Sunday, 19 November 2017
           
Home
IT-TNEJN U TLETIN HADD MATUL IS-SENA 2017 NISHRU! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 10 November 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tnejn u Tletin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

image14.jpeg

Kemm għandna bżonn nikbru fil-Għerf!  Kemm għandna bżonn, ħuti, li nikbru f-Għerf Nisrani, fl-Għerf ta’ Alla.  L-għerf tal-art hu bżonnjuż fis-soċjeta’ li fiha qed ngħixu, biex naqilgħu x’nieklu, x’nilbsu u x’nonqfu fil-bżonnijiet tal-ħajja.  Imma dan l-għerf, li aħna tant nagħtuh importanza, hu sekondarju, ħafna sekondarju għall-Għerf li jdaħħalna fil-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn.  Dan hu l-Għerf li ma jiddependix mill-intelliġenża, imma mill-Ispirtu Qaddis ta’ Alla.  Dan l-Għerf idawwalna fuq il-Ħajja, fuq il-Mewt, fuq it-tbatija, fuq l-Imħabba, fuq kollox, l-Imħabba ta’ Alla għalina.  Dan l-Għerf jurina li l-uniku sens tal-Ħajja, l-uniku Ferħ, l-uniku sodisfazzjon, li l-bnedmin kollha jfittxu ’l hawn u ’l hinn, jinsab fil-fejqan tagħna minn ġewwa u f’li ninsew lilna nfusna u ninagħtaw f’qadi għal ħaddieħor.  Dan l-Għerf jgħallimna niskopru li aħna maħbubin minn Alla, u kif għandna nħobbu lil xulxin.  F’kelma waħda: dan l-Għerf hu Ġesù Kristu.  Iktar kemm tagħraf minn hu Kristu, iktar tagħraf x’inhi l-Imħabba.  Iktar kemm tagħraf x’inhi l-Imħabba, iktar tgħix, tgħix tassew, u tgħix għal dejjem.

 

Ħdejn dan l-Għerf, dan l-għarfien ta’ Kristu li jiġi jgħammar fik, l-għerf tal-art, tal-universitajiet, hu dell, għerf sekondarju, għerf li jagħtik “pounds, shillings and pence”.  L-għerf t’hawn saħansitra jista’ jkun perikoluż, u flok grazzja jsir diżgrazzja għax jimlilek moħħok li int xi ħaġa speċjali, xi xemx li bħalha d-dinja qatt ma rat, li int kapaċi tivvinta r-rota għax għadhom ma vvintawhiex, u li dak li taħseb int hu biss veru u dak li jaħseb ħaddieħor, speċjalment il-Fidi ta’ ħaddieħor f’Alla, hu biss ħmerija, għanqbut, ‘fairy tales’ li ma jixirqux lill-bniedem modern.  L-għerf ta’ din id-dinja jista’ jkun, mhux bilfors imma jista’ jkun li jagħmlek bniedem kburi, insopportabbli u li tara lill-oħrajn dubbien.  Dan hu l-oppost tal-Imħabba li l-Għerf veru jagħtik.

 

 

Dan il-Għerf, Alla jixtieq jagħtih lil kulħadd, imma Hu ġa jaf li l-biċċa l-kbira tan-nies m’għandhomx żmien għalih, għax l-Għerf ta’ Alla ma jqallax flus u l-flus saru l-mutur ta’ kollox, issa.  Imma dawk li huma mmarkati għall-Għerf veru, dawk li Alla kien ġa ħasibhom minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex ikunu l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja, dawn jixxennqu għall-Għerf u jishru għalih.  Ma jistax ikun li jeżisti Nisrani li ma jixxennaqx għal dan l-Għerf u ma jisharx għalih.  M’hemmx Nisrani veru li f’qalbu jgħid: “Jien għandi l-Għerf kollu.  M’għandix x’nambi iktar.  Imtlejt.  Jien imdawwal biżżejjed fuq kollox.”  Dan mhux Nisrani imma iblah għax jaħseb li hu xi ħaġa.  Id-dixxiplu ta’ Ġesù daq kemm hu tajjeb il-Mulej u jixxennaq għal iktar.  Iktar kemm bniedem jikber, bi Grazzja, fl-Għerf veru iktar jinduna kemm ma jaf xejn u jikber fl-umiltà.  Għalhekk hu jitniehed għal aktar għarfien tal-Imħabba li biha hu maħbub minn Alla għax jaf li din l-Imħabba biss tista’ tfejqu mill-ġrieħ ġewwinija tiegħu, u hekk jeħles mill-egoiżmi tiegħu u jaħseb f’ħaddieħor u mhux fih innifsu biss, bħalma jagħmel kull min għadu ma ltaqax ma’ Kristu.

