Monday, 24 September 2018
           
Home
IR-RABA’ HADD TAR-RANDAN (2018) IL-MISTERU TAL-GHID F’HAJJITNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 10 March 2018

Din hija il- Liturgija  tar-Raba' Hadd tar-Randan ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 nicodemus.jpg

 

Li kieku  l-bnedmin jgħarfu li l-Bibbja hija l-Kelma ta’ Alla li l-ħin kollu titkellem fuq il-ħajja tagħhom, kieku ħafna iktar jakkwistaw interess u għożża għaliha; ħafna iktar jagħmluha s-sieħba tagħhom fl-esperjenzi u l-ġrajjiet li jgħaddu minnhom u hi ssir il-Ktieb tat-Talb tagħhom, il-wens u l-faraġ tagħhom.  Tant nies għandhom bżonn faraġ!  Tant nies għandhom bżonn jisimgħu li Alla jħobbhom, li Alla jifhimhom u jgħadirhom, li Alla jaf kollox fuq dak li għaddew minnu! 

 

Titħawwad tara tant nies li jħobbu l-Knisja, tant nies “tajbin” li għandhom intenzjoni tajba li jixtiequ jgħixu kif iridhom Alla, tant nies li għandhom fidi sempliċi imma qawwija, imma fl-istess ħin għadhom qatt ma skoprew il-qawwa u d-dawl li hemm fl-Iskrittura.  Tassew li dan il-ktieb għażiż huwa Grazzja, rigal b’xejn li Alla jrid jagħtik.  Aħna nemmnu fil-preżenza reali ta’ Kristu fl-ispeċi Ewkaristiċi; imma għandna bżonn nemmnu wkoll li l-Bibbja hija l-Kelma ta’ Alla... Kristu huwa l-Kelma ta’ Alla... mela dan il-Ktieb Qaddis huwa l-preżenza ta’ Kristu fid-dar tagħna u ma nistgħux nitfgħuh ’l hemm u ’l hawn, jew inqeduh fid-dlam ta’ xi vettrina ma’ qabda kotba oħra fiergħa u vojta.

 

 

Il-Bibbja għandha tkun għażiża għalina għax titkellem fuq esperjenzi ta’ nies bħalna: l-esperjenzi li kellhom ta’ Alla.  Hija mimlija b’ismijiet ta’ nies; kull paġna nsibu ismijiet ta’ nies li bħalna għaddew mis-sabiħ u l-ikrah tal-ħajja.  Dawn in-nies skoprew lil Alla mhux għax semgħu fuqu imma għax iltaqgħu miegħu.  Allura li jkollok Fidi Bibblika jfisser ikollok Fidi li tgħidlek li Alla jeżisti għax inti “rajtu” jaħdem f’ħajtek, f’xi ġrajja mportanti meta int kont dahrek mal-ħajt u ma stajt tagħmel xejn.  Int tibqa’ għal dejjem tiftakar dik l-esperjenza... ikollok il-“memorja” ta’ Alla, kif iħobb jgħid l-Isqof tagħna. 

 

Ġrajja bħal dik tkun Għid għalik.  L-Għid li dalwaqt se niċċelebraw, mhux biss il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Jista’ jkun ukoll il-Misteru tal-Għid tiegħek.  X’inhu l-Għid.  Huwa l-mogħdija mid-dlam għad-dawl, mill-jasar għall-ħelsien, mill-mewt għall-ħajja, minn qagħda li fiha int teżisti biss, tiekol, taħdem, tilgħab bil-ħin... għal ħajja ġdida, ħajja mimlija sens, ħajja ta’ namur ma’ Alla, Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn. 

 

Dan huwa l-Għid li “ra” Abraham meta tawh lil ibnu Iżakk, tarbija tat-twelid għadu kollu dmija.  Hu refgħu f’idu u daħaq u għajjat bil-ferħ u beda jiżfen bih.  Għaliex dan l-għaġeb?  Għax hu kien xih u martu kienet sterili, u Alla kien tah wegħda.  Kemm dam jistenna!  Imma Alla kien fidil.  Kien ferħan mhux biss għax dak li xtaq akkwistah, imma iktar minn hekk għax ra ċar li t-tama tiegħu ma kinitx ġennata ta’ moħħu; li dak il-leħen li sema’ fl-intern tiegħu kien tassew Alla l-ħaj, wara kollox.

