Wednesday, 21 February 2018
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TIELET HADD MATUL IS-SENA (2018) IZ-ZMIEN LI JIDDOMINANA
IT-TIELET HADD MATUL IS-SENA (2018) IZ-ZMIEN LI JIDDOMINANA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 20 January 2018

Din hija il- Liturgija  tat-Tielet Hadd matul is-Sena ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

jesus-and-disciples-in-boat-2000.jpg

 

Il-Liturġija tal-Kelma tat-Tielet Ħadd Matul is-Sena se tkellimna dwar iż-żmien.  Illum il-bniedem m’għandekx għalfejn twissih jew twiddbu fuq iż-żmien, almenu fejn jidħlu l-ħwejjeġ tad-dinja!  Il-bniedem sar ossessjonat biż-żmien, bil-ħin dejjem għaddej.  Iż-żmien sar toqol, b’wiċċ l-arloġġ donnu jrid jinkina, donnu l-argużin, l-għassies ta’ fuqna li jfaqqagħlna l-frosta kull meta nitlajjaw xi ftit. 

 

Bil-progress kollu tal-bniedem, bit-teknoloġija li f’sekonda tagħmillu dak li kien jeħodlu jum sħiħ biex jagħmlu qabel, xorta waħda l-ħajja saret ġennata, mgħaġġla wisq, anzi tellieqa kontra l-ħin u donnu li dak l-imbierek arloġġ jiġri iktar minn kulħadd.  Staqsu lill-mara, li barra li tmur taħdem daqs raġel, trid issajjar, tnaddaf, titfa’ l-ħasla fil-magna...  “Stress” saret kelma li kulħadd jaf xi tfisser.

 

Iż-“żmien” huwa ħolqien tal-mewt.  Fejn m’hemmx mewt m’hemmx żmien; hemm l-eternità fejn iż-żmien jiġi maqtul, għax kollox hu bla tmiem.  Allura, billi daħlet il-mewt fl-esperjenza tal-bniedem, il-ħajja għandha tmiem fuq din l-art u saret qisha sufarell kollu storbju li jinħaraq f’qasir iż-żmien.  Dari, l-bniedem kien inqas konxju ta’ dan għax kien isib il-ħin jagħmel kollox bil-kwiet, mingħajr għaġla, kollox bit-temp tiegħu... u l-mara tpoġġi l-borma fuq l-ispiritiera minn kmieni u għandha sa nofs in-nhar ittekktek.  Għalhekk il-bniedem kien jaħseb iktar.  Kien iktar spiritwali waqt li llum hu iktar mekkaniku, skorfina f’magna enormi li jgħidulha “ekonomija”.  Dan qed jiġri mad-dinja kollha.

 

Bl-ġiri u l-ferneżija kollha tiegħu, il-bniedem jaf li fl-aħħar mill-aħħar se jħalli kollox warajh, biex ikomplu jitħabtu bħalu u iktar minnu dawk li għad iridu jiġu.  X’ġenn!  Tant taħbit għall-ħwejjeġ li jgħaddu, biex imbagħad tkaxkir is-sieq u nħallu għall-għada dak li kapaċi jiskonġra ż-żmien, dak li jista’ jakkwistalna l-eternità, Ħajja bla tmiem, għal dejjem.  Il-bniedem jiġri wara r-riħ bla ma jista’ jaqbdu u jikkontrollah.  Imma hemm Wieħed li rebaħ iż-żmien għax rebaħ il-mewt u dan hu Ġesù ta’ Nazaret, il-Kristu, il-Mibgħut mill-Missier f’din il-pjaneta miġnuna u aljenata.  Min jaħraq il-ħin, iż-żmien, jiġri warajH biex jiskopriH, jagħrfu u jsir jafu personalment... dan ikun sab is-sens ta’ kollox.

