Wednesday, 22 August 2018
           
Home arrow Home
IR-RABA’ HADD MATUL IS-SENA (2018) ALLA J{OMM KUNTATT MAGHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 26 January 2018

Din hija il- Liturgija  tar-Raba' Hadd matul is-Sena ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 gesu.jpg

 

Aħna għandna l-ideja żbaljata li kollox beda mal-bniedem ‘modern’; li qabel iż-żmien tagħna kien hemm biss żminijiet mudlama; li l-bniedem ‘modern’ huwa xemx ta’ għerf li vvinta kollox u dawk li ġew qabel kienu antikwati, injoranti u lura.  Il-verità hi li huwa minnu li fiż-żminijiet moderni l-bniedem għamel avanzi kbar fix-xjenzi, fit-teknoloġija, fil-mediċina... u ngħiduha kif inhi, fl-armamenti tal-gwerra li kapaċi jisparixxu lid-dinja mill-univers!  Imma l-bniedem tal-lum sab ħafna affarijiet lesti biex fuqhom jibni.  Mhux hu kien li vvinta r-rota, biex ngħidu hekk.

 

Pereżempju, fil-lingwaġġ polemikuż li jintuża f’dibattiċi dwar suġġetti jaħarqu f’pajjiżna, u anke barra, min ma jaqbilx mal-kultura dominanti li hi moda bħalissa, u għada ċċedi quddiem xi moda oħra, jgħajruk “tal-medjuevu”.  Smajt wieħed, li mhux iblah, jgħid li jekk jgħajruh “tal-medjuevu” iħossu kburi għax il-medjuevu kien żmien fertili mmens għall-bniedem li fih twieldu l-universitajiet il-kbar tal-Ewropa u l-kontinent tagħna ra trasformazzjoni sħiħa f’ħafna oqsma.  Il-bliet il-kbar li għandna llum, sabu spirtu u ħeġġa ta’ espansjoni f’dawk iż-żminijiet, biex ma ngħidu xejn għall-meravilji tal-arkitettura li welldet katidrali u abbaziji majestużi kullimkien.  Kien żmien li l-Knisja tat għad-dawl qaddisin kbar u għorrief bħal San Tumas ta’ Aquino, San Franġisk, San Duminku u oħrajn.

 

 

Dan qed ngħidu għax il-bniedem minn dejjem kien ħlejqa nobbli, maħbuba minn Alla u mogħti l-ġenju ta’ moħħ li bih Alla riedu jaħkem id-dinja.  Kien il-bniedem primittiv li, mingħajr ma sab xejn lest minn qabel, ivvinta r-rota, li hi msejħa bħala waħda mis-sejbiet il-kbar tal-bniedem li mbagħad weldet invenzjonijiet oħra.  Fuq kollox, kif għidna iktar minn darba hawnhekk, il-bniedem minn dejjem ħares ’il fuq lejn l-univers imtektek bi kwiekeb u pjaneti u kien intelliġenti biżżejjed li beda jistaqsi mistoqsijiet profondi dwar Alla u beda jfittxu.

 

Ġo fih il-bniedem ħass istint, imbuttatura biex jersaq lejn min ħalqu, imma Hu dwar Dan ix-Xi Ħadd ma kien jaf xejn.  Kien Alla nnifsu li beda juri ruħu ftit ftit, speċjalment lil wieħed mill-ġnus, il-poplu ta’ Iżrael.  Hawnhekk, hu ċar, li l-inizjattiva kellha tiġi minn Alla u mhux mill-bniedem.  Huwa beda jibgħat messaġġiera, bnedmin bħalna, imma li imlihom bl-Ispirtu tiegħu, biex dawn jgħarrfu lill-bqija tal-poplu l-verità dwar Dak li hu l-għajn, il-bidu ta’ kollox.  Mill-banda l-oħra, Iżrael kellu l-missjoni li dan l-għarfien ixerrdu mal-ġnus kollha, kif fil-fatt sar bil-Miġja ta’ Alla nnifsu fil-ġisem ta’ Ġesù ta’ Nazaret.

