Sunday, 21 January 2018
           
Home arrow Home
IT-TIELET HADD TAL-AVVENT (2017) IS-SALTNA TA’ ALLA TAL-‘FQAJRIN’ PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 16 December 2017

Din hija il- Liturgija  tat-Tielet Hadd  tal-Avvent ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

saintjohnbaptistxewkija.jpg

 

Il-Misteru tal-Għid jidwi matul l-Iskrittura kollha, matul l-Istorja kollha u saħansitra n-natura tgħix dan il-Misteru ta’ passaġġ, mogħdija, bidla mid-dlam għad-dawl, mill-mewt għall-ħajja, mill-jasar għall-ħelsien. U anke jekk fi żmien il-Milied ħadd ma jiftakar isemmi l-Għid, il-Milied ukoll ikanta l-Għid.  L-Insara tal-Lvant iħobbu jpinġu lil Ġesù tarbija mhux f’maxtura imma poġġut f’kaxxa sewda forma ta’ qabar.  Huma ħafna iktar profondi minna.  Kristu twieled biex imut u jqum mill-mewt!  Kristu ġie biex isir ħaġa waħda mal-fqajrin, ma’ dawk mgħattna mit-toqol tal-ħajja u mis-saqajn tal-vjolenti.  Sar ħaġa waħda magħhom biex miegħu iqajjimhom mill-qabar eżistenzjali tagħhom.  Huma l-fqajrin li jġarrbu l-ferħ tal-Għid. 

 

Dan qed ngħiduh għax il-Milied jitfagħna fil-kumpanija ta’ nies fqar fl-ispirtu; nies li tant kellhom qalbhom maqtugħa mill-kapaċitajiet tagħhom, li ma setgħux ma jerfgħux ħarsithom ’il fuq u hemm raw ħwejjeġ li l-għonja u l-imkabbrin qatt ma setgħu jaraw.  Kienu l-fqar li ltaqgħu ma’ Alla u ġarrbu l-Misteru tal-Għid.  Fqir tassew kien dak l-“Għaġeb tal-Presepju”, il-middieħaq tar-raħal, dak li ħadd qatt ma ħadu bis-serjetà jew qallu kelma ta’ mħabba.  Imma għajnejh raw dak li “għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet x’hejja Alla għal dawk li jħobbuh”.  (1 Kor. 2, 9). L-ebda Nisrani mhu Nisrani veru jekk mhux “mgħaġġeb” jew “mistagħġeb” b’Alla.

 

Ir-ragħajja kienu fqar u anke l-Maġi.  Dawn kienu għonja materjalment u kienu ntelliġenti wkoll, imma kien fqar fl-ispirtu, tant li kellhom għatx li ġegħelhom ifittxu mhux il-flus, lanqas il-fama, u lanqas is-suċċess, imma tarbija, li emmnu li kellha tagħti sens lil ħajjithom u lill-ħajja ta’ tant oħrajn.  Jekk irridu niltaqgħu ma’ Kristu rridu nsiru “fqar fl-ispirtu”.  Min hu l-fqir jekk mhux dak li hu umli?  U min hu umli jekk mhux dak li jaf hu min hu, jaf il-verità dwaru nnifsu, mhux ingannat, u jekk xi ħadd jgħajru “midneb!” iwieġbu: “Kemm tara tajjeb, ħabib!”

 

Dan it-Tielet Ħadd tal-Avvent jissejjaħ “Ħadd il-Ferħ” għax il-Mulej wasal u daqt jidħol fil-qlub fqajrin ta’ dawk li huma sempliċi. Il-ferħ tal-Milied jgħodd biss għal dawn.  Kemm nies għonja m’għandhomx ħila jixtru l-ferħ li Ġesù jiżra’ fil-qalb tal-bniedem “żgħir”! 

 

Il-ferħ hu xi ħaġa misterjuża.  Kull bniedem jgħix ifittex dak li jferrħu u jaħrab dak li jdejqu.  Il-ħolma tal-ferħ u l-eliżir tal-Ħajja hija l-mutur li tat tant enerġija lill-bniedem biex jimxi ’l quddiem f’tant oqsma u jwettaq tant kisbiet pożittivi.  Il-ħolma tal-ferħ imbuttat lill-bniedem ukoll biex jagħti qima lill-idoli.  Hu vvinta allat foloz skont ix-xbiha tal-ferħ li hu jimmaġina, u biegħ ruħu lilhom. Il-bniedem ifittex il-ferħ fix-xorb, fid-droga, fiż-żina, fil-fama, fil-politika... semmi li trid.  Imma fuq kollox, il-flus, l-għana, l-ekonomija, l-hekk imsejhin Mammona, dan sar tassew l-alla veru tad-dinja.  Aktarx li minn dejjem kien.  Kajjin qatel lil ħuh għax ħaseb li Alla kien qed jippreferih u allura kien se jibierku fil-frott tal-art iktar minnu.