 

Dan huwa l-Għid li ra Iżrael fuq xatt il-Baħar tal-Qasab.  L-Għid inissel kant, żfin u għajjat ta’ festa, u Iżrael kanta, żifen u għajjat.  Għalfejn dan l-għaġeb kollu, nerġa’ nistaqsi?  Għax Iżrael dam 400 sena fil-jasar tal-Eġittu.  400 sena!  400 sena msawtin kuljum.  Kemm ulied raw lil missirijiethom jinħaqru u jinqatlu ġot-tajn tal-bricks u l-madum, taħt is-swat tal-argużini tagħhom!  Issa kienu raw il-baħar jinfetaħ quddiemhom... huma kienu qasmu, bil-baħar qisu ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug u wara raw l-għedewwa li kienu jwerwruhom, mgħarrqa fl-ilmijiet li ingħalqu fuqhom.  Alla kien jeżisti!  Alla  kien magħhom!

 

Dan huwa l-Għid ta’ tant nies, li mdawrin bil-mewt, raw lil Alla  jintervjeni u jkisser iċ-ċirku tal-mewt u jaħtafhom ’il barra biex poġġihom fil-festa.  Tant nies!  U dan kollu jipponta lejn l-ikbar Għid, l-ikbar Festa, l-ikbar rebħa ta’ Alla: l-Għid ta’ Kristu.  Imma anke tagħna.  Anke ħajjitna hi mimlija b’Għidijiet żgħar u kbar.  Kemm-il darba dħalna fi kriżi, kemm-il darba dħalna fil-mewt, fl-inkwiet, fid-dlam... u għadda kollox b’wiċċ il-ġid, sebaħ jum ġdid, sebħet l-għodwa tal-Għid.  Il-ħajja, in-natura huma mimlijin xhieda tal-Għid, għax din hija s-sistema ta’ kif jaħdem Alla.  Iħallik tidħol fl-għawġ, biex jurik il-qawwa ħelliesa tiegħu biex int titgħallem temmen, titgħallem tafda, titgħallem tħobbu.  U jiena ngħidlek li din hi l-aqwa università; din hi l-aqwa lawreja; dan hu l-ikbar Għerf.  Għax hu dan li se jġorrok miegħu lejn Ħajja oħra, Ħajja tal-għaġeb... l-eternità fil-Ġenna!  Dak in-nhar l-affarijiet tad-dinja jidhru kif tassew huma: karfa u frugħa.

 

L-Ewwel Qari

 

Iżrael għadda mill-Misteru tal-Għid tal-Eżilju f’Babilonja.  Wara sekli jgħammar fl-Art li Alla wegħdu u tah, il-poplu tħassar, ċeda l-Fidi f’Alla wieħed li tiegħU kellhom tant esperjenzi, biex inagħtaw għaż-żina tal-idoli tal-ġnus ta’ madwarhom.  Mhux l-istess qed nagħmlu aħna fi żmienna?  L-allat tal-kultura tal-ġnus ta’ madwarna qed jogħġbuna iktar mill-Alla ta’ Ġesù Kristu!  Aħna l-Maltin!  Qed infittxu l-ħajja fejn hemm il-mewt.  Madwarna mdawrin bi ġnus li qed imutu... u aħna nemmnu li l-ħaxix tagħhom hu iktar aħdar minn tagħna, kif jgħid qawl Ingliż.

 

Iżrael blih, u Alla, Missieru, ma riedx iħallih fil-bluha li kapaċi tieħdu lejn il-qerda.  Fejn huma  l-Griegi tal-imgħoddi, fejn huma r-Rumani ta’ Ċesri? Fejn huma l-Persjani, in-nies tal-Assirja, l-Eġizzjani tal-Fargħuni?  Dawn kollha kienu ġnus kbar, setagħna u vjolenti.  Imma kollha kienu bla Alla, u kollha ntemmu.  Issibhom biss fi ktieb tal-Istorja.  Iżrael għadu ħaj sal-lum!  U dan għax Alla dejjem kien Missieru.

 

Biex ifejqu ried jagħmel Għid miegħu.  L-Għid = passjoni, mewt u Qawmien mill-mewt.  Ġerusalemm ġiet maħruqa; il-poplu ġie mkaxkar f’art barranija; damu hemm sebgħin sena.  Imma waqt it-tbatija u l-mewt ta’ din l-esperjenza, huma bdew iqumu mill-ġdid.  Skoprew il-Kelma fis-sinagogi li bdew jibnu minflok it-Tempju li kien inqered.  Skoprew ir-rombli tal-Kelma ta’ Alla.  Skoprew it-teżor tal-faraġ.  Huma stennew.  Huma emmnu li Alla kien kapaċi jreġġagħhom lura lejn pajjiżhom.  U għalihom ukoll sebaħ l-Għid.  Din tista’ tkun ukoll il-ġrajja tagħna.

