Sunday, 19 November 2017
           
Home
IL-WIEHED U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2017) IL-GERARKIJA TAL-POPLU TA’ ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 04 November 2017

Din hija il- Liturgija  tal-Wiehed u Tletin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 

pharisees.jpg

 

Matul l-elfejn sena ta’ Storja tal-Knisja, kienu ħafna dawk li ħaduha kontra l-ideja li fil-Knisja jkun hemm ġerarkija ta’ tmexxija li tibda mill-Papa, tgħaddi għal għand l-Isqfijiet, il-kappillani u l-Presbiteri.  Kien hemm żminijiet meta tassew il-Knisja ma kinitx immexxija tajjeb u wieħed wasal biex qal li jekk il-Knisja ma qerduhiex dawk li kienu jmexxuha, veru li mhi se tinqered qatt.  Biex inġib eżempju, il-Knisja kienet immexxiha bl-agħar mod mill-Papiet ta’ żmien ir-Rinaxximent, meta dawn kienu iktar ħsiebhom fil-poter u l-għana tagħhom milli fil-kura spiritwali tan-nies.  U lanqas setgħu jieħdu ħsieb spiritwalment lill-membri tal-Poplu ta’ Alla għax huma kienu materjalisti u korrotti iktar minnhom.  Kien f’dan iż-żmien li l-Mulej ippermetta li titnissel ir-Riforma Protestanta li bħalissa qegħda tiċċelebra l-ħames mitt sena tagħha.

 

Għal min ma jafx l-Istorja, dan hu diffiċli biex jaċċettah, speċjalment meta f’dawn l-aħħar sekli l-Knisja gawdiet minn tmexxija ta’ Papiet qaddisa li ċaħdu dak kollu li jlellex fid-dinja u ħarqu ħajjithom fis-servizz tal-Knisja.  Aħna mdorrijin b’Papiet kbar li jħobbu lil Kristu u l-Knisja tiegħu.  Anke Ġesù nnifsu xtaq li l-merħla li kien se jħalli hawn warajH kellha tkun immexxija minn ġerarkija ta’ kariżmi.  Hu għażel tnax mill-ħafna dixxipli li kellu; u minn dawn it-tnax għażel tlieta, Pietru, Ġakbu u Ġwanni, li kienu ċ-ċirku ta’ ġewwa tiegħu u li kienu huma biss preżenti f’ċerti mumenti mportanti bħat-trasfigurazzjoni fuq it-Tabor. 


 

Imma l-ideja ta’ tmexxija, għal Kristu, kienet differenti minn dik tagħna jew tal-pagani. “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd.  Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”  (Mk. 10, 43-45).  Huwa minħabba din il-viżjoni ta’ Ġesù dwar il-ġerarkija qaddisa tal-Knisja li kull Papa li nafu aħna, qal li huwa hu “il-qaddej tal-qaddejja ta’ Alla”, frażi tassew sabiħa. 

 

Il-kontra ta’ dan huwa l-“klerikaliżmu”, “iżmu” ieħor li ż-żmien tiegħu għadda.  Il-klerikaliżmu huwa meta n-nies ikkonsagrata kellhom setgħa u ħakma esaġerata fuq il-Knisja.  Huma kien kollox u l-poplu kien qiegħed hemm biss biex “jisma’, jitlob u jħallas”!  Il-“klerikaliżmu” qala’ ħafna problemi lill-Knisja, u kien isaħħaħ id-diviżjonijiet fiha.  Il-Konċilju tkellem b’dawl ġdid fuq dan u l-“Lumen Gentium”, id-dokument dwar il-Knisja li ħareġ mill-Konċilju, jiddiskrivi l-Knisja mhux bħala piramida imma bħala poplu miexi flimkien lejn għarfien dejjem ikbar tal-Imħabba tal-Missier murija fi Kristu (is-salvazzjoni).  Dawn il-membri tal-Poplu ta’ Alla lkoll għandhom kariżmi differenti li lkoll għandha bżonnhom fil-Knisja.  Kariżma ta’ mportanza enormi llum fil-Knisja hija l-Familja Nisranija.   F’ambjent pagan li pajjiżna daħal fih, il-Knisja hi salvata mill-Familja Nisranija li mhux biss hija sinjal li jiġbed nies lejn Kristu, imma tipprovdi Presbiteri u mexxejja qaddisa għall-Knisja.

