Saturday, 20 October 2018
           
Home arrow Home
L-EPIFANIJA TAL-MULEJ TFITTXIJA U SEJBA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 05 January 2018

Din hija il- Liturgija  ta' L-Eppifanija tal-Mulej bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 festa_epifanija.jpg

 

Alla wera ruħu lill-bniedem f’Ġesù ta’ Nazaret, il-Kristu, il-Midluk, f’Dak li sa mill-ewwel paġni tal-Bibbja Hu wiegħed li jibgħat.  Alla ma baqagħlux iktar x’juri lill-bniedem.  Min isib lill-Iben isib lill-Missier.  Il-Ħajja ta’ Dejjem, is-sens kollu tal-Istorja li kull wieħed jgħaddi minnha, l-għan tagħha hu li niskopru l-Missier. LejH jinsab miexi l-ħolqien kollu, lejn il-Missier li hu l-għajn ta’ kollox.  U l-Missier jinsab fi Kristu.  Lanqas irridu nieqfu fuq Kristu, għax Kristu jiġi għandna biex jurina lill-Missier; Missieru u Missierna.  Kristu huwa t-Triq, imma d-destinazzjoni tagħna huwa l-Missier.  Ħajjin huma biss dawk li sabuH.  L-oħrajn għadhom iltiema u mhux veru li għandhom il-Ħajja u s-sliem.

 

In-Nisrani hu dak li sab lil Kristu, imma jibqa’ jifittxu xorta waħda, għax Kristu huwa Misteru.  Meta taħseb li doqtu u skirt bih, jaqbdek l-għatx għal aktar, u tkompli tterraq lejn il-qalba tad-Dawl, u l-qalba tad-Dawl huwa l-Missier.  Henjin huma dawk li jinsabu f’dan il-vjaġġ.  Henjin huma dawk li rikbu l-ġemel u qed iterrqu fid-deżert.  Henjin huma dawk li fid-dlam tas-solitudni, meta kulħadd jgħidlek li inti ffissat, titla’ għalik kewkba; għax il-kewkba tidher biss bil-lejl.  Int tgħix bil-lejl; l-oħrajn bin-nhar.  Int qed tfittex; l-oħrajn jaħsbu li sabu dak li kellhom isibu.  Inti fqir, imma għani;  l-oħrajn huma għonja, imma fqar. 

 

 

Epifanija, Wirja, Rivelazzjoni.  Waħda mill-eqdem ċelebrazzjoni liturġika tal-Knisja.  Il-Knisja tgħix ir-rejaltà li Alla, il-Missier li minnu ħareġ kollox, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx... u dak li ma jidhirx hu ferm ikbar minn dak li jidher..., dan il-Missier, dan il-Bidu ta’ kollox, dan il-Misteru mkebbeb fid-dlamijiet, wera ruħu, għamel Wirja, Rivelazzjoni, Epifanija tiegħu nnifsu f’tarbija.

 

Tlieta min-nies li kienu jafu ‘jaħsbu’, li kellhom kollox imma kienu vojta, bħal tant nies, telqu l-ġid u l-għana tagħhom, lill-pajjiżhom, lill-għanqbut kollu li kien ixejħilhom moħħhom... u saru żgħażagħ mill-ġdid.  Telgħet kewkba f’qalbhom, qabel ma rawha b’għajnejhom.  Il-vojt tagħhom imtela b’għan.  Forsi lil kull bniedem jiġri dan.  Kulħadd għandu l-Istorja tiegħu x’jirrakkonta.  Xi wħud, xettiċi, ħonqu d-Dawl li twieled fihom.  Oħrajn telqu jfittxu ħwejjeġ oħra u l-kewkba l-vera qatt ma rawha.  Anke t-tlieta tal-festa tagħna, infixlu quddiem it-tul taż-żmien, l-għejja, id-delużjoni.  Bdew jaħsbu b’moħħhom; u malli bdew jaħsbu b’moħħhom, il-kewkba għebet u sabu ruħhom fil-palazz tad-dinja fejn jgħammru l-għedewwa ta’ Dak li kienu qegħdin ifittxu.

