Sunday, 21 January 2018
           
Home
R-RABA’ HADD TAL-AVVENT (2017) MILIED TA’ DEJJEM PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 23 December 2017

Din hija il- Liturgija  tar-Raba' Hadd  tal-Avvent ( 2017 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

anglu_gabriel.jpg

 

Kemm-il darba semmejna f’dawn il-kitbiet li hemm differenza, baħar jaqsam, saħansitra abbiss fond bejn ir-reliġjożità u l-Kristjaneżmu, jiġifieri l-Fidi adulta fi Kristu.  Hemm bżonn li nitkellmu ħafna fuq dan għax qabel l-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, qabel ma’ Alla nnifsu, f’Ġesù ta’ Nażaret, libes ġisem ta’ bniedem, kienet teżisti r-reliġjon.  Imma kieku s-sens reliġjuż tal-bniedem kien biżżejjed, xi bżonn kellu jkun hemm biex Alla jwettaq dan il-Misteru hekk kbir?  Xi bżonn kien ikun hemm għad-dehra ta’ Kristu fostna?  Sinjal li r-“reliġjon” ma kinitx risposta tajba biżżejjed biex teħles lill-bniedem minn tant jasar, tant kumplessi, tant kondizzjonamenti li ma jħalluhx jgħix ħajja ferħana u fil-paċi.

 

Ir-reliġjon twieldet mal-bniedem.  Dan, għaliex il-bniedem huwa ħlejqa reliġjuża, jgħidu xi jgħidu dawk li qed imexxu kemm jifilħu ’l quddiem il-kultura sekularista u ateja.  Il-bniedem jitwieled b’istint reliġjuż ġewwa fih, istint li jġagħlu jagħmel mistoqsijiet profondi dwar l-eżistenza tiegħu, istint li jġagħlu jħares ’il fuq lejn l-ispazju sieket biex ifittex minn fejn ġie u fejn hu sejjer.  Illum il-bniedem qed jipprova jikkonvinċi lilu nnifsu li l-flus, il-kumdità, ix-xiri, il-ħafna modi kif tqatta’ l-ħin, huma biżżejjed biex jagħtu sens lill-ħajja, u m’għandek bżonn xejn iktar.  Imma l-ħajja moderna qed tagħmel lill-bniedem aktar għaref għax qed jinduna bil-vojt li hemm ġewwa fih li xejn minn dan ma jista’ jimla.

 

 

Il-bniedem jista’ jaljena ruħu kemm irid, u bosta jagħmluh dan.  Anzi jinqdew bl-istint reliġjuż tagħhom u joħolqu reliġjon għalihom, allat foloz li toffrilhom id-dinja.  Hawn min jagħmel reliġjon mill-flus, tant li l-banek saru sbieħ qishom tempji!  Hawn min jagħmel reliġjon mill-isport, mill-karriera... minn elf ħaġa.  Il-bniedem iħoss il-ġibda lejn il-Misteru ta’ Alla, imma jfittxu f’affarijiet li jbegħduh minn Dak il-Kollox li jkun ifittex.  Kemm nies, jaħasra, jasla fil-punt tal-mewt, iħarsu lura, u jindunaw li ħarqu ħajjithom fix-xejn; ġew darba hawn u tilfu ċ-ċans li jgħixu tassew!

 

Ir-reliġjożità naturali fil-bniedem ħalaqhielu Alla u għalhekk hi ħaġa tajba għax ħaġa naturali.  Fi ftit kliem hi l-isforz tal-bniedem li jagħraf lil Alla bil-ħila tiegħu.  Fir-reliġjożità, mill-bniedem hu mistenni kważi kollox, u hu jitlob l-għajnuna ta’ Alla biex jissupera dak li hu aqwa minnu.  Il-bniedem hu fiċ-ċentru u fl-aħħar mill-aħħar kollox jiddependi minn x’kapaċi jagħmel hu, kemm kapaċi jkun tajjeb u bravu hu.  Hu ċar li dan kollu jpoġġi responsabiltà enormi fuqu u madmad tqil wisq.  Jista’ jkun li l-mewġa ta’ anti-reliġjożità li għaddejja minn fuq ħafna nħawi fid-dinja fi żminijietna hi kollha kemm hi reazzjoni għal dan it-toqol; attentat ta’ ħelsien mill-bniedem mir-reliġjożità tiegħu stess.