 

L-Ewwel Qari

 

Nistgħu ngħidu li Iżrael għaddha minn kull tip ta’ esperjenza spiritwali negattiva fil-mixja tiegħu matul l-Istorja.  Waħda mill-agħar kienet il-korruzzjoni li kull tant żmien kienu jaqgħu fija ulied Levi, is-saċerdoti tagħhom.  Ma kinitx tkun biss korruzzjoni kif nifhmuha aħna: ġibda għall-flus u għall-poter, imma wkoll kien ikun hemm żmien meta huma jitilfu l-Fidi f’Jahweh u jmexxu lill-poplu lejn l-adulterju, jiġifieri lejn l-idolatrija tal-qima tal-allat pagani u barranin. 

 

Dan nistgħu naqgħu fih anke aħna bħala Knisja.  Hu ħafna aktar faċli milli wieħed jaħseb!  L-allat tad-dinja tal-lum mhumiex statwi ta’ mostri li jwerwruk; huma sbieħ u bħal donnhom jagħmlu sens, kultant.  Meta l-Knisja titgħabba b’ħafna interessi, drawwiet u piżijiet li ma jħalluhiex taqdi l-Missjoni primarja tagħha, dawn ikun allat siekta li jkunu jġebbduha ’il barra mit-triq tagħha.  L-għan tal-eżistenza tal-Knisja mhux li tkun NGO oħra, li tagħmel il-karità, tkun preżenti fil-postijiet tal-gwerra, tagħti saqaf lil min hu bla dar eċċ.  Dan naturalment hu kollu tajjeb u min għandu l-Ispirtu ta’ Ġesù dawn iwettaqhom, u ħafna iktar ukoll.  Imma allaħares li l-Knisja “misses the wood for the trees”.  Id-dinja hekk tixtieqha lill-Knisja: tkun NGO bħall-NGO’s l-oħra.  Id-dinja ma tridx li l-Knisja twettaq l-ikbar opra ta’ ħniena li hi biss għandha u li hi li xxandar f’wiċċ kulħadd, f’wiċċ min irid jisma’ u min ma jridx, li l-uniku Salvatur tal-bniedem huwa Kristu u Kristu biss.  Għal dan il-għan teżisti l-Knisja.

 

Hemm ħafna attivitajiet u enerġija moħlija fil-Knisja.  Il-ġerarkija tagħha għanda tkun spiritwali u qaddisa biżżejjed biex tixpruna l-Knisja għall-Evanġelizzazzjoni, f’pajjiżna l-ewwel u mbagħad f’imkejjen oħra.  Pajjiżna, il-parroċċi tagħna għandhom bżonn jiġu evanġelizzati.  Kristu għandu bżonn li jiġi mxandar mill-bażi mill-ġdid għax pajjiżna tilef il-Fidi.  Dak li għadu jżomm il-knejjes tagħna miftuħin mhix il-Fidi iżda ir-reliġjożità li wieħed jista’ jsibha għand wieħed Lhudi, jew Musulman, jew Ħindu, jew Buddist.  Il-Knisja trid tkun diffferenti, anke jekk iddejjaq.  Biex tinbet il-Fidi vera fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu hemm bżonn ta’ evanġelizzazzjoni enerġetika: l-ewwel għan tal-Knisja.

 

Isqfijiet, Kappillani, Presbiteri qaddisa u li jħobbu lill-Knisja, fuq dan jinkwetaw, u mhux fuq il-festi, purċissjonijiet bil-ktajjen u fuq jekk is-saqaf tal-knisja hux iqattar.  Dawn għandhom l-importanza sekondarja tagħhom, imma jieħu ħsiebhom ħaddieħor.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija.  1, 14b – 2, 2b, 8-10

 

Jien Sultan kbir – igħid il-Mulej tal-eżerċti – u ismi hu tal-biża’ fost il-ġnus.