 

Imma sabuH.  Sejba mpossibli għall-moħħ biex jifhem. Dak li ħalaq it-trajja tal-kwiekeb, li jħalli l-imperi u l-kulturi jikbru sakemm inissel fihom is-susa tal-qerda, dak li hu Sid ir-riefnu u l-ħalel tal-ibħra li jibilgħu d-dinja... dan kien f’tarbija tibki għal ftit ħalib mingħand il-bnedmin.  Il-kotra ddawwar dahra u titlaq.  Il-kotra tfittex salvatur ieħor.  Dawn it-tlieta jintefgħu fl-art, bħalma għamlu r-rgħajja qabilhom, u jagħtuh dak li kien għad baqagħlhom, il-‘kollox’ li kellhom.

 

Huma l-umli li jsibu.  Huma l-umli li jissemmgħu għat-taħbita tal-qalb iktar milli għall-ġenn tal-moħħ.  Huma l-umli li jafu xi jfisser ikollok l-intuwizzjoni li hi aqwa mill-intelliġenża.  Huma l-umli li bla ma jaraw sinjali li jimpressjonaw, jintefgħu, għax f’qalbhom telgħet kewkba, intuwizzjoni... “għandi x’jgħidli” ngħidu bil-Malti.  Noè sema’ f’qalbu dan il-leħen, din l-intuwizzjoni, u bena arka.  Abraham, semagħha wkoll, u xiħ, telaq pajjiżu, jimxi.  Mosè ra x-xewk jaqbad u ħass li hemm kien hemm moħbi l-‘għaġeb’, il-meravilja ta’ kollox.  Tant nies; anke tant minna, f’mument ta’ skiet stramb, ħassejna l-intuwizzjoni, l-leħen moħbi ġo fina, “ħassejna x’jgħidilna”: intefa’ hawn, terraq f’din it-triq.  Lil Marija imbuttatha biex tgħid: “Hawn jien il-Qaddejja tal-Mulej!”.  Melchior, Gaspar u Balthassar ħallew kollox u telqu.  Għax il-leħen ta’ Alla hu aqwa minn dak kollu li għandu l-bniedem.  Huwa f’dan il-mument solitarju li jseħħu l-konverżjonijiet.

 

L-Ewwel Qari

 

Alla hu dejjem Aħbar Tajba.  Id-dinja togħxa bl-aħbarijiet ħżiena.  Nies id-dlam jippreferu jisimgħu l-ikrah, il-ħażin, il-fallimenti tal-oħrajn.  Hekk hi d-dinja.  Dawk li jiġru wara l-istejjer jippreferu jindagaw xi skandlu jew xi rejat, milli jistaqsu lil wieħed sempliċi, li m’għandu xejn, għaliex hu ferħan.  Id-dinja miġnuna bid-dlam.  Ma tridx titilqu.  San Ġwann jgħid: “Id-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl.”  (Ġw. 3, 19). 

 

Se nisimgħu qari minn Isaija, li ħafna se jisimgħuh fil-quddiesa u mhumiex se jagħtu kasu.  Ħafna ma jemmnux li l-Kelma tiġi mxandra biex tkellimhom fuq id-dlam tagħhom, fuq l-esperjenza li jkunu għaddejjin minnha.  Din il-Kelma hija Dawl għal dawk li xebgħu jgħixu fid-dlam.  “Qum!  Ħa jiddi wiċċek!  Id-dawl tiegħek wasal!”  (v. 1).  Liema dawl?  Hawn hi l-problema tagħna.  Liema dawl?  Il-maġi telqu jfittxu.  X’se jsibu?  X’dawl hu dan?  Tgħid se nirbaħ lotterija u nsolvi l-problemi li joħonquni kuljum malli nistenbaħ?  Tgħid se nfiq?  Tgħid se ngħaddi?  Tgħid se niżżewweġ?  Dak ix-xogħol, għalija? 

 

Anke l-Appostli.  “X’se nieħdu?” darba staqsih Pietru.  U t-tnejn l-oħra riedu joqogħdu maġenbu, wieħed kull naħa, fis-Saltna, deputati-kapijiet, bħalma għandhom il-partiti tagħna.  U x’Saltna hi din?  Is-Salib gerrex lil kulħadd. X’dawl hu dan li Alla qed iwiegħed?  Għaliex għandha tifraħ Ġerusalemm, post it-taħbit, it-tilwim, it-twegħir mill-bidu sal-lum? 