 

Fil-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi.  Għadda ż-żmien tar-reliġjonijiet mal-wasla tat-tarbija fil-belt ta’ Betlehem fil-Lhudija, anke jekk ir-reliġjonijiet baqgħu jinbtu sal-lum.  Issa tnieda żmien l-Aħbar it-Tajba ta’ Alla. Il-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja u hekk issa huwa Hu li jintervjieni.  Mhux iktar il-bniedem fiċ-ċentru, imma Alla fi Kristu.  Mhux iktar l-isforżi tal-ħlejjaq, imma l-Grazzja, ir-rigal li Alla jagħti b’xejn saħansitra lill-midinbin l-aktar ostinati.  Xejn mhu mitlub mill-bniedem ħlief li jemmen, imma anke dan hu rigal ta’ Alla.

 

Ir-reliġjożità li l-bniedem kien imdorri bija, u għadu sal-lum għax jitwieled biha, hu jifhimha għax hi naturali.  Imma l-Aħbar ta’ Kristu jifhmuha biss dawk li tinagħtalhom bi Grazzja, għax mhix naturali... hi kbira wisq biex tissejjaħ hekk.  Hi sopranaturali!  Għax ġejja minn Alla u mhix mill-bniedem.  Din l-Aħbar dejjem “ġdida” tgħid li Alla bagħat lil Ibnu mhux għat-tajbin biss, għax anke dawn kellhom bżonnu mmens, imma l-aktar għall-ħżiena, għal dawk li ma kien jistħoqqilhom xejn.  Imma tant hi kbira din l-Aħbar li twieldet ġo maxtura, li anke t-tajbin u l-ġusti ma kinitx tixirqilhom. 

 

Din l-Aħbar tgħid li l-veru madmad, il-vera tbatija tal-bniedem huwa d-dnub li jifirdu minn Alla u ma jħallihx jinduna li hu maħbub u li ġie maħluq għal dejjem minn Imħabba li hi mpossibbli li jifhimha bil-ħila tiegħu. Il-bniedem ġie maħluq biex iħobb u l-Imħabba kapaċi tissaporti kollox. Meta hu fl-Imħabba l-bniedem jissaporti kollox bla ma jgerger għax fl-Imħabba kollox għandu sens.  Imma l-bniedem ġie rvinat minn suspett li daħallu f’moħħu dwar Alla Missieru.  Minn hemm ’il quddiem beda jitħasseb dwar jekk Alla kienx miegħu jew kontra tiegħu quddiem kull tip ta’ tbatija li hi tant naturali għall-ħolqien.  Qabel kien jidħol fit-tbatija bla ma jirvilla għax qalbu kienet maħbuba minn Dak li ħalqaqha.  Imma wara l-waqgħa tal-bniedem, ix-xogħol sar tbatija, li mara tiled saret tbatija... mhux għax qabel dan kollu ma kienx jeżisti, imma huwa issa, fil-qagħda ta’ Dnub, li din it-tbatija bdiet toqtlu lill-bniedem.  U hekk, fuq kollox, dehret il-mewt, li anke din kienet xi ħaġa naturali, bidla ta’ ħajja, minn din id-dinja għas-Sema, imma li issa saret it-terrur ta’ ħajtu.

 

Il-bniedem beda jgħix f’ċirku ta’ theddid.  Araw jekk hux veru li minn tarbija sa raġel xiħ, kulħadd għandu sitwazzjonijiet li jhedduh, li jipprova jevitahom b’kull mezz.  It-tarbija tibki u twerżaq, ix-xiħ jokrob għall-għajnuna. F’din il-qagħda sirna lkoll egoisti bla ma hu tort tagħna.  L-egoiżmu hu l-kontra tal-Imħabba.  Fl-egoiżmu hi mpossibbli l-Imħabba. 