 

U issa għalikom dan il-kmandament, intom il-qassisin!  Jekk intom ma tisimgħux, jekk ma tfittxux minn qalbkom li tweġġħu lil ismi – igħidil-Mulej tal-eżerċti – jiena nibgħat fuqkom is-saħta.  Intom twarrabtu mit-triq, ġagħaltu ’l ħafna jitfixklu bit-tagħlim tagħkom; ħassartu l-patt ta’ Levi – igħid il-Mulej tal-eżrċti.  U jien ukoll tlaqtkom għaż-żebliħ u għat-tmaqdir tal-poplu kollu, bġalma intom ma żammejtux triqati, imma fit-tagħlim tagħkom ħaristu lejn l-uċuh.

 

Mhux Missier wieħed għandna, ilkoll kemm aħna?  Mhux Alla wieħed ħalaqna?  Mela għaliex nimxu bil-qerq bejnietna u nonqsu mill-ġieh lejn il-patt

ta’ missirijietna?

 

Salm Responsorjali

 

Min irid jagħmel karriera mill-pożizzjoni tiegħu fil-Knisja, mhux tajjeb għall-qadi tal-Knisja.  Huwa l-bniedem umli li jgħid lill-Mulej: “Hawn jien il-qaddej tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek”  (Lq. 1, 38) li hu mħejji tassew għall-Presbiterat.  Din hi sentenza li nafuha bl-amment, imma kemm hi iebsa biex wieħed jgħidha lil Alla b’qalbu kollha!  In-nies li jikkonsagraw ruħhom lil Alla huma nies bħalna, bid-dgħufijat u l-problemi bħal kulħadd.  Anke huma jkollhom il-pjanijiet tagħhom għal ħajjithom.  Alla ma ħalaqx robots meta ħalaq il-bnedmin.  Kulħadd għandu moħħ u dan il-moħħ jibda jaħseb u jirraġuna qisu miġnun. 

 

Il-bniedem li hu tassew qaddej tal-Mulej u tal-Knisja huwa dak li berred lil ruħu, u kif jgħid dan is-Salm ħelu: “Żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ, bħal tarbija f’ħoġor ommha; bħal tarbija miftuma, hekk hi ruħi ġewwa fija.”  (v. 2).  Dan il-kliem sabiħ, naturalment jgħodd għalina u għal kulħadd.  Santa Tereża ta’ Avila kienet tgħid: “Ħobb lil Kristu u l-eluf jiġu warajk!”  U dan hu storikament veru!  Il-qaddisin, Presbiteri qaddisin li rriformaw lill-Knisja u ġibdu popli sħaħ warajhom, ma kellhom l-ebda ambiżjoni li jagħmlu dan.  Riedu biss jagħmlu r-Rieda tal-Missier għax fehmu xi ħaġa kbira li hi mportanti li nifhmuha aħna lkoll: li fir-Rieda ta’ Alla hemm il-veru mistrieħ. 

Xi trid tħabbel moħħok?  Ħalli lil Alla jfassallek l-Istorja Hu!  Wara kollox u fl-aħħar mill-aħħar, dak li jrid Hu se jseħħ u allaħares ma jkunx hekk!  Imbierek il-bniedem, hu min hu, missier/omm ta’ familja, ġuvni/xebba, qassis jew isqof, li għalih jgħodd il-kliem li dan is-Salm jgħid: “Mulej, ma tkabbritx qalbi, anqas ma ntrefgħu għajnejja; jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, jew wara ħwejjeġ ogħla minni.”   Ħobb lil Ġesù fuq kulħadd, u l-eluf jiġu warajk...

 

Ritornell: Mulej, ħarisli ruħi fis-sliem.