 

Il-bżonn ta’ dejjem aktar flus qered il-mod kif konna ngħixu u għaġġel l-eklissi tal-familja.  Ix-xogħol, li qabel kien il-barka tal-familja, issa sar għodda f’idejn ix-xjaten biex ifaqqru r-relazzjonijiet fil-familja.  Ix-xogħol sar kollox u l-mara trid bil-fors taħdem, mhux biex takkwista l-indipendenza, kif tgħid il-midja.  Staqsuhom lill-ommijiet tagħna...  Huma jkollhom jaħdmu biex il-familja tlaħħaq mas-suq.  Ħallejna li niġu marbuta bi ktajjen tad-deheb u bħal Midas li xtaq li kull ma jmiss isirlu deheb, tlifna dak li ma tixtrihx bid-deheb.

 

Imma din hi esperjenza li tista’ tkun pożittiva u li l-bniedem kellu bżonn jagħmel.  Hu li kien skandalizzat bil-faqar u l-ġuħ, emmen li l-ferħ isibu biss fil-flus.  Alla neħħa idU minn fuq ras il-bniedem modern u ħallih jagħmel din l-esperjenza. Alla jaf li l-bniedem se jsib il-baħħ u l-vojt, mhux il-ferħ;  imma aħna lkoll l-istess: jgħidulna li barra minn Alla hemm il-mewt, imma dan nemmnuh biss wara li nkunu esperimentajna aħna.  Allura Alla jħallina ngħoddsu fl-inkwiet bħall-Iben il-Ħali.

 

Mur għidlu ’l-bniedem, li l-ferħ hu ħafna iktar sempliċi, kif diġa semmejna.  Ħafna iktar faċli biex issibu.  Tant hu prezzjuż li ħadd ma jista’ jixtrih u għalhekk Alla jagħtih b’xejn, iqassmu gratis lil min joħroġ idejh biex jilqgħu.  Dan hu Ħadd il-Ferħ, jew Ħadd il-Fqar u l-umli. Dawn jemmnu bla ma jippruvaw jifhmu; l-oħrajn iridu jifhmu biex jemmnu u se jbatu iktar.

 

L-Ewwel Qari

 

Is-silta li għandna mill-profeta Isaija, il-Profeta tal-Avvent, tal-Istennija, tal-Aħbar it-Tajba, nafuha tajjeb għax kienet is-silta li messet lill-Mulej Ġesù meta fis-sinagoga ta’ Nażaret, l-ewwel darba li kkatekiżża, Huwa fetaħ l-Iskrittura jiġi fejn jiġi.  Kienet din is-silta li l-Missier ried li biha jiftaħ il-missjoni tiegħU l-Messija

 

Hija ta’ portanza kbira għalina għax tiġborlna liema hi l-missjoni ta’ Kristu b’risq tagħna, u anke liema hi l-missjoni ta’ kull Nisrani li jikber fl-Ispirtu ta’ Ġesù.  Il-qari se jgħidilna li l-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja biex iwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, biex idewwi lil dawk li għandhom qalbhom miksura, biex iħabbar, ixandar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs u, fl-aħħar, biex jipproklama f’widnejn kulħadd, min irid jisma’ u min ma jridx, is-sena tal-grazzja tal-Mulej. (ara Is. 61, 1w)

 

Qed tindunaw kif huma l-fqajrin il-mira tal-missjoni Messjanika?  Ngħiduha kif inhi: il-bnedmin kollha huma fqajrin; is-sultan fil-palazz u l-ilsir fil-kantina, t-tnejn huma fqajrin; l-għani li dejjem jippranza fuq l-ifjen ikel u jivvinta d-divertiment u jixtri li jrid, u dak il-kap ta’ familja numeruża imma fqira, li kemm kemm idaħħal biżżejjed biex jitma’ lil uliedu, it-tnejn huma fqajrin;  dak li għadu fil-fjur tal-Ħajja u l-ieħor li jaf li minn fuq is-sodda mhux se jqum iktar, it-tnejn huma fqajrin.  Il-problema hi li hawn fqar li jafu li huma fqar, u hawn fqar li jaħsbu li m’għandhom bżonn la ta’ Alla u lanqas tal-bnedmin. Jiġifieri hawn min hu umli għax jaf hu min hu, u hawn min hu supperv għax ma jafx hu min hu.

