Monday, 23 July 2018
           
Home arrow Home
IT-TIENI HADD TAR-RANDAN (2018) IL-FIDI HI KAPOLAVUR TA’ ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 24 February 2018

Din hija il- Liturgija  tat-Tieni Hadd tar-Randan ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

transfigurazzjoni_ta_gesu.jpg

Għalina llum, ir-Randan ifisser xi ħaġa differenti milli kien ifisser għall-Insara fil-bidu.  Għalina huwa żmien ta’ penitenza u opri tajba biex infarfru xi ftit l-ispiritwalità tagħna.  Ħadd ma jiġih dubju jekk hux Nisrani jew le.  Ħadd ma jissuspetta li hemm realtà fil-bniedem li jsejħulha “reliġjożità naturali” li tista’ titifixkel mal-Fidi Nisranija.  Ħadd, jew ftit ħafna, jħossuhom f’Mixja lejn skoperta dejjem akbar tal-Magħmudija tagħhom u tal-Misteru tal-Għid.  Ħadd ma jemmen li għandu bżonn jitwieled mill-ġdid biex hekk isseħħ tassew il-Magħmudija fil-Ħajja tiegħu. Il-biċċa l-kbira jissoponu li dak li jafu dwar Kristu huwa biżżejjed u ma jippretendu xejn mingħand Alla ħlief grazzji materjali.  F’dan l-ambitu, ir-Randan huwa żmien fejn wieħed jogħġob ftit iktar lil Alla u hekk tikber il-possibiltà li talbu jinstema’, jiġifieri t-talb tiegħu għall-għajnuna biex jgħix Ħajja kwieta bla wisq tbatija hawn.

 

Fl-oriġini, ir-Randan kien maħsub mill-Knisja bħala żmien tal-aħħar tħejjijiet għall-Katekumeni qabel ma kienu jieħdu l-Magħmudija fil-Velja Qaddisa tal-Lejl tal-Għid. Kien f’dan il-lejl biss li kienu jitgħammdu l-Insara, u wara li kienu jkunu għexu Katekumenat ta’ snin bi tħejjija.  Il-Katekumenat kien ikun żmien ta’ preparazzjoni intensiva għall-Magħmudija, żmien li fih il-bniedem kien jikber fil-Fidi fi Kristu u qabel ma jkun emmen tassew l-Aħbar it-Tajba Kristjana ma kienx jiddaħħal għall-Magħmudija.

 

 

 

Meta kien joqrob l-Għid li fih kellu jitgħammed, il-katekumenu, li naturalment kien ikun dejjem adult, għax f’dak iż-żmien il-Magħmudija kienet tinagħta l-iktar lill-adulti, kien jidħol għal erbgħin jum qawwija ta’ katekeżi kuljum.  Kien ikun f’dan iż-żmien li l-Isqof kien jiddeċiedi liema katekumeni kienu jkunu lesti għall-Magħmudija fil-lejl tal-Għid.  Il-Missirijiet tal-Knisja baqgħu famużi għall-katekeżi li ħallewlna miktuba u li kienu jinagħtaw f’dawn l-erbgħin jum tar-Randan qabel il-Magħmudija. Magħhom u għalihom kienet titlob il-Knisja matul ir-Randan sabiex imbagħad tifraħ magħhom fi knisja maħnuqa bil-fidili fil-velja li  ma kinitx iddum xi sagħtejn jew tlieta, imma l-lejl kollu, sakemm jisbaħ!  Tlikki tlikki qed nersqu lura lejn ambjent pagan li fih kienet teżisti din il-Knisja/Dawl.  Minn kull deni Alla joħroġ il-ġid għall-għeżież tiegħu!

 

L-Ewwel Qari

 

Il-kandidati għall-Magħmudija kienu jagħmlu Mixja ta’ Fidi, Katekumenat, għax il-Fidi hi xi ħaġa serja.  Ħadd ma kien jiġi aċċettat għall-Magħmudija jekk ma jagħtix provi bl-għemejjel tiegħu li kien tassew jemmen f’Alla ta’ Ġesù Kristu u fil-Misteru tal-Għid tal-Mulej.  Din il-Fidi ma kinitx tkun, kif lanqas hi llum, frott ta’ xi tqanżiħ tal-bniedem, imma rigal ta’ Alla, Grazzja mogħtija b’xejn u bla mistħoqqa lil dawk li Alla jagħżel.