 

L-Ewwel Qari

 

Sikwit, dawk li jistinkaw biex jimxu wara Kristu, igergru dwar kemm kellhom ibatu, kemm kellhom jitħabtu, kemm kellhom jaċċettaw fallimenti u slaleb fil-Ħajja. Fuq dan għandna bżonn nitkellmu bis-serjetà għax dan igerrex lin-nies minn Kristu u mill-Ħajja vera.  Hu veru li l-Mulej innifsu qal li dejjaq hu l-bieb li jieħu għall-ħajja, imma rridu nżommu dejjem f’moħħna dak li tgħid l-Iskrittura: li l-Fidi, l-Għerf li hu Kristu, huwa Grazzja u mhux frott it-taħbit tagħna.  Jekk int taf li dan l-Għerf int m’għandekx, jew għandek ftit minnu, u qed tixxennaq għal iktar, anke dan hu Grazzja mogħtija lilek minn Alla; u jekk Alla beda jaħdem fik billi jxennqek għall-Għerf tiegħU, żgur li ma jbiddilx fehemtu u jieqaf f’nofs xogħolU.

 

Mhux it-tfittxija għal Alla li tgħejjina, imma l-ħsieb li aħna rridu nkunu, li minna jiddependi kollox, jekk inkunux bravi jew le.  Min ipoġġi lill-bniedem u l-isforzi tiegħu fiċ-ċentru tal-Istorja tas-Salvazzjoni tiegħu, dan qatt m’hu se jkun sorpriż bil-ġenerożità bla limiti ta’ Alla li tela’ biex imut fuq salib mhux għal min hu tajjeb biss imma saħanistra għall-għedewwa tiegħu.  Ejjew inħallu lil Alla jibni l-Għerf tiegħu fina u taraw kemm hu veru dak li kif jgħid Bin Sirak fi tmiem il-Ktieb tiegħu: “Araw b’għajnejkom kemm tħabatt ftit, imma sibt għalija ħafna mistrieħ.”  (Sir. 51, 27). 

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf.  6, 12-16

 

Il-Għerf jiddi, bla ma qatt inemnem;  ma jridux wisq biex jagħarfuh dawk li jħobbuh, u jsibuh dawk li jfittxuh.  U hu jħabbrek biex jidher lil dawk li jixtiquh.

 

Min ibakkar ifittxu ma jitħabatx, għax ħdejn biebu bilqiegħda jsibu.  L-aqwa tal-għaqal hu li wieħed iżomm ħsiebu fil-Għerf, u min jishar għalih jeħles malajr mill-ħemm.

 

Il-Għerf idur u jfittex lil dawk li jixirqilhom, fit-toroq jidhrilhom dħuli, u jiltaqa’ magħhom f’kull ħsieb li jagħmlu.

 

Salm Responsorjali

 

Bosta nies huma aljenati minn Alla u jagħtu qima lill-idoli tad-dinja.  Għalihom hu naturali u jagħmel iktar sens li jissagrifikaw ruħhom għall-flus, għall-fama, għall-popolarità, għas-suċċess, għax-xalar, għall-passatempi, milli għal Alla li ħalaqhom.  Huma jintilfu fuq l-affarijiet maħluqa u ma jagħtux kas u lanqas importanza lil min ħalaq kollox.  Dawn in-nies ma jħabblux moħħhom fuq dinja oħra, għax qajla jemmnu fiha.  Għalihom teżisti biss din il-ħajja u l-ħwejjeġ materjali.  Id-dinja tant għandha kapaċità li ssaħħrek u taljenak li biss biss il-ħsieb ta’ Alla jsir ħaġa diffiċli.

