Monday, 11 December 2017
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TLIETA U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2017) IT-TALENT TAN-NISRANI
IT-TLIETA U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2017) IT-TALENT TAN-NISRANI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 18 November 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tlieta u Tletin Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

parable-of-the-talents-222x300.jpg

Qed noqorbu lejn tmiem is-Sena Liturġika, u dan il-Ħadd huwa l-Ħadd ta’ qabel tal-aħħar.  Illum il-Knisja tpoġġielna quddiemna verità mportanti ħafna:  Alla jagħti talent jew talenti lil kull bniedem, imma lin-Nisrani jagħtih Talent speċjali li ma jagħtihx lil ħaddieħor.  Anzi n-Nisrani hu magħmul Nisrani, mogħti l-Magħmudija, u bi Grazzja jinagħtalu li din il-Magħmudija tikber fih, biex ikun jista’ jilqa’ fih dan it-Talent speċjali.  Jilqgħu fih bħalma t-Teżor kien jiġi merfugħ f’ġarar tal-fuħħar, ġarar minnhom infushom dgħajfa li jixxaqqu u jinqasmu b’daqqa, imma li jġorru fihom oġġetti mill-aktar prezzjużi.

 

B’talent, aħna nifhmu xi kapaċità.  Din l-għotja hija frott l-Imħabba li Alla għandu lejn l-individwu, imma wkoll lejn l-umanità kollha, għax meta Alla jagħti xi talent, dan ma jagħmlux biex dak li jkun jużah għalih innifsu biss, iżda għall-ġid komuni.  Bl-isfruttar ta’ tant talenti differenti mogħtija lill-bnedmin, il-bniedem għamel progressi kbar fix-xjenza, fit-teknoloġija, fil-mediċina u f’tant affarijiet li bihom għamel aktar komda din il-ħajja li ngħixu hawn, ħajja li kapaċi tkun diffiċli minnha nnifisha. 

 

 

Imma, ħafna drabi, jew kważi dejjem, dawn it-talenti ġejjin minn Alla, aħna nagħmluhom “tagħna”, bħallikieku nissilnihom aħna fina, qegħdin għandna mhux b’rigal mogħti lilna b’xejn imma għax kapaċi aħna, ħaqqna l-prosit aħna.  Dan għamel minna nies kburin u nsejna kif għandna nirringrazzjaw lil Alla li minnu ġej kull ġid.  U hekk, illum, wara tant sekli fi fihom uża u sfrutta t-talenti li tah Alla, il-bniedem qed jimmaġina li Alla huwa hu.  S’hawn twassalna l-kburija.  Anke lill-poplu Lhudi, Alla kien akkużahom permezz tal-profeti  li kienu użaw l-affarijiet li tahom Hu biex bihom għamlu allat mejta li ma jiswew għalxejn.

 

Imma diġa għidna, li n-Nisrani, barra dawn it-talenti “normali”, jirċievi Talent speċjali li min m’għandux il-Fidi adulta ma jistax jaħtaf.  Dan it-Talent huwa l-Kelma ta’ Alla, il-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù.  Talent fi żmien Kristu kien kejl, somma ta’ flus.  Ma kienx munita imma kejl; kejl ogħli ħafna.  Talent flus, dak iż-żmien kien ifisser somma mdaqqsa, xi 450 liri sterlini tal-lum, li għal elfejn sena ilu kienu jfissru ġid kbir.  Il-Kelma ta’ Alla, meta hi emmnuta, ssir fil-bniedem Teżor, talent bla tmiem, li hu mistenni li juża għall-ġid tal-oħrajn.  Malli bniedem jemmen fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, jiġifieri jemmen li dak kollu li bata, il-mewt li ħa, il-glorja tiegħu fil-Qawmien, dan kollu seħħ b’risq tiegħu, huwa jinagħta kapaċità mill-Ispirtu s-Santu li juża dan id-Dawl b’risq ħaddieħor.