 

Dijoġene kien filosofu Grieg pagan, imma għaref sew.  Waqt li madwaru n-nies kulħadd alenija iffissati f’dak li jkunu qed jagħmlu, hu telaq kollox, sab tank u mar jgħix fih.  Induna li fil-fatt il-bniedem ftit għandu bżonnijiet.  Ħafna affarijiet żiedhom hu biex tgħabba b’toqol immens li mingħalih kien se jħaffiflu l-ħajja.  Kellu drawwa li f’nofs in-nhar, fl-eqqel tad-dawl, kien jixgħel fanal u joħroġ idur mal-belt, donnu qed jgħarrex għal xi ħaġa.  In-nies kienet titbissem għax kemm kemm ma kinux jaħsbu li hu miġnun.  Kienu jgħidulu: “Dijoegene, x’int tfittex bil-fanal mixgħul f’nofs in-nhar?”  U kien iwieġeb: “Qed infittex bniedem; imma kemm hu diffiċli ssib wieħed!”  Kien qed ifittex xi ħadd li kien daqshekk moħħu f’loku li kien kapaċi jinduna b’dak li hu tassew importanti fil-ħajja.

 

L-Ewwel Qari

 

L-istorja tal-Profeta Ġona ġennitna minn mindu konna żgħar.  Kemm pinġejna stampi ta’ Ġona u l-ħuta kbira, kbira!  Hi storja mimlija għerf.  Mhix xi “fairy tale”.  Kull wieħed minnha jiltaqa’ mal-ħuta li tieħdu fejn irid Alla, wara li għal żmien twil inkunu tbegħedna minnu.  II-bniedem jixxennaq biex jagħmel lilu nnifsu alla tal-Istorja tiegħu, imma hu mhux Alla.  F’xi ħin tiġi l-ħuta, taħt forma jew oħra, li tibilgħu u ġġorru, għall-ġid tiegħu, lejn ir-Rieda ta’ Alla l-veru.

 

Imma l-verità prinċipali tar-rakkont hi li hemm salvazzjoni għal kull maħluqa, u mhux għall-poplu Lhudi biss, kif kienu jaħsbu dawn.  Niniveh, Mosul tal-lum fl-Iraq, kienet belt enormi għal dak iż-żmien.  Belt pagana.  Iżrael kien il-poplu ta’ Alla, imma l-Mulej kien jimpurtah minn Niniveh wkoll, anke jekk din, bħala l-kapitali tal-Imperu tal-Assirja, ħafna drabi kienet theddida enormi għall-poplu magħżul tiegħu. Mhux biss ried isalvaha, imma ried jagħmel dan b’urġenza, għax iż-żmien kien qed jagħfas.  Erbgħin jum u Niniveh issir ħerba! 

 

Dan hu tassew iż-żmien li jgħodd, u mhux li niġġennu biex inħaxxnu l-“account” il-bank!  Erbgħin jum, u jien u int jista’ jkun li ninqerdu.  Fuq dan ma naħsbux.  Kollox hu prekarju; ma tista’ taħlef fuq xejn.  Illum hawn, u għada...

 

Niniveh tibqa’ mfakkra bħala l-belt li emmnet lill-profeta li ntbagħtilha fl-aħħar mument.  Din hi r-rebħa fuq iż-żmien u l-kisba tal-eternità.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona.  3, 1-5, 10

 

U l-kelma tal-Mulej għat-tieni darba waslet lil Ġona u qallu: "Qum, mur f'Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien." U Ġona qam u mar f'Ninwè kif qallu l-Mulej. Issa Ninwè kienet belt kbira għall-aħħar, trid tlitt ijiem biex timxiha.  Ġona, kif daħal il-belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: "Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!"

 

In-nies ta' Ninwè emmnu f'Alla, nedew sawma u libsu x-xkejjer, mill-kbir saż-żgħir.  U Alla ra x'għamlu, kif reġgħu lura minn triqthom il-ħażina. U Alla raġa' bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux.

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salmista ta’ dan is-Salm huwa bniedem li għaraf li ż-żmien kien misluf lilu biex jinqeda bih ħalli jagħraf il-verità ta’ kollox, jagħraf il-Misteru l-Kbir: minn fejn ġie; fejn kien sejjer; min ħalaq kollox; għaliex hawn hu hawn, jieħu n-nifs u jgħix, u mhux ħaddieħor floku;  x’sens għandu dan kollu?  Huwa l-bniedem li uża tajjeb iż-żmien, u t-tfittxija tiegħu ħaditu għand Alla, l-għajn ta’ kollox, li hu Mħabba.  Dan hu l-pożittiviżmu ta’ min jemmen f’Alla: għax kollox hu maħluq mill-Imħabba, u l-Imħabba hi l-iktar qawwa setagħna li teżisti u li hi qegħda tmexxi l-Istorja li ħafna drabi ma tinftiehemx.

