Saturday, 20 October 2018
           
Home arrow Home
IT-TIENI HADD TAL-AVVENT (2017) SEJHA GHAL KONVERZJONI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 09 December 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tieni Hadd tal-Avvent ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

1097px-jos_de_ribera_-_st_john_the_baptist_in_the_desert_-_wga19390.jpg  

 

Il-Missirijiet tal-Knisja kienu jgħidu li fina, aħna li rċivejna l-Magħmudija, hemm ilma ħelu u umli li jħaxwex hu u miexi u li kuljum jistedinna: “Ikkonverti llum!  Ikkonverti llum!”  Il-Ħadd li għadda, l-Ewwel Ħadd tal-Avvent, il-Kelma wissietna li għandna nishru għax ma nafux meta u fi xħin jista’ jgħaddi l-Mulej minn quddiemna b’xi Grazzja kbira ta’ Konverżjoni.  Jekk ma nkunux imqajma, ma nindunawx b’dan.  Kemm nies huma aljenati fuq ix-xejxi tad-dinja, li jum wieħed għad jiskopru li ftit li xejn jiswew, għax kollox imut magħna.  Kemm enerġija fuq ħwejjeġ li ftit snin oħra ma jkunu jiswew xejn!

 

Imma l-bniedem li qed jishar jinduna bl-ilma ġieri tal-Magħmudija ġewwa fih; jisma’ l-leħen umli li jsejjaħlu biex jikkonverti f’dan iż-żmien propizju tal-Avvent.  Xi jfisser tikkonverti?  Tikkonverti tfisser dak li minn dejjem smajna: li tibdel ħajtek f’sens moralista.  Jiġifieri li jekk inti qed tgħix imbiegħed mill-paċi tal-Mulej għax qed tikser il-kmandamenti ta’ Alla bla ma taħsibha darbtejn, u qed taħsad il-korla ta’ Alla minħabba dan, allura għandek bżonn ta’ bidla morali f’ħajtek.

 

Imma qabel xejn, il-konverżjoni tibda mod ieħor.  Biex bniedem jibdel ħajtu, irid ikun konvint li l-bidla li se jagħmel, tassew li se ssalvah, se tkun ta’ ġid għalih, se jigwadanja Ħajja ġdida ferm u ferm aħjar minn dik li għandu bħalissa.  Illum ftit huma n-nies li huma konvinti minn Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tagħhom.  Din hija r-rejaltà u jaqblilna, bħala Knisja, li nkunu umli u naċċettaw dan.  L-Isqof tagħna wera li qed jaqra s-sinjali taż-żminijiet meta qal, nhar Kristu Re, li qabel ma tkellem lill-midneb fuq ħajja moralment tajba, trid l-ewwel tħabbarlu l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu għal ħajtu.  Jekk inkomplu nippridkaw lil Kristu bħala xi liġi morali biss, din mhix evanġelizzazzjoni. Jekk dan id-diskors kien jgħodd ħamsin sena ilu, illum m’għadux.  In-nies xebgħet tisma’ fuq x’suppost tagħmel u x’mhux suppost tagħmel.  Kulħadd jaf x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin.  Il-problema hi li quddiem it-toqol tal-ħajja, l-bniedem m’għandux saħħa jgħix il-Vanġelu.  Din is-saħħa tiġi biss mill-Fidi f’Ġesù Kristu li jurina li Alla hu Mħabba.

 

Hawn jinsab il-misteru tal-Kristjaneżmu.  Alla lilek iħobbok hekk kif int, midneb u għadu tiegħu, għax kien meta int kont għadu tiegħu li Kristu ċarċar demmu kollu biex iħallaslek dejnek u jieħu fuqu, minflokok, il-konsegwenza terribli tad-dnub.  Huwa jħobbok hekk kif int, bil-vizzji tiegħek, bil-morali laxka tiegħek, imma ma jridx li int tibqa’ tgħix hekk!  Int ma tafx, imma Hu jaf li d-dnub tagħna, iż-żina tagħna, is-serq, il-korruzzjoni, il-qima tagħna għall-flus, il-mibegħda tagħna lejn l-għadu, dan kollu qiegħed joqtolna kuljum.  Kristu jħobbna u għalhekk ma jridx li aħna mmutu.  Id-dnub joqtol.  Id-dnub tiegħi qatel lil Kristu!  Jekk nemmen l-Aħbar ta’ Kristu, fija jitwieldu rispett, qima, ġibda, u fl-aħħar imħabba lejn Kristu.  Huwa hemm, li jien nibda ngħix ħajja moralment tajba.  Mingħajr dan il-proċess, xejn.