 

Qari mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki.  36, 14-16.  19-23

 

 F’dak iż-żmien: Il-kbarat kollha tal-qassisin u l-poplu komplew jidinbu u jagħmlu l-qżiżijiet kollha tal-ġnus, u niġġsu t-tempju tal-Mulej li hu kien qaddes f'Ġerusalemm.  U billi ġietu ħasra mill-poplu tiegħu u mill-għamara tiegħu, il-Mulej, Alla ta' missirijiethom, kien ta' sikwit jibgħat iwiddibhom bil-messaġġiera tiegħu. Iżda huma kienu jiddieħku bil-mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-profeti tiegħu, sa ma saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar.

 

U l-Mulej talla' għalihom is-sultan tal-Kaldin; u dan qatlilhom l-aħjar irġiel tagħhom bix-xabla fid-dar tas-santwarju tagħhom; ma kellux ħniena la miż-żagħżugħ, la mix-xebba, la mix-xwejjaħ, u lanqas mix-xiħ, lkoll erħiehom f'idejh;  u  t-tagħmir kollu tat-tempju ta' Alla, kbir u żgħir, u t-teżori tad-dar tal-Mulej u t-teżori tas-sultan u tal-prinċpijiet, ħadhom kollha f'Babilonja. U ħarqulhom it-tempju ta' Alla, ġarrfu s-swar ta' Ġerusalemm, taw in-nar lill-palazzi kollha tagħha, u hekk qerdulha kull ma kellha prezzjuż. U dawk li ħelsu mill-qerda tax-xabla, Nabukodonosor eżiljahom lejn il-Babilonja, u baqgħu suġġetti għalih u għal  uliedu, sa ma ġew jaħkmu fuqhom il-Persjani.  Hekk seħħ dak li qal Alla b'fomm Ġeremija: “Sakemm tgawdi l-art il-mistrieħ ta' Sibtijietha, ma tinħadimx l-art iż-żmien kollu tal-ħerba tagħha, sa ma jgħaddu sebgħin sena.”

 

Fl-ewwel sena ta' Ċiru, sultan tal-Persja, biex isseħħ  il-kelma tal-Mulej li kienet intqalet b'fomm Ġeremija, il-Mulej qanqal lil Ċiru, sultan tal-Persja, u dan xandar proklama fis-saltna tiegħu kollha, saħansitra bil-miktub, li kienet tgħid: [2Kron:36:23] “Dan jgħid Ċiru sultan tal-Persja: 'Il-Mulej, Alla tas-sema, tani f'idejja s-saltniet kollha ta' l-art, u hu qabbadni nibnilu tempju f'Ġerusalemm, li hi f'Ġuda. Kull min minnkom hu mill-poplu tiegħu, ħa jkun il-Mulej miegħu, u jitla'.'

 

Salm Responsorjali

 

Dan huwa Salm emozjonali mmens.  Il-poplu jinsab fl-eżilju.  Jinsab għaddej mill-passjoni tiegħu.  “F’xatt ix-xmajjar ta’ Babilonja, hemm qagħadna bilqiegħda u bkejna, aħna u niftakru f’Sijon.”  (v. 1).  Jaf xi jfisser dan min kellu jħalli lil Malta u jmur ’il bogħod biex isib xogħol.  Tifkiriet. Solitudni. Nostalġija. Qsim il-qalb.  Hija anke l-esperjenza ta’ tant refuġjati li l-baħar tefagħhom fostna.  Il-Lhud kellhom imħabba mmensa lejn il-belt tagħhom ta’ Ġerusalemm, anke għax kienu jemmnu li f’nofsha kien jgħammar Alla, dak Alla li huma kienu  ittradew.

 

Min fuq, in-nies tal-post kienu jarawhom kurjużi.  Kienu semgħu ħafna fuqhom u riduhom jgħannulhom l-għana, is-salmi tagħhom.  “Għax hemm, dawk li jassruna, talbuna ngħannulhom xi għanja; dawk li hemm għakksuna stennew minna għana ta’ ferħ: ‘Għannulna mill-għana ta’ Sijon.’”  (v. 3).  Kif jista’ jgħanni min hu mdejjaq?  Kif jista’ jidħaq u jiżfen min qalbu maqsuma?  “Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej f’art barranija?”  (v. 4). 