 

Salm 131

 

 Mulej, ma tkabbritx qalbi,

Anqas ma ntrefgħu għajnejja;

Jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar,

Anqas wara ħwejjeġ ogħla minni.

 

Imma żammejt ruħi fil-kwiet u l-mistrieħ,

Bħal tarbija f’ħoġor ommha;

Bħal tarbija miftuma, hekk hi ruħi ġewwa fija.

 

Ittama, Iżrael, fil-Mulej,

Minn issa u għal dejjem.

 

It-Tieni Qari

 

Pawlu ħabb lil Kristu fuq kollox.  Dan kien il-prinċipju tas-suċċess missjonarju tiegħu.  Hu fehem li kien Kristu, u Kristu biss li kien miet għalih biex kisiblu merti li għamluh ġust quddiem Alla.  Min ħassar mill-ktieb tal-kont tiegħu il-mewt ta’ Stiefnu l-innoċenti?  Min ħaslu mir-responsabiltà tal-persekuzzjoni li hu mexxa kontra l-Knisja żagħżugħa?  Min saffiħ mir-rabja u l-ġenn u l-kefrija ta’ żogħżitu?  Kien Kristu biss li għamel dan, u Pawlu dan intebaħ bih u baqa’ skantat kif Alla seta’ jħobbu tant, lilu li, bla ma kien jaf, kien għadu tiegħU. 

 

Pawlu kien jaf li l-imgħoddi kien tħassar u nħasel fid-Demm qaddis ta’ Kristu.  Dan emmnu b’qalbu kollha u għamlu umli mmens.  Anke jekk kellu karattru mhux faċli, il-fatt li dak kollu li kellu tajjeb kien ġej minn Alla u mogħti lilu bi Grazzja, b’rigal gratis u bla mistħoqq, dan il-fatt għamlu umlu u ċkejken quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.  Hu ma kellu l-ebda ambizzjoni ħlief li jxandar lil Kristu lin-nies imdallma.  Hu ġera l-ġirja ta’ Ħajtu jkabbar l-Isem ta’ Ġesù u lilU biss.  Ma ried xejn għalih.  Spiċċa fuq il-forka minħabba dan.  Dan hu l-karattru ta’ Presbiteru tajjeb, ta’ Isqof, ta’ Papa.

 

Hu qatt ma kien ta’ piż fuq ħadd, tant li kullimkien fejn kien jieqaf kien jipprova jsib xogħol “temporanju”, jew kif insejħulu llum, “prekarju”,  bħala ħaddiem tat-tined, li kienet is-sengħa tiegħu.  Tgħallem jgħix ta’ sinjur u ta’ fqir.  Mhux importanti x’kien.  L-importanti li ġismu jkollu s-saħħa li jkompli jiġri ’l  hawn u ’l hinn ixandar, iħabbar, jitkellem, iħambaq fuq Kristu, s-Salvatur tiegħu.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin.  2, 7b-9, 13

 

Ħuti: Aħna ġibna ruħna fostkom bil-ħlewwa, bħalma omm tħaddan lil uliedha.  Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla, imma ħajjitna stess, daqskemm sirtu għeżież għalina.

 

Intom, ħuti, tiftakruu fit-taħbit u t-tbatija kbira tagħna.  Sakemm konna qegħdin inxandrulkom l-Evanġelju ta’ Alla, aħna ħdimna bil-lejl u bin-nhar, biex lil ħadd minnkom ma ngħabbu.  U għalhekk aħna wkoll niżżu ħajr bla heda lil Alla talli l-kelma ta’ Alla, li intom smajtu minn għandna, ilqajtuha mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi: dik il-kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu.