 

Fl-ewwel qari ser niltaqgħu ma’ Abraham, imsejjaħ Missier il-Fidi.  Miegħu, Alla ħadem b’mod tal-għaġeb biex żera’ fih il-Fidi u kabbarhielu wkoll.  Mhux f’daqqa seħħ dan kollu.  Anke Abraham għamel mixja ta’ Fidi, mixja fiżika għax l-ewwel kliem li qallu Alla kien: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn art li jien nurik.  (Ġen. 12, 1).  U Abraham obda lil Alla u telaq, miexi, miexi, bħalma jitlaq il-katekemunu miexi meta jibda l-Katekumenat tiegħu.  Bħalma anke aħna, li rċivejna l-Magħmudija ta’ trabi, mistiedna nitilqu nimxu dejjem ’il ġewwa fil-Fidi.  Abraham, matul il-vjaġġ tiegħu tgħallem jemmen f’Alla.  Żbalja u kiber mill-iżbalji tiegħu.  U dan jiġri lil kull Nisrani.  Imma l-esperjenza għalmitu li Alla jeżisti, li Hu fidil, u li Hu huwa l-uniku Alla, il-waħdieni li jista’ jimla qalb il-bniedem.

 

Importanti din.  Il-Fidi, meta timmatura, tgħidlek ċar u tond, li l-ferħ u s-sens ta’ kollox ma tagħtihulekx id-dinja, lanqas b’affarijiet tajbin bħalma huma l-familja, is-saħħa, il-prosperità, il-ħbieb veri...  Il-vojt li hemm fil-bniedem jimtela biss b’Alla.  Lejn dan, il-Mulej jaħdem bla heda biex iressaqna.  Lil Abraham wasslu s’hawn meta ġarrbu f’dan il-qari diffiċli li se nisimgħu.

 

Hemm xi wħud li jużaw dan il-qari biex jagħmlu karikatura kerha ta’ Alla ta’ Iżrael.  Kif jista’ jkun li Alla li huwa Mħabba jasal biex jordna lil min jemmen fih biex jissagrifikalu lil ibnu l-waħdieni li Hu stess kien wegħdu?  Dan huwa mod superfiċjali kif taqra l-Iskrittura.  Mingħand Abraham Alla ma riedx jieħu lil ibnu li Hu stess kien tah meta kien xjieħ u martu kienet sterili.  Imma Abraham kien daħal fil-periklu li jagħmel lil ibnu Alla, u ibnu ma seta’ qatt jagħtih dak li Alla waħdu kapaċi jagħtih.  Alla, l-awtur tal-Fidi, ried inaddaf il-Fidi ta’ Abraham mill-idolatrija, għall-ġid tiegħu. 

 

Mhux ta’ b’xejn li Abraham jissejjaħ Missier il-Fidi.  Il-Fidi teħodna lil hemm mir-raġuni, hemm fejn għar-raġuni ma jibqax iktar sens.  Imma li kieku qagħad jirraġuna, Abraham ma kien jibda qatt l-avventura tiegħu ma’ Alla għax ir-raġuni kienet tgħidlu li bijoloġikament kien impossibli li hu jnissel iben.  Kieku Abraham qagħad jirraġuna, kieku m’aħniex nitkellmu fuqu ħamest elef sena wara li għex.  Kien imut u jintilef fil-baħħ taż-żmien. 

 

Dawn huma n-nies il-kbar tal-Fidi: dawk li jintelqu f’idejn il-Mulej, jerħu f’idu l-Istorja tagħhom anke meta r-raġuni tgħidilhom li qegħdin jiġġennu.  Huma dawn in-nies li jaraw il-mirakli jitwettqu quddiem għajnejhom.  Huma dawn in-nies li għandhom x’jirrakkontaw dwar Alla.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  22, 1-2a.  10-13.  15-18

 

 

 

F’dak iż-żmien: Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!” U hu wieġbu: “Hawn jien!”  U qallu: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta' Morija, u hemm offrih b'sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek.”

 

U waslu fil-post li kien semmielu Alla; u hemm Abraham bena l-artal u firex il-ħatab fuqu, u rabat lil ibnu Iżakk u qiegħdu fuq l-artal, fuq il-ħatab.  U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu.  U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!” U dan wieġbu: “Hawn jien.” U qallu:  “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża' minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni.”

 

U Abraham rafa' għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b'sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu.

 

U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet  u qallu: “Naħlef fuq ruħi - oraklu tal-Mulej - la darba int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni, jien imbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f'xatt il-baħar; u nislek għad jiret bwieb l-għedewwa tiegħu.   U jitbierku b'nislek il-ġnus kollha ta' l-art talli smajt minn kelmti.”

 

Salm Responsorjali

 

F’parti mis-Salm 116 li ma ddaħlitx fil-Liturġija tal-lum, is-Salmista jgħid: “Il-ħbula tal-mewt dawruni, l-irbit tal-Imwiet ħakimni; fin-niket u l-hemm sibt ruħi.  Imma isem il-Mulej sejjaħt: ‘Mulej, nitolbok, salvani!”  (vv. 3-4).  Dan hu kliem poetiku qawwi li jiddiskrivi l-kriżi kerħa li kull tant il-bniedem jaqa’ fiha.  Dan hu kliem li jiddiskrivi tajjeb dak li għadda minnu Abraham, huwa u tiela b’ibnu l-għażiż lejn il-quċċata tal-għolja fejn hu kellu joqtlu. Il-ħbula tal-mewt, in-niket u l-hemm.  L-istess bħal Ġesù fil-Ġetsemani u bħal Marija taħt is-Salib.

