Sunday, 21 January 2018
           
Home
HADD FOST L-OTTAVA TAL-MILIED IL-FAMILJA MQADDSA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 31 December 2017

Din hija il- Liturgija  tal-Hadd  fost l-Ottava tal-Milied il-Familja Mqaddsa  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

presentationofthelord.jpg

 

Mill-Konċilju ’l hawn, l-Ispirtu s-Santu nebbaħ lill-Knisja li waħda mill-ikbar kariżmi li għandha hija l-Familja.  Anzi l-Knisja skopriet li l-eżistenza tagħha nnifisha tiddependi miċ-ċelluli żgħar li jikkomponuha, il-familji Nsara li f’darhom jiffurmaw knejjes żgħar, knejjes domestiċi, kif sejħilhom il-Konċilju. 

 

Fuq ħamsin sena ilu l-Konċilju xamm li l-ambjent li fih il-Knisja kienet teżisti fil-punent, kien qed jinbidel rapidament, bħalma ħuta jinbidlilha l-ilma li fih kienet imdorrija tgħammar minn dejjem.  Anke fostna dan qed iseħħ fi żmienna.  Qed jgħib iż-żmien meta kulħadd huwa Nisrani Kattoliku għax imwieled Malta.  Anzi l-kontra.  Riesaq iż-żmien meta l-Insara, li huma Nsara ta’ vera u mhux dawk li huma dilettanti tad-drawwiet u l-kultura tal-imgħoddi, jkunu f’minoranza.  Din mhix xi aħbar ħażina għall-Knisja, tafux!  Il-Knisja dejjem ixxettlet u kienet awtentika u “vera” meta kienet f’minoranza u tgħammar f’kultura ostili bħalma diġa qegħda fl-Ewropa.  Ninsabu resqin lura lejn l-Atti tal-Appostli u l-Knisja primittiva tal-bidu meta l-Insara kienu l-“istrambi” u dawk li kienu “differenti”.

 

 

Fi żmien bħal dan il-Knisja qegħda tħares ’l hawn u ’l hinn biex tara fuq minn se sserraħ fil-mixja tagħha kontra l-kurrent.  It-tama tagħha huma l-familji tagħha, il-familji fejn tiġi trażmessa l-Fidi lill-ulied b’responsabiltà kbira mill-ġenituri, familji fejn il-Missier ma jaħsilx idejh u jitlaq kollox f’idejn l-Omm, imma jiret il-kultura Ġudajka-Nisranija fejn hu l-Missier l-ewwel responsabbli li jara li uliedu jikbru fil-Fidi.  Il-Familja kienet tkun l-ewwel skola ta’ fidi fejn il-ġenituri jitkellmu fuq Alla mhux b’mod moralistà, ta’ x’suppost tagħmel u ma tagħmilx, imma l-ewwel u qabel xejn ixandru lil Alla li daħal fl-Istorja tagħhom.  Iżrael dejjem għadda l-Fidi lil uliedu permezz ta’ rakkonti, u l-Bibbja, infatti, tnisslet minn dawn ir-rakkonti fil-familji, rakkonti li juru lil Alla bħala dak li jmexxi l-Istorja, Dak li l-adulti kienu jkunu ltaqgħu miegħu fl-esperjenza tal-Ħajja.  Dan lit-tfal kien jolqothom immens.  Għalihom Alla ma kienx Alla tal-katekiżmi, imma Alla li ħareġ lil missirijiethom mill-jasar, li provdielhom l-Art li wegħdhom, li ħarishom fit-twegħir, li ħalla li jaqgħu f’idejn l-għedewwa meta riedu jippruvaw jgħixu mingħajru.

