Din
hija il- Liturgija tar-Raba' Hadd matul is-Sena ( 2018 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Aħna
għandna l-ideja żbaljata li kollox beda mal-bniedem ‘modern’; li qabel iż-żmien
tagħna kien hemm biss żminijiet mudlama; li l-bniedem ‘modern’ huwa xemx ta’
għerf li vvinta kollox u dawk li ġew qabel kienu antikwati, injoranti u
lura. Il-verità hi li huwa minnu li
fiż-żminijiet moderni l-bniedem għamel avanzi kbar fix-xjenzi, fit-teknoloġija,
fil-mediċina... u ngħiduha kif inhi, fl-armamenti tal-gwerra li kapaċi
jisparixxu lid-dinja mill-univers! Imma
l-bniedem tal-lum sab ħafna affarijiet lesti biex fuqhom jibni. Mhux hu kien li vvinta r-rota, biex ngħidu
hekk.
Pereżempju,
fil-lingwaġġ polemikuż li jintuża f’dibattiċi dwar suġġetti jaħarqu f’pajjiżna,
u anke barra, min ma jaqbilx mal-kultura dominanti li hi moda bħalissa, u għada
ċċedi quddiem xi moda oħra, jgħajruk “tal-medjuevu”. Smajt wieħed, li mhux iblah, jgħid li jekk
jgħajruh “tal-medjuevu” iħossu kburi għax il-medjuevu kien żmien fertili mmens
għall-bniedem li fih twieldu l-universitajiet il-kbar tal-Ewropa u l-kontinent
tagħna ra trasformazzjoni sħiħa f’ħafna oqsma.
Il-bliet il-kbar li għandna llum, sabu spirtu u ħeġġa ta’ espansjoni
f’dawk iż-żminijiet, biex ma ngħidu xejn għall-meravilji tal-arkitettura li
welldet katidrali u abbaziji majestużi kullimkien. Kien żmien li l-Knisja tat għad-dawl qaddisin
kbar u għorrief bħal San Tumas ta’ Aquino, San Franġisk, San Duminku u oħrajn.
Dan
qed ngħidu għax il-bniedem minn dejjem kien ħlejqa nobbli, maħbuba minn Alla u
mogħti l-ġenju ta’ moħħ li bih Alla riedu jaħkem id-dinja. Kien il-bniedem primittiv li, mingħajr ma sab
xejn lest minn qabel, ivvinta r-rota, li hi msejħa bħala waħda mis-sejbiet
il-kbar tal-bniedem li mbagħad weldet invenzjonijiet oħra. Fuq kollox, kif għidna iktar minn darba
hawnhekk, il-bniedem minn dejjem ħares ’il fuq lejn l-univers imtektek bi
kwiekeb u pjaneti u kien intelliġenti biżżejjed li beda jistaqsi mistoqsijiet
profondi dwar Alla u beda jfittxu.
Ġo
fih il-bniedem ħass istint, imbuttatura biex jersaq lejn min ħalqu, imma Hu
dwar Dan ix-Xi Ħadd ma kien jaf xejn.
Kien Alla nnifsu li beda juri ruħu ftit ftit, speċjalment lil wieħed
mill-ġnus, il-poplu ta’ Iżrael.
Hawnhekk, hu ċar, li l-inizjattiva kellha tiġi minn Alla u mhux
mill-bniedem. Huwa beda jibgħat
messaġġiera, bnedmin bħalna, imma li imlihom bl-Ispirtu tiegħu, biex dawn
jgħarrfu lill-bqija tal-poplu l-verità dwar Dak li hu l-għajn, il-bidu ta’
kollox. Mill-banda l-oħra, Iżrael kellu
l-missjoni li dan l-għarfien ixerrdu mal-ġnus kollha, kif fil-fatt sar
bil-Miġja ta’ Alla nnifsu fil-ġisem ta’ Ġesù ta’ Nazaret.
Il-Mulej
bagħat il-patrijarki, il-profeti u ħafna nies, u nisa, ġusti li dawlu
lill-poplu bil-messaġġ li rċivew mingħandu.