 

L-Avvent huwa żmien liturġiku sabiħ immens.  Għal ħafna, u dan jien personalment inħossu, hemm il-periklu li ma jkun xejn ħlief tqanqil nostalġiku għal meta konna żgħar.  Donnu f’dan iż-żmien nerġgħu insiru xi ftit żgħar għax ir-rigali, il-presepju, il-carols, is-siġra u t-tiżjin kollu jeħduna lura fiż-żmien, u l-qalb tagħna tirtab b’dan il-mod.  Imma dan hu biss sentimentaliżmu.  Emozzjonijiet tajbin, imma mhux Insara.  Milied tad-dinja.  Tkun taf hux hekk il-Milied tiegħek, skont kif tħossok meta jgħaddi kollox u nibdew nippakkjaw dak kollu li jkun ħoloq l-atmosfera tal-Milied.  Kemm dwejjaq.  Dan għaddejt minnu ma nafx kemm-il darba.  L-għada tal-Ewwel tas-Sena, bħall-għada tal-festa jħalluk vojt u titmeżmeż li se terġa lura għar-rutina twila ta’ matul is-sena.  L-effett tal-Milied Nisrani mhux dan.  Huma l-affarijiet tad-dinja li jgħaddu u jħallu vojt, għax kulma jferraħ lid-dinja, jmut u jispiċċa.

 

Il-Milied Nisrani hu opportunità ta’ laqgħa ħajja ma’ Kristu.  L-Avvent jitkellem fuq tliet miġjiet tal-Mulej.  L-ewwel waħda f’Betlehem.  It-tieni fl-aħħar tad-dinja.  It-tielet tiġi bejiethom u hi l-iktar li lilna timpurtana.  Hu tajjeb li nħarsu lejn il-presepju u ngħixu mill-ġdid l-ewwel miġja tal-Mulej.  Imma hu urġenti t-tielet miġja għalina. Din hija meta Kristu jgħaddi mill-ħajja tiegħek u dak li qabel kien jimbuttak u jgerrxek, issa jbellhek bis-sbuħija tiegħu. 

 

M’hemm xejn isbaħ minn Kristu!  Mhux veru li Kristu huwa Liġi, Kmandamenti u preċetti.  Dawk int minn jeddek tibda tosservahom, imma bla sforz u wara li tkun għaraft kemm hu sabiħ il-Mulej.  M’hemm xejn ħelu u għażiż daqs l-Imħabba tal-Mulej Ġesù. Fuq dan, hemm bżonn nitkellmu, għax din hi l-predikazzjoni li l-aktar li tbeżża’ x-xjaten u huma jgħamlu minn kollox biex il-bniedem jibqa’ jaħseb ħażin f’Alla; jaħseb li Alla hu dwejjaq u penitenzi waqt li d-dinja fiha għaxqa li donnu Alla ma jridekx tgawdiha.  Dan kollu hu parti mill-Gidba oxxena li satana żera’ f’moħħ kulħadd.

 

L-Ewwel Qari

 

Kien hemm żewġ epoki ta’ dieqa kbira għall-poplu ta’ Iżrael fit-Testment il-Qadim.  L-ikbar dieqa kienet fil-jasar tal-Eġittu fejn ġarrbu qagħda tassew serja ta’ jasar oxxen.  Traġedja oħra li seħħet kienet sekli wara meta l-iktar parti influwenti u mportanti ġiet imkaxkra ’l bogħod mill-Art Imwegħda u meħuda għal sebgħin sena fl-Eżilju ta’ Babilonja.  Dan l-Eżilju ma kienx tant iebes fiżikament daqs dak tal-Eġittu, tant li ħafna Lhud draw f’Babilonja u billi kienu negozzjanti primi, malajr inserixxew ruħhom fis-soċjeta pagana t’hemmhekk.