 

Fi ħdan il-familja, il-Missier u l-Omm jirrakkontaw l-intervent ta’ Alla fil-qies tal-Ħajja tagħhom.  Il-Missier jirrakkonta: li kieku ma kienx Alla dak in-nhar... u hekk l-ulied jitrawmulhom għajnejn li jaraw u widnejn li jisimgħu l-passi ta’ Alla għaddej fl-Istorja, ħwejjeġ li l-pagani lanqas biss joħolmuhom.  Ulied il-familji Nsara lanqas biss jimmaġinaw li tista’ tiġri xi ħaġa li mhix ġejja minn Alla jew isseħħ mingħajr il-permess tiegħu, għall-ġid ta’ dawk li jemmnu fiH.  Din hi l-Fidi.  Kollox isir Kelma ta’ Alla u l-iben jidra jistaqsi lilu nnifsu: “Xi jrid jgħidli Alla b’dan il-fatt?”  Kollox isir parti minn konverżjoni dejjiema lejn skoperta ta’ Fidi dejjem akbar, lejn “awareness”, li wieħed jinduna kemm hu veru li kull bniedem huwa mdawwar b’baħar ta’ Mħabba tal-Missier li ħalqu.

 

Huwa f’dawn il-familji, f’dawn il-knejjes domestiċi, li tiġi mrawma l-ġibda għat-Talb, għal-Liturġija tal-Knisja, għal komunikazzjoni ħajja mal-Mulej.  Għalihom, is-sena ma tibqax iktar biss is-sena tal-kalendarju, imma tieħu l-kuluri meraviljużi tal-Liturġija qaddisa li tiċċelebra l-waqtiet tal-Misteru ta’ Kristu, speċjalment il-Misteru tal-Għid tiegħU.  Kemm il-waqt tal-Milied u tal-Għid ma jibqgħux għeżież minħabba d-drawwiet marbutin magħhom, imma għax fihom jerġa’ jingħex il-Misteru tal-għaġeb li juri li l-bniedem hu dgħajjef u mjassar u li ġie meħlus darba għal dejjem mid-dehra tal-Ħaruf bla tebgħa li jieħu Hu l-jasar tal-bniedem biex kull wieħed jiskopri bis-serjetà l-ferħ tal-ħelsien u tal-Ħajja vera.  Għall-bniedem tal-Fidi, dawn il-kliem mhumiex teorija jew tagħlim xott, imma esperjenza, għaliex dak li kien sema’ fuqu fid-dar skopra hu stess li kien veru.

 

Fejn m’hemmx dan l-ambjent fil-familji, hemm nixfa ta’ vokazzjonijiet fil-Knisja.  Mhux l-istrutturi tal-parroċċa jridu jkunu, għalkemm dawn huma mportanti wkoll, imma l-ambjent fejn jikbru t-tfal fid-dar.  Hemm jitwieldu l-Presbiteri tal-Knisja; oħrajn li jixxenqu għal ħajja reliġjuża li tgħinhom     jiskopru iktar dak li diġa bdew jiskopru fil-familja; u terġa’ oħrajn li jħossuhom miġbudin lejn iż-żwieġ mhux skont id-dinja bil-ħmerijiet tagħha li jitradixxu lil dak li jkun, imma biex jiffurmaw familji skont Alla.

 

L-Ewwel Qari

 

Ġol-familja Nisranija, l-ulied jitgħallmu ħaġa fundamentali: jekk iridu jgħixu Ħajja mimlija, bis-sens, u fis-sliem magħhom infushom u mal-proxxmu, allura jridu jgħixu fir-Rieda ta’ Alla.  Min jgħix fir-Rieda ta’ Alla jinsab fl-għożża tiegħu u m’għandu għax jibża’ u jinkwieta minn xejn, għax il-Pa veru tiegħu, il-Missier li tassew jieħu ħsiebu, huwa Alla.  Għalhekk huwa  mportanti li wieħed jiskopri x’inhi r-Rieda ta’ Alla.  Intimità mal-Kelma ta’ Alla tgħinek f’dan, u hawn se nisimgħu x’inhi r-Rieda ta’ Alla dwar kif għandhom jimxu l-affarijiet fil-familja.

