Din
hija il- Liturgija tat-Tielet Hadd tar-Randan ( 2018 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Bl-waqa’ ta’ Adam,
l-umanità kollha, inklużi jien u int, tħassarna minn ġewwa. In-natura tagħna tbaxxiet biex tixxennaq
għall-ġandar. Qabel kellna natura tixbah
lil t’Alla għax konna narawH hekk kif
inhu u wkoll għax bħalu ma konniex suġġetti għall-mewt; bħal Alla konna
eterni. Imma bid-“Dnub”, dak oriġinali
li hu missier id-dnubiet kollha l-oħra, in-natura tagħna mardet, tħassret,
saret ilsira tax-xewqat tad-dnub. Fejn
qabel id-dnub kien iwerwer għax kien iġib il-mewt, issa sar frotta tajba, u
tiġbdek għax ipprojbita.
Dan hu l-bniedem
il-qadim li bih nitwieldu, li nirtuħ minn Adam.
Huwa bniedem ilsir iktar milli hu ħażin.
Huwa bniedem tallab, għax billi issa daħallu suspett fuq l-Imħabba ta’
Alla li ħalqitu, hu mġiegħel jittallab l-affetti, il-prosit, l-għajn tajba,
l-imħabbiet mingħand kulħadd. Kulma
jagħmel dan il-bniedem, jagħmlu, kultant ftit u kultant ħafna, biex jiġbed
lejh. Fuq kollox il-bniedem il-qadim jaf
li għad imut u dan il-ħsieb, din id-dittatura tal-mewt timla bis-sħab is-sema
ta’ kull ġurnata.
L-Ittra lil-Lhud
tgħid li dan il-bniedem il-qadim huwa mdawwar biċ-ċirku tal-biża’
tal-mewt. Mhux bil-fors il-mewt
fiżika. Adoloxxenti huwa mdawwar b’dan
iċ-ċirku kull meta jmur għall-eżami, kull meta jħoss jgħafsu fuqu
d-deċiżjonijiet li jrid jieħu għal ħajtu. Raġel miżżewweġ għandu problemi oħra;
ix-xiħ, jerġa, għandu beżgħat differenti.
Dawn l-affarijiet jagħmlu mill-bniedem esseri egoista mingħajr ma jrid:
dak li fil-psikoloġija jsejħulu is-“survival instinct”. “Tħabat u stinka għax ħadd mhu se jaħsiblek
għall-Ħajja.”
Dan hu l-bniedem li
jixtieq kieku jagħmel it-tajjeb imma jsib ruħu jagħmel il-ħażin minflok. Minn dan l-għerq, mill-għerq tad-dnub
oriġinali li jimmarka lill-bniedem il-qadim, jinbtu l-inġustizzji kollha
tad-dinja, is-serq, il-qtil, il-prostituzzjoni, il-pornografiji, id-droga, kull
tip ta’ korruzzjoni. Ninsabu magħluqin
ġo gaġġa kulħadd jagħti wieħed fuq l-ieħor.
Mur prova rranġa xi kwistjoni fuq xi wirt, u tkun taf aħniex ġo gaġġa
nagħtu fuq xulxin!
Quddiem din
l-istraġi kollha, Alla jinżel u jagħti lill-bniedem dehra tal-Qdusija, dehra
tal-Ħajja vera, dehra ta’ kif kienet il-Ħajja qabel il-waqgħa. Din id-dehra Hu tahielna fl-Għaxar Kelmiet li
hu ta fuq is-Sinaj... jew l-għaxar kmandamenti, kif insibuhom aħna. Il-Lhud isejħulhom l-Għaxar Kelmiet
tal-Ħajja, li hi diskrizzjoni ferm iktar eżatta minn tagħna, imma aħna,
tal-punent, bil-mentalità legalista li għandna (wirt tad-Dritt Ruman),
insejħulhom kmandamenti. Imma b’dawn
l-Għaxar Kelmiet, Alla qiegħed jistaqsina: “Tridu tkunu tafu fejn hi l-Ħajja
għal Dejjem, fejn hi s-Sbuħija, il-Qdusija, is-Sliem? Ħarsu lejn dawn
il-Kelmiet u taraw fihom dan kollu. Min
iwettaqhom, sinjal li hu ħaj; min ma jwettaqhomx, sinjal li hu mejjet.”