 

Iżda kien żmien ta’ tisfija reliġjuża u ta’ konverżjoni.  Żmien il-Messija kien qed joqrob u Alla kien ħa l-poplu fl-Eżilju biex hemm jikkonverti.  Kulma jiġri f’ħajjitna huwa xogħol Alla li jaf li l-konverżjoni tagħna hi l-iktar ħaġa mportanti fl-eżistenza tagħna.  Dan hu moħbi minn għajnejna.  Aħna iktar timpurtana s-saħħa fiżika u li ngħixu għomor twil.  F’Babilonja, l-poplu sar ħabib tal-Kelma, waqt li qabel kien biss mehdi bis-sagrifiċċji fit-Tempju.  Nagħmlu tajjeb li aħna mmorru fit-tempji tagħna, fil-knejjes tagħna, fejn fil-Liturġija tal-Ewkaristija nerġgħu ngħixu dak kollu li Kristu wettaq għalina bil-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien tiegħu.  Dak kollu li seħħ elfejn sena ilu jerġa’ jseħħ b’misteru f’kull quddiesa.  Imma tkun ħaġa mprezzabbli jekk, bħall-poplu ta’ Iżrael fl-Eżilju, aħna niskopru t-Teżor tal-Kelma, l-għaxqa tat-talb bl-Iskrittura, il-faxxinu tal-Bibbja għal min hu ħabib tagħha.

 

Il-qari minn Isaija, jiftaħ bil-kliem sabiħ: “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi, igħid Alla tagħkom.  Kellmu lil qalb ta’ Ġerusalemm u għidulha li ntemm il-jasar tagħha, tħallset ħżunita.”  (vv. 1-2).  Biex kien jitfarraġ il-poplu?  Bil-Kelma moqrija minn fuq l-ambone tas-sinagogi li bdew jibnu ’l bogħod minn pajjiżhom.  Ma setgħux jitfarrġu iktar bil-Liturġija tat-Tempju, għax it-Tempju ma kienx għadu jeżisti akar għax kien inqered fil-gwerra.  Imma floku sabu l-faraġ fil-Kelma ta’ Alla fit-Torah u fil-kitbiet li ħallewlhom, bħalma ħallew lilna, l-profeti. ’Il bogħod minn Ġerusalemm twieldet fihom imħabba enormi għall-belt għażiża tagħhom, nostalġija qaddisa għall-konverżjoni, għal relazzjoni dejjem aħjar ma’ Alla li huma kienu tradew. 

 

Bħalma jgħid Salm 137: “F’xatt ix-xmajjar ta’ Babilonja, hemm qgħadna bilqiegħeda u bkejna, aħna u niftakru f’Sijon. Mas-siġar tal-luq tagħha dendilna ċ-ċetri tagħna.  Għax hemm dawk li jassruna, talbuna ngħannulhom xi għanja: dawk li hemm għakksuna stennew minna għana ta’ ferħ:  ‘Għannulna mill-għana ta’ Sijon.’  Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej f’art barranija?  Tibbiesli idi l-leminija, jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm!  Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi, jekk ma niftakarx fik, jekk ma nżommx ’il Ġerusalemm ’il fuq minn kull ferħ tiegħi!”  (S. 137, 1-6).  Ara x’ħerqa!  X’bidla ħadem il-Mulej fihom bit-tbatija tal-Eżilju.  Fiż-żmien tagħna, l-Mulej ħa l-Knisja tiegħu fl-Ewropa lejn l-Eżilju ta’ Babilonja.  Dan m’hemmx dubju fuqu.  L-Ewropa rremettiet il-valuri Nsara.  Dak kollu li darba kien għażiż u qaddis sar għall-Ewropa tal-lum ta’ min jistmerru.  Ninsabu eżiljati, aħna l-Insara.  Il-knejjes fuq il-kontinent tagħna jinbiegħu bl-addoċċ għax il-Knisja ma tiflaħx iżżommhom għax m’għadx baqa’ Nsara li jistgħu iħallsu għall-manteniment tagħhom.  Parroċċi jingħaqdu flimkien ’l hawn u ’l hinn għax dejjem jiċkienu.