 

Il-bniedem jinsab f’mixja, imma hemm diversi toroq u waħda biss hi li tieħdok lejn l-eternità.  Għalhekk is-Salm jokrob lil Alla biex jurina t-triq il-vera ħalli ma nkunux boloh u naħlu ż-żmien li qed jinagħtalna darba u daqshekk.  Min se jimxi t-triq ta’ Alla jekk mhux min għaraf lilu nnifsu u skopra li hu mhu xejn u li hu ta’ min jitħassru u jħenn għalih?  Huwa dan li jitlob il-Ħniena mingħand Alla waqt li l-oħrajn, fis-suppervja tagħhom, jidħku, u jkomplu jibnu l-kastelli tagħhom tad-duħħan.

 

Ritornell:  Triqatek, Mulej, urini.

 

Salm 25

 

Triqatek, Mulej, għarrafni,

il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,

għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

 

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,

għax huma minn dejjem, Mulej.

Tiftakarx fil-ħtijiet u d-dnubiet ta' żgħożiti:

inti tajjeb, Mulej; ftakar fija skond it-tjieba tiegħek.

 

Tajjeb u sewwa l-Mulej;

għalhekk juri triqtu lill-ħatja.

Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,

jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Iktar minn Dijoġene, Pawlu kien ixxurtjat għax id-Dawl ġie jiltaqa’ miegħu.  Hu fettex id-Dawl, veru, imma fettxu fil-Liġi, fl-isforzi tiegħu, fil-kapaċità tal-bniedem.  Dan bħal meta wieħed irid jitla skyscraper enormi ta’ ’l fuq minn mitt sular, bit-taraġ.  Dan hu t-taħbit tal-bniedem, tal-Fariżej u ta’ Pawlu.  Imma Pawlu, u kull Nisrani veru, skopra li hemm mod ieħor: il-“lift”!  Il-“lift” huwa l-Grazzja ta’ Alla.  Il-Grazzja hija li Alla jiġi jiltaqa’ mal-bniedem u jagħtih b’rigal gratis, b’xejn, bla ma jistħoqlu, bla ma għandu għalfejn jisforza, l-għarfien tal-Misteru ta’ Kristu li hu l-Imħabba ta’ Alla.

 

Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù għandha rakkont ħelu mmens dwar l-inutilità tal-isforzi tal-bniedem u l-“kollox” tal-Grazzja.  Hi kienet għaddejja minn kriżi fil-kunvent għax kienet qed titħabat wisq biex tagħraf dejjem iktar l-Imħabba ta’ Ġesù għaliha, murija l-iktar fil-Misteru tal-Għid.  Meta dan kollu kien sar ossessjoni għaliha, darba ħolmot ħolma.  Rat lilha nnifisha bħal tifla ċkejkna quddiem taraġ enormi li ma jispiċċa qatt u li kull tarġa kienet ikbar minn sular.  Dan it-taraġ kien jieħu għal xi post meraviljuż imdawwal b’dija tal-għaġeb minn fejn kien jinstema’ kant ta’ ħlewwa bla qies. Kemm xtaqet titla’ s’hemm dik it-tifla!  Fil-ħolm ratha titħabat u titħabat biex tixxabbat mal-ewwel tarġa, imma kollu ta’ xejn. Il-ġenb tat-tarġa kien lixx ħafna… u din kienet għadha l-ewwel tarġa.  Meta qatgħet qalbha, it-tifla poġġiet bilqegħda fl-art u bdiet tibki kemm tiflaħ.  Imma dak il-ħin stess, sabet ruħha merfugħa fil-keffa ta’ id kbira u setagħna li ġarritha b’għaġla ’il fuq ’il fuq u waslitha f’kemm trod salib f’dak il-post tal-għaġeb.