 

Il-Mulej bagħat il-patrijarki, il-profeti u ħafna nies, u nisa, ġusti li dawlu lill-poplu bil-messaġġ li rċivew mingħandu.  Fl-aħħar, fil-milja taż-żmien, ġie l-Messaġġ innifsu!  Ġie Alla jgħammar fostna, mhux biss biex jgħallimna, imma l-aktar biex iwettaq fidwa għall-bniedem mill-jasar terribli li jaħkimlu lil moħħu u lil qalbu.  Meta Alla nnifsu għex il-Misteru tal-Għid f’Ġesù Kristu, Huwa nnifsu sar tpattija għall-qagħda ta’ mewt li fiha sab ruħu kull bniedem.  Il-mewt li hija l-frosta ta’ dan il-jasar, ġiet mirbuħa, u l-prova li hi mirbuħa hija l-fatt li dawk li tassew jemmnu f’Ġesù u għandhom il-milja tal-Ispirtu tiegħu, iħobbu saħansitra lill-għadu.  Tnejn huma s-sinjali li jbelhu d-dinja: l-imħabba u l-għaqda.  Id-dinja tbati mill-egoiżmu u l-firda u meta tara dawn is-sinjali li Kristjan biss għandu, tinġibed mill-ewwel.  Fejn m’hemmx dawn is-sinjali, m’hemmx tassew Knisja ħajja.

 

L-Ewwel Qari

 

Fid-Dewteronomju, Alla jwiegħed Profeta kbir u misterjuż li kellu jidher meta jasal il-waqt.  Dan il-Profeta kellu jkun aktar minn profeta u kellu jkun aqwa minn Mosè, l-aqwa mexxej tal-poplu ta’ Alla.  Fl-Evanġelju tiegħu, San Ġwann jgħid xi ħaġa mportanti ħafna: “Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità seħħew permezz ta’ Ġesù Kristu.”  (Ġw. 1, 17).  Din is-sentenza turi d-differenza bejn Kristu u Mosè, il-kobor immens ta’ Kristu xħin tqabblu ma’ dawk li ġew qablu jew warajH.  Mosè huwa l-bniedem tal-Liġi.  Il-Liġi hi mimliha għerf u qdusija.  Il-Liġi turina x’inhi l-Qdusija li hi l-Ħajja.  Barra minn din il-Qdusija li turina l-Liġi, kollox hu mewt u taħsir.  Iżrael kien, u għadu, jiftaħar bil-Liġi u għandu raġun għax il-Liġi li Alla nnifsu nebbaħ lil Mosè hi ħuġġieġa dawl f’dinja mdallma.

 

Imma l-Liġi ma ssalvax lill-bniedem!  Il-Liġi hi negattiva għax lill-bniedem tgħidlu biss kemm hu midneb u tikkonvinċih li għandu bżonn min isalvah bla ma ssalvah hi.  Il-Liġi ma ssalvax lill-bniedem għax l-ebda bniedem ma jista’ jobdiha bil-ħila tiegħu.  Quddiem il-Liġi kull bniedem hu mixli bħala midneb.  San Pawl jitkellem ħafna dwar dan.  Li kieku l-ubbidjenza tal-bniedem kienet kapaċi tagħtih salvazzjoni, allura Ġesù x’ġie jagħmel hawn?  Ma kellniex lil Mosè li kien biżżejjed?  Imma Mosè ma kienx biżżejjed.  Mosè ma kienx is-Salvatur.  Li kieku l-bniedem isalva b’dak li jagħmel hu, ir-rigal kien ikun mistħoqq lilu bħalma l-paga hija mistħoqqa lill-ħaddiem.  Imma f’dan ir-raġunar m’hemmx wisgħa għall-Grazzja u għall-Opra mwettqa minn Kristu.  L-Aħbar ta’ Kristu, l-Evanġelju kien ikun bla sens.  Imma l-Grazzja li rebħilna Kristu bil-merti tiegħU tant tisboq il-merti tal-bniedem li hi rigal mogħti b’xejn lill-midneb li ma jistħoqqlux, imma li jemmen li fi Kristu hu salv.  Hija din il-Grazzja li salvat lill-ħalliel fuq is-salib bla ma kien obda l-Liġi jew għamel opri li stħaqqewlu din il-Grazzja.