 

Min jaf jekk pajjiżna, li dejjem ikkoppja lil dawn il-barranin, huwiex miexi fuq l-istess passi?  Min jaf jekk il-Knisja tagħna hux ukoll riesqa lejn l-Eżilju ta’ Babel?  Min jaf jekk għadx jasal żmien, fi żmien uliedna jew ulied uliedna meta tinbet nostalġija f’qalb il-Maltin u l-Għawdxin lejn kif konna qabel?  L-Istorja hi f’idejn il-Mulej.  Hu jaf x’inhu l-aħjar għall-Knisja tiegħu.

 

Il-qari li ġej hu ta’ nkuraġġiment għall-fdal li jibqa’.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  40, 1-5.  9-11

 

"Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi,"

jgħid Alla tagħkom.

Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha

li ntemm il-jasar tagħha,

tħallset ħżunitha,

ħadet mingħand il-Mulej

darbtejn għal dnubietha kollha.

 

Leħen jgħajjat:

"Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,

wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.

Jintradam kull wied,

u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;

kull art imħabbta titwitta

kull art imħarbta ssir maqgħad.

U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,

u l-bnedmin jarawha lkoll f'daqqa,

għax fomm il-Mulej tkellem."

 

 Itla' fuq il-muntanja għolja,

int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon;

għolli leħnek bil-qawwa kollha,

int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;

għajjat, la tibżax.

Għid lill-ibliet ta' Ġuda:

"Hawn hu Alla tagħkom!"

Hawn hu Sidi l-Mulej,

li ġej bil-qawwa,

u jaħkem bil-qawwa ta' driegħu.

Hawn hu bi ħlasu miegħu,

u r-rebħa tiegħu quddiemu.

 

Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;

bi driegħu jiġmagħha,

u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;

u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom.

 

Salm Responsorjali

 

Fit-taqlib spiritwali ta’ żmienna, dawk li jibqgħu fidili lejn il-Mulej u jibqgħu jemmnu li Hu tassew Sid l-Istorja, dawn isibu l-faraġ għanU.  Il-Midja kollha daret kontra l-valuri Nsara.  Jidher l-Arċisqof fuq programm fuq it-T.V. u jduru għalih u jsib ruħu f’nofs l-ilpup. L-ambjent qed isir donnu tkun stramb titkellem fuq Alla.  Imma s-Salm Responsorjali li għandna jeħodha kontra dan kollu u jipprova jagħmel il-qalb lill-fdal li jemmnu tassew.  Is-Salm jgħid: “It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu.”  (v. 11).  Il-fedeltà tan-Nisrani tiltaqa’ mat-tjieba ta’ Alla.  Min jista’ jisirqilna l-paċi u l-ferħ li ġejjin mill-Fidi fil-Mulej Ġesù?  Id-dinja tisraqlek dak li tkun tagħtek hi, imma l-ħwejjeġ li ġejjin għandna mingħand il-Mulej ma jista’ jmissomlna ħadd. 

 

Ritornell: Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, u s-salvazzjoni tigħek agħtina.

 

Salm 85

 

Ħa nisma' xi jgħid Alla;

il-Mulej is-sliem ixandar,

għall-poplu u l-ħbieb tiegħu,

u għal dawk li jafdaw fih.

 

Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu

għal dawk li jibżgħu minnu,

biex jgħammar is-sebħ f'artna.

 

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,

il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet,

u l-ġustizzja mis-sema tixref.

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi,

u s-sliem fuq il-passi tiegħu.