 

Għal kulħadd ġie Kristu għax kulħadd għandu bzonnu.  Imma se jistagħnew bi Kristu dawk biss li jafu li mingħajru mitlufin. Għall-Mulej, żewġ tipi biss ta’ nies jeżistu: dawk li huma ħajjin għax fittxew lil Alla u sabuH, u dawk li huma mejtin għax qed ifittxu l-ferħ u l-Ħajja fejn hemm biss l-intiena tal-mewt u għalihom hija umiljazzjoni li jammettu li tant huma fqar li għandhom bżonn ta’ Alla.

 

Imma Kristu, waqt li jagħmel tiegħu din il-profezija tal-profeta, jgħix il-ferħ tal-Kelma.  Nimmaġinawh fis-sinagoga ta’ raħlu, għajnejh mixgħulin bil-ferħ veru li jqanqal qalb il-bniedem, għax kien jaf li l-Missier kien libbsu bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattih.  Hu ħassu l-Għarus li nsibu fil-Għanja tal-Għanjiet, li liebes sabiħ, b’kuruna fuq rasu, imur ifittex lill-Għarusa tiegħu u jġibha għall-festa tat-tieġ. (ara Is. 61, 10).

 

Il-Knisja hija l-Għarusa tal-Għarus li hu Kristu.  Il-Knisja hija ffurmata minn nies li qatt ma jgħejjew ifittxu lill-Għarus u qalbhom tħabbat għal dak il-mument meta fl-aħħar se jarawh u jħaddnuh magħhom.  Fil-Għanja tal-Għanjiet, l-Għarusa tokrob waqt li tgħid: “Jien fittixt lill-Maħbub ta’ qalbi; o kemm fittixtu mingħajr ma sibtu.  Imma sa fl-aħħar sibt lill-Maħbub ta’ qalbi u jien għannaqtu miegħi u ma jien se nitilqu qatt!”  (ara Għan. 3, 1.4).  X’differenza mill-karikatura li għandhom ħafna tal-Mulej!

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  61, 1-2a,  10-11

 

 L-ispirtu ta' Sidi l-Mulej fuqi,

għax il-Mulej ikkonsagrani,

biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

bagħatni ndewwi l-qalb miksura;

biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;

biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej,

 

Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej,

taqbeż bil-ferħ ruħi b'Alla tiegħi.

Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,

bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,

bħal għarus imżejjen b'kuruna,

bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

 

Bħalma l-art tnibbet,

bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,

hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija,

quddiem kollha kemm huma l-ġnus.

 

 

Salm Responsorjali

 

Il-Kristjaneżmu huwa rigal għal dawk li huma fqar fl-ispirtu.  L-isbaħ warda fil-ġnien tal-fqar, il-fjur tal-poplu ta’ Iżrael, il-kburija u ż-żina tal-poplu Lhudi hi Marija ta’ Nazaret.  Dan qed ngħiduh mhux biex inpinġu xi perfezzjoni li fil-fatt qatt ma eżistiet, bħalma prova jagħmel Dante b’Beatriċe tiegħu.  Marija uriet il-faqar spiritwali tagħha, l-umiltà profonda, uriet li kienet xogħol tal-għaġeb magħmula mit-trab u mit-tafal, fil-waqt tat-Tħabbira li rċeviet.  Diġa semmejna xi ftit, li dak li jifred lill-umli mill-kburi huwa l-fatt li l-umli lest jemmen bla ma jifhem, waqt li l-kburi jrid l-ewwel jifhem, imiss b’bidu, biex jemmen.