 

Imma quddiem din il-verità li fuqha jitkellem it-Testment il-Ġdid, hemm min jgħidlek: “Mela tajjeb, jien nagħmel li rrid għax hekk jew hekk Kristu se jsalvani!”  Dan il-kliem tefgħuh f’wiċċ San Pawl ukoll!  Min jitkellem hekk ma jkunx jaf x’qiegħed jgħid u għadu qatt ma ltaqa ma’ din l-Imħabba gratis li Kristu għandu għalih.  Għal bniedem bħal dan id-dnub għadu xi ħaġa sabiħa li Alla ma jridux jagħmilha.  Għadu ma ndunax li d-dnub joqtol.  Iħobb lid-dnub aktar milli jħobb lil Alla.  Għadu ma jafx x’effett għandha s-Sorpriża stupenda tal-iskoperta ta’ x’għamel għalina Ġesù fil-Misteru tal-Għid li dalwaqt niċċelebraw.  San Ġwann l-Evanġelista jasal biex jgħid xi ħaġa tal-għaġeb: li dawk li jitwieldu minn Alla, jiġifieri dawk li skoprew lil Kristu u jemmnu tassew fiH, għandhom fihom iż-żerriegħa ta’ Alla nnifsu, in-natura tiegħU, l-Ispirtu Qaddis tiegħu u lanqas jistgħu jidinbu!!  Min isir “fi Kristu” jsir ħolqien ġdid u n-natura tiegħu ma tibqax dik li għandu llum miġbuda dejjem li it-taħsir tad-dnub.

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju.  18, 15-20

 

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-Mulej, Alla tiegħek, iqajjimlek profeta bħali minn ġensek, minn fost ħutek; lilu għandkom tisimgħu.  Dan kollu skond ma tlabt inti stess lill-Mulej, Alla tiegħek, fil-Ħoreb f'jum il-laqgħa, meta għedt: 'Jalla ma nismax aktar leħen il-Mulej, Alla tiegħi, u ma narax aktar dan in-nar iħeġġeġ, ħalli ma mmutx.'  

 

U l-Mulej qalli: 'Sewwa għamlu li tkellmu.  Jiena nqajjmilhom profeta bħalek, minn fost ħuthom; nqiegħed kliemi fuq fommu, u jħabbrilhom kull ma nordnalu.  Min ma jagħtix widen għal kliemi li huwa jħabbar f'ismi, jiena nitolbu kont talli jkun naqas.  U jekk xi profeta jfettillu jgħid f'ismi ħwejjeġ li ma nkunx qabbadtu jgħid, jew inkella jħabbar f'isem allat oħra, dan il-profeta jkun ħaqqu l-mewt.'

 

Salm Responsorjali

 

Is-silta li se sservina bħala Salm Responsorjali hi meħuda minn Salm 95, Salm magħruf ħafna fost dawk li għandhom id-drawwa ħelwa li jitolbu l-Brevjar tal-Knisja.  Dan għaliex Salm 95 jissejjaħ is-Salm Invitatorju, is-Salm li kull filgħodu kmieni jistedinna nibdew il-Jum tat-Talb tagħna.  Jingħad kuljum bħala l-ewwel talba tal-Jum, dak li jiftaħ il-Bieb għall-Brevjar tal-ġurnata.

 

Is-Salmi huma t-Talb uffiċċjali tal-Knisja, u għalkemm kull talb hu tajjeb sakemm magħmul bil-qalb u b’qima, xejn ma jisboq lis-Salmi għax dawn huma mnebbħin minn Alla nnifsu.  Huma l-Kelmiet li l-Ispirtu s-Santu poġġa f’qalb David u Salmisti oħra biex bihom jersqu lejH f’kull ċirkostanza.  Hemm Salmi ta’ petizzjoni għal meta jkollna l-bżonn urġenti tal-għajnuna ta’ Alla, hemm Salmi ta’ tifħir u radd il-ħajr, hemm Salmi ta’ tagħlim... hemm Salmi għal kull sitwazzjoni tal-Ħajja.  Ħafna mis-Salmi jitolbu ħaqq kontra l-għedewwa tagħna.  B’għedewwa l-Knisja ma tridx li aħna nifhmu nies oħrajn, xi proxxmu li jkun għamlilna l-ħsara, imma x-xjaten li huma l-veri għedewwa tagħna u li huma ferm iktar perikolużi mill-bnedmin.

 

Il-Brevjar spiċċa f’idejn il-Presbiteri u n-nies ikkonsagrati bħalma huma l-patrijiet u s-sorijiet għas-sempliċi raġuni li dari dawn biss kienu jafu jaqraw.  Illum kulħadd jaf jaqra, mela dawn is-Salmi għandhom jirritornaw f’idejn il-poplu kif tenna l-Konċilju Vatikan II u kif dejjem riedet il-Knisja.  Il-Brevjar ma ħaditux il-Knisja minn idejn il-lajċi imma spiċċa biss għand il-qassisin eċċ minħabba l-esiġenzi taż-żminijiet, li llum spiċċaw.