 

Hemm Dawl li ma jdawwalx lill-bniedem minn barra imma minn ġewwa.  Il-profond tal-bniedem, is-subkonxju tiegħu, il-ġewwieni tal-bniedem hu ferm ikbar minn dak li naraw minn barra.  Huwa d-Dawl li jinfed s’hemm ġew li hu l-veru Dawl.  Huwa dan id-Dawl li jferraħ lill-bniedem.  U x’jurih lill-bniedem dan id-Dawl?  Li Alla jeżisti.  Li Alla jħobbu.  Li hu se jgħix għal dejjem, għax Alla jħobb għal dejjem.  Dan hu d-Dawl li ġab Kristu.  Dan hu li qalilna dwar il-Missier.  Il-problemi jkomplu jduru madwarna minn barra, imma min iġorr id-Dawl fih, dan ma jinħaraqx.

 

U fuq Ġerusalemm, li hi l-Knisja, Isaija jgħid ħwejjeġ meraviljużi li diġa ġraw, imma li għad iridu jiġru, għax il-Kelma ta’ Alla hi dejjem misterjuża... isseħħ f’kull ġenerazzjoni.  Hawn nies li qalbhom imnikkta għax qed jaraw iż-żminijiet jinbidulu u jħossu f’laħamhom it-theddid kontra l-Knisja.  M’għandhomx għalfejn isewdu qalbhom, lanqas jisfar wiċċhom bl-inkwiet, għax ara x’jgħid il-Profeta: “Il-ġnus għad jimxu fid-Dawl tiegħek u s-slaten fid-dija ta’ sebħek.  Imbagħad tħares u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek.”  (vv. 3 u 5). Mhux il-Knisja d-Dawl, imma hi ġġorr id-Dawl fl-irkejjen kollha tal-art, u dan id-Dawl huwa Kristu.  U f’kull ġenerazzjoni l-ġnus jindunaw li Dak li tradew hu d-Dawl waħdieni.  L-għedewwa tal-Knisja jinġemgħu tassew, imma Dak li hu Sid l-Istorja jdawwar kollox għall-ġid tal-Għarusa tiegħu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  60, 1-6

 

Qum! Ħa jiddi wiċċek, Ġerusalemm!

Id-dawl tiegħek wasal!

Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!

 

Ara d-dlamijiet jiksu l-art,

u sħab iswed il-popli:

iżda fuqek jiddi l-Mulej,

u sebħu jfiġġ fuqek.

 

Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,

u s-slaten fid-dija ta' sbiħek.

Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara:

lkoll miġbura ġejjin għandek.

Uliedek ġejjin mill-bogħod,

u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.

 

Mbagħad tħares u wiċċek jiddi,

u tħabbat u timtela qalbek,

għax fuqek taqa' l-kotra tal-ġid ta' l-ibħra,

u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.

Mrieħel ta' iġmla għad jgħattuk,

l-iġmla żgħar ta' Midjan u Għefa;

lkoll minn Seba jiġu,

mgħobbija bid-deheb u l-inċens,

u jxandru t-tifħir tal-Mulej.

 

Salm Responsorjali

 

Jekk Kristu huwa d-Dawl li l-Knisja ġġorr bix-xhieda awtentika tagħha, Huwa jiġġudika li kull bniedem bis-sewwa.  B’liema Ħaqq jiġġudikana l-Mulej?  Mistoqsija mportanti, għax dan hu d-Dawl li Kristu jġib fid-dinja.  Għax dehru ħafna personaġġi li kien qishom Dawl imma ħallew dlam iktar sfieq minn dak li sabu.  B’liema Ħaqq jiġġudika lill-midneb, il-Mulej Ġesù?  Billi jmut għalih!  Dan hu l-għaġeb tal-Ġustizzja tal-Missier!  Dan hu li jkexkex lil satana bis-sorpriża mmensa tiegħU. 

 

Kristu ma ġiex biex iwaqqaf xi liġi ġdida, iktar perfetta u iktar diffiċli minn dik ta’ Mosè.  Hu ġie biex iħallas id-dejn ta’ kull wieħed minna; Hu ġie biex dak li titlob il-liġi tal-Qdusija li jseħħ fuqna, jieħdu Hu biex jiffrankah lilna;  Hu ġie biex imut Hu ħalli aħna, midinbin di natura, jkollna l-“jedd”, iva l-“jedd” li ngħixu għal dejjem, ġusti u safja quddiem Alla.  Minn fejn ġiena dan il-“jedd”?  Mill-ubbidjenza tal-Iben t’Alla.  Mid-Demm tiegħu mormi fl-art tal-Kalvarju; id-Demm ta’ Alla nnifsu.  Kbar huma l-merti tagħna!  Mhux dawk li naħsbu li niksbu aħna bl-opri msejkna tagħna, imma dak li kiseb Alla nnifsu f’isimna.  Imbierek ikun Ismu!