Fl-aħħar, fil-milja taż-żmien, ġie l-Messaġġ innifsu! Ġie Alla jgħammar fostna, mhux biss biex
jgħallimna, imma l-aktar biex iwettaq fidwa għall-bniedem mill-jasar terribli
li jaħkimlu lil moħħu u lil qalbu. Meta
Alla nnifsu għex il-Misteru tal-Għid f’Ġesù Kristu, Huwa nnifsu sar tpattija
għall-qagħda ta’ mewt li fiha sab ruħu kull bniedem. Il-mewt li hija l-frosta ta’ dan il-jasar,
ġiet mirbuħa, u l-prova li hi mirbuħa hija l-fatt li dawk li tassew jemmnu
f’Ġesù u għandhom il-milja tal-Ispirtu tiegħu, iħobbu saħansitra lill-għadu. Tnejn huma s-sinjali li jbelhu d-dinja:
l-imħabba u l-għaqda. Id-dinja tbati
mill-egoiżmu u l-firda u meta tara dawn is-sinjali li Kristjan biss għandu,
tinġibed mill-ewwel. Fejn m’hemmx dawn
is-sinjali, m’hemmx tassew Knisja ħajja.
L-Ewwel
Qari
Fid-Dewteronomju,
Alla jwiegħed Profeta kbir u misterjuż li kellu jidher meta jasal il-waqt. Dan il-Profeta kellu jkun aktar minn profeta
u kellu jkun aqwa minn Mosè, l-aqwa mexxej tal-poplu ta’ Alla. Fl-Evanġelju tiegħu, San Ġwann jgħid xi ħaġa
mportanti ħafna: “Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità
seħħew permezz ta’ Ġesù Kristu.” (Ġw. 1,
17). Din is-sentenza turi d-differenza
bejn Kristu u Mosè, il-kobor immens ta’ Kristu xħin tqabblu ma’ dawk li ġew
qablu jew warajH. Mosè huwa l-bniedem
tal-Liġi. Il-Liġi hi mimliha għerf u
qdusija. Il-Liġi turina x’inhi l-Qdusija
li hi l-Ħajja. Barra minn din il-Qdusija
li turina l-Liġi, kollox hu mewt u taħsir.
Iżrael kien, u għadu, jiftaħar bil-Liġi u għandu raġun għax il-Liġi li
Alla nnifsu nebbaħ lil Mosè hi ħuġġieġa dawl f’dinja mdallma.
Imma
l-Liġi ma ssalvax lill-bniedem! Il-Liġi
hi negattiva għax lill-bniedem tgħidlu biss kemm hu midneb u tikkonvinċih li
għandu bżonn min isalvah bla ma ssalvah hi.
Il-Liġi ma ssalvax lill-bniedem għax l-ebda bniedem ma jista’ jobdiha
bil-ħila tiegħu. Quddiem il-Liġi kull
bniedem hu mixli bħala midneb. San Pawl
jitkellem ħafna dwar dan. Li kieku
l-ubbidjenza tal-bniedem kienet kapaċi tagħtih salvazzjoni, allura Ġesù x’ġie
jagħmel hawn? Ma kellniex lil Mosè li
kien biżżejjed? Imma Mosè ma kienx
biżżejjed. Mosè ma kienx
is-Salvatur. Li kieku l-bniedem isalva
b’dak li jagħmel hu, ir-rigal kien ikun mistħoqq lilu bħalma l-paga hija
mistħoqqa lill-ħaddiem. Imma f’dan
ir-raġunar m’hemmx wisgħa għall-Grazzja u għall-Opra mwettqa minn Kristu. L-Aħbar ta’ Kristu, l-Evanġelju kien ikun bla
sens. Imma l-Grazzja li rebħilna Kristu
bil-merti tiegħU tant tisboq il-merti tal-bniedem li hi rigal mogħti b’xejn
lill-midneb li ma jistħoqqlux, imma li jemmen li fi Kristu hu salv. Hija din il-Grazzja li salvat lill-ħalliel
fuq is-salib bla ma kien obda l-Liġi jew għamel opri li stħaqqewlu din
il-Grazzja.
Imma
quddiem din il-verità li fuqha jitkellem it-Testment il-Ġdid, hemm min
jgħidlek: “Mela tajjeb, jien nagħmel li rrid għax hekk jew hekk Kristu se jsalvani!” Dan il-kliem tefgħuh f’wiċċ San Pawl
ukoll! Min jitkellem hekk ma jkunx jaf
x’qiegħed jgħid u għadu qatt ma ltaqa ma’ din l-Imħabba gratis li Kristu għandu
għalih. Għal bniedem bħal dan id-dnub
għadu xi ħaġa sabiħa li Alla ma jridux jagħmilha. Għadu ma ndunax li d-dnub joqtol. Iħobb lid-dnub aktar milli jħobb lil
Alla. Għadu ma jafx x’effett għandha
s-Sorpriża stupenda tal-iskoperta ta’ x’għamel għalina Ġesù fil-Misteru
tal-Għid li dalwaqt niċċelebraw. San
Ġwann l-Evanġelista jasal biex jgħid xi ħaġa tal-għaġeb: li dawk li jitwieldu
minn Alla, jiġifieri dawk li skoprew lil Kristu u jemmnu tassew fiH, għandhom
fihom iż-żerriegħa ta’ Alla nnifsu, in-natura tiegħU, l-Ispirtu Qaddis tiegħu u
lanqas jistgħu jidinbu!! Min isir “fi
Kristu” jsir ħolqien ġdid u n-natura tiegħu ma tibqax dik li għandu llum
miġbuda dejjem li it-taħsir tad-dnub.
