Wednesday, 21 February 2018
           
Home
IS-SITT HADD MATUL IS-SENA (2018) L-EFFETT TA’ DNUBI FUQ L-OHRAJN PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 10 February 2018

Din hija il- Liturgija  tas-Sitt Hadd matul is-Sena ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

a005266.jpg

 

Aħna, n-nies tal-punent, niftaħru biċ-ċiviltà tagħna li tatna kultura demokratika li għenitna mmens fil-progress li wettaqna fl-oqsma kollha tal-Ħajja.  Dan is-sens demokratiku writtnih mill-esperjenza tal-Griegi antiki u anke mir-Rumani li kienu pijonieri fil-qasam tal-Liġi u tal-ordni soċjali.  Imma kull ħaġa maħluqa mill-bniedem fiha s-susa tal-mewt fiha.  Id-demokrazija hija l-aqwa sistema maħsuba minnu, imma tista’ twelled kultura dominanti fejn fl-isem tal-libertà u tas-setgħa tal-kotra jiġu mgħaffġa d-drittijiet ta’ xi wħud.  Wieħed mill-iktar li qatt tqabad favur id-demokrazija, kemm bil-fatti kif ukoll bis-setgħa tal-oratorija li kellu, kien Sir Winston Churchill, li “saying” famuż tiegħu hu: “Id-demokrazija hi ideja ta’ tmexxija mill-agħar, imma aħjar mill-bqija.”

 

Dan jidher ċar mit-tnaqqir tad-drittijiet ta’ gruppi reliġjużi f’ċerti pajjiżi tal-punent magħrufa għall-ħajja “ħielsa” tagħhom.  Il-Kanada għadha kif għaddiet liġi fejn gruppi favur il-ħajja ma jistgħux jiltaqgħu biex jitolbu qrib kliniċi li fihom ikunu qed jiġu maqtula t-trabi bl-abort.  L-abort innifsu hu att kriminali u orribbli f’għajnejn Alla imma li hu legalizzat mid-dritt tal-kotra fuq is-soċjetà kollha f’isem id-demokrazija.  Hekk, bil-mod il-mod, id-demokrazija bla kontrolli kapaċi tagħmel mill-bniedem “alla” li jiddeċiedi hu x’inhu t-tajjeb u l-ħażin u nsibu ruħna ħelu ħelu fil-Ġnien tal-Għeden fejn twieled id-“Dnub” li hu appuntu dan.

 

F’din it-tip ta’ soċjeta li għandna, hu diffiċli titkellem fuq id-dnub.  Barra minn Malta l-kelma “dnub” inqatgħet mid-dizzjunarju, biex ngħidu hekk, għax id-“demokrazija” tagħti lill-individwu li jiddeċiedu hu dak li hu tajjeb għalih.  Dan huwa attakk ta’ satana fuq il-bniedem.  Huwa attentat imxajtan biex lill-bniedem jinsteraqlu dak kollu li rebaħ għalih Ġesù Kristu.  Il-kultura “ħielsa” tal-punent hi aktar perikoluża għall-Knisja mill-persekuzzjonijiet tal-komunisti, tal-faxxisti u l-bqija, ibqa’ sejjer sar-Rumani.  Dawn attakkaw lill-Knisja minn barra, imma l-kultura dominanti tagħna qegħda tbattal il-knejjes għax id-dnub hu skużat, anzi sar ideja antika.  U jekk il-bniedem ma jibqax iħares lejh innifsu bħala midneb, il-Misteru tal-Għid tal-Iben ta’ Alla ma jibqax jagħmel sens iktar.  Dan hu s-serpent li ġa daħal bla ħoss fis-subkonxju tal-bniedem tal-punent b’tali mod li l-artijiet tal-Missjoni m’għadhomx iktar dawk tal-Afrika u tal-Asja imma tal-Ewropa, Kanada u l-pajjiżi li għandhom il-kultura ta’ dawn.

 

Kontra dan, il-Knisja tibqa’ xxandar li l-bniedem, bl-avanzi kollha tiegħu, huwa esseri dgħajjef u ferut fil-ġewwieni tiegħu għax hu wiret natura miġbuda lejn id-dnub minħabba l-biża’ tal-mewt li jgħammar fih.  (ara Lhud 2, 14w).  Imma hemm ftuħ fiċ-ċirku tal-mewt li jżommu magħluq fl-egoiżmu tiegħu, u dan iċ-ċirku nqasam minn Kristu bil-Mewt u l-Qawmien tiegħu.  Kien minħabba dan li l-Konċilju poġġa l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu fiċ-ċentru tal-predikazzjoni tal-Knisja, lil hemm mid-dommi u l-veritajiet l-oħra kollha.  Jiena bniedem midneb u għandi bżonn urġenti ta’ salvazzjoni li tinsab biss fi Kristu mogħti għall-mewt għalija u mqajjem rebbieħ fuq il-mewt u magħmul Spirtu li jagħti l-Ħajja lil dawk li jemmnu fih.