San Pawl jgħid li
Alla tana l-kmandamenti biex aħna nindunaw kemm aħna ’l bogħod mill-Ħajja vera,
mit-tjieba. Għax ħadd minna mhu kapaċi jobdi l-Għaxar Kmandamenti. Jista’ jkun hawn min hu iktar tajjeb, imma
x’imkien se jeħel u l-Iskrittura tgħid li l-Liġi jew tobdiha kollha jew
xejn. M’għandniex spirtu li kapaċi
jgħammar f’din it-tip ta’ Ħajja, jagħmel tiegħu, bla sforz, dawn l-Għaxar
Kelmiet tal-Ħajja.
Għalkemm
fil-Magħmudija hemm l-ilmijiet li joqtlu lil dan il-bniedem il-qadim li,
jagħmel x’jagħmel, mhux kapaċi jgħix il-kmandamenti kollha, dan is-sagrament
mhux xi maġija. Il-Magħmudija
tinagħtalna ta’ trabi (meta nkunu bla Fidi), u tikber magħna fil-qies ta’ kemm
tikber il-Fidi tagħna: xejn inqas u xejn iżjed.
Meta l-Magħmudija tilħaq il-milja tagħha fina, allura dak in-nhar
il-qadim imut u jitwieled il-Ġdid li hu Kristu fina. Minn dak il-ħin ’il quddiem, huwa Kristu li
jgħix fina u mhux aħna, u allura huwa Hu li jgħix il-Kmandamenti fina.
L-Ewwel Qari
Il-Kmandamenti
lkoll nafuhom. Il-problema tal-bniedem
mhux li ma jafx x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin, imma li m’għandux is-saħħa
jwettaq it-tajjeb. Din hi l-problema.
Inutli tgħallmu fuq li tgħallmu lil dan il-bniedem. Inutli priedki u omeliji moralistiċi. Diġa
jaf x’inhu t-tajjeb imma ma jistax jagħmlu.
Pelaġju kien jgħid li dan mhux minnu; li l-bniedem kapaċi jagħmel
it-tajjeb, jekk irid. Imma Pelaġju kien
eretiku. Il-bniedem għandu bżonn jtwieled mill-ġdid.
Hawn jidħol tajjeb
it-tagħlim fuq il-Kelma, is-Sagramenti, id-dħul għal Talb fl-Ispirtu, għax dawn
kollha jgħinu tikber il-Magħmudija fina u hekk jinqered il-bniedem
tad-dnub. Imma sakemm għadu ħaj u
b’saħħtu fina dan il-bniedem korrott, imur iqerr kemm irid, imma diġa jaf li
l-ġimgħa d-dieħla se jerġa jeħel fejn dejjem weħel... u nibqgħu fejn aħna. Għandna bżonn ilkoll niskopru l-Magħmudija
tagħna, niskopru l-qawwa tagħha, ngħixu l-għarqa tal-bniedem il-qadim u
l-qawmien tal-bniedem il-ġdid li jħobb mingħajr sforż għax m’għadux iktar
egoista billi hu ċert mill-Imħabba ta’ Alla.
Qari
mill-Ktieb tal-Eżodu. 20, 1-17
F’dak
iż-żmien: Alla kellimhom u qalilhom dan kollu:
“Jiena
hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art ta' l-Eġittu, minn dar il-jasar.
“Ma
jkollokx allat oħra għajri. La
tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta' ebda ħaġa li hemm
fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx quddiemhom: la
tadurahomx għaliex jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur, li npatti
l-ħażen tal-missirijiet fuq l-ulied sat-tielet u r-raba' ġenerazzjoni lil dawk
li jobogħduni; imma
nagħder sa l-elf nisel lil min iħobbni u jżomm il-kmandamenti tiegħi.
“La
ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn: għaliex lil min isemmi l-isem
tiegħu fix-xejn, il-Mulej ma jħallihx bla kastig.
