Din
hija il- Liturgija ta' l-ewwel Hadd matul is-Sena ( 2017 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Mulej qiegħed
jagħtina Sena Liturġika ġdida, bi Grazzja; Grazzja akkwistata għalina mhux
bil-merti tagħna iżda bil-merti ta’ Kristu Ibnu. Huwa Hu u Hu biss li miet għalik u għalina
lkoll. Huwa Hu u Hu biss li f’isimna
kiseb merti tal-għaġeb u li dawn il-merti qegħdin jgħajtu favur tagħna quddiem
il-Missier, bħallikieku akkwistajnihom aħna!
Din hi l-Ġustizzja tal-Missier!
Il-Bidu ta’ sena ġdida
fit-tfittxija alenija tagħna għal għarfien akbar tal-Misteru ta’ Kristu, jurina
kemm kbir hu l-għatx li hemm fil-bniedem għal Alla. Kull bniedem li twieled minn mara twieled
b’dan l-għatx imħawwel ġo fih minn Alla nnifsu.
Din hi l-enerġija stupenda li timbotta l-bniedem fit-tħabbrik kollu
tiegħu. Kulma jagħmel il-bniedem huwa
mbuttat minn dan il-għatx li jilħaq il-milja li hi “Alla”. Imma din it-tfittxija biex jaqta’ dan
l-għatx, ħafna drabi, lill-bniedem imbuttatu biex jaqbad toroq żbaljati
għaliha. Huwa l-għatx għal “Alla” li
mbotta nies li saru qaddisin kbar, imma oħrajn ukoll li sar midinbin kbar. Huwa l-għatx għal “Alla” li xprunat
lill-bniedem biex wettaq ġid enormi, imma wkoll gwerer, inġustizzji u straġi
terribbli.
Id-differenza hi
sempliċi. Jekk il-bniedem huwa umli u
jistenna l-Glorja li hi biss għand Alla, mingħandu, allura jkun qabad it-triq
it-tajba. Imma jekk il-bniedem huwa
supperv u jipprova jaħtaf din il-Glorja hu b’intenzjoni ħażina għax għalih Alla
hu rival u mhux ħabib, allura hawn il-bniedem jitħawwad u jitwieled id-dnub. U din il-Glorja ta’ Alla li l-bniedem għandu
tant għatx għaliha hija l-Ħajja ta’ Dejjem, il-Ħajja għal dejjem, il-Ħajja
dejjem li tibda minn hawn. Għal Kristu
hemm żewġ tipi ta’ bnedmin: dawk li huma “ħajjin” għax sabu lilU fl-umiltà, u
dawk li huma “mejtin” għax fil-kburija tagħhom ifittxu li jimlew il-vojt etern
li hemm fihom mhux b’Alla imma bihom infushom.
“Hieni l-bniedem li
jibża’ mill-Mulej” igħid l-ewwel Salm,
għax jaf li hu l-Mulej biss li jista’ jagħtih l-eternità. Meta l-Fidi tikber biżżejjed li aħna ma
nibqgħux nibżgħu iktar mill-ġudizzju, imma li nixxenqu għal-laqgħa tagħna ma’
Dak li qalbna tkun ħabbet, allura l-mewt tkun intrebħet fina u għeb il-biża’
tagħha, u aħna nkunu “il-Ħajjin”, ikollna l-Ħajja Dejjem ġa minn hawn.
L-Ewwel Qari
L-ewwel Qari li
niltaqgħu miegħu fis-Sena l-ġdida tal-Knisja jesprimi tajjeb dan l-għatx
dejjiemi li hemm fil-bniedem għall-“etern”, għal Alla. Kullimkien madwarna naraw is-sinjali tas-susa
tal-mewt, imma min jiskopri lil Alla jaqbeż dan kollu għax diġa daħal
fil-“Ħajja”. Imma fit-tfittxija tiegħu,
li hi esperjenza twila, il-bniedem jitniehed u jgħarrex biex jara meta se
jisbaħ, meta se sseħħ il-Wegħda.
Sakemm il-bniedem għadu
fil-biża tal-mewt, hu jibqa’ egoista, anke jekk għandu intenzjonijiet qaddisa. Il-bniedem jibqa’ dgħajjef. Għalhekk huwa jitniehed meta jara
l-medjokrità tiegħu u jokrob u jgħid: “Għaliex, Mulej, iġġegħelna nwarrbu minn
triqatek, u twebbsilna qalbna biex ma nibżgħux minnek?” (63, 17).
Dan huwa l-bniedem tassew umli.
Il-bniedem li jaf li hu midneb u li għandu n-natura tiegħu miġbuda biex
taqbad it-triq il-ħażina. Dan il-bniedem
ma jitlobx għal ħwejjeġ materjali, imma jixxennaq biex Alla jċarrat is-smewwiet
u jinżel biex juriħ il-verità, biex jimlilu lil qalbu b’dik l-Imħabba li biha
biss il-bniedem jista’ jirbaħ il-mewt.