 

Billi aħna wlied id-dnub, konna aħna li sallabna lil Kristu.  Għalxejn nippretendu li aħna aħjar minn ħaddieħor u niġġudikaw lil dak li dnubu jidher.  Lkoll twelidna bl-istess natura.  Id-dnub hu naturali għalina.  Dan jagħmilna ulied is-saħta.  Biljuni ta’ nies għadhom ulied is-saħta sal-lum għax ma jemmnux fil-Għid ta’ Kristu.  In-Nisrani jemmen li s-saħħta tneħħiet minn fuqu għax ħadha Kristu fuqu u lilU wasslitu sa fuq il-Kalvarja għal mewt l-aktar terribbli.  Imma Kristu ma baqax fil-qabar.  Li kieku baqa’ mejjet, aħna lkoll konna nkunu ħatja ta’ dnub akbar: il-mewt ta’ Alla nnifsu.  Imma l-fatt li hu rebaħ il-mewt ifisser li d-dnub tagħna ntrebaħ, il-kont tħallas, is-saħta tneħħiet.  Dan hu t-Talent tan-Nisrani u hu ma jistax iżommu għalih imma hu mbuttat mill-Ispirtu s-Santu biex ixerrdu fost tant aħwa li għadhom fid-dlam u f’dell il-mewt.  F’dan is-sens “Talent” għall-Knisja ma jibqax iktar xi sengħa jew kapaċità, iżda rigal.

 

L-Ewwel Qari

 

Fid-dinja pagana u egoistà tal-lum fejn l-unika ħaġa li tinteressa lill-bniedem hija li jkabbar il-lista tad-drittijiet tiegħu u jwarrab minn quddiemu kull sagrifiċċju u dell tas-salib, tispikka u tiddi l-familja Nisranija.  Imma hawn qed nirreferu mhux għal xi familja kwalunkwe “reliġjuża” għax tattendi l-quddiesa tal-Ħadd biss...  Il-quddiesa tal-Ħadd waħedha ma tagħmilx Nisrani.  Il-familja Nisranija hija familja miftuħa għall-Ħajja u tilqa’ bi mħabba l-ulied li Alla  minn dejjem kellu fil-Pjan tiegħu għaliha.  Din il-ħaġa d-dinja m’għandhiex saħħa tagħmiha.  Il-Familja Nisranija hija familja, li fiha, ħaġa wisq importanti hi t-trażmissjoni tal-Fidi lill-ulied, u din hi urġenza ikbar mill-edukazzjoni għax-xogħol.  Dan id-dinja ma tagħmlux għax m’għandhiex Fidi x’tgħaddi lil ħadd.  Il-Familja Nisranija hija dik li għandha tliet “artali”: l-artal tal-Ewkaristija; l-artal tal-mejda tal-ikel fejn il-ġenituri u l-ulied jinġabru flimkien, u f’ħin wieħed, biex imantnu ġisimhom bl-ikel u lil ruħhom bit-talb flimkien; u l-artal tas-sodda matrimonjali fejn  il-koppja tinagħta għal xulxin fl-Imħabba li tahom Alla u li biha huma jnisslu ulied għaliH u għall-Knisja.  Dawn l-affarijiet id-dinja lanqas biss toħlomhom għax iremettiet il-Fidi Nisranija.

 

Huma familji bħal dawn li jsalvaw lil pajjiżna mill-kultura dominanti tal-flus, xiri u paganeżmu.  Illum għandna panteon ġdid ta’ allat u kulħadd jitmiegħek fl-art quddiemhom bla ma jinduna li qed jadultera kontra Alla.  Il-qari mill-Ktieb tal-Proverbi jaqbad il-figura tal-“mara ta’ qawwa” u jinseġ innu lilha u lill-familja skont il-qalb ta’ Alla, waqt li jsemmi wkoll in-nasba terribbli li x-xitan ilesti permezz ta’ “mara qarrieqa”.  Hija l-“mara” li ħafna drabi tagħti direzzjoni lill-familja tagħha.  Hija hi r-Reġina tad-dar, għalkemm illum tilfet ħafna mill-influwenza tagħha minħabba l-esiġenżi ta’ jasar li qed timponi fuqha l-ekonomija moderna.  Kemm qed nitilfu għana u ġid!!  Lanqas biss qegħdin nindunaw!  Fuq l-artal tal-progress ekonomiku qegħdin nofru b’sagrifiċċju l-figura tal-“mara”, tal-“omm” li ssaltan f’darha billi tinagħta.  Għad jasal jum, imma dan ikun tard wisq, meta nintebħu bil-liwja żbaljata li l-kultura tal-punent ħadet fit-triq tal-Istorja tagħha.

