Sunday, 22 July 2018
           
Home
L-EWWEL HADD TAR-RANDAN (2018) ZMIEN QAWWI TA’ KONVERZJONI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 17 February 2018

Din hija il- Liturgija  ta' L-Ewwel Hadd tar-Randan ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

thetemptation.jpg

 

Ir-Randan huwa l-iktar żmien qawwi li l-Knisja toffrilna bħala rigal fil-mixja tal-eżistenza tagħna fuq din l-art.  Huwa arma kontra l-aljenazzjoni li tixpruna lil dak li jaf x’inhu jagħmel b’ħajtu biex jiffoka fuq il-għan, fuq is-sens tal-qagħda tiegħu hawnhekk.  Huwa ż-żmien li jimbuttana biex nistaqsu lilna nfusna ċerti mistoqsijiet profondi fuq il-Ħajja, ħaġa li l-ħajja moderna tagħmilhielna tant diffiċli. 

 

Ir-Randan hu żmien tajjeb li fih nidħlu f’relazzjoni iktar intima mal-Mulej permezz ta’ kuntatt miegħu aktar spiss, l-aktar bit-talb u bis-sagramenti.  Ħafna għandhom allerġija għat-talb.  Min jemmen, jitlob, u jitlob ħafna.  Min ma jitlobx, ma jemminx.  Sempliċi.  Min jemmen li Alla jeżisti u li, billi hu għandu bżonn salvazzjoni, l-Missier bagħatlu lil Ibnu biex jekk jemmen fiH ikollu Ħajja għal dejjem, min jemmen f’dan kollu, allura hu faċli għalih li jsib ħin prezzjuż biex jitlob, biex jagħmel kuntatt intimu mas-sors waħdieni tas-salvazzjoni tiegħu.  It-talb mhux Liġi. Għandna manija kif indawru kollox f’Liġi jew moraliżmu (jekk tagħmel dan tajjeb, jekk tagħmel dak, ħażin).  Jekk ġuvni jħobb tfajla m’għandekx għalfejn tordnalu biex imur jiltaqa’ magħha.  Għalhekk il-Liġi, fl-aħħar mill-aħħar, hi bla sens u m’hemmx lokha f’relazzjoni ta’ mħabba bejn il-bniedem u Alla tiegħu.  Suppost ilna li qbiżna il-mentalità legalista, u jekk nagħmlu t-tajjeb għax nibżgħu mill-kmandament, allura aħna għadna fir-reliġjożità naturali.  Jista’ jkun li għal ħafna, l-konverżjoni li tassew għandhom bżonn hi l-mogħdija mir-reliġjożità naturali għall-Fidi vera u matura Nisranija.

 

 

It-talb idaħħalna f’intimità ma’ Alla, speċjalment it-talb fl-Ispirtu, fejn il-bniedem jittallab għall-konverżjoni, għal għarfien ikbar ta’ Kristu u tal-Misteru tal-Għid (Passjoni, Mewt u Qawmien) tiegħu.  Għal darba ejjew inħallu t-talb ta’ petizzjoni biex il-Mulej iwarrbilna s-salib u t-tbatija mill-ħajja, u nitolbuh b’umilta biex dawn idawwalhomlna (Miraklu kbir dan!) b’tali mod li nħobbu lilu anke meta l-Istorja xxewwixna kontrih.  Jekk naqilgħu il-Grazzja l-Kbira li nagħrfuh xi ftit u nħobbuh, allura jsir faċli tħobb lill-proxxmu, anke lil min idejqek.  U hawn tidħol il-Karità, li tfisser Imħabba. Karità lejn il-proxxmu = Imħabba lejn il-proxxmu li kultant jista’ jkun għadu.  Nitolbu lil Alla jagħtina l-Grazzja tant kbira li nagħmlu karità ma’ min idejjaqna.  Dan jirrikjedi ħafna sabar u kontroll tagħna nfusna.