 

Imma Abraham baqa’ jemmen; Marija baqgħet temmen; in-Nisrani jibqa’ jemmen.  San Pawl jgħidilna li hu u tiela l-għolja Abraham emmen li anke wara li joqtol lil ibnu, Alla kien fidil u kapaċi li jerġa’ jagħtihulu mqajjem mil-mewt qawwi u sħiħ.  Għal Abraham, ibnu kien diġa mejjet.  Imma qalb il-missier kienet imtertqa.  Għax kbira hi l-Fidi matura, imma ma tifrankalniex l-irbit tal-imwiet li ħass Kristu meta xerred l-għaraq imdemmi fil-Ġnien. 

 

Dak li jeqred il-mewt huwa l-Misteru tal-Għid.  Abraham ra jum il-Mulej u feraħ!  (ara Ġw. 8, 56). Jum il-Mulej huwa l-Għid.  L-Għid huwa l-mogħdija mid-dlam għad-dawl, mill-mewt għall-ħajja, mid-dieqa totali għall-ferħ tal-ġenn.  Abraham għex l-Għid fuq dik il-għolja.  Jekk nobdu lill-Mulej bil-Fidi, ngħaddu mid-dlam tassew, imma dan hu d-dlam li jwassal għall-Għid tal-Qawmien.

 

Dan hu li esperjenzja l-Salmista tagħna. Hu jgħid: “Erġa’ ruħ tiegħi għall-mistrieħ tiegħek, għax il-Mulej għamillek il-ġid.  Għax mill-mewt ħelisli ’l ħajti, lil għajnejja mid-dmugħ u ’l riġlejja mit-tfixkil.” (vv. 7-8).  Lil dan il-bniedem Alla bidillu l-għali tiegħu fi żfin u l-istess jagħmel magħna jekk nafdaw f’idejh l-Istorja tagħna.

 

Ritornell: Jien nimxi quddiem il-Mulej fl-art tal-ħajjin.

 

Salm 116

 

 Bqajt nemmen, mqar meta għedt:

"Jiena mdejjaq ħafna!"

Għażiża f'għajnejn il-Mulej

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

 

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi.

 

Lilek noffri sagrifiċċju ta' radd il-ħajr,

u isem il-Mulej insejjaħ.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta' dar il-Mulej,

ġo nofsok, Ġerusalemm!

 

It-Tieni Qari

 

Lil Abraham, Alla ma ħallihx jidħol fl-aktar post mudlam u profond tad-disperazzjoni, għax ma ħallihx joqtol lil ibnu.  Imma din il-ħaġa, l-Missier ma ffrankahiex lilu nnifsu!  Lil Ibnu ħalliħ imut mewt ħarxa fuq is-Salib, anke meta sema’ l-għajta kiebja: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”  (Mt. 27, 46). 

 

Dan kollu għaliex?  Importanti li nistaqsuha u nirriflettu fuqha din il-mistoqsija.  Għaliex il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu?  L-Iskrittura l-ħin kollu titkellem fuq it-tweġiba għal din il-mistoqsija, imma jrid ikun l-Ispirtu s-Santu li jdawwalna biex mhux inkunu nafuha bħal qiesna se nagħmlu eżami u niktbu r-risposti fuq karta, imma nkunu “nafuha” tant li ssir ħuġġieġa nar taqbad f’qalbna!! 

 

Kristu bata u miet għax jien midneb!  Kien hemm bżonn is-sagrifiċċju ta’ Ħaruf bla tebgħa biex x’ħin tgħaddi l-mewt tara d-demm tiegħu imċappas mal-bieb ta’ qalbi u tibqa’ għaddejja.  Kien hemm bżonn li Xi Ħadd Kbir ħafna ħafna jpatti għad-dejn tiegħi miġbur bi dnubieti tul ħajti kollha.  Kristu miet biex jien ma mmutx imma ngħix għal dejjem.  Min ma jemminx f’dan il-Misteru, dnubietu jibqgħu mhumiex mifdija.