 

Imma din l-opra ta’ Ħniena li tibqa’ taħsad kull ġenerazzjoni, titlob minna li nqimuha u nirrispettawha almenu billi nemnuha.  Aħħħ x’dieqa meta naraw li anke mill-Kristjaneżmu, anke mill-Aħbar it-Tajba, għamilna “reliġjon” oħra meta r-“reliġjon” qegħda f’irtirata fis-soċjetà tagħna. Ħafna nies ma jemmnux fil-Grazzja tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu għax ġew mitmuha ħajjithom kollha l-messaġġ “faċli” u naturali tar-reliġjożità u tal-Liġi li tpoġġi lill-bniedem u l-imġieba tiegħu fiċ-ċentru tal-opra tas-Salvazzjoni.  Int trid tkun, jgħidu.  Skont kif tgħix issib wara.

 

Jekk dan hu veru, inkunu sinċiera u nistaqsu: x’ċans għandna aħna?  Ilkoll gdibna; ilkoll stmerrejna; ilkoll żnejna; ilkoll qtilna b’ilsienna; ilkoll xlejna lil Alla quddiem l-Istorja; ilkoll tradejna l-ġenituri tagħna meta ħassejna li kienu nġusti magħna; ilkoll sraqna; ilkoll tajna l-qima li tixraq lil Alla waħdu lill-idoli tad-dinja; ilkoll bagħadna lil min għamlilna d-deni; ilkoll għirna u xtaqna għalina dak li hu tal-proxxmu;  iva, ilkoll għamilnih dan!  Id-differenza bejna u bejn il-midneb li kien imsallab ma’ Kristu u li  salva mhux bl-opri tiegħu imma bil-Fidi tiegħu fi Kristu, hija li dan l-imsejken kien jaf il-għoli, il-fond u l-wisgħa ta’ dnub, waqt li aħna naħsbu li aħna ġusti.

 

Is-Salm li ġej iħabbar minn qabel, li l-ġnus jinġibdu lejn Kristu, il-Mibgħut tal-Missier.  Il-ġnus kollha, mhux Iżrael biss.  Dan iseħħ mhux għax Kristu hu “reliġjon” oħra, Liġi oħra, imma għax hu Aħbar Tajba.  Id-Dawl ġdid ta’ Kristu hu dan: li hu lilek iħobbok hekk kif int, midneb.  Imma Hu jobgħod id-dnub li lilek qed joqtlok.  Iħobbok hekk kif int biex int ma tibqax hekk kif int imma ssir ħolqien ġdid, għax trid int u mhux bil-fors, kif dejjem pridkat ir-reliġjon. 

 

U għaliex int tkun trid li ssir ġdid u tagħmel ir-Rieda tal-Missier f’kollox?  Għax tkun ġejt mgħaddas fl-ilmijiet tal-Ħajja li hi l-Imħabba.  X’għatx kbir għandna biex inkunu maħbuba!  Dan kollu jinqata’ bi Kristu.  L-ewwel il-Fidi fil-Ħaruf li miet minflokok, imbagħad wara l-opri morali tajbin.  L-ewwel iż-żiemel, imbagħad il-karru.  Mhux l-opri Ii jsalvawk, imma l-opri huma l-frott tal-fatt li int diġa salv, li int diġa fil-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn.

 

F’dan ix-xenarju, il-Ħaqq fl-aħħar jum ikun jekk int tajtx importanza lid-Demm ta’ Kristu jew inkella ħsibt li l-isforżi tiegħek, il-qdusija tiegħek, l-opri tiegħek huma aqwa minnu.  Fi kliem sempliċi, il-ġudizzju jkun dwar jekk int emmintx fi Kristu jew fik innifsek.

 

Is-Salm jgħid: “Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken bla għajnuna ta’ ħadd.  Iħoss għall-magħkus u għall-fqir, u l-ħajja tal-fqar isalva.”  (vv. 12 u 13).  Il-fqir u l-magħkus huwa l-midneb li jaf hu min hu u m’għandu l-ebda tama oħra ħlief fis-sagrifiċċju li Kristu wettaq għalih.  Għal dan twieled Ġesù, u għal dan ġie muri lill-ġnus.