 

Dan is-sabar u kontroll jiġi milli npoġġu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla fl-ewwel post, lil hemm mill-għana, t-tlellix u l-passjonijiet tad-dinja.  Jekk għalina Alla hu qabel id-dinja b’dak kollu li għandha, anke jekk hi l-famija stess, allura naraw sens fil-kontroll tagħna nfusna.  U hawn taħdem tajjeb ħafna l-penitenza li dejjem kienet fit-tradizzjoni tal-Knisja.  Team tal-football jittrenja u jitħabat u jbati biex iħejji ruħu għall-prova tal-partita.  San Pawl jitkellem fuq l-atleta ta’ żmienu li kien jagħmel kollox biex jirbaħ il-kuruna tar-rand. 

 

Il-kuruna tar-rand hi x-xbieha tal-Ħajja ta’ Dejjem, l-unika ħaġa li tissodisfa l-bniedem.  Jekk bniedem iħobb tfajla, dan ikun qed ifittex il-Ħajja ta’ dejjem bla ma jaf.  Jekk bniedem ifaddal u jfaddal biex ikabbar l-account li għandu l-bank, dan qed ifittex li jgħix għal dejjem bla ma jaf.  Kollox hu marbut mal-Ħajja ta’ Dejjem.  In-Nisrani għandu dawl fuq dan. Il-Ħajja ta’ dejjem tibda minn hawn.  Il-bniedem li sab lil Kristu għandu l-Ħajja ta’ dejjem.  Għal dawk li sabuh u għal dawk li jixxennqu li jsibuh, it-training, il-penitenza, li wieħed jgħid le lil ġismu, dawn l-affarijiet mhumiex tqal.  Il-penitenza hi tqila għal dawk li jagħmlu Liġi minnha, xi ħaġa ta’ bilfors.  Ma naħsibx li baqa’ wisq minn dawn.  Illum, min jagħmel il-penitenza bis-serjetà ikun bniedem li sab is-sens tal-Ħajja u għal dan m’hemmx bżonn liġijiet.

 

L-Ewwel Qari

 

Fi żmien Noè, Alla stieden l-umanità għal Randan serju, għal konverżjoni morali kbira.  Il-bniedem irrifjuta dan.  Għalih it-tjieba u s-sewwa kienu bluha.  Id-dinja dejjem l-istess!  Għix il-Vanġelu u mhux se ssib min iċapċaplek, imma min jidħaq bik u jikkalunjak li tlift moħħok, ibda minn tad-dar.  Noè, almenu, kellu lil tad-dar miegħu!  Huma biss salvaw...

 

It-tieni qari li għandna se jqabbel din l-esperjenza tad-dilluvju mal-Magħmudija.  Id-dinja tnaddfet mill-ħażen fl-ilmijiet li kaxkru kollox.  Ma dawk li emmnu fil-kelma u t-twiddib tiegħu, il-Mulej għamel Patt, ftehim.  Alla hu mal-bniedem u mhux kontrih kif insinwa s-serp fl-Għeden.  Lil Eva rnexxielu jikkonvinċiha li Alla kien rival tal-ħelsien tagħha u allura l-bniedem jaqbillu jaħseb għal rasu għax ħadd ma kien se jaħseb għalih.  Indipendenza minn Alla = solitudni li toqtol; egoiżmu.  Il-Patt ta’ Alla jfisser: Alla magħna! Għal min jemmen, il-qawsalla għandha vuċi: hi l-leħen ta’ Alla li jfakkarna li Hu magħna.  “Jien magħkom sal-aħħar taż-żmien!”  (Mt. 28, 20).

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi  9, 8-15

 

U Alla kellem lil Noè u lil uliedu miegħu u qalilhom: “Arawni, hawn jien se nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma' nisilkom warajkom;  ma' kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, mat-tjur u mal-bhejjem, ma' kull bhima selvaġġa li hemm magħkom, u mal-bhejjem kollha li ħarġu magħkom mill-arka.  Jien nagħmel il-patt tiegħi   magħkom,  li qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj,            bl-ilmijiet tad-dilluvju; u qatt iżjed ma jkun hemm dilluvju biex iħarbat  l-art.”