 

Marija tpoġġiet quddiem misteru li l-ebda bniedem qatt ma ssopona.  Hi kellha tkun Omm il-Mistenni, il-Midluk, il-Messija, bla ma jkollha x’taqsam ma’ raġel.  Abraham b’xi mod qorob lejha, imma qorob biss, meta emmen li mill-ġuf sterili ta’ martu xiħa kellu jitwieled iben.  Imma quddiem Marija tpoġġa dan ix-xenarju: li t-tarbija tagħha kellha titwieled mingħajr l-att taż-żwieġ għax it-tqala li kienet mistiedna tilqa’ fi ħdanha kien se jkun opra divina, xogħol l-Ispirtu s-Santu.  Meta qalet: “Ħa jsir minni skont Kelmtek!”  (Lq. 1, 38), Marija ħarġet min-natura u ntelqet għal kollox f’dirgħajn dak li ma jidhirx u ma jinftihemx.

 

Il-frott ta’ din il-Fidi umli kien il-ferħ li se nilmħu xi ftit fil-kliem ta’ Marija nfisha, fil-Magnificat, li llum se jieħu post is-Salm Responsorjali.  Marija tfaħħar il-kobor tal-Mulej, għax indunat li Hu kien fidil magħha, għax għarfet li tassew kienet ħarġet tqila mingħajr l-intervent ta’ raġel.  Hi skopriet li dan kollu ma kienx ġenn ta’ moħħha imma tassew mogħdija tal-Mulej minn ħajjitha.  Hija tifraħ għax iċ-ċokon tagħha, l-umiltà tagħha, flok ma xekkluha milli tilħaq il-milja tal-ferħ, kienu huma li fetħulha t-triq.  Anzi, Marija kienet konvinta li kull ġenerazzjoni kienet se tfaħħarha u ssejħilha mbierka!  X’waħda din!  Tfajla fqira, jiġi muri lilha, li kull ġenerazzjoni ta’ bnedmin minn kull naħa tad-dinja, kienet se ddur lejha, u tqima!

 

Hija wkoll turi x’kienet l-esperjenza tagħha ta’ Alla.  Hija skopriet li Alla kien favur iż-żgħir, l-emarġinat, dak li ma jġiblekx sudizzjoni u m’hemmx għalfejn toqgħod attent kif se ġġib ruħek quddiemu.  Alla kien maċ-ċkejken li ħadd ma jħoss il-bżonn li jsellimlu u jimpressjonah u jfittex il-prosit mingħandu.  Alla hu ma’ dak li hu waħdu, għax ħadd ma jfittxu, għax mhu xejn.  Il-Glorja ta’ Alla hi li lil dawn jimlihom bil-ġid, b’kull ġid, waqt li lil dawk li jaħsbu li huma xi ħaġa jħallihom iduqu l-ġuħ tal-imħabba, l-ġuħ tan-nuqqas ta’ ferħ u sliem.

 

Ritornell:  L-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-Salvatur tiegħi.

 

Luqa 1, 46-50,  53-54

 

Mbagħad qalet Marija:

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,  

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f'Alla s-Salvatur tiegħi, 

għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

Iva, minn issa 'l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,

 

Għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar ;

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f'kull żmien

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Mela b'kull ġid lil min hu bil-ġuħ,

u l-għonja bagħathom 'il barra b'xejn.

Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,

għax ftakar fil-ħniena tiegħu,

 

 

It-Tieni Qari

 

Kun af li meta wieħed jistiednek biex iddur lejn il-Mulej, huwa jkun qiegħed jistiednek għall-Ferħ.  Fuq dan hija bbażata l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida tal-Knisja li tant għandna bżonn.  Bil-konvinzjoni kollha u bil-kuraġġ u bl-awtorità li tiġi mill-Ispirtu s-Santu, dawk li jxandru lil Kristu għandhom, wiċċhom minn quddiem, jistiednu lin-nies għall-ferħ, konvinti li dawn in-nies pruvaw isibu l-ferħ kullimkien imma ma sabuhx.  Kull tip ta’ dieqa ġej mill-qagħda miżerabbli ta’ dnub li ninsabu fiha.  Dan id-dnub hu wieħed: id-dubju li nżera’ f’moħħ il-bniedem fil-Ġnien tal-Għeden dwar jekk Alla jħobbux jew le, dwar jekk Alla jeżistix jew le, dwar jekk hux kollox kumbinazzjoni jew le.  Dan huwa d-Dnub veru, missier id-dnubiet kollha, l-għerq ta’ kull ħażen.