 

Qari mill-Ktieb tal-Proverbi.  31, 10-13.  19-20.  30-31

 

Mara ta' ħila min isibha?

Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar.

Fuqha tistrieħ qalb żewġha,

u dan żgur ikunlu ta' ġid.

Riżq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin,

il-jiem kollha ta' ħajjitha.

 

Tfittex suf u ħjut tal-qoton,

u taħdmu bil-qalb b'idejha.

Tmidd idejha għall-magħżel,

jaqbdu d-dussies idejha.

Tiftaħ mal-fqir idejha,

tmidd idejha lejn l-imsejken.

 

Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara,

Fiergħa sbuħitha;

mara li tibża' mill-Mulej ta' min ifaħħarha.

Agħtuha mill-frott ta' xogħol idejha.

Ħa jfaħħruha f'bibien il-belt l-għemejjel tagħha.

 

 

Salm Responsorjali

 

Salm 128 jgħolli l-familja “antika”, “stupida”, “medjevali”, “b‘moħħ magħluq”, “rigressiva” u “fundamentalista”...  dawn huma t-titli li dawk li jaħsbu li huma “progressivi” jagħtu lill-familja skont il-qalb ta’ Alla.  Din il-familja ma tibżax turi li “għandha l-biża’ ta’ Alla” (v. 1). Mhux il-biża’ tad-dinja li hi mdawra mill-biża’ tal-mewt minħabba d-dnub, imma l-biża’ enormi li kull Nisrani għandu li jitlef lil  Alla, li b’xi mod itappan l-Ispirtu s-Santu ġewwa fih.  Din il-familja tiekol mix-xogħol u ma tużax ix-xogħol għal tant frugħat li d-dinja tħajjarna għalihom biex tkompli ddur ir-rota tal-ekonomija u biex l-għonja jkomplu jistagħnew.  Dan is-Salm isejjaħ lill-mara Nisranija: “dielja għammiela” (v. 3), diskrizzjoni li għall-kultura tal-lum hija orrur u tal-biża’ għax id-dinja tibża’ mit-tbatija u hekk qed titlef il-fertilità tagħha. 

 

Min se jiddomina l-Ewropa, per eżempju, fis-seklu li ġej?  Hija dik ir-razza ta’ nies li llum hi miftuħa għall-ħajja u tnissel ulied.  Ir-razez li hemm illum għad jinqerdu u ma jdumux, bħalma nqered l-Imperu Ruman.  Meta l-barbari attakkaw l-Italja mit-tramuntana, baqgħu imbelħa kif fil-kampanja madwar Ruma imperjali, daħlu fi bliet u rħula bla nies.  L-Imperu waqa’ għax il-familja ingħalqet għall-Ħajja fl-egoiżmu tagħha u tilfet il-fertilità tagħha, bħalma qed jagħmlu tant familji llum.  Altru li l-kultura moderna mhix progressiva.  Qed terġa’ twettaq l-istess żbalji ta’ elfejn sena ilu!

 

Ritornell: Hieni kull min jibża’ mill-Mulej.

 

Salm 128

 

Hieni kull min jibża' mill-Mulej,

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol;

hieni int, u riżqek tajjeb!

 

Martek tkun bħal dielja għammiela

fl-irkejjen ta' darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

madwar il-mejda tiegħek.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem

li jibża' mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon!

 

Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm

tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek!

Sliem għal Iżrael!