 

Għall-kuntrarju, kienu jgħassu fuqhom infushom biex iħarsu l-“memorja” tagħhom, it-tifkira ta’ Ġerusalemm li ma kienx baqa’ minnha ġebla fuq oħra.  Hawn qed nitkellmu fuq xi ħames mitt sena qabel Kristu.  Huma saru ffissati fuq Ġerusalemm u l-profeti li l-Mulej bagħatilhom f'dan iż-żmien diffiċli, lkoll waslulhom il-wegħda ta' Alla li Hu kien se jreġġagħhom lura lejn arthom. Kollox kien jidher impossibli għax il-qagħda politika kienet tindika li l-Eżilju kien se jkun ħaġa permanenti.  Imma l-poplu emmen lill-profeti ta' Alla u kienu jistennew ir-ritorn lura minn jum għall-ieħor.  Infatti l-qagħda nqalbet meta Ċiru rebaħ is-saltna ta' Babilonja u bagħat lill-poplu lura lejn artu.

 

Ritornell: Jeħilli lsieni mas-saqaf ta' ħalqi jekk ma niftakarx fik, Ġerusalemm!

 

Salm 137

 

F'xatt ix-xmajjar ta' Babilonja,

hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna,

aħna u niftakru f'Sijon.

Mas-siġar tal-luq tagħha,

dendilna ċ-ċetri tagħna.

 

Għax hemm, dawk li jassruna,

talbuna ngħannulhom xi għanja;

dawk li hemm għakksuna

stennew minna għana ta' ferħ:

"Għannulna mill-għana ta' Sijon."

 

Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej

f'art barranija?

 Tibbiesli idi l-leminija,

jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm!

 Jeħilli lsieni mas-saqaf ta' ħalqi,

jekk ma niftakarx fik,

jekk ma nżommx 'il Ġerusalemm

 'il fuq minn kull ferħ tiegħi!

 

It-Tieni Qari

 

F’din is-silta li għandna għal-lum minn San Pawl, dan il-bniedem kbir ta’ Kristu jilħaq waħda mill-qċaċet għoljin tat-teoloġija tiegħu.  Hija silta meħuda mill-Ittra lill-Efesin u qed jipproklama, jagħmel wirja, jagħmel Epifanija mill-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu u l-Għid li l-Mulej jixtieq iwettaq miegħi u miegħek.  Kristu rebbieħ fuq il-mewt irid irebbaħ lilna, issa, fuq il-mewt tagħna, mhux biss dik fiżika, imma anke fuq il-ħafna suriet ta’ mewt li magħhom niltaqgħu matul ħajjitna. 

 

Għal Kristu aħna konna mejta!  Forsi għadna wkoll.  Konna jew għadna, mhux importanti.  Importanti huwa dak li Hu jrid jagħmel magħna.  Pawlu jgħid: “Meta konna mejta minħabba dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu.”  (v 4).  Id-dnub joqtol.  Ħafna jaħsbu li d-dnub hu pjaċir.  Fid-dinja moderna tal-lum, ħafna jgħidu li huwa dritt li jiddeċiedu huma dak li hu tajjeb jew ħażin.  Il-fatt jibqa’: min jidneb hu mejjet.  Il-Ħajja tiġi mingħand Alla; id-dnub jifred minn Alla, mill-Ħajja bħalma meta titfi s-switch l-elettriku ma jibqax għaddej għall-bozza, u din minn dawl issir dlam.  Jekk m’intix ċert minn dan, Alla stess ineħħi idejH minn fuqek u jħallik tidneb kemm trid biex waħdek tasal għall-konklużjoni li l-bnedmin dejjem waslu għaliha: id-dnub joqtol.

 

San Pawl jisħaq u jerġa’ jisħaq kullimkien, imma b’mod partikulari f’din is-silta glorjuża, li kollox hu Grazzja.  Jekk nikkonvertu, din hi Grazzja mingħand Alla li ma tistħoqqilniex;  jekk insalvaw, din hi Grazzja li ma tistħoqqilniex; jekk nemmnu fi Kristu, din hi Grazzja li ma tistħoqqilniex.  Kollox hu Grazzja. 