 

Imma l-bniedem spiritwali; il-bniedem li daq  x’tagħti d-dinja u sab li xejn ma jimlielu l-vojt ta’ ġo fih; dan il-bniedem għandu għatx għall-infinit.  Dan il-bniedem hu dejjem għatxan għal Alla.  Jekk Alla hu moħbi għalih, iħoss ruħu “bħal art niexfa, maħruqa u bla ilma”  (v.2).  Għalih kollox hu mewt barra minn Alla.  Kollox hu frugħa.  Kollox qed imut madwaru, waqt li hu jixxennaq għal dik il-Blata li ma tintemm qatt biex fuqha jibni daru għal dejjem.

 

L-Għerf ta’ Alla għalih huwa bħal “ikel li jsemmen” (v. 6);  għalih, li jaħseb fuq Alla u fuq is-sbuħija tiegħu, mhux sforz, bħal meta wieħed jiftakar li għadu ma qalx ir-Rużarju u jaqbad il-kuruna mejjet bin-ngħas.  Is-Salm jgħid: “Meta mimdud fuq friexi fik niftakar, u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.”  (v. 7).  Għax Alla huwa Sbuħija u Mħabba.  Alla huwa s-Sbuħija li ssalva lid-dinja, u l-bniedem jinġibed b’qalbu kollha lejn dak li hu sabiħ.  Imma jekk m’għandekx l-Għerf ta’ Alla kif se tagħraf li Alla hu “l-Isbaħ Wieħed” kif jgħid Salm ieħor?

 

Ritornell:  Għalik għatxana ruħi, Mulej, Alla tiegħi.

 

Salm 63

 

O Alla, int Alla tiegħi!

Għalik inbakkar jiena.

Għalik għatxana ruħi, ġismi qed inin għalik,

Bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

 

Irrid niġi naħseb fik fit-tempju,

Biex nara s-setgħa tiegħek u l-glorja tiegħek.

Għax il-grazzja tiegħek aħjar mill-ħajja,

Xofftejja jfaħħruk.

 

Hekk inbierkek ħajti kollha,

U f’ismek nerfa’ jdejja.

Bħalma jien nimtela’ b’ikel li jsemmen,

Hekk fommi jgħanni b’xofftejn ferrieħa.

 

Meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar,

Naħseb fuqek fil-ħinijiet tal-lejl;

Għax int kont għajnuna għalija;

Għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

 

It-Tieni Qari

 

San Pawl se jitkellem fuq il-Parusija, il-Miġja lura fid-dinja tas-Sinjur tagħna Sidna Ġesù Kristu.  Dawk li dejjem fittxew lil Alla biex jgħarfuh, iħobbuh u jaqduh dejjem iktar, se jimtlew b’ħerqat u xenqat għal din it-Tieni Miġja.  Għax huma raw li l-Mewt ġiet megħluba fihom minn Kristu, u allura m’hemmx iktar biża’ li jdallmilhom ruħhom.  Huma jafu, li kif jgħid San Ġwann l-Evanġelista iktar minn darba fil-kitbiet tiegħu: “L-imħabba ssir sħiħa fina, meta aħna nqawwu qalbna għal Jum il-Ħaqq, għax saħansitra f’din id-dinja aħna sirna bħalu.  Fl-imħabba m’hemmx biża’; l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ’l barra, għax il-biża’ għandu x’jaqsam mal-kastig. Min jibża’ għadu ma sabx il-milja tal-imħabba.”  (1 Ġw. 4, 17-18). 

 

Dan kollu jurina li l-Ħajja ta’ Dejjem tibda minn hawn għal dawk li għarfu lil Kristu u emmnu fil-Misteru tal-Għid tiegħu.  Huma emmnu li Kristu bata għalihom, miet biex ikun vittma ta’ tpattija għal dnubiethom kollha; u qam mill-Imwiet biex jurihom li l-mewt, li l-biża’ tagħha jġiegħel lill-bniedem jidneb, issa hi meqruda għal dejjem.  Huma emmnu dan kollu bi Grazzja.  Għalhekk huma ma jibżgħux mill-Ħaqq, għax  kull min jemmen fl-Isem ta’ Ġesù jsalva.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin.  4, 13-18

 

Ħuti, ma rridux li ma tkunux tafu dwar dawk li raqdu, biex ma titnikktux bħal dawk l-oħrajn li ma għandhomx tama.  Jekk aħna nemmnu li Ġesù miet u rxoxta, hekk ukoll Alla għad jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.