Qari
mill-Ktieb tad-Dewteronomju. 18, 15-20
Mosè
kellem lill-poplu u qal: “Il-Mulej, Alla tiegħek, iqajjimlek profeta
bħali minn ġensek, minn fost ħutek; lilu għandkom tisimgħu. Dan kollu skond ma tlabt
inti stess lill-Mulej, Alla tiegħek, fil-Ħoreb f'jum il-laqgħa, meta għedt:
'Jalla ma nismax aktar leħen il-Mulej, Alla tiegħi, u ma narax aktar dan in-nar
iħeġġeġ, ħalli ma mmutx.'
U
l-Mulej qalli: 'Sewwa għamlu li tkellmu. Jiena
nqajjmilhom profeta bħalek, minn fost ħuthom; nqiegħed kliemi fuq fommu, u
jħabbrilhom kull ma nordnalu. Min
ma jagħtix widen għal kliemi li huwa jħabbar f'ismi, jiena nitolbu kont talli
jkun naqas. U jekk xi
profeta jfettillu jgħid f'ismi ħwejjeġ li ma nkunx qabbadtu jgħid, jew inkella
jħabbar f'isem allat oħra, dan il-profeta jkun ħaqqu l-mewt.'
Salm
Responsorjali
Is-silta
li se sservina bħala Salm Responsorjali hi meħuda minn Salm
95, Salm magħruf ħafna fost dawk li għandhom id-drawwa ħelwa li jitolbu
l-Brevjar tal-Knisja. Dan għaliex Salm
95 jissejjaħ is-Salm Invitatorju, is-Salm li kull filgħodu kmieni jistedinna
nibdew il-Jum tat-Talb tagħna. Jingħad
kuljum bħala l-ewwel talba tal-Jum, dak li jiftaħ il-Bieb għall-Brevjar
tal-ġurnata.
Is-Salmi
huma t-Talb uffiċċjali tal-Knisja, u għalkemm kull talb hu tajjeb sakemm
magħmul bil-qalb u b’qima, xejn ma jisboq lis-Salmi għax dawn huma mnebbħin
minn Alla nnifsu. Huma l-Kelmiet li
l-Ispirtu s-Santu poġġa f’qalb David u Salmisti oħra biex bihom jersqu lejH
f’kull ċirkostanza. Hemm Salmi ta’
petizzjoni għal meta jkollna l-bżonn urġenti tal-għajnuna ta’ Alla, hemm Salmi
ta’ tifħir u radd il-ħajr, hemm Salmi ta’ tagħlim... hemm Salmi għal kull
sitwazzjoni tal-Ħajja. Ħafna mis-Salmi
jitolbu ħaqq kontra l-għedewwa tagħna.
B’għedewwa l-Knisja ma tridx li aħna nifhmu nies oħrajn, xi proxxmu li
jkun għamlilna l-ħsara, imma x-xjaten li huma l-veri għedewwa tagħna u li huma
ferm iktar perikolużi mill-bnedmin.
Il-Brevjar
spiċċa f’idejn il-Presbiteri u n-nies ikkonsagrati bħalma huma l-patrijiet u
s-sorijiet għas-sempliċi raġuni li dari dawn biss kienu jafu jaqraw. Illum kulħadd jaf jaqra, mela dawn is-Salmi
għandhom jirritornaw f’idejn il-poplu kif tenna l-Konċilju Vatikan II u kif
dejjem riedet il-Knisja. Il-Brevjar ma
ħaditux il-Knisja minn idejn il-lajċi imma spiċċa biss għand il-qassisin eċċ
minħabba l-esiġenzi taż-żminijiet, li llum spiċċaw.