 

Ħafna, biex mingħalihom jagħmluha tal-għorrief u tal-moderni, jgħidulek li lit-tfal ma jridu jimpressjonawhom b’xejn, imma jħalluhom jikbru u jiddeċiedu huma x’jaħsbu li hu l-aħjar... anke dwar jekk jemmnux f’Alla jew le.  Imsieken tfal!  Din hi ipokrezija.  Fejn tidħol l-iskola ma jħalluhomx jagħmlu li jridu lil uliedhom, għaliex?  Għax l-iskola = flus!  Il-Missier Nisrani lil ibnu jgħidlu: “Studja ibni, imma l-aqwa ħaġa fil-Ħajja hi li tagħmel ir-Rieda ta’ Alla li ħalqek u li għandu trid terġa’ tmur.  Hawn jinsab il-ferħ veru!”

 

Fil-qari li ġej, se nisimgħu dwar dak li dejjem kien fit-tradizzjoni Lhudija u Nisranija: l-għożża li l-ulied għandu jkollhom lejn il-ġenituri.  Minn hawn titwieled l-għożża li dawn l-ulied għandu jkollhom lejn kull tip ta’ awtorità fis-soċjetà li mhix qegħda hemm biex ixxekkel jew tillimita l-ħelsien ta’ dak li jkun, imma biex fis-soċjetà ħadd ma jagħmel ħsara lil ħadd.  Ulied li jiġu jaqgħu u jqumu mill-ġenituri tagħhom, u jabbadunawhom mal-ewwel ċans, mhux se jirrispettawlek tipi oħra ta’ awtorità.  U inqas u inqas ma jagħtu mportanza lil Alla f’ħajjithom.  Tassew li hu fil-familja li l-għeruq tal-irġulija jixxettlu u jissaħħu u l-bniedem jikber bħal palma li r-riħ xejn ma jista’ għaliha, lanqas is-sħana u n-nixfa tas-sajf, għax għeruqha huma fil-fond fejn hemm l-ilma moħbi, għaddej.

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.  3, 2-6.  12-14

 

Il-Mulej għolla l-missier fuq it-tfal,

u saħħaħ dritt l-omm fuq l-ulied.

Min jibża' minn missieru jagħmel tajjeb

għal dnubietu,

u min iweġġaħ lil ommu qisu qed jiġma' f'teżor.

 

Min jibża' minn missieru jifraħ b’uliedu,                           

u meta jitlob jinstama'.

Min iweġġaħ 'il missieru jkollu għomor twil,

u min iserraħ lil ommu jkun qed jisma' mill-Mulej.

 

Ibni, ieqaf ma' missierek fi xjuħitu,

u matul ħajtu tweġġagħlux qalbu.

Ukoll jekk moħħu jeħfief, għadru,

u tonqsux mill-ġieħ meta għadek b'saħħtek,

għax il-ħniena ma' missierek ma tintesiex,

imma tingħaddlek bi ħlas għal dnubietek.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 128 ifaħħar il-familja li fiha hemm il-biża’ ta’ Alla. X’inhu dan il-biża’ ta’ Alla li l-Bibbja titkellem tant u tant fuqu ?  It-tifsira ta’ din il-frażi tieħu xejriet u kulur skont il-mentalità taż-żmien, imma kollha huma korretti.  Fi żmien meta d-dinja kienet iktar primittiva, meta l-biża’ kien jiddomina kollox, il-« biża’ ta’ Alla » kien jiftiehem eżatt hekk : biża’ minn Alla, biża’ mill-kastig tiegħU jekk twettaq id-deni. Kien żmien meta s-soċjeta kienet għadha ma bnietx is-« safe-guards » li għandha llum ; kienet għadha mhix strutturata u organiżżata bħal-lum, fejn għandek il-pulizija li tiddefendi n-nies normali mill-kriminali, hemm sistema ta’ ġustizzja u qrati eċċ.  Kien żmien meta l-biża’ minn Alla kien l-uniku mezz ta’ kontroll fuq il-bniedem, u din kienet it-tifsira li l-aktar li ġiet emfażiżżata. 