 

 

It-Tieni Qari

 

Fil-Knisja Primittiva, tal-bidu, dawk li kienu jirċievu l-Magħmudija kienu jissejħu “l-Imdawlin”.  Il-Magħmudija hija t-“Talent”, l-għana li Alla jagħti lill-membri tal-Knisja tiegħu biex iħaddmuh għall-ġid tagħhom u tal-oħrajn.  Imma minn dejjem kien hemm min it-Talent tal-Magħmudija difnu taħt l-art.  Dawn, l-aħħar jum għad jimlihom bil-biża’ u t-tħassib.  Lit-Tessalonkin, Pawlu ma jgħidilhomx: “tiġi fuqna għal għarrieda l-qerda u ma neħilsu  b’xejn” imma: “tiġi fuqhom għal għarrieda l-qerda u ma jeħilsu b’xejn.”  (v. 3). 

 

Anzi l-Appostlu jgħid lin-Nisrnai: “Int m’intix fid-dlam biex Jum il-Mulej jieħdok għal għarrieda bħal ħalliel.  Int bin id-dawl u bin il-jum.”  (vv. 4-5).  Dan hu l-kobor tat-Talent tal-Magħmudija, u wara, tal-Kelma li jġorr fih in-Nisrani.  Tant hu meraviljuż dan ir-rigal, li hu jimtela b’ħerqa, xewqa mqanqla, li jasal il-Jum tat-twelid ġdid tiegħu u jinagħqad għal dejjem ma Dak li ħabbu tant.  Waqt li t-tmiem iwerwer id-dinja u lil dawk li jiftaħru bil-kisbiet u l-ħiliet “moderni” tagħhom, in-Nisrani għandu fih eskatoloġija, xewqa li taqbeż il-mewt u tidħol fil-Ħajja għal dejjem.  Din hija r-rebħa tagħna fuq id-dinja! Dan hu li jagħmel min-Nisrani, bniedem dejjem imqajjem, qatt fis-sakra, dejjem jishar għall-Missier li jiġi biex iħaddnu miegħu għal dejjem.

 

Iktar kemm jikber it-Talent tal-Fidi fina, iktar nidhru differenti.  Iktar kemm tikber il-Fidi fina, iktar jitbiegħed il-monstru tal-mewt; anzi dak li jbeżża’ u jwerwer lid-dinja, jsir għalina l-Bieb glorjuż li qed jinfetaħ biex nidħlu hemm fejn l-Imħabba qegħda tistenniena.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostllu lit-Tessalonkin.  5, 1-6

 

Dwar il-ħin u ż-żmien, ħuti, ma għandix bżonn niktbilkom.  Intom tafu sewwa li Jum il-Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel billejl.  Meta kulħadd jibda jgħid: "Sliem u mistrieħ," dak il-ħin stess, bħall-uġigħ fuq mara li tkun waslet għall-ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda l-qerda u ma jeħilsu b'xejn. 

 

Ħuti, intom m'intomx fid-dlam biex Jum il-Mulej jeħodkom għal għarrieda bħal ħalliel.  Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum; aħna m'aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam.

 

 Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qjies.

 

Evanġelju

 

F’dan il-Vanġelu li għandna llum, dejjem ibeżżagħni l-bniedem li rċieva t-Talent ta’ Alla u mar ħbieh bla ma ħaddmu.  Mhix kwistjoni li kien għażżien, jew ma kienx kapaċi “jinnegozja”.  Iż-żelu, il-ħeġġa u l-għarfien ta’ x’wieħed għandu jagħmel bit-Talent t’Alla jagħtihomlna l-Ispirtu s-Santu.  Għax il-Mulej stess qal biex ma ninkwetawx x’se ngħidu jew x’se nagħmlu għax l-Ispirtu nnifsu jurina x’għandna ngħidu u x’għandna nagħmlu biex inħaddmu t-Talent tal-Kelma t’Alla miżrugħ fina.