 

U żied jgħid Alla: “Dan ikun is-sinjal tal-patt li jien qiegħed nagħmel bejni u bejnkom, u bejn kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem. Nqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art.  Meta nigma' s-sħab fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab,  jien niftakar fil-patt bejni u bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f'kull laħam; u ma jkunx hemm iżjed l-ilma tad-dilluvju biex jeqred kull laħam ħaj.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 25 huwa Salm penitenzjali li jaqbel tajjeb ma’ dan iż-żmien. Il-Liturġija toffrilna parti żgħira minnu.  Għandu raġun is-Salmista jitlob lil Alla biex jurih triqatu u l-mogħdijiet tiegħu.  Dan hu tassew talb skont l-Ispirtu u mhux skont il-ġisem.  L-istess bħal meta Salamun talab l-għerf qaddis mingħand Alla, meta seta liberament talab suċċessi, rebħiet, għana u fama.  Meta l-bniedem jiġi mgħarraf ir-rieda ta’ Alla u jinagħta l-qawwa jwettaqha, dan il-bniedem hu fil-Grazzja ta’ Alla.  Hu fil-Grazzja ta’ Alla l-bniedem li tinteressah ir-rieda ta’ Alla għalih u jitlob li jkun mgħarraf biha. 

 

Is-Salmista jara fir-rieda ta’ Alla s-salvazzjoni għal ħajtu.  Hu sar jaf li jekk jiggranfa ma’ Alla ma jkollu għax jitħawwad qatt.  Għandhom għax jitħawdu dawk li jemmnu li kapaċi jmexxu huma ħajjithom u jinqdew b’Alla biex jgħinhom fil-pjanijiet tagħhom u mhux f’tiegħu.  Fl-istess ħin il-bniedem ta’ Alla jaf li hu dgħajjef, u li jekk il-Mulej ma jżommux minn idejh, jaqa’ żgur u jitgerbeb mal-kurrent.  Għalhekk hu jgħid: “Tiftakarx fil-ħtijiet ta’ żogħżiti: inti tajjeb, Mulej; ftakar fija skont it-tjieba tiegħek.”  (v. 7). 

 

Id-diżgrazzja tal-bniedem, tiegħi u tiegħek, mhux li aħna ħatjin.  Alla jaf li minn ġuf ommna aħna writtna n-natura ta’ Eva.  Id-diżgrazzja tagħna tkun jekk ma nemmnux li teżisti triq ’il barra minn din in-natura u hekk inkunu nġibu fix-xejn il-missjoni ta’ Kristu li bata, miet u qam mill-imwiet appuntu biex bl-Ispirtu s-Santu ninagħtaw natura oħra mhix miġbuda lejn id-dnub.  Din tkun tassew id-disgrazzja tagħna.  Dan il-bniedem li qal: “Il-Mulej juri t-triq lill-ħatjin u jmexxi l-imsejknin fis-sewwa waqt li jgħallem triqtu lill-fqajrin”  (v. 9), ma jorbotx fuq is-saħħa jew il-qdusija tiegħu imma fuq dik ta’ Alla.  U t-triq ta’ Alla hi Kristu.

 

Ritornell:  Il-mogħdijiet tiegħek, Mulej, kollha tjieba u fedeltà għal dawk li jħarsu l-patt tiegħek.

 

Salm 25

 

Triqatek, Mulej, għarrafni,

il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,

għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

 

Għalik nixxennaq il-jum kollu.

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,

għax huma minn dejjem, Mulej.

Tiftakarx fil-ħtijiet u d-dnubiet ta' żgħożiti:

inti tajjeb, Mulej; ftakar fija skond it-tjieba tiegħek.

 

Tajjeb u sewwa l-Mulej;

għalhekk juri triqtu lill-ħatja.

Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,

jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Dak li semmejna fl-Ewwel Qari li d-dilluvju ta’ żmien Noè huwa xbiha tal-Magħmudija li aħna rċivejna, huwa ċar għal San Pietru.  Jekk fid-dilluvju kien hemm mewt u ħajja, l-istess fil-Magħmudija.  Jien ċert li intom tafu li hemm żewġ tipi ta’ modi kif jimxi r-rit tal-Magħmudija: jew dak normali, meta jintefa’ ftit ilma fuq ras it-tarbija, jew dak skont l-immersjoni, meta t-tarbija, jew l-adult f’kas ta’ magħmudija għal xi ħadd kbir, tiġi jew jiġi mgħaddas fl-ilma kollu kemm hu/hi.  Fir-rit bl-immersjoni, li bil-mod il-mod jinsab rieġa qed jidħol fil-Knisja, tidher ferm iktar ċara din ir-rejaltà ta’ mewt u ħajja, qerda ta’ natura u twelid ġdid ta’ oħra flokha.

 

Noè u wliedu, minn fuq il-bastiment tagħhom, setgħu jaraw b’għajnejhom il-qerda terribbli tal-umanità mħassra mid-dnub u s-salvazzjoni ta’ dawk li ggranfaw ma’ Alla.  Fl-ilmijiet tal-Magħmudija jiġri l-istess.  Huma l-ilmijiet tal-mewt għan-natura li biha nitwieldu, u l-ilmijiet tal-ħajja għan-natura ġdida.  Huma l-ilmijiet tal-Ispirtu s-Santu.  Għalhekk il-Magħmudija hi l-Għid tal-Mulej, Memorjal tal-Għid tal-Mulej.  Fiha hemm mewt u Qawmien.

 

Issa huwa ċar li l-Magħmudija mhix sempliċi rit liturġiku ta’ darba.  Il-Magħmudija hija misteru li jkompli jseħħ matul ħajjitna.  Il-Magħmudija hija ħajja u mimlija bil-qawwa ta’ Alla jekk inħalluha taħdem fina. Jekk fiha hemm mewt u qawmien, dan ma jseħħx f’daqqa waħda imma dan is-sagrament jikber magħna skont kemm tikber il-Fidi tagħna fi Kristu.  Għax kollox jiddependi mill-Fidi fi Kristu.  Huwa għalhekk li l-Knisja ma titagħbbiex bir-responsabiltà li tgħammed trabi ta’ pagani, għax hi tistrieħ fuq il-wegħda tal-ġenituri u l-parrini li huma se jieħdu ħsieb jgħaddu l-Fidi tagħhom lil din it-tarbija.  Jekk dan iseħħ, allura ż-żerriegħa setagħna li nżergħet waqt iċ-ċelebrazzjoni, tikber u tikber sakemm issir siġra soda li tagħti ħafna frott.

 

Imma ħafna huma dawk li kibru f’ġisimhom u saru rġiel u nisa fl-aħjar ta’ żmienhom iżda baqgħu lebsin bil-libsa ta’ tarbija fejn għandha x’taqsam il-Magħmudija.  Is-sagrament baqa’ żerriegħa fihom u l-mewt u qawmien ġdid ma jidhru mkien f’ħajjithom.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu.  1 Pt. 3, 18-22

 

Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu, li bih mar ixandar is-salvazzjoni lill-erwieħ li kienu magħluqa fil-ħabs.  Dawn kienu l-erwieħ ta' dawk li darba ma ridux jisimgħu, meta Alla qagħad jistenna bis-sabar fiż-żmien li Noè kien jibni l-arka.  Ftit, jiġifieri tmienja biss, salvaw bis-saħħa ta' l-ilma.   

 

Dan l-ilma huwa tixbiha tal-magħmudija, li issa ssalva lilkom ukoll. Mhux għax tnaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma għax hi talba lil Alla ħierġa minn kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta' Ġesù Kristu,  li tela' s-sema u qiegħed fuq il-lemin ta' Alla u għandu taħtu s-Setgħat u l-Qawwiet ta' l-anġli.