 

Meta qamet, Tereżina ndunat li l-Mulej kien kellimha, u qalbha mtliet bil-ferħ għax intebħet li jekk għall-bniedem ma jistax ikun, imma għal Alla, iva, għal Alla kollox jista’ jkun.  Il-Qdusija hi Grazzja minn Alla u mhux xi opra tal-bniedem.  Għal din il-Grazzja għandna nitolbu bla waqfien: il-Grazzja li nsiru qaddisin, ħielsa, imfejqa minn ġewwa u mimlijin imħabba għal kulħadd.  Tant hi kbira l-Grazzja li tagħtina lil Kristu adult jgħammar fina, li Pawlu jgħid li min għandu mara qisu m’għandux, min hu sinjur qisu mhux, għax l-għana ta’ ġewwa jgħammex għal kollox dak ta’ barra.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  7, 29-31

 

 Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx;  dawk li jibku, bħallikieku ma jibkux; dawk li jifirħu, bħallikieku ma jifirħux; dawk li jixtru, bħallikieku ma għandhom xejn;  dawk li jgawdu d-dinja, bħallikieku ma jgawduhiex; għax is-sura ta' din id-dinja għad tgħaddi!

 

Evanġelju

 

San Pawl qal li ż-żmien qsar, waqt li Ġesù jibda l-missjoni tiegħU bil-kliem “Iż-żmien huwa mitmum.” (v. 15).  Importanti ż-żmien la qed ngħixu fl-ekonomija tal-mewt.  Il-Missier ried li aħna nagħmlu esperjenza meraviljuża tal-Ħajja, darba biss, fuq din l-art.  Aħna konna f’moħħ il-Mulej minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex ninqdew biż-żmien misluf lilna, b’din il-Ħajja, ħalli ngħarfuH, inħobbuH, naqduH u mmorru ngawduH għal dejjem f’imkien fejn jispiċċa ż-żmien għax kollox hu etern.

 

Kristu jgħaddi jsejjaħ l-ewwel dixxipli.  Santu Wistin jgħid: “Ħarisni Mulej, li ma jkollix dik l-isfortuna li Int tgħaddi minn quddiemi u jien ma nindunax bik!”  Kristu qiegħed isejjaħ bħalissa. Hu għandu bżonn il-ġisem tagħna biex ikun jista’ jibni s-Saltna tiegħU fuq din l-art, bħalma darba kellu bżonn il-ġisem tal-Verġni Marija biex ikun jista’ jieħu ġisem bħal tagħna. 

 

Huwa jsejjaħ bnedmin bħalna, forsi lilna, biex jimlihom bl-Ispirtu tiegħu.  Huwa dan li jagħmel lill-bniedem kapaċi jitlaq kollox, ibiddel ħajtu u jimxi wara l-Imgħallem.  Sal-lum stess, nies iħallu xogħolhom, iħallu djarhom, iħallu familjari, ħbieb u l-ambjent għażiż għalihom, biex jimxu wara l-Imgħallem, imur fejn imur.  U hawn mhux qed nalludi għall-qassisin, patrijiet u sorijiet biss, imma wkoll nies tal-familja bħalna u żgħażagħ.

 

Iktar minn darba, dan il-Vanġelu se juża l-kelma “minnufih”.  M’hemmx telf ta’ żmien.  Iż-żmien hu mitmum.  Waslet is-siegħa.  “iż-żiemel tiegħi ħerqan biex jitlaq,” kiteb wieħed poeta, “u jien se mmur nikseb saltnati!”  L-esperjenza ta’ Ġesù Kristu hi l-ikbar u l-isbaħ esperjenza li wieħed jista’ jagħmel, u ħafna żgħażagħ dan qegħdin jiskopruh, mimlijin ħeġġa biex ikunu parti minn Knisja Ġdida li qegħda titlesta għal żminijiet ġodda.

 

Versett: Hallelujah.  Is-Saltna ta’ Alla qorbot: emmnu fil-Bxara t-Tajba. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju taq’ San Mark.  1, 14-20

 

Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta' Alla u jgħid: "Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta' Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju."

  

Waqt li kien għaddej ma' xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u 'l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda.  U Ġesù qalilhom: "Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin."  U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.

 

 Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta' Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek,  u minnufih sejjħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.

 

 

 
< Prev   Next >