 

Fil-bidu ta’ kull jum, dan is-Salm, Salm 95 jistedinna biex ma nwebbsux qalbna meta nisimgħu leħen il-Mulej.  Alla jista’ jkellimna bil-Kelma tiegħu, imma wkoll bl-Istorja ta’ kull ġurnata.  Għalhekk hija f’waqtha din l-ammonizzjoni ta’ dan is-Salm kull filgħodu, għax ħafna drabi r-rigali tal-Mulej jiġu għandna mgeżwra f’karti koroh, il-kontra tar-rigali tad-dinja.  L-ewwel reazzjoni tagħna quddiem leħen il-Mulej, aktarx tkun ebbusija tal-qalb minħabba l-biża’ tal-mewt li jgħammar fina. 

 

Jistedinna wkoll dan is-Salm biex infaħħru l-Mulej u nroddulu ħajr għax huwa l-Blata tas-Salvazzjoni tagħna.  Din il-Blata hi Kristu li rebħilna l-Ħajja ta’ Dejjem bil-merti tal-ubbidjenza tiegħu fil-Misteru tal-Għid li Huwa għex b’risq tagħna.

 

Imma fuq kollox itenni biex, meta l-Istorja ma nifhmuhiex u ma togħġobniex, ma nwebbsux qalbna bħalma għamel Iżrael f’Massah u Meribah, żewġ postijiet fid-deżert, meta kienu bil-għatx u sabu l-ilma li kien morr.  Kollox kien jgħidilhom li Alla nsihom u ddispraw.  Dan hu li jiġrilna meta ninterpretaw dak li ngħaddu minnu bir-raġuni tagħna.  Fil-fatt ikun satana li jinterpretalna l-Istorja biex ixewwixna kontra l-Mulej. 

 

In-Nisrani dejjem jistaqsi: “Xi jrid jgħidli l-Mulej b’dan kollu?”  Issa jew imbagħad se jirċievi r-risposta u jasal il-waqt meta jinduna li qaddisa hija triq il-Mulej.  L-Istorja tgħallimna li kollox huwa mkebbeb fil-Misteru tal-Għid.  L-Għid = mewt u Ħajja, mogħdija mill-mewt għall-Ħajja dejjem iktar sabiħa.  Din hi l-opra ta’ Alla, il-proċess tiegħu.  Iżrael dam erbgħin sena fid-deżert biex fehem dan.

 

Ritornell: Isimgħu leħen il-Mulej, u la twebbsux qalbkom.

 

Salm 95

 

 Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

 Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

It-Tieni Qari

 

Ħafna jaħsbu li jekk jimxu wara l-Mulej se jkollhom triq iktar difiċċli milli kieku jimxi wara d-dinja.  Min qalilhom dan?  Hija r-reliġjożità naturali li taħseb li iktar kemm tbati hawn iktar tgawdi wara.  Dan mhux il-Kristjaneżmu.  Il-Kristjaneżmu huwa Aħbar Tajba għall-bniedem.  Il-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja mhux biex iżid il-pis fuq spallejn il-bniedem imma biex jeħilsu mill-jasar tiegħu li ma jħallihx jgħix Ħajja ħielsa u fis-sliem.  Min jimxi wara l-Mulej jimxi fis-Sliem għax Kristu huwa s-Sliem tagħna.  Hu veru li se jiltaqa’ ma taħbit u persekuzzjoni minħabba l-Imħabba li jkollu lejn il-Mulej.  Imma ħares lejn in-nies tad-dinja li jgħixu bla tama u bla sigurtà għax Alla mhux Missierhom.

 

San Pawl jgħidilna biex ma ninkwetaw ruħna b’xejn.  Kollox jinsab f’idejn il-Missier u dawk kollha li intellqu f’idejH bil-Fidi kollha skoprew li kollox jispiċċa tajjeb.  Fid-deżert Iżrael skopra li Alla jipprovdi.  F’kull sitwazzjoni jipprovdi. 