 

Għax malli l-bniedem joħroġ miċ-ċertezza, mill-“Assurance”, kif isejħulha t-teoloġi Ngliżi, mill-ewwel isib ruħu mhedded minn ħafna affarijiet, l-aktar mill-Mewt.  Il-Mewt hi xi ħaġa misterjuża, għax hi mhix biss it-tmiem tal-ħajja fiżika, tal-ġisem, imma hi monstru li jidher kuljum quddiemna, xjuħ u żgħazagħ.  Din hi l-mewt hekk imsejħa “ontika”, il-mewt psikoloġika... kelma li tnigges u toqtlok, atteġġjament ta’ xi ħadd irrabbjat għalik, inġustizzja li saritlek, gidba fuqek... l-affarijiet kollha li lill-bniedem jisirqulu l-Ħajja.  Inti tibqa’ tiekol u torqod, taħdem u tistrieħ, tilgħab u theda b’xi ħaġa, imma int qed tieżisti biss għax xi ħadd qatlek, mhux b’sikkina imma b’xi ħaġa oħra.  Dan hu l-bniedem imwieled minn Adam.  Din hi n-natura li, bla ma ridna aħna writtna.

 

Dak li jħabbar lil Kristu, jħabbar il-kontra ta’ dan.  Jekk dan kollu li semmejna fetaħ ferita tnixxi l-Ħajja l-ħin kollu, il-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu tnixxifhielek.  Għax fi Kristu jidher il-Missier kollu Mħabba.  Kristu jgiddeb il-gidba tal-bidu.  Alla hu miġnun fuqek u lest li jaqleb l-univers ta’ taħt fuq biex jaħtfek mill-infern t’hawn u li għandu jiġi.  Mhux se jħallik, tgħid, Missierek tintilef għal dejjem!  Fi Kristu kulħadd huwa salv.  Kulħadd!  Imma x’naqbdu ngħidu?  Hawn jidher il-Misteru tal-libertà tal-bniedem.  Hemm min qatt u qatt, sal-aħħar nifs, ma jasal biex jemmen li hu maħbub b’dan il-mod.  Allura kif tista’ tinxiflu l-ferita tal-mewt li hemm f’qalbu?

 

Pawlu kien bniedem imdawwar bit-tiġrib, bl-inkwiet, bit-tbatijiet fiżiċi u spiċċa maqtul bħala kriminal, bħal Dak li emmen fih.  Imma Pawlu kien bniedem ferħan.  Kull darba li kien jikteb xi ittra dejjem kien jikteb kważi l-istess ‘introduction’, l-istess daħla.  Huwa jrodd ħajr lil Alla talli kien għażlu bla ma ħares lejn wiċċu, l-ewwel nett biex jiskopri din l-Imħabba divina fi Kristu msallab u maqtul għalih, u mbagħad billi onorah għax għamlu evanġelista, messaġġier li jwassal l-Aħbar it-Tajba lill-ġnus.  Hu li kien jaf min kien meta kien żagħżugħ, baqa’ mbellah sal-aħħar bil-ġenerożità ta’ Alla miegħu.  U dan hu l-ferħ.  L-istess kif kienet imbellha Marija bil-ġenerożità ta’ Alla magħha.

 

Għalhekk hu jistieden lid-dixxipli tiegħu kullimkien biex jgħarfu kemm huma xxurtajti u biex jifirħu u jifirħu dejjem.  Hu u huma kellhom ġerħa daqshiex f’qalbhom li ġiet imnixxfa mill-ungwent tal-Imħabba ta’ Kristu.  Għalhekk il-ferħ hu bil-fors għand in-Nisrani.  Kif jista’ jkun hemm Nisrani mdejjaq u bil-geddum u dejjem igerger jekk tassew emmen li hu maħbub fil-qies ta’ dak li ġara fuq il-Kalvarju b’risq tiegħu.  Dejnu tħallas kollu.  Gratis.  Bla ma stenna xejn mingħandna, Alla għamilna għonja fi Kristu.  Jekk dan kollu mhux ir-rejaltà f’ħajjitna, dan ifisser li għadna ma ltqajniex ma’ Kristu.  Ma jimpurtax.  Jekk tħossok miġbud jew miġbuda lejH, kun af li din diġa hi Grazzja, u li Alla ma jibdiex xi biċċa xogħol u jitlaqha nofs leħja.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin.  5, 16-24

 

 Ħuti : Ifirħu dejjem

itolbu bla heda,

iżżu ħajr lil Alla f'kollox.