 

Li jinkwetani, anzi jbeżżagħni f’dan il-bniedem li rċieva Talent, bniedem li Alla fdaħ bit-Talent tiegħU imma ma għamel xejn bih, hi l-ideja li hu kellu tal-Missier, ta’ Alla.  Waqt li l-oħrajn ħaddmu t-Talenti tagħhom għax ħassewhom imbuttati mill-Imħabba u mhux mil-Liġi... minn qalbhom u mhux bil-fors... it-tielet wieħed kien jara lil Alla bħala “raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx.”  (v. 24).  Dan hu kliem tassew iebes li qal lil Sidu, ħiereġ minn qalb iebsa li ma skoprietx l-Imħabba ta’ Alla. 

 

Dan ibeżżagħni għax min hu jien, min aħna aħna biex niġġudikaw lil dan l-imsejken.  Nistgħu inkun aħna floku!  Il-biża’ Nisrani li l-Iskrittura tant titkellem fuqu hu dan il-biża’ li nitilfu kollox u ma nkunux ma’ dawk il-hienja li ma tmeżmżux mix-xogħol imma għax kienu maħbuba u ħabbew, ħaddmu t-Talent tagħhom.

 

Għaliex it-tielet “qaddej” kellu din l-impressjoni terribli ta’ Alla?  Din hi mistoqsija mportanti u li rridu nagħmluha.  Għax ilkoll aħna ttentati biex, għalmenu f’xi mumenti, naħsbu bħalu.  Meta l-Istorja tagħtina fuq wiċċna; meta Alla jibqa’ sieket żmien twil; meta naraw lil ħaddieħor għaddej minn żmien tajjeb u aħna qatt ma tiġina waħda li tferraħna; meta dan kollu ma nifhmuhx u ma narawx l-Imħabba, li fuqha nisimgħu tant, imkien...; jista’ jkun li dak in-nhar l-għadu jiżra t-tixwix fina u Alla jsir dak li dejjem irid, dejjem jikkmanda, dejjem jgħabbi l-Liġijiet tiegħu fuq dahar in-nies.  Tant, li ħafna ideoloġiji kontra l-Knisja jħeġġu lill-bniedem “tal-lum” biex ikisser “il-madmad ta’ Alla”.

 

X’taqbad tagħmel quddiem dan kollu?  Il-bniedem jagħma u ma jarax l-Imħabba.  Jara biss it-tbatija ta’ din id-dinja.  L-ewwel żewġ qaddejja gawdew mill-Miraklu Morali li fetħilhom għajnejhom u raw il-verità li Alla ma ħafirhiex lil Ibnu, imma telqu fil-mewt minħabba fihom!  Imma l-aħħar wieħed baqa’ għama.  Dan hu l-biża’ tiegħi: li ma nagħrafx lil Kristu, li hu l-Imħabba ta’ Alla, u nara biss dak li jaraw l-għajnejn tal-ġisem.  Għall-ewwel tnejn, is-Salib sar Glorjuż għax iwassal għall-Qawmien; għall-aħħar wieħed is-Salib hu saħta, qerda, sinjal ta’ mibegħda u mhux ta’ Mħabba.  Mhux ta’ b’xejn l-Insara kienu jissejħu “l-Imdawlin”!

 

Versett:  Hallelujah.  Ibqa’ fidil sal-mewt, igħid il-Mulej, u jiena nagħtik il-kuruna tal-ħajja.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  25, 14-30

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola : "Għax dan bħal wieħed li kien se jsiefer, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f'idejhom.  Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.  Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala' ħamsa oħra.  Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala' tnejn oħra.  Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. 

 

 Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa' lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom.  Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. 'Sinjur,' qallu, 'ħames talenti ħallejtli f'idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra.'  Qallu s-sinjur, 'Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta' sidek.'   Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu, 'Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f'idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra.'   Qallu s-sinjur, 'Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta' sidek.' 

 

 Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal, 'Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx.  Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art. 'Hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek.'  Qabeż is-sinjur u qallu, 'Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx.  Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax.  Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti.  Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.  U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh 'il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

 

 
< Prev   Next >