 

Ritornell:  Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej.

 

Salm 72

 

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,

il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,

biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,

u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.

 

Tħaddar f'jiemu l-ġustizzja,

u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.

Isaltan minn baħar sa baħar,

u mix-Xmara sa truf l-art.

 

Is-slaten ta' Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,

is-slaten ta' Seba u ta' Saba għotjiet iġibulu.

Iqimuh is-slaten kollha,

il-ġnus kollha lilu jaqdu.

 

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,

u lill-imsejken li m'għandux min jgħinu.

Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;

il-ħajja tal-fqajrin isalva.

 

It-Tieni Qari

 

San Pawl kien il-ħin kollu jitkellem fuq Kristu Dawl għall-ġnus minħabba l-Aħbar it-Tajba li l-Missier tana biH.  Il-Kerigma kienet il-mod tal-predikazzjoni tiegħu, kull fejn mar.  U mhux tiegħu biss imma tal-Appostli kollha, tant li fil-bidu, tela’ Ġerusalemm ifittex lil Pietru u l-mexxejja tal-Knisja biex jaċċerta ruħu li dak li bih kien imnebbaħ minn Kristu nnifsu kienx dak li qed ixxandar il-Knisja, jew inkella xi ġennata ta’ moħħu.

 

Din l-Aħbar it-Tajba ma teskludix dak li tipproponi l-Liġi u lanqas l-opri tajba, għax hi mhix Aħbar sterili li ma tagħtix frott.  L-Aħbar ta’ Kristu tgħidilna li ħadd ma jista’ jagħmel l-Opri ta’ Alla ħlief min jemmen tassew li Alla ħabbu fil-qies tas-Salib ta’ Ibnu.  U dawn l-Opri mhux li wieħed jagħmel xi karità ’l hemm u ’l hawn, jew ikun benefattur u   kulħadd jitkellem tajjeb fuqu.  Dan anke l-pagani jagħmluh.  L-opri tassew qaddisa li n-Nisrani veru biss għandu l-Ispirtu li jagħmel issibhom imniżżla fid-Diskors tal-Muntanja.  Aqrawh tajjeb, imbagħad naraw min minna jaħseb li minnu nnifsu għandu s-saħħa li jwettqu!

 

Il-Grazzja hi kollox.  San Pawl se jgħid li Kristu hu Misteru moħbi f’kull ġenerazzjoni, imma li jiġi muri, jinkixef għal dawk li jixtiquH tassew.  Din l-Aħbar hi dejjem Epifanija, Rivelazzjoni, Wirja.  Mhux għax jgħidilek xi ħadd.  Inti ma temminx fil-Misteru tal-Għid għax tisma’ b’widnejk lil xi ħadd jitkellem fuqu.  Inti temmen għax l-Ispirtu s-Santu jmisslek qalbek u int tiddawwal, u dak li qabel kien imdallam, dak li qabel kien biss gozz zkuk niexef ta’ tagħrif u tagħlim, f’daqqa waħda jsir Ħuġġieġa Nar iħeġġeġ f’qalbek.  Kulħadd jinduna mill-ewwel meta l-Ispirtu s-Santu jmisslu qalbu.  Din hi l-Grazzja l-Kbira tal-Missier.  Għal din il-Grazzja jmissna nitolbu kuljum!

 

U dan kollu hu miftuħ għal kulħadd: tajbin u ħżiena; mgħammdin u pagani; suwed u bojod; Lhud u Griegi.  Din hi l-Epifanija.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  3, 2-6

 

 Ħuti: jekk, kif tassew ġara, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom,  jiġifieri, li permezz ta' rivelazzjoni għarrafni l-misteru, bħalma ġa ktibtilkom  fil-qosor, minn dak li qrajtu tistgħu tifhmu sewwa kemm jiena dħalt fil-qalb tal-misteru ta' Kristu.   Dan hu l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu,  jiġifieri, li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri ta' l-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz ta' l-Evanġelju. 