“Ftakar
f'jum is-Sibt u qaddsu. Sitt
ijiem taħdem u tagħmel kull ma għandek tagħmel; imma s-seba' jum hu jum
il-mistrieħ f'ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek. Dan il-jum ma tagħmel ebda xogħol,
int, ibnek, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-bhejjem tiegħek, u l-barrani li
jkun ġewwa bwiebek. Għax f'sitt ijiem il-Mulej għamel
s-smewwiet u l-art; il-baħar u kull ma hemm fihom, u strieħ fis-seba' jum.
Għalhekk il-Mulej bierek is-seba' jum u qaddsu.
“Weġġaħ
lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla
tiegħek, jagħtik.
“La
toqtolx.
“La
tagħmilx adulterju.
“La
tisraqx.
“La
tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek.
“La
tixtieqx dar għajrek: la tixtieqx il-mara ta' għajrek, il-qaddej jew
il-qaddejja tiegħu, l-għoġol jew il-ħmar tiegħu, u xejn minn kull ma għandu
għajrek.”
Salm
Responsorjali
F’Salm
19 insibu eloġju għal-Liġi ta’ Alla, il-Liġi li turina x’inhi l-Qdusija u fejn
tinsab il-Ħajja vera. Il-bniedem jifraħ
meta jirnexxilu jobdi l-Liġi ta’ Alla u l-biża’ tal-Mulej jgħinu f’dan. Il-biża’ tal-Mulej huwa dak il-biża’ li inti
titlef il-ferħ u s-sliem li jiġu milli wieħed ikun paċi ma’ Alla.
Imma
dik ir-relazzjoni li hi mibnija fuq spirtu ta’ Liġi mhix relazzjoni perfetta, u
kważi kważi lanqas mhi tajba, kif jistgħu jixhdu għal dan kull min għandu
esperjenza tal-ħajja miżżewġa. Ħafna mir-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin huma
mibnija fuq il-liġi: il-mara tagħmel liġi lir-raġel u r-raġel jagħmel l-istess
lil-martu. Ir-raġel jaf martu x’tixtieq,
x’tiggosta, xi jġagħlha tbati, u jekk “jibża” għal paċi fil-familja, jagħmel li
jista’ biex jogħġobha, kif jgħid San Pawl, għalkemm mhux dejjem
jirnexxilu. L-istess tagħmel il-mara.
Imma
intimita perfetta, Imħabba iktar għolja, relazzjoni ferm iktar b’saħħitha tkun
dik ibbażata mhux fuq il-Liġi u l-biża’ li ġġib magħha, imma fuq tħannin
għall-ieħor, għall-oħra, fuq Imħabba vera li m’għandhiex bżonn min jgħidilha
x’għandha tagħmel għall-maħbub jew maħbuba... aħseb u ara kemm għandha bżonn
liġi.
L-istess
ir-relazzjoni tagħna mal-Mulej. Hu l-Għarus tiegħi u tiegħek li ta ħajtu
għall-Għarusa tiegħu. Hu ta Ħajtu mhux
għax hemm xi kmandament jew għax beża’ minn xi ħaġa, imma għax lili u lilek
iħobbna b’Imħabba li hi ta’ Alla waħdu, Imħabba li għalina tidher
tal-ġenn. Ir-“reliġjon” hi mibnija
madwar sett ta’ Liġijiet, imma l-Fariżej li kienu esperti tal-Liġi ma kellhomx
Imħabba lejn il-proxxmu, u allura lanqas lejn Alla. Araw kif il-Liġi minnha nnifisha ma ssalva
lil ħadd.
Imma
l-Aħbar it-Tajba tal-Kristjaneżmu tmur lil hemm mir-“reliġjon”. Meta l-bniedem jiskopri s-Sbuħija tal-Imħabba
msallba għalih u li hi Alla, allura titwieled fih Imħabba reċiproka lejn
l-Għarus u din l-intimità tkun l-Ispirtu s-Santu li jagħmel li int tgħix kif
tgħidlek l-Imħabba i.e. tgħix l-Għaxar Kelmiet mhux għax hekk tgħid il-Liġi
imma għax daqshekk tħobb.
Ritornell: Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’
dejjem
Salm
19
Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti
l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa, u
tgħallem lil min ma jafx.
Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu
l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi, u jdawwal
l-għajnejn.