 

Aħna ngħidulkom dan fuq il-kelma tal-Mulej, li aħna li għadna ħajjin, lesti għat-tieni miġja tal-Mulej, ma ngħaddux lil dawk li raqdu.  Mal-ordni ta’ Alla, mal-leħen tal-arkanġlu u mad-diwi tat-trombi ta’ Alla il-Mulej stess jinżel mis-smewwiet, u l-mejtin fi Kristu jkunu l-ewwel li jqumu; imbagħad aħna li nkunu ħajja, li nkunu bqajna, ninbelgħu magħhom fis-sħab biex niltaqgħu mal-Mulej fl-arja u hekk inkunu mal-Mulej għal dejjem.  Farrġu lil xulxin b’dan il-kliem.

 

Evanġelju

 

Ġesù jwiddibna, aħna li nixtiequ ngħarfuh u nsiru ħaġa waħda miegħu, biex nishru u ma ngħejjewx nishru.  Għax f’daqqa waħda jasal l-Għarus, tgħidilna l-parabbola tal-lum.  F’dawk iż-żminijiet, kienu jsiru diskussjonijiet u negozzjar qabel ma ż-żewġ familji tal-għarajjes jiftiehmu u hekk iseħħ iż-żwieġ u tibda l-festa tat-tieġ.  Jekk iż-żwieġ huwa bejn żewġ familji fqar, ftit idumu t-trattattivi.  Imma jekk iż-żwieġ huwa bejn żewġ familji għonja u nobbli, allura jieħdu ż-żmien: dwar x’se jġib miegħu l-Għarus; x’se ġġib magħha l-Għarusa, eċċ. 

 

Iż-żwieġ ta’ Kristu l-Iben ta’ Alla mal-Knisja tiegħu hu xi ħaġa ta’ mportanza enormi, u f’din il-parabbola nsibu li l-Għarus iddawwar ħafna ma ġie għax it-trattattivi ħadu fit-tul.  L-Għaxar Xebbiet huma aħna.  Hawn min jishar u jistenna biż-żejt lest fil-kus biex mal-wasla tal-Għarus jixgħel it-torċa tiegħu.  U anke jekk jagħtih in-ngħas u jorqod, l-importanti li għandu ż-żejt li hi l-Fidi.  Għax mal-għajta hu jqum u jixgħel id-dawl tiegħu biż-żejt tal-Fidi.  Imma dawk li m’għandhomx żejt, li m’għandhomx Fidi, se jinħasdu, għax jiġri dak li qatt ma emmnu li jiġri.  L-Għarus ġie!  L-Għarus deher!  Kristu hu ħaj u se jidħlu għat-tieġ dawk biss li tassew emmnu fil-miġja, fil-wasla tiegħu.  Inutli li wieħed jipprova jakkwista l-Fidi fl-aħħar minuta għax isib il-bieb magħluq.

 

Versett:  Hallelujah.  Ishru, u itolbu l-ħin kollu, biex tieqfu bla biża’ quddiem Bin il-bniedem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  25, 1-13

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet issir tixbah lil għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus.  Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa kienu għaqlin, għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ u ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ, iżda wkoll iż-żejt fil-kwies.

 

Il-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.  Imbagħad f’nofs ta’ lejl instema’ min igħajjat, ‘Ara l-għarus!  Oħorġu ilqgħuh!’  Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u hejjew l-imsiebaħ tagħhom.  Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: ‘Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.’  Qabżu l-għaqlin u qalu: ‘Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u anqas għalikom!  L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.’

 

X’ħin dawk marru biex jixtru, jiġi l-għarus, u dawk li kienu lesti daħlu miegħu fis-sala, u l-bieb inagħlaq.  Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew igħidu: ‘Mulej, Mulej, iftħilna!’  Iżda hu weġibhom u qal: ‘Tassew ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.’

 

Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u anqas is-siegħa.”

 

 
< Prev   Next >