 

Ixxekklux l-Ispirtu, tmaqdrux il-profezija,  ippruvaw kollox; it-tajjeb żommuh,  u, fuq kollox, warrbu kull xorta ta' ħażen.

 

 U Alla tas-sliem iqaddiskom f'kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa fl-ispirtu, fir-ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu.  Fidil hu Alla li sejjħilkom, u huwa jagħmel dan.  

 

 

Evanġelju

 

L-Evanġelju meħud minn San Ġwann jagħti l-isbaħ definizzjoni ta’ xi jfisser tkun Nisrani: “wieħed li jixhed għad-Dawl”.  Din id-diskrizzjoni, Ġwanni l-Evanġelista jagħtiha għal Ġwanni l-Prekursur ta’ Kristu, li huwa xbieha tan-Nisrani. In-Nisrani mhux Dawl, anke jekk Kristu jsejjaħ lid-dixxipli tiegħu: “Intom id-Dawl tad-Dinja” (Mt. 5, 14).  In-Nisrani jixhed għad-Dawl u iktar kemm jikber fil-Fidi u jsir jixbaħ lill-Imgħallem tiegħu, iktar iħalli d-Dawl tal-Imgħallem jgħaddi minn ġewwa fih.  Għax id-Dawl wieħed hu, Kristu Ġesù, il-waħdieni li miet għalik u qam biex jidher quddiem il-Missier jiddefendik u jiġġustifikak, kemm-il darba int temmen tassew fiH. 

 

Ġwanni ma kienx hu d-Dawl imma wieħed li jixhed għad-Dawl.  Kemm hemm bżonn ta’ xhieda qawwija għad-Dawl veru fis-soċjetà tagħna tal-lum.  Min huma dawn ix-xhieda?  Huma l-fqar fl-Ispirtu.  Fqar għax jafu li huma ma humiex Dawl imma huma nies li jħallu d-Dawl jinfiltra b’qawwa minn ġo fihom.  Huma jgħinu d-Dawl jasal fl-irkejjen kollha tal-art. Huma mportanti għall-Mulej, imma huma jidhru bħal xejn f’għajnejhom stess.  San Ġwann, il-Ħabbar, jgħid “Jien anqas jistħoqqli nħollu l-qafla tal-qorq.”  (v. 27).  In-Nisrani jaf li jekk jinqata’ miz-zokk li hu Kristu, hu jinxef u ma jkun jiswa għal xejn akar ħlief għall-ħruq.  Bħall-melħ li jaqta: mhu tajjeb għal xejn aktar ħlief biex jintrifes min-nies.

 

Għalhekk il-veru dixxiplu ta’ Ġesù għandu fih il-biża’ ta’ Alla, li hu rigal kbir tal-Ispirtu s-Santu.  Hu jibża’ li jinqata’ miz-zokk li minnu jerda’ l-Ħajja u li hu Ġesù, jew li jsir melħ maqtugħ li lanqas għad-dinja ma jibqa’ tajjeb.  Jintrema.  Il-kburi m’għandux dan il-biża’.  Lanqas biss jaf hu min hu.  Huwa ngannat.  Imma n-Nisrani jaf li biex jiswa għal xi ħaġa, biex ħajtu ma ssirx falliment komplet, hu jrid jiggranfa mal-Imgħallem tiegħu u kuljum jisma’ l-ħoss ġo fih jistiednu biex jikkonverti.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  1, 6-8,  19-20

 

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla,

jismu Ġwanni.

Dan ġie bħala xhud,

biex jixhed għad-dawl,

biex bih kulħadd jemmen.

Ġwanni ma kienx id-dawl,

imma ġie biex jixhed għad-dawl,

 

Ix-xhieda ta' Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta' Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh, "Int min int?", hu stqarr bla ma ċaħad: "Jien m'iniex il-Messija."  Huma reġgħu staqsewh: "Mela min int? Elija?" "M'iniex," qalilhom. "Int il-Profeta?" "Le," weġibhom.  Mbagħad qalulu: "Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?"  U hu wieġeb kif qal  il-profeta Isaija:

 

               “Jiena leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert.

               ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ 

 

Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej.  Huma staqsewh: "Mela kif qiegħed tgħammed la m'intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?"  "Jiena ngħammed bl-ilma," weġibhom Ġwanni, "imma f'nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx,  u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu."  Dan ġara f'Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

 

Last Updated ( Saturday, 16 December 2017 )
 
< Prev   Next >