Il-biża' tal-Mulej sinċier, u jibqa' għal
dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa
għalkollox;
egħżeż mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin,
oħla mill-għasel u mill-qtar tax-xehda.
It-Tieni Qari
Fit-T.Q. kulħadd kien jemmen li wieħed kien ġust jekk
jobdi l-Kmandamenti u l-preċetti marbutin magħhom. Dan il-Patt falla. Deher il-Messija u l-folla
“tal-Liġi” qatlitU. Imma f’dan il-fatt
terribbli magħmul min-nies “tal-LIġi” u tat-tempju, twieled Patt ġdid. Waqt li l-ħlejjaq kienu qed joqtlu
lill-Ħallieq tagħhom, il-Ħallieq kien qed jaħdem Patt ġdid biex dawk stess li
kienu qed joqtluH, isalvaw.
Dan il-Patt il-ġdid jistrieħ għal kollox fuq il-Fidi
fil-Misteru tal-Għid li wettaq għalija u għalik il-Mulej Ġesù, l-Iben ta’ Alla
l-Ħaj. Kristu bata l-Passjoni, sofra
Mewt ħarxa u ġie mqajjem u maqlugħ ’il barra mill-qabar mill-Missier, b’risq
tiegħi u tiegħek. Huwa dan li rridu
nemmnu b’qalbna kollha biex insalvaw, u jekk nemmnu tassew, Ħajjitna kollha
tinbidel u dik il-Liġi li ma stajniex nobdu qabel, issa nibdew ngħixuha għax
inħobbu lil Dak li miet għalina.
Bl-Imħabba, iva, bl-Imħabba kollox jista’ jkun għax l-Imħabba hija Alla.
Il-qari qasir li ġej huwa tqil. Il-Ħadd li għadda ċċelebrajna dak li ġara fuq
it-Tabor. Ngħidu li Kristu tbiddel quddiem l-Appostlu. Naħseb li iktar inkunu qrib il-verità jekk
ngħidu li kienu l-Appostli li tbiddlu!
L-Appostli inagħtaw vista li biha setgħu jaraw dak li hu veru, dak li
jeżisti madwarna imma ma narawhx bl-għajnejn tal-bniedem il-qadim. Għal ftit mumenti, l-Appostli raw x’inhi
l-Verità, x’inhi r-rejaltà. Dak li kien
moħbi minnhom, issa huma rawh. Il-Glorja
ta’ Kristu kienet moħbija għal għajnejn materjali, imma f’daqqa waħda nkixfet
għal ftit.
L-istess is-Salib.
Għal ħafna huwa saħta, bluha, piż, kastig. Imma għal dawk li għandhom l-għajnejn ta’
Ġesù, l-għajnejn spiritwali, is-Salib huwa l-Għid; fih huma jġarrbu, darba wara
darba, il-mogħdija mid-dlam għal Dawl dejjem ikbar; minn sitwazzjoni ta’ mewt u
ta’ tbatija għal qagħda ta’ rebħa dejjem ikbar fuq il-mewt. Għalhekk is-Salib isir għalihom Glorjuż.
Il-bniedem “reliġjuż” il-ħin kollu jitlob li Alla
jaqdih u jneħħilu t-tbatija, is-Salib.
Imma s-Salib hu permess minn Alla biex fih niltaqgħu mal-Għarus! It-Talb fl-Ispirtu huwa dak li jittallab biex
il-bniedem jiggranfa mar-Rieda ta’ Alla f’kull sitwazzjoni. Imma dan mhux bi sforz! Huwa l-bniedem il-ġdid biss li kapaċi “jara”
u jagħmel dan. Mill-bqija, is-Salib
jibqa’ bluha u bla sens għall-pagani u skandlu għal dawk li huma “reliġjużi” u
li ma jistgħux jifhmu kif Alla ma jiffavorihomx wara l-affarijiet kollha li
tawh…
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. 1, 22-25
Ħuti:
il-Lhud
jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru 'l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud
u bluha għall-Griegi; iżda
għal dawk li huma msejjħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta' Alla u
l-għerf ta' Alla. Għax il-bluha ta' Alla
hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta' Alla hija aqwa mill-bnedmin.