 

Evanġelju

 

Biex naqbad ma’ dak li għadna kif smajna minn San Pawl, dawn l-Efesin ma kienu għamlu xejn li xejn biex tistħoqqilhom il-Grazzja tal-Fidi fi Kristu.  Inagħtat lilhom totalment bħala rigal gratis, b’xejn.  Huma ma kinux Lhud li kienu jafu x’inhi l-Qdusija, ir-Rieda ta’ Alla u kienu sfurżaw u ppruvaw jobduha.  Huma kienu minn twelidhom, pagani, imdorrijin fit-tajn u l-oxxenitajiet tas-soċjetà pagana tagħhom.  Biex insemmu fatt li qed jibda jċaqċaq f’pajjiżna: kienet soċjetà abortiva.  Kienu jwettqu l-abort bl-addoċċ.  U iktar minn hekk, il-liġi u d-drawwiet tagħhom kienu jippermettulhom li t-tarbija li titwieled setgħet tintrema’ fir-raba’ mat-twelid jekk tinstab li kellha xi difett, jew agħar, minħabba l-ġeneru tagħha, l-aktar jekk tkun tifla u l-ġenituri riedu tifel għall-bżonnijiet tal-finanżi tal-famija.  Meta soċjetà tidħol fil-paganiżmu, għal kollox tasal, bħalma qed naslu, bil-mod il-mod, aħna wkoll.

 

Minn dawn kienu n-nies li saru Qaddisin f’Efesu, f’Korintu, f’Tessalonika, f’Kolossi, f’Ruma... u anke f’Malta.  Ma kellhom l-ebda merti minn tagħhom, anzi.  Imma d-dnub ovvju tagħhom tefagħhom f’riġlejn Kristu mxandar lilhom bħala tpattija u fidwa mill-jasar tagħhom.  Huma emmnu li d-Demm ta’ Kristu kien prezzjuż biżżejjed biex imqar qatra waħda tnaddaf id-dinja kollha!  Huma ggranfaw ma’ dan u twieldu mill-ġdid għax bdew jgħixu moralità Nisranija li qabel kienu jitqażżu minnha.  Mill-ġdid intennu: iż-żiemel quddiem il-karru u mhux il-karru quddiem iż-żiemel.

 

Baltassar, Melkjor u Gaspar lemħu dan kollu fit-tarbija meta fl-aħħar sabu dak li kienu jfittxu?  Ma nafux.  Jista’ jkun, għax kollox hu Grazzja.  Imma quddiem it-tarbija, id-dinja kollha, pagana u mhix, inxteħtet tqim il-Misteru tas-Salvazzjoni fil-persuna ta’ dawn it-tliet barranin. Kellhom Storja ferm interessanti, dawn it-tlieta.  Hija l-Istorja ta’ kull wieħed minna, jekk nifluha sew. 

 

Lili tolqotni ħafna l-aħħar frażi tar-rakkont tagħhom: “u reġgħu lura lejn arthom minn triq oħra.”  (v. 12).  Dawn is-seba’, tmien kelmiet kienu jsewduli qalbi, għax donnu li l-Milied kien jagħlaq bihom, għadda kollox, inżarmaw kollox, spiċċaw il-vaganżi... “u reġgħu lura lejn arthom minn triq oħra.”  Anke Marija u Ġużeppi telqu mill-għar bit-tarbija tagħhom, u telqu f’daqqa, maħruba.  U l-għar reġa lura għal li kien, fil-kwiet u bla mportanza, kenn għal xi ragħaj waqt ix-xita.

 

Imma din id-dieqa ġejja mill-ispirtu pagan li hu mkaħħal magħna lkoll, bħas-sikrana fl-għalqa tal-Mulej.  J’Alla dis-sena l-Milied jimlina b’ferħ ġewwieni li joktor u mhux jonqos u hekk ikun tassew esperjenza Nisranija awtentika.

 

Versett: Hallelujah.  Rajna l-kewkba tiegħu fil-Lvant, u ġejna nqimu l-Mulej.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  2, 1-12

 

Meta twieled Ġesù f'Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu:  "Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh."  Is-sultan Erodi sama' bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu.  Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u  l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled   il-Messija.  U huma qalulu: "F'Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta:

 

                 'U int, Betlehem, art ta' Ġuda,

                 le, m'intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta' Ġuda

                 għax minnek joħroġ mexxej

                 li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.'

 

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba;  bagħathom Betlehem u qalilhom: "Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu." 

 

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel.  Kif raw il-kewkba mtlew b'ferħ kbir tassew.  Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma' ommu Marija, nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. 

 

Mbagħad, billi kienu mwissijin f'ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

 
< Prev   Next >