Fil-bidu
ta’ kull jum, dan is-Salm, Salm 95 jistedinna biex ma nwebbsux qalbna meta
nisimgħu leħen il-Mulej. Alla jista’
jkellimna bil-Kelma tiegħu, imma wkoll bl-Istorja ta’ kull ġurnata. Għalhekk hija f’waqtha din l-ammonizzjoni ta’
dan is-Salm kull filgħodu, għax ħafna drabi r-rigali tal-Mulej jiġu għandna
mgeżwra f’karti koroh, il-kontra tar-rigali tad-dinja. L-ewwel reazzjoni tagħna quddiem leħen
il-Mulej, aktarx tkun ebbusija tal-qalb minħabba l-biża’ tal-mewt li jgħammar
fina.
Jistedinna
wkoll dan is-Salm biex infaħħru l-Mulej u nroddulu ħajr għax huwa l-Blata
tas-Salvazzjoni tagħna. Din il-Blata hi
Kristu li rebħilna l-Ħajja ta’ Dejjem bil-merti tal-ubbidjenza tiegħu
fil-Misteru tal-Għid li Huwa għex b’risq tagħna.
Imma
fuq kollox itenni biex, meta l-Istorja ma nifhmuhiex u ma togħġobniex, ma
nwebbsux qalbna bħalma għamel Iżrael f’Massah u Meribah, żewġ postijiet
fid-deżert, meta kienu bil-għatx u sabu l-ilma li kien morr. Kollox kien jgħidilhom li Alla nsihom u
ddispraw. Dan hu li jiġrilna meta
ninterpretaw dak li ngħaddu minnu bir-raġuni tagħna. Fil-fatt ikun satana li jinterpretalna l-Istorja
biex ixewwixna kontra l-Mulej.
In-Nisrani
dejjem jistaqsi: “Xi jrid jgħidli l-Mulej b’dan kollu?” Issa jew imbagħad se jirċievi r-risposta u
jasal il-waqt meta jinduna li qaddisa hija triq il-Mulej. L-Istorja tgħallimna li kollox huwa mkebbeb
fil-Misteru tal-Għid. L-Għid = mewt u
Ħajja, mogħdija mill-mewt għall-Ħajja dejjem iktar sabiħa. Din hi l-opra ta’ Alla, il-proċess
tiegħu. Iżrael dam erbgħin sena
fid-deżert biex fehem dan.
Ritornell:
Isimgħu leħen il-Mulej, u la twebbsux qalbkom.
Salm
95
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata
tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,
ngħannulu b'għajat ta' ferħ.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u
n-nagħaġ tiegħu.
M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!
"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,
bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt.
It-Tieni Qari
Ħafna jaħsbu li jekk jimxu wara l-Mulej se jkollhom
triq iktar difiċċli milli kieku jimxi wara d-dinja. Min qalilhom dan? Hija r-reliġjożità naturali li taħseb li
iktar kemm tbati hawn iktar tgawdi wara.
Dan mhux il-Kristjaneżmu.
Il-Kristjaneżmu huwa Aħbar Tajba għall-bniedem. Il-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja mhux
biex iżid il-pis fuq spallejn il-bniedem imma biex jeħilsu mill-jasar tiegħu li
ma jħallihx jgħix Ħajja ħielsa u fis-sliem.
Min jimxi wara l-Mulej jimxi fis-Sliem għax Kristu huwa s-Sliem
tagħna. Hu veru li se jiltaqa’ ma taħbit
u persekuzzjoni minħabba l-Imħabba li jkollu lejn il-Mulej. Imma ħares lejn in-nies tad-dinja li jgħixu
bla tama u bla sigurtà għax Alla mhux Missierhom.
San Pawl jgħidilna biex ma ninkwetaw ruħna b’xejn. Kollox jinsab f’idejn il-Missier u dawk
kollha li intellqu f’idejH bil-Fidi kollha skoprew li kollox jispiċċa
tajjeb. Fid-deżert Iżrael skopra li Alla
jipprovdi. F’kull sitwazzjoni
jipprovdi.
Hawn, Pawlu donnu jagħti parir li jkun aħjar li bniedem
ma jiżżewwiġx biex tassew il-Mulej ikun l-ewwel f’kollox. Dan hu qari kontroversjali, imma bnadi oħra
Pawlu jfaħħar il-ħajja miżżewġa fil-Mulej u jxebbahha mar-relazzjoni bejn
Kristu u l-Knisja tiegħu. Dak li Pawlu
jrid jgħidilna hu li miskin il-bniedem li Kristu mhux fl-ewwel post għalih għax
b’hekk biss jista’ jgawdi l-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn. Naturalment i-familja tista’ tkun idolu għal
ħafna. Dan ftit jammettuh, imma jekk
nippreferu l-familja għal Kristu nkunu qed nagħmlu ħsara lilna nfusna għax
il-Ħajja mingħand Kristu tiġik u mhux mill-familja.