 

Hu Alla biss u waħdu li jurina x’inhi l-Imħabba.  Il-bniedem għandu ngann kbir fuq dan.  Jaħseb li l-Imħabba hi emozzjonijiet u sentimenti, ġibda lejn xi ħadd jew xi ħaġa li togħġbok, imma jekk ma togħġbokx ma tagħtix kasha.  Saħansitra jaħseb li l-Imħabba hija perverżjoni sesswali.  L-Imħabba li għaliha ġejna maħluqin hi Mħabba dejjem u għal kollox u kulħadd.  Imħabba għal min jogħġobna u ma jogħġobniex.  Imħabba li qatt ma tista’ ssir mibegħda bħalma jsiru tant imħabbiet tad-dinja.  Imħabba li hi ħelsien mill-egoiżmu, mill-“Jien” li jtaqqal tant, Imħabba li tinagħta u tinagħta, mhux bil-fors imma għax tħobb.  U dan hu l-ferħ veru, u barra minn dan m’hemmx ferħ veru.

 

Imma min jista’ jakkwista dan bil-ponnijiet tiegħu?  Ħadd.  L-ebda maħluq.  Din mhix iktar reliġjon jew reliġjożità. Din hi l-Grazzja l-Kbira li l-Missier jixtieq jagħtina f’Ibnu.  Għax din l-Imħabba li hi l-Ispirtu s-Santu, tiġi għand dawk li jemmnu fl-Iben. U x’nemmnu fiH?  X’inhu mitlub minna li nemmnu?  Nemmnu fil-Misteru tal-Għid tiegħU.  Għax il-Missier uriena li s-suspett li għandna f’moħħna dwarU u dwar dak li jista’ jiġrilna, jitħassar żgur jekk nemmnu li Hu jħobbna daqshekk li ħalla lil Ibnu jieħu fuqU l-konsegwenzi kollha tad-dnub tad-dinja.  Hu xorob fiH innifsu l-mewt, il-biża’, l-egoiżmu li jiġi mill-biża’ u l-inkapaċità li nħobbu.  Dawn is-saħtiet kollha, Kristu xorobhom fiH, bħalma karta xuga tixrob l-ilma li jisparixxi fiha, biex min jemmen dan, jinħeles, u mhux biss jinħeles, imma wkoll tinagħtalu natura ġdida, jsir bniedem ġdid, bniedem li kapaċi jagħmel bla sforz dak li qabel tant kien jitqanżaħ biex jagħmel xi ftit, bir-reliġjożità miskina tiegħu.

 

Huwa tant importanti li nemmnu dan u nifhmu l-‘background’ tal-Pjan ta’ Alla għalina, biex nifirħu bi spirtu veru għat-twelid meraviljuż ta’ din it-tarbija ġo għar qalb l-għelieqi ta’ Betlehem. L-istess raba’ fejn aktarx li t-tfajjel David, l-antenat fiżiku ta’ Ġesù, kien jgħasses fuq in-ngħaġ ta’ missieru u qatel l-annimali slavaġ li attakkawhomlu; l-istess bħalma dik it-tarbija kellha tirgħa merħliet kbar ta’ bnedmin u titqabad mal-ħażen għalihom.

 

L-Ewwel Qari

 

Bl-inkarnazzjoni ta’ Alla fil-ġisem ta’ Ġesù ta’ Nazaret, Alla kien qed iwettaq xi ħaġa li kienet skont il-mod kif jaħdem, dejjem jissorprendi lill-bniedem bil-ġenerożità tiegħU.  Fl-istint reliġjuż tiegħu, il-bniedem jara x’jagħmel u x’jivvinta biex min għalih jissodisfa lil Alla, li mhux lakemm tissodisfaH.  Jibnilu tempji, jivvintalu reliġjonijiet, iwettaq il-penitenzi u sagrifiċċji ta’ tpattija għal dnubietu... imma midneb kien u midneb baqa’. 