 

 

It-Tieni Qari

 

Hu ħażin u żbaljat jekk noqogħdu nwaħħlu f’dak jew l-ieħor għall-problemi tal-Knisja.  Hu ħażin u kontra l-valuri tal-Vanġelu li n-Nisrani jiġġudika lil dawk li jemmnu fil-kultura dominanti ta’ żmienna u jiddefenduha; anke jekk hi kultura ateja, sekularizzata u materjalistà għall-aħħar li għaliha teżisti biss din il-ħajja t’hawn u l-alla tagħha hu l-bniedem u l-libertinaġġ tiegħu. 

 

Dak li jitlob minna l-Vanġelu, u li l-Knisja għandha bżonn, hu li aħna, aħna li rriduha ta’ Nsara, nikkonverti xi ftit kuljum.  Dan hu li jgħodd.  Il-Knisja tfittex fuq min se sserraħ f’din it-taqbida li għandha, u dak li għandha bżonn hu Nsara ta’ veru, Nsara li jafu li kull ġurnata se ġġib l-opportuinità, iċ-“challenge”, jekk tridu insejħulu hekk, ta’ konverżjoni.  Mhux importanti n-numru ta’ Nsara.  L-importanti hu li l-Insara jkun Nsara, mhux biss nies xi ftit reliġjużi mimlijin drawwiet reliġjużi.

 

In-Nisrani hu dak li qatt ma jinkwieta, la fuq l-Istorja tiegħu u lanqas fuq dik tal-Knisja.  X’jimporta l-fallimenti, id-disfatti, is-sitwazzjonijiet li jidhru skabrużi, il-kriżijiet li donnhom qegħdin iħottu dak kollu li hu għażiż għalina?  X’jimporta jekk kollox donnu qiegħed jikkrolla, jekk huwa l-Mulej tagħna li hu Sid l-Istorja u li Hu kapaċi jdawwar kollox favur il-magħżulin tiegħu. Mhux dejjem hekk ġara f’elfejn sena ta’ Storja?  Min jaf kemm-il darba l-Knisja deħret se tegħreq u ħafna tilfu l-fiduċja u l-Fidi?  Imma dejjem raġa’ sebaħ, il-Passjoni u l-Mewt dejjem spiċċaw bil-Qawmien, ix-xitwa dejjem għamlet il-wisa’ għar-rebbiegħa u s-sajf... għax Alla hu Emanuel, “Alla magħna”.  “La Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna?” igħid wieħed mis-Salmi. 

 

San Pietru se jgħidilna li “jum wieħed għal Alla hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed”  (v. 8).  Aħna nippanikkjaw għax iż-żmien jagħmel bina għax f’din id-dinja jeżisti ż-żmien la teżisti l-mewt.  Imma Alla hu lil hemm mill-mewt u għalih m’hemmx żmien għax hu etern.  Meta tasal il-milja taż-żmien, Hu jindaħal u d-dinja tistagħġeb bil-qawwa tiegħu.  Jekk kull imgħammed iġorr Wegħda li Alla se jgħaddi minn Ħajtu, din il-Wegħda Hu jżommha, imma fil-milja taż-żmien, jiġifieri meta l-iktar li jkun jaqbel.

 

Pietru jitkellem fuq il-Parusija, it-Tieni Miġja tal-Mulej li għaliha tippreparana l-ewwel parti tal-Avvent.  Miskin hu l-bniedem li hu mifxul fuq din id-dinja, fuq il-ħajja tiegħu hawn, fuq is-suċċess u l-għana ta’ din il-ħajja. Kollox hu miktub għall-qerda.  Dak kollu li qed naraw; dak kollu li qed jiġri;  dawk kollha li jidhru minn fuq; dan kollu għad jintemm.  X’jiswielu l-bniedem li jirbaħ din id-dinja kollha, li hi miktuba li tintemm, jekk imbagħad jitlef ruħu, jitlef l-eternità?  X’jiswielu l-bniedem li jagħmel suċċessun minn tmenin sena li jgħaddi hawn, biex imbagħad imur għal dejjem f’post il-ġenn?  Mhux għax il-Mulej iridni ngħixu fil-miżerja u d-dwejjaq hawn biex imbagħad immorru ngawdu wara.   Anzi, kif diġa għidna minn jaf kemm-il darba, il-Knisja u l-Iskrittura jgħidu li l-Ħajja ta’ Dejjem, il-Ġenna tibda minn hawn.  Anke l-infern.  Huwa x-xitan li jweżweż li l-Mulej irid ixekkilna, jiddejjaq jarana ferħanin, li l-ferħ jinsab fid-dnub u f’li tagħmel li trid.  Din gidba.

