuża mmens li kienet rampanti
fi żmien Ġesù, u għadha hekk sal-lum.
Il-kwistjoni kienet: “X’post
għandha jkollha l-Liġi fil-Ħajja tal-bniedem?
X’post għandha jkollha l-morali fil-Ħajja tan-Nisrani?” Din hi kwistjoni li ħafna jitmasħnu fuqha
llum ukoll, u se tibqa’ sal-aħħar taż-żmien.
Il-bniedem matur jagħraf il-bassezzi tiegħu; jaf kemm malajr kapaċi
jinbidel u lanqas jgħarfuh dawk li jafuh.
Il-bniedem hu dgħajjef u miġbud ’l hawn u ’l hinn mill-passjonijiet u
l-egoiżmi tiegħu. Għalhekk il-bniedem
jemmen ħafna fil-Liġi u jibża’ li mingħajr is-setgħa tal-Liġi kollox jirritorna
lura lejn ir-renju tal-ġungla, fejn min hu b’saħħtu jagħmel li jrid fuq
il-bqija, bħalma jseħħ fl-ambjent tal-annimali: “survival of the fittest”. Il-bniedem li jirraġuna ħoloq il-Liġi biex
jagħti ċans u jkun ġust ma’ kulħadd, u
dan għamlu anke bl-għajnuna tal-intervent ta’ Alla.
Dan ir-raġunar legali daħal
ukoll fir-reliġjonijiet, kif diġa għidna.
Imma l-ossessjoni sa fl-intietef tal-Liġi għamel mill-bniedem “reliġjuż”
ipokrità. L-ubbidjenza tal-Liġi,
speċjalment f’għajnejn in-nies, saret għodda għall-istima u għall-pożizzjoni
fis-soċjetà, iktar milli biex wieħed ikun ġust quddiem Alla. Minoranza ta’ Lhud indunaw b’dan u bdew
jattakkaw lil dawn il-legalisti li waqt li jippruvaw jobdi l-Liġi, kienu saru
nies bla Liġi għax kienu jiġġudikaw u jaħsbu ħażin f’dan, f’dak u fl-ieħor, u
meta kienu jaħtfu lil xi ħadd fil-ksur tal-Liġi kienu jsiru lpup bla ħniena
fil-kastig tagħhom. Tip ta’ dawn kienu
l-Fariżej, u llum għandna l-fundamentalisti Iżlamiċi li huma ħafna iktar
vjolenti.
Kristu kien l-aktar wieħed
li kien jara l-qalb tal-bniedem u kien jifhem l-iżball li kienu qed jaqgħu fih
dawk li jħambqu favur il-Liġi. Il-Liġi
li kienet l-iktar għal qalb dawn in-nies kienet il-Liġi tax-Shabbat, il-Liġi
tas-Sibt u l-ħarsien tiegħu. Min kien
jikser is-Sibt għalihom ma kienx fil-Ġemgħa qaddisa; kien maqtugħ barra. Laqnas opra ta’ ħniena urġenti ma kienet
permessa nhar ta’ Sibt, u hawn joħroġ il-fatt li l-Liġi tista’ tkun kontradittorja,
iktar tbegħdek minn Alla milli tressqek lejH, għax taqlagħha fuq rasha
l-Imħabba. Għal Kristu, u naturalment
għal Alla, l-unika ħaġa li tiswa hija l-Imħabba u dak kollu li jkabbarha u
jiddefendiha. X’jiswa li tosserva s-Sibt
biex tqim ’l Alla meta Mħabba m’għandekx la għaliH u lanqas għall-proxxmu? Kollox jiddeġenera f’opri għal wiċċ in-nies.
Hu għalhekk li Ġesù jwieġeb
lil min ried idaħħlu fil-kotroversja bil-kelmiet tad-Dewteronomju,
bix-Shemà: “Isma’ (Shemà) o Iżrael! Ħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha,
b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu. Dan hu
l-akbar kmandament. U t-tieni jixbhu:
Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (v.
37-39). Santu Wistin ħareġ bil-famuża
frażi tiegħu: “Ħobb, u agħmel li trid!”
B’”ħobb” hu kien qed jirreferi għall-Imħabba vera u mhux għall-egoiżmu
liebes il-libsa pulita tal-imħabba umana li fuqha jinbnew ħafna żwiġijiet li
jitfarrku malajr. Jekk tħobb tassew
m’intix se tikser il-Liġi. Jekk tħobb
tassew m’intix se tkun egoista, qatt.
Jekk tħobb tassew, tinsa lilek innifsek biex tagħmel il-ġid
lill-oħrajn. Jekk tħobb tassew, Alla hu
għalik fl-ewwel post qabel kollox u dejjem.
Versett: Hallelujah. Missier Sidna Ġesù Kristu idawlilna
l-għajnejn ta’ qalbna, biex nagħarfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San
Mattew. 22, 34-40
F’dak iż-żmien :
meta l-Fariżej, semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, nġabru
madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija
biex iġarrbu: "Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir,
fil-Liġi?" Qallu Ġesù: "Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek,
b'qalbek kollha, b'ruħek kollha, u b'moħħok kollu.' Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U it-tieni
jixbhu: 'Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.' Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u
tal-Profeti."
|