Evanġelju
Kristu
se jitkellem fuq il-Ġisem tiegħu li huwa t-Tempju veru, il-Knisja, dawk l-aħwa
li twieldu mill-ġdid u li l-Magħmudija tagħhom kibret sakemm tat frott ta’
sinjali li jiġbdu lill-oħrajn għall-Ħajja ta’ Dejjem. Huwa jiċċalinġja lil-Lhud biex ikissru dan
it-tempju, joqtlu dan il-Ġisem tiegħu biex hu iqajmu mill-mewt fit-tielet
jum. Il-ġisem li kellu Kristu kien
il-bniedem il-qadim miġbud lejn id-dnub li għandna aħna. Hu tbaxxa tant li niżel hawn biex jilbes u
jieħu fuqu din in-natura mħassra u biha ntelaq f’idejn l-għedewwa biex ikun
jista’ jġorr il-bniedem il-qadim ta’ kulħadd lejn il-mewt fuq is-Salib. Meta mbagħad il-Missier qajjem lil Ibnu, dan
kien issa l-bniedem il-ġdid, b’Ġisem ġdid u Ħaj tassew. Dan hu l-Misteru tal-Għid.
Issa,
dan il-Misteru tal-Għid huwa mfisser fil-Magħmudija u fl-Ewkaristija
wkoll. Il-Vanġelu se jgħidilna li Ġesù
ma kien jafda lil ħadd, lanqas lil dawk li kienu jgħidulu li jemmnu fih, għax
hu kien jaf x’hemm fil-bniedem. Hu kien
jaf li l-bniedem il-qadim jista’ jgħid ħafna paroli, imma l-fatti jagħmilhom
biss il-bniedem il-ġdid, dak li twieled mill-ġdid mill-Magħmudija.
Imma
għal darb’oħra ngħidu li l-Magħmudija mhix magiks. Tiddependi għal kollox mill-Misteru tal-Għid
li għex Kristu. F’dan iż-żmien
tar-Randan hu mportanti li nidħlu ’l ġewwa f’dan il-Misteru u nitolbu lil Alla
jdawwalna biex nindunaw aħna fejn nidħlu f’dan kollu. Hemm bżonn li nobogħdu biex inħobbu. Hemm bżonn nobogħdu l-bniedem il-qadim tagħna
u nagħrfu xi ħsara hemm fih għalina, biex nibdew nindunaw għal xhiex bata
Kristu, u nħobbuH bħalma qatt ma ħabbejnieH qabel.
Mibegħda
għall-qadim u Mħabba għall-ġdid. Bħalma
kellu Kristu. Hu ħabb lil kulħadd u miet
għall-għedewwa tiegħu, imma fit-Tempju wera kemm kellu mibegħda għall-bniedem
il-qadim li kien jgħakkes lil kulħadd.
Huwa jirrabja kontra l-mewt li taħkem lill-bniedem. Hu jagħmel sawt u jaqleb kollox ta’ taħt fuq
għax madwaru kien hemm il-qadim jirrenja.
Ritornell:
Glorja u tifħir lilek Kristu! Araw, issa
hu ż-żmien it-tajjeb; araw, issa hu jum is-salvazzjoni. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Qari
mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. 2, 13-25
Kien
qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela Ġerusalemm. Fit-tempju sab min
qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf
il-flus.
Għamel
sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll 'il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin
tagħhom; xerred il-flus ta' dawk li kienu jsarrfu, u qalbilhom
l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: "Warrbu dawn
minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar
tan-negozju!" Id-dixxipli ftakru f'dak li kien hemm miktub
fl-Iskrittura, "Il-ħeġġa għal darek fnietni.'
Mbagħad
il-Lhud qabdu u qalulu: "X'sinjal se turina li inti tista' tagħmel
dan?" Ġesù weġibhom: "Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt
ijiem nerġa' ntellgħu." Għalhekk il-Lhud qalulu: "Dan
it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt
ijiem?" Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta
mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f'dan li kien qal, u emmnu
fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù.
Waqt
li kien Ġerusalemm għall-festa ta' l-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f'ismu
billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma
kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn
min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x'hemm fil-bniedem.
|