 

L-Ewwel Qari

 

Iċ-ċirku tal-biża’ tal-mewt li jagħqad madwar il-bniedem, jidher l-iktar meta jitfaċċa l-mard, il-mard li ma jitfejjaqx, u l-aktar il-mard li jittieħed.  L-iktar marda li tidher orribbli fil-għajn hija dik tal-lebbra li għall-grazzja ta’ Alla llum sabulha tarfha.  Fi żmien Mosè, u anke fi żmien Ġesù, din il-marda kienet theddida għas-soċjetà, għall-poplu kollu.  Liġijiet ħorox kienu marbuta ma’ din il-marda biex jiġi ssalvagwardjat il-ġid komuni, u xi ftit minn dawn il-kundizzjonijiet se nisimgħu dwarhom fil-qari li ġej mil-Levitiku.

 

Imma fuq kollox, din il-marda hekk imsejħa “tal-ġdiem” hija xbieha tad-dnub li l-bniedem tal-lum irid jinsa biex il-kuxjenza ma tniggżux.  U hekk kif is-soċjetà kollha kienet tħossha mhedda mill-marda li tittieħed, hekk ukoll il-Knisja hija mhedda anke mill-dnub l-iktar privat u li ħadd ma jaf bih.  Għax il-Knisja hija mqegħda fid-dinja biex tkun dawl fid-dlam għaliha, jew melħ li jagħtiha togħma tajba.  Kull dnub, anke sigriet, itappan dan id-dawl u jaqta lill-melħ li b’hekk jitlef it-togħma.  Għalhekk il-midneb meta jidneb ma jidnibx biss kontra Alla jew kontra l-proxxmu, imma dejjem jidneb kontra l-Knisja għax ikun qed ixekkel u jdgħajjef l-Ispirtu tagħha, anke jekk ma jafx.

 

Fl-ewwel sekli tal-Knisja, Nisrani li kien jidneb dnub serju fil-pubbliku, kien jitkeċċa mill-komunità għal sena biex jindem u jagħmel il-penitenzi.  Hu kien jiġi milqugħ lura, jekk jindem, nhar Ħamis ix-Xirka.  Bħal wieħed marid bil-lebbra, hu kien jiġi mbiegħed mill-aħwa, anke għax mhux veru li xejn mhu xejn.  Id-dnub hu serju u jittieħed ukoll.

 

Qari mill-Ktieb tal-Levitiku.  13, 1-2, 45-4

 

 U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:  Meta xi ħadd ikollu fil-ġilda xi qxur jew xi bużżieqa, jew xi tebgħa bajda, qisha ġerħa tal-ġdiem, jeħduh għand Aron il-qassis, jew għand xi ħadd minn uliedu l-qassisin. 

 

“Il-marid bil-ġdiem għandu jilbes ħwejjeġ imqattgħa u jħalli rasu mikxufa, u jitgħatta sa geddumu, u jgħajjat: 'Mniġġes! Mniġġes!'  Kemm idum marid ikun miżmum b'imniġġes li hu, u jgħix waħdu f'postu barra mill-kamp.

 

Salm Responsorjali

 

Jekk id-dnub huwa disgrazzja, l-indiema hija Grazzja.  Hieni l-bniedem, jgħid dan is-Salm, li l-Mulej jaħfirlu dnubietu għax jara lil-qalb hi niedma.  Min m’għandux indiema jfisser li ma jridx ikollu x’jaqsam mal-Mulej li miet għalih biex jinħafirlu dnubu.  “Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej.”  (v. 2).  Il-Mulej ma jgħoddilniex il-ħażen tagħna, anzi jagħdirna u jfejjaqna minnu għax Hu patta qares għalih.  Il-Maħfra ta’ Alla hi frott il-merti ta’ Kristu, imma tiddependi mix-xewqa tagħna li jkollna rikonċiljazzjoni vera miegħU.

 

Il-bniedem li jkollu vera ndiema, ma jistorx dnubu imma jkun irid jistqarru quddiem Alla u l-Knisja għax kontrihom it-tnejn ikun dineb.  Min jistqarr dnubu jfisser li jobogħdu u jrid li jinħeles minnu darba għal dejjem.

 

Ritornell:  Int kenn għalija, b’għana ta’ ħelsien dawwartni.

 

Salm 32

 

Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,

li għandu d-dnub tiegħu mistur!

Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,

u ma għandu ebda qerq f'qalbu!

 

Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,

u l-ħażen tiegħi ma ħbejtulekx.

Jien għedt: "Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti."

U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi.

 

 Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej;

għajtu bil-ferħ, intom ilkoll ta' qalbkom safja.