 

In-Nisrani li jitwaħħad ma’ Kristu jgħix ħieles hawn u jgawdi l-Glorja n-naħa l-oħra.  Għalhekk, it-Tieni Miġja tal-Mulej fil-Glorja lilu ma tbeżżgħux għax ġa minn hawn ikun ġa għadda fil-Ħajja ta’ Dejjem.  Biss Kristu huwa sinjal ta’ kontradizzjoni.  Hu jgħidlek biex tobgħod lil ħajtek hawn biex issib il-Ħajja vera kemm hawn u kemm fl-eternità.  Dan hu misteru li d-dinja ma tifhmux. Jifhmuh biss dawk li Hu għażel biex jifhmuh. 

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu.  3, 8-14

 

 Dan għandkom tkunu tafu, ħuti għeżież: li quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed.  Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema. 

 

Jasal, tabilħaqq, Jum il-Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-smewwiet bi ħsejjes kbar, jinħallu bin-nar l-elementi tad-dinja, u l-art b'kull ma fiha tkun maħruqa min-nar.  Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom,  waqt li tistennew b'ħerqa kbira l-miġja tal-Jum ta' Alla.

 

Hu minħabba f'dan il-Jum li s-smewwiet jinħarqu u jinħallu, u l-elementi tad-dinja jinqerdu bin-nar.  Imma aħna, skond il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.

 

Għalhekk, ħuti għeżież, waqt li nistennew dan kollu, qisu li jsibkom fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub. 

 

 

Evanġelju

 

Dan il-Vanġelu li ġej jibda jippreparana bis-serjetà biex ngħixu mill-ġdid l-ewwel Miġja tal-Mulej.  S’issa iktar tkellimna fuq l-aħħar tad-dinja; fuq ir-rejaltà li din id-dinja hija mmarkat minn żmien li għad jispiċċa fuq ir-rebħa finali ta’ Kristu.

 

Dan il-Vanġelu jpoġġielna l-Prekursur li ntbagħat biex ihejji l-art għal dak l-avveniment li għalih kien intagħżel Iżrael bħala l-poplu ta’ Alla, sekli u sekli qabel.  L-era tat-Testment il-qadim kienet waslet fi tmiemha u ftit kienu dawk li bdew jindunaw b’dan.  Deher l-aħħar profeta: Ġwanni, bin Żakkarija, bniedem axxetiku, mrawwam fid-deżert mal-Esseni li kienu inqatgħu mid-dinja biex ilestu ruħhom għall-Messija li kien wasal.

 

Hu kien leħen jgħajjat fid-deżert, bħalma kienu l-ilħna tal-profeti kollha ta’ qablu.  Għax id-dinja hija d-deżert fejn tiddomina l-mewt.  Ħarsu madwarkom u araw jekk hux veru: drogi, qtil, prostituzzjoni, traffikar ta’ bnedmin l-aktar nisa, vjolenzi fid-djar u bejn il-pajjiżi, qtil ta’ trabi, dippressjoni dejjem tisdiet, tfal li ma jafux x’inhu logħob ta’ flimkien, insejna nagħmlu t-tajjeb u dak li hu qaddis intilef maż-żmien.  Kulħadd jgħajjat: “Irrid id-drittijiet tiegħi!” u għebet l-Imħabba li tgħidlek biex tinagħta għall-ieħor.  Dan hu d-deżert. 