 

Anzi l-bniedem jistagħġeb quddiem il-fallimenti spiritwali tiegħu, quddiem id-dagħbien li jifirdu mill-qdusija ta’ Alla.  Bħalma wieħed Nisrani ta’ veru kiteb: “Tolqotni d-dgħufija totali tiegħi.  Mulej Ġesù, ikollok ħniena minni!  La tħallix li nitkabbar.  Jien miżerabbli, u int timlieni bil-grazzja tiegħek, bit-tenerezza tiegħek, b’imħabbtek u bi ħnientek.  Inti tikkonċedili, bla ma jistħoqqli, li nimxi fuq il-passi tiegħek.  Minn grazzja għal grazzja, minn rigal għal rigal, minn sorpriża għal sorpriża f’imħabbtek tal-għaġeb, u jien... ma nafhulekx, midneb.  Għinni int, Mulej!  (‘Annotazzjonijiet’, Nru 20 – Kiko).

 

Tassew l-Alla tagħna hu l-Alla tas-sorpriżi u jien ma nixbax ngħid li fix-xena tal-presepji tagħna l-iktar wieħed li jirrappreżenta lin-Nisrani veru huwa ‘l-Għaġeb tal-Presepju’.  Il-bniedem jitbellah b’li jara u jġarrab minn Alla.  Il-bniedem jaħti fuq li jaħti, u titwieled tarbija, u Alla Magħna!  Ir-reliġjożità tgħidlu li d-dnub ħaqqu l-kastig, u ekku, l-bniedem li jgħaraf dnubu jibqa sorpriż għax b’risposta għad-dnub tiegħu titwieled tarbija li fiha u biha Alla jieħu fuqU s-saħta tad-dnub tal-bniedem.

 

David kien bniedem għal qalb Alla mhux għax kien ġust jew qaddis.  Liema bniedem huwa ġust jew qaddis minnu nnifsu?  Kollox Grazzja.  Kollox rigal.  David kien għal qalb Alla għax hu li kien midneb, għaraf lilu nnifsu bħala midneb, u ara ma naħsbux li din hi xi ħaġa faċli, bil-qrar kollu tagħna!  Li l-bniedem jitmiegħek mal-art quddiem Alla minħabba ħżunitu, hi Grazzja kbira, Miraklu Morali.  David kellu kapaċità kbira li jidneb, imma kien umli.  Kien jaf min kien.

 

Prova jogħġob lil Alla billi jibnilu Tempju f’Ġerusalemm.  Dan hu l-istint tal-bniedem: li jagħmel xi ħaġa biex jgħaġġeb lil Alla bi tjubitu.  Alla jurih il-verità.  “Int bniedem midneb wisq biex tagħmel din il-biċċa xogħol.  Int bniedem tad-demm!”  Imma issa tidher in-natura ta’ Alla; ir-rejazzjoni tiegħu quddiem il-midneb li jaf ix-xejn tiegħu.  Jgħidlu: “Huwa jien li nibnilek dar, mhux int tibni dar lili!”  (ara 2 Sam. 7, 11). 

 

Ekku s-sorpriża ta’ Alla!  Alla jsikket lil David u bħal donnu jgħidlu biex ma jippruvax jixtri l-Imħabba tiegħu, għax Hu ġa jħobbu hekk kif kien, tant dgħajjef.  Kien se jibnilu Dar, jiġifieri kien se jibnilu lil familtu, lir-razza tiegħu biex tibqa’ għal dejjem għax minnha kellu joħroġ is-Salvatur tad-Dinja.  Dan kien l-isbaħ mod kif Alla seta’ juri mħabbtu lejn David li kien imdawwar bl-għedewwa u lanqas kien ċert jekk kienx se jibqa’ Sultan ġimgħa oħra.