 

Fl-Ittra lir-Rumani San Pawl jitkellem ħafna fuq dan.  San Pawl hu l-Imgħallem il-Prim tal-Aħbar it-Tajba.  Xi Grazzja meta l-Mulej tana lil dan l-Appostlu!  Xi Grazzja l-Ittri tiegħu!  Se jgħidilna: “Hu lanqas lil ibnu stess ma ħelisha, imma tah għalina lkoll.”  (v. 32).  U jekk il-Missier wettaq dan is-sagrifiċċju enormi ta’ ċaħda ta’ Ibnu stess, u l-Iben obda, minn xhiex allura għandna ninkwetaw jew nibżgħu?  Jekk għandna tassew il-Fidi, quddiem min għandna nitwerwru?  Jekk aħna tant important u għeżież għal Alla, min jista’ għalina?  Saħansitra satana jitwerwer quddiem il-qaddejja li għandhom il-Fidi adulta.  Min se jakkużak lilek, jekk kollox indaflek fid-Demm ta’ Kristu?  Kif jista’ Kristu jakkużak, Dak li miet u qam għalik? 

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  8, 31b - 34

 

Xi ngħid, mela, quddiem dan kollu? Jekk Alla hu magħna min jista' jkun kontra tagħna?  Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?  Min se jakkuża l-magħżulin ta' Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom.  Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta' Alla, hu li jidħol għalina. 

 

Evanġelju

 

Il-binja tal-Fidi fina hija l-iktar biċċa xogħol għażiża għal Alla.  Huwa Hu li jibni l-Fidi fina u biex jagħmel dan jinqeda bil-Kelma, bis-sagramenti tal-Knisja, bl-interċessjoni tal-qaddisin l-aktar tal-Madonna, imma wkoll bl-Istorja, bil-ġrajjiet li minnhom ngħaddu, l-istess kif Abraham kiber fil-Fidi permezz tal-mixja li qabbdu Alla.

 

Ġesù kien jaf li l-Misteru tal-Għid li kien riesaq kien se jkun terremot aħrax għal dawk li kienu jħobbuH.  Għalhekk bħal bennej għaqli u mimli mogħdrija, Hu ried isaħħaħ is-swar tal-Fidi tagħhom biex, għalkemm kien se jogħtru u jagħmew fid-dlam, imma ma jikkrollawx.  Hu jaqbad tlieta minnhom u jeħodhom fuq it-Tabor. 

 

Diversi nies qaddisin jgħidulna li l-univers huwa mimli b’afffarijiet li għajnejn il-bniedem ma jistgħux jarawhom għax huma ħwejjeġ spiritwali, mhux materjali.  Fuq it-Tabor, għajnejn l-appostli nfetħu u huma raw il-verità, ir-rejaltà li hi moħbija mill-għajnejn tal-ġisem.  Huma biss l-għajnejn tar-ruħ, bi Grazzja, li kapaċi jaraw l-għeġubijiet li aħna mdawrin bihom.

 

Bħal dak il-patri tad-deżert li l-Mulej fetaħlu għajnejh u qallu ħares lejn il-punent. Huwa ħares u twerwer għax ra qtajjiet ta’ xjaten lesti biex jiġru għal fuqu u jkaxkruh magħhom.  X’ħin kien qiegħed iwerżaq bil-biża’, l-Mulej qallu biex iħares in-naħa l-oħra, lejn il-lvant, u hemm ra kotra ikbar ta’ qtajjiet ta’ anġli li tant kienu ikbar fin-numru mix-xjaten li l-patri tarlu l-biża’ kollu.

 

L-Appostli raw ir-rejaltà moħbija ta’ Kristu.  Raw quddiemhom lill-Iben il-Waħdieni ta’ Alla liebes ġisem ta’ bniedem u d-dehra belhithom bis-sbuħija tagħha.  Huma ndunaw x’kien hemm moħbi fir-Rabbi li miegħu kien qed jagħmluha.  Ara kif il-ġrajja tibni l-Fidi. Aħna lkoll irridu ngħaddu minn mumenti li fihom naraw it-tifrik ta’ dak kollu li nkunu emmina fuq Alla.  Għalina lkoll hemm mumenti meta nkunu skandaliżżati b’Alla.  Hieni min ma jaħsibx ħażin fuq Alla f’dak il-ħin. Min ikun ħalla lil Alla jsaħħaħlu l-Fidi tiegħu minn qabel ikun jiflaħ jirreżisti għat-tixwix tal-ħażin dak in-nhar.

 

Versett:  Glorja u tifħir lilek, Kristu!  Fi sħaba kollha dawl, leħen il-Mulej instema’: Dan hu Ibni l-għażiżm, isimgħu lilu.  Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  9, 2-10

 

Sitt jiem wara Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.  Lbiesu sar abjad u jgħammex b'dija ta' l-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista' jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk.   U dehrilhom Elija ma' Mosè, jitkellmu ma' Ġesù.  

 

Qabad Pietru u qal lil Ġesù: "Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija."  Dan qalu għax ma kienx jaf x'jaqbad jgħid bil-biża' kbir li waqa' fuqhom.  Mbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama' leħen jgħid: "Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu."  Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

 

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma' ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.  Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x'kien ifisser 'tqum mill-imwiet'.

 

 
< Prev   Next >