 

Mhux għax mhix tifsir vera din !  Min hu baħnan li ma jibżax minn Dak li ħalaq l-univers u li jista’ u kapaċi jgħaddih mid-dlamijiet tal-Ħajja biex isalvah mill-bluha tiegħu ?  Alla jikkastiga, iva, imma l-kastig tiegħu huwa mediċinali, biex ifejjaq lill-bniedem mit-taħwid il-moħħ tan-natura mwaqqa’ tiegħu.  Alla hu kbir wisq, u qaddis wisq, biex jinżel hekk fil-baxx li jikkastiga b’sens ta’ tpattija jew  vendetta.  Il-Bibbja għandha bosta rakkonti ta’ nies li ma dinbux għax beżgħu mill-qilla tal-Mulej.  Fl-Eżodu, per eżempju, nsibu li l-Fargħun ġiegħel lill-qwiebel li kienu jgħinu lin-nisa Lhud iwelldu, biex jekk it-trabi jkunu subien, dawn jiġu maqtula, imma « l-qwiebel beżgħu minn Alla, u ma għamlux kif qalilhom is-sultan tal-Eġittu, imma ħallew is-subien ħajjin. »  (Eż. 1, 17).  Dan huwa biża’ mill-kastig, imma fl-istess ħin huwa biża’ pożittiv, biża’ li dawk li huma favur l-abort żgur li m’għandhomx.

 

Imma fid-Dawl tas-Salvazzjoni li għandna fi Kristu, dan il-« biża’ ta’ Alla » jieħu xejra oħra, mingħajr ma jitfi lil ta’ qabel.  Il-biża’ Nisrani huwa li jitlef il-Grazzja li tagħmlu Iben adottat minn Alla minħabba l-merti li qala’ għalih Kristu bil-Mewt u l-Qawmien tiegħU.  Bl-Ubbidjenza ta’ Kristu għall-Pjan tal-Missier, aħna lkoll ġejna ġġustifikati bla ma jistħoqqilna, imma biex wieħed jemmen dan tassew u jidħol f’Ħajja totalment differenti minn tal-bqija, trid tkun il-Grazzja.  Imma l-bniedem għandu liberta ta’ għażla u jista’ jagħti daqqa ta’ sieq lil dan il-wirt enormi.  Hawn jidħol il-biża’ veru ta’ Alla u mhux minn Alla.  Il-biża’ li jitlef lil Alla.  L-umli li jaf hu min hu, u x’kapaċità hemm fil-bniedem li jidneb, u jidneb serjament, jibża’ li jitlef is-Sbuħija ta’ Alla billi jagħmel xi waħda minn tiegħu.

 

Dan is-Salm jitkellem fuq suġġett ieħor, jerġa’ aktar polemikus fi żmienna: jitkellem dwar il-Mara.  Bi kliem poetiku, s-Salmista jfaħħar il-Maternità tal-Mara, ifaħħar il-familja li hi miftuħa għall-Ħajja, li b’fiduċja fil-Providenza ta’ Alla lesta li tilqa’ l-ulied kollha li Alla jkollu fil-Pjan tiegħu li jeżistu.  Dan is-suġġett hu mpossibbli li titkellem fuqu llum, maħkumin kif aħna mill-kultura dominanti, qaddejja tal-alla falz  li hi l-ekonomija.  Illum il-Mara tilfet l-unur tal-Maternità u l-femminiżmu għamel minnha xbiha tar-raġel, magna tax-xogħol, mezz ta’ produzzjoni.  L-Ewropa tilfet il-fertilità tagħha, ħaġa li ħabbarha Pawlu VI żmien ilu.  Ftit għexieren ta’ snin oħra u l-ġnus Ewropej ikunu minoranza f’pajjiżhom; l-maġġoranza jkollha għeruq oħra, aktarx Misilmin.  Illum jidħku bil-familji miftuħa għall-Ħajja, imma diġa jafu, li t-tmiem hu fil-qrib.  Mill-familja Nisranija jiddependi mhux biss il-futur tal-Knisja, iżda wkoll tal-Ewropa.