 

Il-ġnien imsoqqi tajjeb jinsab fil-qlub ta’ dawk li jħobbu lil Alla.  Huma għandhom l-ilma ġieri dejjem ġej tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ispirtu s-Santu li jġeddidilhom żogħżithom.  Hawn għatx kbir u enormi għal dan l-ilma ġieri, imma ftit jafu fejn għandhom ifittxuh.  Ġwanni għadu jidher illum, isejjaħ għall-konverżjoni u l-maħfra tad-dnubiet.  Ħafna lanqas biss iridu jisimgħu bil-kelma “dnub”.  Xejn mhu xejn.  Imma l-veru toqol li jġorr kull bniedem huwa t-toqol ta’ dnubu. 

 

Ġwanni hu l-parti negattiva tal-Aħbar tas-Salvazzjoni.  Hu juri lill-poplu d-dnub tiegħu; jgħidlu l-verità li tweġġa’.  Illum allaħares ifettillek tgħid li l-poplu m’għandux raġun, li l-poplu jinsab fl-iżball, li għandu bżonn konverżjoni.  Aħna niftaħru bid-demokrazija, fejn il-poplu hu Alla.  Ġwanni ma kellux dawn il-ħmerijiet.  Ir-Re u l-poplu kienu xorta għalih.  Kien jgħid il-verità lil wieħed u lil ieħor.  Kien bniedem ħieles għax kien bniedem ta’ Alla.  L-għana tiegħu kien ġej mingħand Alla u dan ħadd ma seta’ jeħodulu. 

 

Ix-xogħol ta’ Ġwanni kien indispensabbli għax hu nissel fil-poplu l-għarfien tad-dnub u s-sens ta’ ndiema.  Dan kien essenzjali biex, imbagħad, Ġesù ġie jxandar is-Saltna.  Jekk il-poplu ħass it-toqol tad-dnub, ekku issa, jidher il-Ħaruf innoċenti li kellu jieħu fuqu d-dnub li d-dinja ma setgħetx teħles minnu.  Hu sar dnub minflokna biex is-saħta tad-dnub taqa’ fuq rasu u l-kotra teħles u tkun iġġustifikata.  Min se jemmen f’dan jekk mhux min hu konxju u sensittiv dwar id-dnub tiegħu? 

 

Ħafna nies lanqas għandhom widnejn biex jisimgħu l-Aħbar it-tajba għax huma jqisu lilhom infushom ġusti, twajbin, ta’ karattru tajjeb, għandhom raġun dejjem.  Mhux għal dawn ġie Kristu.  Mhux lil dawn jeħles.  Allaħares aħna nagħmlu parti minnhom.  Kien għalhekk li Hu qal li l-prostituti u l-publikani kien eqreb lejn Alla minn ħafna li kienu jgħoddu lilhom infushom bħala ġusti, għax dawk tal-ewwel kellhom id-dnub tagħhom ċar u kienu ġġudikati minn kulħadd.  Ma kinux ingannati.  Kienu jafu li kienu għedewwa ta’ Alla u kienu jafu tajjeb kemm hu qares id-dnub u kemm joqtol.  Mhux ħalliel kien l-ewwel li daħal fis-Saltna?  Alla jrid jgħidilna xi ħaġa mportanti b’dan kollu.

 

Versett:  Hallelujah.  Hejju t-triq tal-Mulej u kull bniedem jara s-salvazzjoni ta’ Alla.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  1, 1-8

 

Il-Bidu ta' l-Evanġelju ta' Ġesù Kristu l-Ibenta'Ala.  Bħalma hu miktub fil-ktieb ta' Isaija l-profeta,

 

     ‘Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbâr

     tiegħi biex iħejji triqtek.

     Leħen ta' wieħed jgħajjat fid-deżert:

     Ħejju t-triq tal-Mulej,

     iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu,

 

Hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta' ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.   U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta' Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.

 

Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ.  U kien ixandar u jgħid: "Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu.  Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu."

Last Updated ( Saturday, 16 December 2017 )
 
< Prev   Next >