 

Is-sorpriża ta’ Alla għalina hi ferm ikbar.  David ma ra xejn ħdejn dak li rajna aħna, in-nies tat-Testment il-Ġdid.  Aħna rajna lil Alla nnifsu jsir tarbija.  Aħna rajna lil Alla nnifsu jiġri mat-toroq tagħna u jxerred l-għaraq tiegħu jagħmlilna l-ġid.  Aħna rajna lil Alla nnifsu mġiegħel minna jimtedd fuq salib u ma jiqafx lill-ħażen tagħna tant li dendilnih bl-imsiemer ma’ għuda.  Lil Alla nnifsu!  Imma aħna wkoll rajna lil Alla nnifsu jirbaħ il-mewt għalina b’risposta għall-ħażen tagħna; u aħna konna li rajna xi jfisser dan kollu.  Ħdejn dan, David ma ra xejn.  Għalhekk dwar Ġwanni l-Battista li kien l-aħħar figura tat-Testment il-Qadim, Kristu li qal li kien l-aqwa mwieled min-nisa, qal ukoll li l-iżgħar wieħed fis-Saltna hu ikbar minnu.  (Lq. 7, 28).  Dan hu tal-għaġeb, u lanqas biss nindunaw!

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel.  7, 1-5.  8b-12.  14a. 16

 

Meta s-sultan David mar joqgħod f'daru, u l-Mulej serrħu mill-għedewwa kollha ta' madwaru, is-sultan qal lil Natan il-profeta: “Issa, ara jiena qiegħed f'dar taċ-ċedru, u l-arka ta' Alla qiegħda f'nofs ta' tinda!”  U qal Natan lis-sultan: “Kull ma għandek fi ħsiebek li tagħmel, mur agħmlu, għax il-Mulej miegħek.”  Imma dak il-lejl stess ġiet il-kelma tal-Mulej lil Natan u qallu:     “Mur għid lill-qaddej tiegħi David: 'Dan jgħid  il-Mulej: Se tibnili int dar biex noqgħod fiha?

 

Ara, jiena ħadtek  mill-mergħat minn wara l-imrieħel biex tkun prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael.  Dejjem kont miegħek f'kull ma kont tidħol għalih; u meta int qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Issa jiena nibnilek isem kbir jixbaħ l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja.   Nagħmel post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn jgħammar bla biża', u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħalma għamlu sa minn dejjem, jiġifieri sa minn meta qajjimt l-imħallfin fuq il-poplu tiegħi Iżrael; u nserrħek mill-għedewwa tiegħek kollha.

 

‘Lilek    imbagħad,   il-Mulej   jagħtik   kelma  li    jibnilek   dar. 

 

U meta inti ttemm żmienek, u tkun striħajt ma' missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu.  Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben. Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqa' sħiħ għal dejjem.' ”

 

Salm Responsorjali

 

Hemm bosta Salmi ta’ tifħir u radd il-ħajr lil Alla, miktuba, xi wħud minnhom minn David innifsu, imma mhux kollha.  Kemm David u kemm dawk li kitbu s-Salmi l-oħra, kienu bnedmin li kellhom esperjenza qawwija u mill-qrib ta’ Alla, u din qanqlet fihom sentiment ta’ stagħġib quddiem l-Imħabba dejjiema anke meta hi traduta ta’ Alla. 

 

Dan is-sentiment jimbotta lill-bniedem biex jinfexx f’tifħir.  Hu jinqeda bl-għodda dgħajfa tal-kliem li ħafna drabi mhux biżżejjed biex jesprimi dak li jħoss meta huwa jagħraf tassew Alla min hu.  Imma xorta waħda s-Salmi jimpressjonawna, imma l-aktar li jdoqqu huma għal dawk li daqu, mqar f’qies żgħir l-Imħabba u l-ġenerożità ta’ Alla.  Dan ma jfissirx li Alla jneħħi s-Salib mill-Ħajja ta’ dak li jkun.  David kien f’ras il-għajn fix-xena ta’ Iżrael għal aktar minn erbgħin sena u dan swielu li għadda minn bosta u bosta saram u traġedji. Il-familja stess tiegħu, li hu tant kien iħobb, ġagħlitu jbati mmens. 