 

Evanġelju

 

Kristu jeħodha kontra l-ipokreżija reliġjuża li aktarx hi l-agħar eżempju ta’ wiċċ b’ieħor.  Għax l-ipokrezija tistenna li ssibha fin-negozju u l-qliegħ tal-flus, fil-politika u l-poter, fil-propoganda u r-reklami;  imma f’dixxiplu ta’ Kristu, le!  Għax id-dixxiplu jsir bħall-Imgħallem tiegħu, u jekk id-dixxiplu hu bniedem ta’ wiċċ b’ieħor, allura dan hu reklam mill-agħar ta’ Kristu għad-dinja.  Ħafna jifirħu meta jiżbalja xi ħadd li suppost hu qrib Kristu għax iħossu li għandhom raġun jattakkaw lill-Knisja.  Huma l-“Ġuda” tal-Knisja li jridulha dejjem id-deni u jridu li jaqbduha minn idha u jeħduha lejn il-Kalvarju.  Fid-dinja jeżisti ċirku kbir ta’ dawn in-nies għedewwa ta’ Kristu.  Għalhekk min iħobb lill-Knisja, jindiehex li hu jkun ta l-ħabel lil dawn l-imsejknin biex bih jorbtu l-Knisja milli tkun kredibbli.

 

Il-Farizej u l-kittieba kienu l-mexxejja spiritwali tal-Lhud fi żmien Kristu.  Kienu għomja jmexxu lill-għomja, imma Ġesù kien jafhom sew.  Hu jara min hu l-bniedem li hemm wara l-maskra.  Għax aħna lkoll nilbsuha l-maskra.  Ħafna drabi mhux għax irridu imma għax kostretti mis-soċjetà u, wkoll, għax ma naċċettawx lilna nfusna hekk kif aħna.  Nilbsu maskri differenti skont l-okkażjoni u skont ma’ min inkunu.  Tistagħġeb kif il-bniedem ma jiġġenninx!  Hu diffiċli tkun taf il-bniedem li qed titkellem miegħu, min hu.  Imma Kristu kien jaf lil kulħadd u llum jaf lil kulħadd.

 

Dawk li għandhom kariżma u xi awtorità fil-Knisja ta’ Kristu, għandhom xogħol kbir, ta’ barra minn hawn, ta’ unur li ħadd ma jistħoqqlu. Lejhom għandu jkollna rispett kbir ħafna.  Huma għażlu ħajja ċelibi u ta’ sagrifiċċju, li mingħajr imħabba sinċiera lejn Kristu, wieħed ma jistax jgħixha.  Għadda ż-żmien tal-unuri fil-Knisja.  Deħlin fi żmien ta’ persekuzzjoni fid-dinja tal-punent, u l-ewwel nies li fuqhom taqa’ l-mannara huma l-Presbiteri u l-Isqfijiet tagħna.  Nitolbu għalihom!  Ngħinuhom fil-bżonnijiet tagħhom!  Ninkuraġġuhom, u mhux irridu minnhom biss.  Dan hu li jistenna Kristu minn għandna, l-lajċi.  U għandna jkollna l-kuraġġ li nħobbuhom billi nikkoreġuhom fejn hemm bżonn, biex tikber u tissaħħa dejjem aktar il-Knisja li hi l-Poplu ta’ Alla. 

 

U nżommu f’moħħna dejjem li l-Kelma li huma jwasslulna mhix il-Kelma tagħhom imma hi l-Kelma ta’ Alla, il-Kelma li hi Kristu.

 

Versett: Hallelujah.  Ilqgħu l-kelma ta’ Alla, mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi.  Hallelujah.

 

F’dak iż-żmien: Ġesù kellem lin-nies u lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom: “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej.  Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom imma fatti xejn.  huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn l-oħrajn, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom ma jridu jħarrkuhom.  Kull ma jgħamlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbruhom il-filatterji tagħhom u jtawlu l-ġmiemen tagħhom.  Iħobbu l-postijiet ewlenin fil-pranzijiet, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom Rabbi.

 

Imma intom tħallux min isejħilkom Rabbi, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa.  U ssejħu ’l ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet.  Hekk ukoll tħallux min isejħilkom mexxejja, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.  Il-kbir fostkom għandu jkun qaddej tagħkom; min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.”

 

Last Updated ( Saturday, 04 November 2017 )
 
< Prev   Next >