 

Ritornell: Hieni kull min jibża’ mill-Mulej!

 

Salm 128

 

Hieni kull min jibża' mill-Mulej,

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol;

hieni int, u riżqek tajjeb!

 

Martek tkun bħal dielja għammiela

fl-irkejjen ta' darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

madwar il-mejda tiegħek.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem

li jibża' mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon!

Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm

tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek!

Sliem għal Iżrael!

 

It-Tieni Qari

 

Meta ġuvni u tfajla jieħdu grazzja ma’ xulxin u jibdew jiltaqgħu biex isiru jafu lil xulxin u anke għax ma jgħaddux mingħajr il-kumpanija ta’ xulxin, dan ikun sinjal ċar li l-Mulej ikun qed iressaqhom biex iżejjinhom bis-Sagrament kbir taż-Żwieġ, stat ta’ Ħajja li anke l-Madonna għażlitu għax xtaqitu għaliha.  Il-ġibda fiżika hi essenzjali u hija l-mutur li timbotta r-relazzjoni fil-bidu tagħha.  Imma din trid timmatura f’imħabba iktar profonda.  Allaħares nieqfu fuq il-ġibda fiżika biss, għax aħna lkoll ninbidlu u nikbru u ma nibqgħux daqshekk gustusi daqs kemm konna meta konna żgħażagħ!  Infatti dan hu li qed jiġri fi żmienna fid-dinja pagana.  Il-ġibda fiżika hija l-bidu u t-tmiem tar-relazzjoni, u meta jidher xi ħaddieħor li jiġbdek iktar, jibda jberraq.

 

Għaż-żwieġ tassew Nisrani lanqas l-imħabba li tkun immaturat minn ġibda fiżika għal xi ħaġa iktar profonda, ma hi biżżejjed.  San Pawl jgħidilna li fuq din l-imħabba “umana” għandna nilbsu Imħabba iktar prezzjuża u dejjiema, Imħabba li ġejja minn Alla, l-“Agapè”.  Din l-Imħabba hi l-Imħabba li l-Missier wera li għandu għalina meta bagħatilna lil Ibnu.  In-Nisrani hu dak li jiskopri li hu maħbub.  Din għidniha miljun darba u nibqgħu ngħiduha, għax dan hu li jagħmilna Nsara.  Min jiskopri li hu maħbub f’qies enormi minn Alla, min jiskopri lil Kristu, titwieled fih Imħabba li mhix naturali, imma sopranaturali għax hi rigal ta’ Alla.  Din, u din l-Imħabba biss kapaċi tħobb lill-ieħor jew lill-oħra hekk kif inhi mingħajr ma tippretendi li tinbidel biex tħobbu jew tħobbha.  Din l-Imħabba biss, li qegħda għand Kristu u tiġi għandna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, hi kapaċi tħobb lill-għadu. 

 

Issa l-għadu, ħafna drabi mhux xi ħadd li se jiġi għalik bis-sikkina; jew jisraqlek ma nafx x’hiex.  Ħafna drabi l-għadu jidher fid-dar; il-mara jew ir-raġel, ikun jew tkun l-għadu, b’xi kelma li toqtlok, b’xi aġir li jferik… b’elf mod.