 

Evanġelju

 

Ġesù mexa fuq il-passi ta’ Iżrael fit-tħejjija tiegħu għall-missjoni meraviljuża li jsalva l-bnedmin mit-telfien ta’ dejjem.  Kien jaf li l-Missier bagħtu għal esperjenza ta’ barra minn hawn.  Lil Iżrael, Alla ħarġu fid-deżert wara l-Eżodu mill-Eġittu, mhux biss għax ġeografikament ried jaqsmu biex jasal fl-Art Imwegħda, imma għax kellu bżonn esperjenza tad-deżert.  Anke Kristu bħala bniedem kellu bżonn din l-esperjenza.

 

Ir-Randan huwa mqabbel mill-Missirijiet tal-Knisja ma’ dan id-deżert, mal-esperjenza tad-deżert li tant hi mportanti fl-Iskrittura.  Id-deżert huwa l-post fejn int u jien jista’ jkollna laqgħa ħajja mal-Mulej, Memorjal li nibqgħu niftakru.  Id-deżert huwa l-esperjenza tqila ta’ xi kriżi li titfagħna f’periklu, f’urġenza ta’ għajnuna mingħand xi ħadd li hu aqwa minna.  Fid-deżert il-bniedem ma jgħixx.  Dan Iżrael kien jafu.  Dam erbgħin sena jterraq ’l hawn u ’l hinn; jew aħjar Alla żammu hemm erbgħin sena (erbgħin jum għal Kristu; erbgħin jum Randan), biex jiskopri l-Fidi u jinduna li b’Alla miegħu xejn u ħadd ma jista’ għalih.  Lanqas id-deżert li normalment jibla’ n-nies.

 

Iżrael safa mmarkat għal dejjem b’din l-esperjenza.  Id-deżert kien  Memorjal ta’ Alla għalih.  Erbgħin sena u baqa’ ħaj!  Erbgħin sena li fihom għex dipendenza totali f’Alla: jekk Alla jipprovdi l-ilma, jixorbu; jekk Alla jipprovdi l-ikel, jieklu.  Jekk le, jmutu.  Jew jeżisti Alla jew ma jeżistix.  Fuq Alla mhux nitgħallmu biss hemm bżonn, imma ngħaddu minn esperjenzi, minn deżert, fejn “naraw” li dak li tgħallimna fuq Alla kien tassew veru.  Dan ikun ta’ ferħ kbir għal qalb il-bniedem għax ikun irċieva l-Fidi li l-ebda tfixkil jew persekuzzjoni ma jistgħu jisirqulu.  Għaliex taħsbu li fiċ-Ċina llum, il-Knisja għadha ħajja wara tant persekuzzjonijiet mill-gvern komunista?  Għax in-nies tiltaqa’ ma’ Alla fid-deżert tagħha.

 

Id-deżert huwa wkoll il-post tat-tentazzjoni.  Hu faċli li temmen li Alla telaq, insiek, jew ma jeżistix!  It-tliet tentazzjonijiet ta’ Ġesù huma t-tliet tentazzjonijiet li jiġbru t-tixwix kollu ta’ satana li bihom jattakkana.  Fihom hemm kollox: 1. Il-ġibda għall-flus u l-ġid għax mingħalina jistgħu iserħullna ħajjitna mill-mewt;  2.  It-tħannin li nibdlu l-Istorja li tana Alla biex biha nsalvaw, għax din lilna qatt ma togħġobna;  3.  Il-lebliela għall-allat foloz tad-dinja li minnhom nitolbu l-ħajja.  Hawn insibu dak kollu li jista’ jeħodna għat-telfien.  Kristu rebaħhom it-tlieta.  Il-bniedem li fih il-Magħmudija immaturat u li għandu n-natura ta’ Kristu, jirbaħ dan kollu wkoll.

 

Versett: Glorja u tifħir lilek Kristu! Il-bniedem mhux bil-ħobż biss igħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.  Glorja u tifħir lilek Kristu!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  1, 12-15

 

Mbagħad minnufih l-Ispirtu ħarġu fid-deżert.  U baqa' fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli.

  

Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta' Alla u jgħid: "Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta' Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju."

 

 
< Prev   Next >