Dan kollu jfisser li hu
qiegħedjitlob li jiġi nvadut mill-Ispirtu qaddis ta’ Alla, “bħalma n-nar
iqabbad il-ħatab, bħalma n-nar jgħalli l-ilma.”
(64, 1). Il-bniedem li għaraf li
kulma tista’ tagħtih id-dinja jintemm u ma jimliex, jixxennaq li qalbu ssir
ħuġġieġa nar taqbad, ħuġġieġa ta’ Mħabba vera lejna Alla u lejn
il-proxxmu. Din hi l-vera “Ħajja”. Din hi l-unika “Ħajja” li tixraq
lill-bniedem.
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Isaija. 63, 16b-17. 19b;
64, 2-7
Int,
Mulej, missierna,
ismek
il-Feddej tagħna sa minn dejjem.
Għaliex,
Mulej, iġġegħelna nwarrbu
minn
triqatek,
u
twebbsilna qalbna biex ma nibżgħux minnek?
Erġa'
lura, minħabba l-qaddejja tiegħek,
it-tribujiet
li huma wirtek.
M'hux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel
meta int tagħmel għeġubijiet
li ma konniex nistennew,
u sa mill-qedem qatt ma smajna bihom!
Widna qatt ma semgħet,
għajn qatt ma rat Alla bħalek,
Alla li jħabrek għal min jittama fih.
Int tilqa' lil min jagħmel is-sewwa bil-ferħ,
lil dawk li jiftakru fi triqatek.
Ara! Int kont mgħaddab għalina,
u aħna dnibna.
Domna fi dnubna,
u kontrik qomna għal ħafna żmien.
Tniġġisna lkoll kemm aħna,
bħal ċarruta maħmuġa
l-aħjar għemejjel tagħna;
bħal werqa lkoll dbilna
u ħżunijietna bħal riħ ġarrewna.
Ħadd ma hawn li jsejjaħ ismek,
li jitħarrek biex iżomm miegħek.
Għax int ħbejt wiċċek minna,
u rħejtna f'idejn ħżunijietna.
Madankollu, Mulej, int missierna
aħna t-tafal, u inti l-fuħħari;
aħna lkoll għemil
idejk.
Salm Responsorjali
Salm 80 jgħid lil Alla:
“roddilna l-Ħajja u aħna nsejħu ismek.”
(v. 19). Hawn mhux qiegħed
jitkellem fuq ħajja li hi sempliċi eżistenza għax int tieħu n-nifs, tqum u
torqod, taħdem, tiekol eċċ. Mhux għal
dik il-Ħajja huwa t-tħannin li hemm fil-bniedem. Il-bniedem jixxennaq li jitela b’Ħajja li
tfejjaqlu l-ġerħa ta’ qalbu u ma jkollux bżonn ikun egoista iktar u jaħseb
dejjem għal rasu, għax issa jibda jafda fil-Missier. Hu jafda jekk “jagħraf”. Jekk il-Mulej iroddilna din il-“Ħajja”,
allura aħna nsejħu ismU, jiġifieri aħna nfaħħruh u nixhdu għaliH quddiem
kulħadd.
Ritornell: Reġġagħna
għal li konna o Alla tal-eżerċti; dawwal wiċċek u nkunu salvi.
Salm 80
O Ragħaj ta'
Iżrael, agħti widen,
int li tmexxi bħal
merħla 'l Ġużeppi.
Int li qiegħed fuq
il-kerubini,
iddi quddiem Efrajm,
Benjamin u Manassi.
Qajjem il-qawwa
tiegħek,
u ejja ħa ssalvana.
Erġa' ejja, Alla
ta' l-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur 'il din
id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawwlet
lemintek,
ir-rimja li int kabbart
għalik.
Ħa tkun idek fuq il-bniedem
ta' lemintek,
fuq il-bniedem li int
saħħaħt għalik.
Aħna ma nitbegħdux
minnek;
roddilna l-ħajja, u
aħna nsejjħu ismek.
It-Tieni Qari
Din il-Ħajja li qegħdin
nitkellmu fuqha, sabuha l-Insara, l-Insara veri, l-Insara li tassew immaturaw
fil-Fidi, l-Insara li mhumiex Insara għax tgħammdru ta’ trabi, imma li ndunaw
li t-Teżor tal-Ħajja hu Kristu u fittxewH u sabuH! Pawlu jifraħ mal-Korintin, għax bid-dgħufijat
kollha li kellhom, huma kienu fost dawn in-nies hienja. Huwa jrodd ħajr lil Alla għall-Grazzja tiegħu
li tahom, għax huma stagħnew, saru għonja, sinjuri għax għarfu x’għamel Kristu
għalihom. Dan hu l-għana veru! Dan hu l-għana li ħadd ma jista’ jisraqulek.