 

Dak li fuqu jistrieħ iż-Żwieġ Nisrani f’mumenti diffiċli huwa din l-Imħabba li tmur lil hemm min-natura.  Fuq din l-Imħabba se jitkellem San Pawl. L-ewwelnett, lill-Insara huwa jsejħilhom il-qaddisin u l-maħbubin tal-Mulej. (v. 12).  L-Insara tal-bidu kienu jsejħu “qaddisin” lil xulxin.  Dan għax min kien jemmen li Kristu miet għalih, kien jemmen fl-Imħabba li Alla jħobbu, u allura, kellu huwa wkoll din l-Imħabba.  L-Imħabba hi li tagħmlek qaddis.  Għax il-Ħajja vera hi l-Imħabba.  Min iħobb bl-Imħabba li rċieva mingħand Kristu, huwa Ħaj.  Min m’għandux din l-Imħabba huwa mejjet, anke jekk għadu jaqbeż is-seba’ platti, kif jgħid il-Malti! 

 

Ir-raġel Nisrani jaħfer u jerġa’ jaħfer lil martu għax hu ġarrab f’laħmu li Alla ħafirlu tant li Kristu kellu jitla’ fuq salib biex dnubu jkun jista’ jinħafer.  L-istess il-mara.  Imma kif se tippretendi l-maħfra minn min għadu ma skopriex il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu?  Tista’ tmur għand psikoloġisti, councellors u oħrajn li tant huma moda.  Jekk ma sibtx lil Kristu, hemm limitu sakemm int tissaporti lill-ieħor.  Dari, is-soċjetà kienet tpoġġi pressjoni biex il-miżżewġin ma jinfirdux meta kienu jaslu f’dan il-limitu.  Illum is-soċjetà tgħidlek il-kontra, u ħafna jgħidu: “Daqshekk!” u daqshekk ikun!

 

Araw b’liema mod Pawlu jkellem lill-miżżewġin.  Il-ħin kollu jsemmilhom lil Kristu u l-Imħabba li biha ħabbhom u l-maħfra li qalagħlhom.  Għal Pawlu, ir-raġel huwa r-ras tal-familja, imma lir-raġel jgħidlu li hu għandu jħobb lil martu bħalma Kristu ħabb u ta ħajtu għall-Knisja.  Altru li m’għandux għan-nisa, Pawlu!

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin.  3, 12-21

 

Ħuti : Intom il-magħżulin ta' Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta' ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar.  Stabru b'xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma' ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.  

 

U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni.  Ħalli s-sliem ta' Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejjħa biex issiru ġisem wieħed.  U ta' dan roddu ħajr lil  Alla.  Ħalli l-kelma ta' Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin b'salmi u innijiet u b'għana spiritwali, u b'radd il-ħajr kantaw f'qalbkom innijiet lil Alla.  Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f'isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.

 

Intom, nisa miżżewwġa, obdu lil żwieġkom, kif għandu jkun fil-Mulej.  Intom imbagħad, irġiel miżżewwġa, ħobbu n-nisa tagħkom, u tkunux iebsa magħhom.

 

Intom, tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f'kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej.   Intom, missirijiet, la ddejjqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.

 

Evanġelju

 

Fil-Ktieb tal-Eżodu nsibu li l-Mulej qal lil Mosè: “Ikkonsagrali l-frott kollu tal-bikri, lil kull min jitwieled l-ewwel mill-ġuf minn fost ulied Iżrael, fin-nies u fil-bhejjem, għax tiegħi hu.” (Eż. 13, 2).  Il-bhejjem, bl-eċċezzjoni tal-ewwel imweldin mill-ħmir li kellhom valur kbir dak iż-żmien, kienu jkunu kkonsagrati blli jiġu maqtula u offruti b’sagrifiċċju.  Ulied in-nies u l-ewwel ferħ tal-ħmara kienu jinfdew b’ħaruf, jew fil-kas tal-foqra b’xi par ħamiem jew gamiem.

 

Din il-liġi f’Iżrael ftit tagħmel sens għalina, imma kienet ta’ mportanza kbira għax kienet marbuta mal-esperjenza enormi li Iżrael għadda minnha fil-ħruġ tiegħu mill-Eġittu.  Meta l-kriżi bejn l-amministrazzjoni tal-Fargħun u l-ilsira mmexxija minn Mosè laħqet l-eqqel tagħha, l-anġlu tal-mewt jgħaddi minn nofs l-Eġittu u l-iben il-kbir tal-Eġizzjoni u l-ewwel frott tal-bhejjem, kollha mietu f’pestilenza tal-għaġeb. 