 

It-Tieni Qari

 

San Pawl jistedinna biex dak kollu li nagħmlu, nagħmluh għall-Glorja ta’ Alla.  Dan hu l-oppost tad-dnub.  Din mhix ħaġa faċli!  Mhu faċli xejn li bniedem ikollu ntenzjoni retta.  Kulma nagħmlu hu, bla ma nafu, mċappas bl-egoiżmu li twelidna bih.  Minħabba n-natura mħassra, li Kristu jixtieq jibdilhielna, aħna meġegħla niġbdu lejna f’kollox, naħsbu fina nfusna l-ewwel, u niddefendu lilna nfusna f’kollox u akkost ta’ kollox.  Dan hu l-bniedem il-qadim li bih twelidna.

 

Imma iktar kemm nikkonvertu u iktar kemm nagħrfu l-Imħabba tal-Mulej lejna, iktar imut il-bniedem il-qadim u jikber il-bniedem il-ġdid li hu xbiha ta’ Kristu.  Din hija l-Magħmudija wara kollox.  Ġo l-ilmijiet jegħreq il-qadim biex jitwieled il-Ġdid mill-ilma tal-Magħmudija.  Imma l-Magħmudija ma kienx rit li seħħ darba biss. Il-Magħmudija hija misteru li jikber magħna, jekk jikber.  Hemm minn xjaħ u għadu liebes il-libsa l-bajda ta’ tarbija.  Importanti li l-Magħmudija tikber magħna; jiġifieri huwa mportanti li l-bniedem miġbud lejn id-dnub li jgħammar fina lkoll, il-bniedem egoista li jibża’ kull meta jħossu mhedded, dan il-bniedem hemm bżonn li jegħreq u jmut matul ħajjitna, u matul ħajjitna jikber Kristu fina.  Dan il-Misteru tal-Magħmudija għandu jseħħ fina sal-aħħar jum ta’ ħajjitna.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  10, 31 – 11, 1

 

Ħuti: Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x'tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta' Alla. Tkunux ta' tfixkil, la għal-Lhud, la għall-Griegi, u lanqas għall-Knisja ta' Alla.  Hekk jiena nogħġob lil kulħadd f'kollox, bla ma nfittex l-interessi tiegħi, imma tal-ħafna biex isalvaw.

 

Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu.

 

Evanġelju

 

Kapaċi aħna nsiru qaddisin?  Iva!  Kif jista’ jkun?  Jista’ jkun, u kif!  Għax li wieħed jitqaddes, dan mhux bis-saħħa tiegħu, jew għax hu aħjar mill-oħrajn, jew għax twieled b’karattru aħjar.  Il-Qdusija hija rigal ta’ Alla.  Il-koperazzjoni tagħna hi li, bħal Marija, ninfetħu għall-Grazzja u minn qiegħ qalbna lill-Mulej ngħidulu: “Iva!  Tkun magħmula l-Kelma tiegħek fija!  Ħa jsir minn skont Kelmtek!” 

 

Imma l-Mulej ma jisforza lil ħadd u lanqas ma jieħu l-libertà ta’ ħadd.  Dik l-“Iva!” int trid tgħidha u ħadd mhu se jgħidha flokok.  B’mod ħieles.  Trid li l-Ispirtu s-Santu jikber ġewwa fik u jibdillek ħajtek, jew tibża’ li ħajtek tinbidel wisq?  L-imġiddem tal-Evanġelju tal-lum kien jaf x’marda qerrieda kellu.  Din hi l-problema tagħna, li l-mard spiritwali tagħna mhux ċar f’għajnejna u lanqas biss nobsru kemm qed jisirqilna l-Ħajja x-xitan.  Li kieku kellna “naraw” ftit, kieku konna nobogħduh lil satana u lill-mard ġewwieni li għandna u konna ngħajtu bħall-imġiddem: “Mulej, jekk trid, int tista’ tfejjaqni!” (v. 40).

 

Timpressjonani lili din l-istqarrija ta’ Fidi ta’ dan l-imsejken.  Hu diffiċli npoġġu lilna nfusna fil-qagħda tiegħu, imma fil-fatt hemm qegħdin aħna.  “Mulej, jekk trid, int tista’ tfejjaqni!”  Irid ifiq b’qalbu kollha u jemmen f’Ġesù b’qalbu kollha.  Il-frott ta’ dan?  Fejqan.

 

Huma nies li jfiqu mill-mard tar-ruħ li jxandru u jintefgħu għax-xogħol tal-evanġelizzazzjoni li l-Knisja tant għandha bżonn.

 

Versett: Hallelujah.  Iddu bħal kwiekeb fid-dinja, u wasslu l-kelma tal-ħajja. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  1, 40-45

 

F’dak iż-żmien: Resaq fuqu wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, nxteħet għarkubbtejh quddiemu u qallu: "Jekk trid, tista' tfejjaqni."  Mqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: "Irrid, kun imnaddaf."  U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf.  U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr [Mk:1:44] u qallu: "Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta' xhieda."  Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma' kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f'ebda belt ma sata' iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa' barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.

 

 
< Prev   Next >