Minħabba dan l-għana,
il-komunità ta’ Korintu kienet mimlija doni mill-Ispirtu s-Santu. Fiha twieldu vokazzjonijiet diffferenti:
presbiteri tal-Knisja, djakni li jieħdu ħsieb ir-romol, il-fqar u dawk li huma
fil-bżonn, nies mogħtija għat-talb, oħrajn mogħtija għall-Evanġelizzazzjoni
biex ixandru lil Kristu u jifformaw komunitajiet oħra, familji qaddisa fejn
il-missier u l-omm kollhom ħeġġa jitrażmettu l-Fidi lil uliedhom... Dawn kollha huma doni meraviljużi tal-Ispirtu
s-Santu li nixxenqu għalihom fil-parroċċi tagħna.
Huwa Kristu li jsejħilna
għal dan. Huwa Hu li jgħajtilna u jmissilna
qalbna biex naraw is-sbuħija tal-Knisja.
Tistagħġeb kif hemm min jiġġennen fuq din is-sbuħija u hemm min lanqas
biss jilmaħha. U jekk Alla sejħilna huwa
se jżomm Kelmtu, jgħidilna l-Appostlu, u se jagħtina li nduqu it-tjieba u
l-ġenerożità tiegħu.
Qari mill-Ewwel Ittra
ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. 1,
3-9
Ħuti:
grazzja
u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu.
Jiena
niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja li Alla takom,
lilkom fi Kristu Ġesù; fih
intom stagħnejtu f'kollox, f'kull kelma, f'kull għerf daqs kemm ix-xhieda
ta' Kristu kienet imwettqa fikom.
Għalhekk
m'intom nieqsa minn ebda don, intom u tistennew id-dehra ta' Sidna Ġesù Kristu. Huwa hu li jwettaqkom sa
l-aħħar biex tkunu bla ħtija fil-jum ta' Sidna Ġesù Kristu. Alla jżomm kelmtu, minnu
kontu msejħin biex tidħlu fix-xirka ta' Ibnu Sidna Ġesù Kristu.
Evanġelju
L-għorrief Griegi ta’
qabel Kristu, li kienu pagani, lemħu xi ftit, bl-intelliġenza tagħhom, din
il-ħerqa tal-bniedem għal Alla. Huma
ndunaw, bħalma jgħid il-Vanġelu tal-lum, li l-bniedem mhux lakemm ifaqqa’
subgħajh biex jakkwista l-“Ħajja” li hi tassew “Ħajja” u mhux eżistenza bħalma
jeżistu l-annimali. Għal din il-“Ħajja”,
il-bniedem irid jistenna, jixxennaq, jittama u jishar. Jishar ifisser tgħasses. Int u jien irridu ngħassu, nishru, għax ma
nafux jekk il-Mulej hux ġej u se jieqaf quddiemna bir-rigal tal-“Ħajja” vera
llum stess, jew sena oħra. Ma
nafux.
Il-bniedem li tassew
irid jiskopri lil Kristu, jitgħallem jistenna u jishar, bħalma Iżrael stenna
l-Messija. Il-Griegi li semmejna kienu
jqabblu l-bniedem li qed jistenna lil Alla jgħaddi minn ħajtu, bħal wieħed
attent maġenb għar. Hu qed jistenna għax
qalulu li ġo l-għar hemm xiħ b’rasu bla xagħar ħlief għal tliet beżbużiet. F’daqqa waħda dan ix-xiħ kellu joħroġ jiġri
kemm jiflah u l-bniedem li jkun tassew għassa jrid jipprova jaħkmu minn dawk
it-tliet xagħriet ta’ rasu. Jekk
jirnexxilu, jkun sab xortih. Lil dan
ix-xiħ, il-Griegi kienu jsejħulu “il-Kajros”.
Għalihom dan kien ifisser li jekk int taħkem il-Kajros fil-waqt li
jgħaddi minn quddiemek, int tkun sibt it-Teżor tal-għerf u tal-Ħajja. Kulma trid tagħmel u li tistenna u tistenna.
Ħafna mingħalihom qegħdin jistennew, imma huma aljenati bid-dinja. Joħroġ il-Kajros u lanqas jindunaw bih
għaddej minn quddiemhom.
Mhux ta’ b’xejn li Santu
Wistin talab lil Alla biex ma jħalliħx “jorqod” li ma jmurx jgħaddi minn
quddiemu bla ma jintebaħ. Ma nafux
il-Grazzja sabiħa tal-Mulej meta se tiġi offruta lilna. Id-dinja tagħmel minn kollox biex ixxerdilna
moħħna biċ-ċuċati tagħha li jmutu. Gwaj
għalina jekk jgħaddi Alla u ma nindunawx.
Ġesu se jgħidilna biex
nishru u nkunu dejjem għajnejna miftuħa.
Ma jridniex reqdin! Hu jgħid:
“Dal li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu lil kulħadd: ishru!” (13, 37).
Kliem iktar qawwi minn dan ma nistgħux insibu.
Versett: Hallelujah. Uri
lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek u s-salvazzjoni tiegħek agħtina. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’
San Mark. 18, 33-37
F’dak
iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu : "Kunu għajnejkom
miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta
bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f'idejn il-qaddejja tiegħu,
kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa' jishar.
Mela
ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux fil-għaxija, jew f'nofs
il-lejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma
jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin. U dak li qiegħed ngħid
lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!"
|