 

Iżrael kien iġib is-saħħa tiegħu, mhux min-numru, għax dejjem kien żgħir; lanqas mill-kapaċità għall-gwerra, għax ma kienu aħjar minn ħadd, imma mill-fiduċja fil-Mulej, u din il-fiduċja kienu jġibuha billi jiftakru f’dak li kien għamel magħhom.  Jekk jinsew l-Istorja kienu jintemmu bħala nazzjon. 

 

Din il-liġi tal-konsagrazzjoni tal-iben il-kbir il-Mulej talabha biex Iżrael jibqa’ jiftakar li l-ewwel imweldin tal-Eġizzjani kollha kienu inqatlu f’lejl wieħed.  Int u jien għandna bżonn niftakru f’dak li Alla għamel magħna f’Ħajjitna.  Jekk għandek xi Memorjal tal-Mulej, jekk hemm xi ġrajja f’Ħajtek li fiha tħoss li Alla ħares ma kienx il-Mulej dak in-nhar għalik, tagħmel tajjeb li tiggranfa magħha, ma tinsihiex.  Poplu li jinsa l-Memorja tiegħu, bħalma l-Ewropa qed tagħmel fiż-żminijiet tagħna, jitlef l-identità tiegħu u jisfuma fix-xejn.

 

Fir-rakkont li għandna, San Luqa jippreżentalna, u mhux jippreżentalna biss, imma jagħtihom ċerta mportanza, żewġ figuri mdaħħlin fiż-żmien: Xmun u Anna.  It-tnejn kellhom ħaġa in komuni, xi ħaġa li hi partikularment tan-Nisrani:  kienu qed jistennew xi ħaġa kbira sseħħ f’ħajjithom, anke jekk kollox kien jidher ġennata issa, għax kienu qrib il-mewt.  Imma bħal Abraham, raġel ta’ mitt sena li jistenna li jitwelidlu iben għax hekk wegħdu Alla, dawn jibqgħu jittamaw kontra kull tama.  L-istess bħalhom jagħmel in-Nisrani.  In-Nisrani hu dak li jfittex dejjem lill-Messija.  Anke jekk ikun sabu, jkomplu jfittex biex isibu b’mod iktar profond.  Għax min iduq il-Mulej, flok jixba’, jkun irid aktar.  Xmun u Anna huma stedina għalina biex nistennew ħwejjeġ kbar mingħand il-Mulej u mingħand ħadd iktar.  Anke jekk id-dlam tal-fallimenti jdawruna, Alla hu ikbar minn dan kollu.  Li tistenna lil Alla jgħaddi, jfisser tkun qed tagħti Glorja lilu għax fi kliem ieħor tkun qed tgħid li għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir.

 

Versett: Hallelujah.  Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan għal dejjem fi qlubkom; ħalli l-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  2, 22-40

 

Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta' Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej,  kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li 'kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,'  u biex joffru b'sagrifiċċju 'par gamiem jew żewġ bċieċen,' kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

 

F'Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta' Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu.  L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej.  Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi,  huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

 

"Issa, o Sid, tista' tħalli l-qaddej tiegħek

imur fis-sliem, skond kelmtek,

għaliex għajnejja raw

is-salvazzjoni tiegħek

li int ħejjejt għall-popli kollha,

dawl biex idawwal il-ġnus,

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael."

 

Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b'dak li kien qiegħed jingħad fuqu.  Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: "Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta' ħafna f'Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh,  - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna."

 

Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta' Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba' snin miżżewwġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb.  Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma' dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta' Ġerusalemm.

 

Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skond il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta' Nazaret.  U t-tifel baqa' jikber u jissaħħaħ, mimli  bl-għerf. U l-grazzja ta' Alla kienet fuqu.

 

 
< Prev   Next >