 

Dan imur kontra dak li ħafna drabi naħsbu minħabba r-reliġjożità li għandna li rridu nkunu aħna li nisfurzaw, inbatu, nitħabtu biex inġemmgħu il-merti biex ikun jistħoqqilna nsalvaw.  Is-salvazzjoni hi Grazzja li ma tistħoqq lil ħadd imma rebaħha għalina Kristu bil-merti li rebaħ bil-mewt u l-Qawmien tiegħu.  Kristu hu kollox. U jagħtina kollox gratis. Imma aħna nistgħu ma rriduhiex din il-Grazzja.  Il-Fariżej u l-qassisin tat-Tempju ma aċċettawx il-Grazzja gratis li offrielhom Kristu.  Emmnu fil-Liġi u li l-bniedem kapaċi bl-isforzi tiegħu jakkwista kollox hu.  Jien u int nistgħu nagħmlu bħalhom.  Dan hu li qed jitlob minna Kristu: umiltà li naċċettaw li aħna ma niswewx imma ma Kristu u bi Kristu u fi Kristu aħna nistgħu kollox.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  2, 4-10

 

Ħuti:  Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa ta' l-imħabba kbira li biha ħabbna,  meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma' Kristu - bi grazzja intom salvi.  Qajjimna miegħu u qegħedna fis-smewwiet ma' Kristu Ġesù,  biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qjies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù.  

 

Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b'don ta' Alla;  mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar.  Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu.

 

Evanġelju

 

Bħal qari ta’ qablu, dan il-Vanġelu huwa Kelma-meravilja għall-bniedem!  Ġesù jgħid li jien u int insalvaw mhux kemm nitolbu, lanqas kemm insumu, lanqas kemm nagħmlu karità u elf ħaġa oħra, anke jekk dawn kollha huma tajbin u jekk nagħmluhom sinjal li ninsabu fit-triq tas-salvazzjoni.  Imma dik li ssalvana tassew hi l-Fidi fi Kristu, il-Fidi fi Kristu msallab għalik minħabba dnubietek.  Il-Fidi li tgħidlek li l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu seħħ għax int u jien aħna midinbin u kien biex jieħu fuqu l-kastig ta’ kulħadd li Kristu ta ruħu bħala offerta.

 

Minħabba fiH aħna ġusti, qaddisin, u maħsulin minn dnubietna jekk nidhru quddiem il-Missier.  Lil Nikodemu, Kristu jgħidlu li huma dawk li jemmnu fiH li se  jakkwistaw il-Ħajja ta’ Dejjem.  Ma joqgħodx idur mal-lewża.  L-istess ħaġa, bi kliem differenti, li xandrilna San Pawl fit-tieni qari.  Huwa Kristu li jakkwista għalna s-salvazzjoni, bil-Passjoni, l-Mewt  l-Qawmien tiegħu.  Il-Misteru tal-Għid. 

 

Is-Salvazzjoni, jgħid San Pawl, mhix il-ħlas għall-ħaddiem li jkun ħadem u allura tiġi li hi paga u mhux rigal.  Is-Salvazzjoni li akkwistalna Kristu fuq salibu hi totalment rigal li jħallina bla nifs, mimlijin gratitudni u radd-il ħajr.

 

U f’dan il-qari se nisimgħu tirbombja f’widnejna l-iktar sentenza famuża fl-Iskrittura kollha, sentenza li kull Nisrani għandu jkun jafha bl-amment: “Għax Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”  (v. 16).  F’hiex temmen meta tgħid li temmen fi Kristu?  Xi trid temmen fi Kristu biex jagħmlek salv?  Hi ħaġa ċara: il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Għal dan twieled Ġesù.  Hu tela’ fuq is-salib minflokna u qam mill-mewt biex ikollna rebħa fuqha u ngħixu għal dejjem.  Dawn mhumiex affarijiet ħfief biex wieħed jemmen jew jitkellem fuqhom!  U faċli tispiċċa toqgħod tgħid affarijiet ta’ bl-amment li ma jfissru xejn għal ħadd.  Irid ikun l-Ispirtu s-Santu biex idawwalna.  Dak ikun jum ta ferħ għalina!

 

J’Alla meta jiġi dan id-Dawl li jdawlilna lil Kristu u l-missjoni li wettaq b’risq tagħna, ma jsibniex iktar innamrati mad-dlam milli mad-Dawl.  Allaħares qatt!

 

Versett:  Glorja u tifħir lilek, Kristu!  Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni; kull min jemmen fih għandu l-ħajja ta’ dejjem.  Glorja u tifħir lilek Kristu!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  3, 14-21

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lil Nikoldemu: “Kif Mosè rafa' s-serp  fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem,  biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta' dejjem.  Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta' dejjem.  Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.  Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem ta' l-Iben il-waħdieni ta' Alla.  

 

U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax  l-għemil tagħhom kien ħażin.  Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx.  Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f'għemilu."

 

Last Updated ( Saturday, 10 March 2018 )
 
< Prev   Next >