 

Imma li jkollok esperjenza ta’ Alla hu ’l fuq minn dan.  Alla jmisslek qalbek u int timtela bil-ferħ, anke jekk l-affarijiet ta’ madwarek imorrulek għall-agħar.

 

Lil David, Alla tah intimità, tant li kien l-ewwel li beda jsejjaħlu “Missier!”  Din hi s-sigurtà li kull bniedem jixxennaq għaliha.

 

Ritornell: Irrid dejjem ngħanni tjubitek, Mulej.

 

Salm 89

 

It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni;

f'kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.

Għax jien għedt: "Tjubitek tibqa' sħiħa għal dejjem;

bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek."

 

"Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,

ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:

'Jien nagħmel li nislek jibqa' għal dejjem,

li f'kull żmien jibqa' sħiħ it-tron tiegħek.' "

 

Hu jsejjaħli: Int missieri u Alla tiegħi,

fortizza u salvazzjoni tiegħi!

It-tjieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,

u l-patt tiegħi miegħu jibqa' sħiħ.

 

It-Tieni Qari

 

San Luqa kien l-iktar Evanġelista li jiddiskrivi  bid-dettal it-twelid ta’ Kristu f’Betlehem, u hu kien is-sieħeb ta’ Pawlu f’ħafna mill-vjaġġi li għamel biex ixandar l-Evanġelju.  Għalhekk nistgħu nobsru li Pawlu kien infurmat tajjeb ħafna fuq id-dettalji tal-ġrajja tal-Milied, anke jekk hu qatt ma jsemmiha fl-Ittri tiegħu.  Imma Pawlu lir-Rumani jiktbilhom dwar xi ħaġa ferm interessanti: jitkellem dwar Kristu bħala revelazzjoni tal-misteru moħbi fis-skiet tal-eternità.  (Rum. 16, 25).  Alla minn dejjem kellu f’moħħu Pjan qaddis biex bih isalva lil kulħadd, imma dan il-Pjan kien moħbi għandu fis-skiet taż-żmien, fis-skiet tal-ispazju bla tarf.

 

Imma f’daqqa waħda, dan il-Pjan tfaċċa f’ġuf ta’ tfajla verġni, Pjan xogħol kollu kemm hu ta’ Alla bla ntervent ta’ bniedem, mingħajr l-għajnuniet “reliġjużi” tal-bniedem.  Biċċa xogħol totalment ta’ Alla.  Il-Pjan deher ġo għar tal-annimali f’tarbija.  Din it-tarbija kienet il-Pjan moħbi fis-skiet tal-eternità, kif jgħid San Pawl.  

 

Huwa Pjan stupend; tant hu kbir li, bħan-nemlu li jara ż-żrara ta’ quddiem bla ma jintebaħ bil-muntanja li hemm qribu, il-bniedem ma jistax jifhmu mingħajr il-Grazzja.  “Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux.  Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx.”  (Ġw. 1, 10-11).  Kif tista’ d-dinja tagħraf li f’din it-tarbija hemm tgħammar is-setgħa li ħalqitha, u mhux lilha biss imma l-ispazju kollu!  Kif jista’ n-nemlu jara l-muntanja!  Il-kruha hi li fis-suppervja tiegħu, in-nemlu jgħid li mhux veru li teżisti l-muntanja!  Naturalment mhux fuq in-nemel qegħdin nitkellmu…

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  16, 25-27

 

 Lil Alla li għandu l-qawwa

 li jwettaqkom fl-Evanġelju li nħabbar jien,

 jien u nxandar lil Ġesù Kristu,

skond ir-rivelazzjoni  tal-misteru

li kien moħbi fis-skiet ta' l-eternità;

 

  Lil dan Alla li issa rrivelalna dan il-misteru,

  u għarrfu lill-ġnus bil-Kitba tal-Profeti,

  skond l-ordni tiegħu, Alla ta' dejjem,

  biex iwassalhom għall-ubbidjenza tal-fidi;

 

  lil dan Alla, waħdu fl-għerf,

  il-glorja għal dejjem ta' dejjem

  b'Ġesù Kristu. Amen.