Bi Kristu fin-nofs, il-familja tistagħna u ssir Knisja
Domestika. Anzi llum il-Knisja fehmet
kemm hija għolja u qaddisa il-vokazzjoni tal-familja numeruża li titlob
flimkien u timxi flimkien fit-tfittxija u l-iskoperta dejjiema tal-Imħabba
tal-Missier murija fi Kristu Ġesù.
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. 7, 32-35
Ħuti, jiena rridkom bla
ħsibijiet. Ir-raġel mhux miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri,
kif jogħġob lill-Mulej. Min
hu miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif jogħġob
lil martu, u hu
mifrud fih innifsu.
Hekk ukoll il-mara mhix
miżżewwġa u x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, biex ikunu
qaddisa f'ġisimhom u f'ruħhom. Iżda l-mara miżżewwġa ħsiebha fil-ħwejjeġ
tad-dinja, jiġifieri, kif togħġob lil żewġha.
Dan qiegħed ngħidhulkom
għall-ġid tagħkom, mhux biex inxekkilkom, iżda għall-ġid tagħkom u biex tgħixu
marbutin mal-Mulej bla tixrid ta' moħħ.
Evanġelju
Alla
żamm kuntatt mal-bniedem u qatt ma ħalieh għal riħu. Meta bagħat lil Ibnu, tana kollox, u f’Ibnu
wriena dak kollu li seta jurina dwaru nnifsu.
Ma baqagħlu xejn x’jurina li jista’ jifilħu l-moħħ tal-bniedem.
Fi
Kristu, il-Missier jissorprendina u ħafna jibqgħu mistgħaġba waqt li oħrajn
iwebbsu qalbhom u jirrabjaw. Huma dawk
li ma jagħtux kas, li ma jisimgħux li jibqgħu bierda u qisu ma ġara xejn
quddiem il-Misteru ta’ Kristu. Imma dawk
li jisimgħu, jitħawdu għall-ewwel għax Kristu jħott dak li tkun drajt bih biex
jagħti ħwejjeġ ġodda, għarfien ġdid u l-ilma bla togħma tiegħek ibiddilulek
f’inbid ġdid tal-festa.
Fil-Vanġelu
tal-lum, Kristu juri ruħu bħala wieħed li għandu setgħa fuq ix-xjaten u l-ħażen
kollu. Illum aħna ngħidu: “Fejn se
tispiċċa l-Knisja? Tant nies qed joħorġu
minnha fl-Ewropa u anke f’pajjiżna stess.”
Imma min jemmen tassew fil-qawwa tal-Mulej Ġesù, jinkedd iva, imma ma
jinkwetax dwar il-futur għax Kristu għandu setgħa fuq kull ħażen. Anzi x-xjaten
stess jagħtu xhieda fuqu li hu Bin Alla u jikorbulu biex ma jaħqarhomx.
Kristu
għadu jkeċċi x-xjaten min-nies sal-ġurnata tal-lum. Kemm nies qegħdin fil-kumbattiment
tal-konverżjoni bħalissa! Il-fama ta’
Kristu tibqa’ għal dejjem għax hu Ħaj u hu jitqabad favur il-bniedem kontra
dawk li jridu jkaxkruh lejn it-telfiet ta’ dejjem.
Versett:
Hallelujah. Il-preċetti tiegħek, Mulej,
iferrħu l-qalb, il-kmandament tiegħek idawwal il-għajnejn. Hallelujah.
Qari
mill-Evanġelju ta’ San Mark. 1, 21-28
U daħlu Kafarnahum.
Malajr, f'jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu
mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li
għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.
Mela jkun hemm
fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid:
"Aħna x'għandna x'naqsmu, Ġesù ta' Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf
min int: 'Il-Qaddis ta' Alla'." Imma Ġesù kkmandah:
"Iskot," qallu, "u oħroġ
minnu."
Mbagħad l-ispirtu ħażin
lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.
U lkoll stagħġbu, u
bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: "Dan x'inhu? X'tagħlim ġdid
mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma
joqogħdu għalih!" U l-fama tiegħu malajr xterdet ma' l-inħawi
kollha tal-Galilija.
|