 

Hawn, Pawlu donnu jagħti parir li jkun aħjar li bniedem ma jiżżewwiġx biex tassew il-Mulej ikun l-ewwel f’kollox.  Dan hu qari kontroversjali, imma bnadi oħra Pawlu jfaħħar il-ħajja miżżewġa fil-Mulej u jxebbahha mar-relazzjoni bejn Kristu u l-Knisja tiegħu.  Dak li Pawlu jrid jgħidilna hu li miskin il-bniedem li Kristu mhux fl-ewwel post għalih għax b’hekk biss jista’ jgawdi l-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn.  Naturalment i-familja tista’ tkun idolu għal ħafna.  Dan ftit jammettuh, imma jekk nippreferu l-familja għal Kristu nkunu qed nagħmlu ħsara lilna nfusna għax il-Ħajja mingħand Kristu tiġik u mhux mill-familja.

 

Bi Kristu fin-nofs, il-familja tistagħna u ssir Knisja Domestika.  Anzi llum il-Knisja fehmet kemm hija għolja u qaddisa il-vokazzjoni tal-familja numeruża li titlob flimkien u timxi flimkien fit-tfittxija u l-iskoperta dejjiema tal-Imħabba tal-Missier murija fi Kristu Ġesù.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  7, 32-35

 

Ħuti, jiena rridkom bla ħsibijiet. Ir-raġel mhux miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, kif jogħġob lill-Mulej.  Min hu miżżewweġ, ħsiebu  fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif jogħġob lil martu,  u hu mifrud fih innifsu.

 

Hekk ukoll il-mara mhix miżżewwġa u x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, biex ikunu qaddisa f'ġisimhom u f'ruħhom. Iżda l-mara miżżewwġa ħsiebha fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif togħġob lil żewġha.  

 

Dan qiegħed ngħidhulkom għall-ġid tagħkom, mhux biex inxekkilkom, iżda għall-ġid tagħkom u biex tgħixu marbutin mal-Mulej bla tixrid ta' moħħ.

 

Evanġelju

 

Alla żamm kuntatt mal-bniedem u qatt ma ħalieh għal riħu.  Meta bagħat lil Ibnu, tana kollox, u f’Ibnu wriena dak kollu li seta jurina dwaru nnifsu.  Ma baqagħlu xejn x’jurina li jista’ jifilħu l-moħħ tal-bniedem.

 

Fi Kristu, il-Missier jissorprendina u ħafna jibqgħu mistgħaġba waqt li oħrajn iwebbsu qalbhom u jirrabjaw.  Huma dawk li ma jagħtux kas, li ma jisimgħux li jibqgħu bierda u qisu ma ġara xejn quddiem il-Misteru ta’ Kristu.  Imma dawk li jisimgħu, jitħawdu għall-ewwel għax Kristu jħott dak li tkun drajt bih biex jagħti ħwejjeġ ġodda, għarfien ġdid u l-ilma bla togħma tiegħek ibiddilulek f’inbid ġdid tal-festa. 

 

Fil-Vanġelu tal-lum, Kristu juri ruħu bħala wieħed li għandu setgħa fuq ix-xjaten u l-ħażen kollu.  Illum aħna ngħidu: “Fejn se tispiċċa l-Knisja?  Tant nies qed joħorġu minnha fl-Ewropa u anke f’pajjiżna stess.”  Imma min jemmen tassew fil-qawwa tal-Mulej Ġesù, jinkedd iva, imma ma jinkwetax dwar il-futur għax Kristu għandu setgħa fuq kull ħażen. Anzi x-xjaten stess jagħtu xhieda fuqu li hu Bin Alla u jikorbulu biex ma jaħqarhomx. 

 

Kristu għadu jkeċċi x-xjaten min-nies sal-ġurnata tal-lum.  Kemm nies qegħdin fil-kumbattiment tal-konverżjoni bħalissa!  Il-fama ta’ Kristu tibqa’ għal dejjem għax hu Ħaj u hu jitqabad favur il-bniedem kontra dawk li jridu jkaxkruh lejn it-telfiet ta’ dejjem.

 

Versett: Hallelujah.  Il-preċetti tiegħek, Mulej, iferrħu l-qalb, il-kmandament tiegħek idawwal il-għajnejn.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  1, 21-28

 

U daħlu Kafarnahum. Malajr, f'jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem.  In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu  s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.  

 

Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: "Aħna x'għandna x'naqsmu, Ġesù ta' Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: 'Il-Qaddis ta' Alla'."  Imma Ġesù kkmandah: "Iskot," qallu, "u oħroġ minnu."

Mbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.  

 

U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: "Dan x'inhu? X'tagħlim ġdid mogħti    bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!"  U l-fama tiegħu malajr xterdet ma' l-inħawi kollha  tal-Galilija.

 

 
< Prev   Next >