 

Evanġelju

 

« Il-Misteru moħbi fis-skiet tal-eternita », fil-milja taż-żmien, f’daqqa waħda, kien totalment ikkonċentrat fuq kamra f’Nazaret tal-Galilija.  Dan il-Pjan ta’ Alla kien għal kollox jiddependi minn tfajla jisimha Marija. Għall-ewwel darba jitħabbar il-misteru tal-Pjan ta’ Alla, u mhux lil xi profeta, jew lil xi Sommu Saċerdot, jew lil xi Sultan David, imma lil tifla adoloxxenti fi żmien meta dawn ma kienu jagħmlu l-ebda ħoss fis-soċjetà.  L-ispazju kollu jieqaf sieket.  Saħansitra l-korijiet tas-smewwiet jisktu mill-kant ta’ tifħir tagħhom.  Il-patrijarki, il-profeti u n-nies ġusti kollha magħluqa fil-limbu tax-Xegħol, jieqfu huma wkoll mit-talba kontinwa biex jinħelsu.  Il-Ħolqien jistenna l-kelma li tiftaħ id-dinja għal Alla.

 

Aħna nafu li l-kelma tlissnet.  Imma dan ir-rakkont li se nisimgħu, li smajnih ħafna u ħafna drabi,  jiġri u jibqa’ jiġri għax hu rakkont misterjuż.  Jiġri u jibqa’ jiġri fil-ħajjiet ta’ tant nies f’kull ġenerazzjoni.  Lilek, lili, lilna, Alla, żgur fuq li hu żgur, jibagħtilna « Anġlu », profeta, mod li jkun jaqbel, f’xi mument epokali f’ħajjitna, fil-milja taż-żmien, kif tħobb tgħid il-Bibbja, u dan l-« Anġlu » jitlob l-« Iva » tagħna biex il-Misteru ta’ Kristu jseħħ fina, biex anke aħna nitqalu bi Kristu biex għada pit’għada nwellduh fl-ambjent ta’ madwarna.  X’xorti hija din !  X’xorti kbira tkun Nisrani !  Minna jiddependi jekk il-Milied jibqax iseħħ minn ġenerazzjoni għall-oħra.  Jekk ma jibqax iseħħ il-Milied ; jekk Kristu ma jibqa’ jitwieled imkien, mitlufin aħna ! 

 

Ejja nħarsu lejn il-muntanja u mhux lejn iż-żrara u nindunaw li aħna tassew kbar u mportanti quddiem Alla.  Dak l-ilma li ntefa’ fuq rasna meta konna għadna bil-ħarqa, fetaħ quddiemna storja meraviljuża, jekk għandna l-ħila nindunaw biha.  Fil-lejl tal-Milied, ħa nkunu nafu li l-Milied ta’ darba mar u għadda, imma Alla hu kbir biżżejjed biex bina jagħmel Milied illum, u għada wkoll b’uliedna, jekk ngħaddulhom il-Fidi.

 

Versett : Hallelujah.  Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej ; ħa jsir minni skont kelmtek !  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  1, 26-38

 

Mbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f'belt tal-Galilija. jisimha Nazaret,  għand xebba, mgħarrsa ma' raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta' David. Dix-xebba kien jisimha Marija.  L-anġlu daħal għandha u qalilha: "Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek."  Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x'setgħet qatt tfisser din it-tislima.  Iżda l-anġlu qalilha: "Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla.  Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.  Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta' David missieru  u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu."  

 

Iżda Marija qalet lill-anġlu: "Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?"  Wieġeb l-anġlu u qalilha: "L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta' l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.  Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal,  għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir." 

 

Mbagħad qalet Marija: "Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!" U l-anġlu telaq minn quddiemha.

 

 
< Prev   Next >