Saturday, 20 October 2018
           
Home
IL-HAMES HADD TAR-RANDAN (2018) IL-MISSJONI TA’ KRISTU: IL-MISTERU TAL-GHID PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 17 March 2018

Din hija il- Liturgija  tal-Hames Hadd tar-Randan ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

the-prophet-jeremiah.jpg

 

Jekk il-profeti u n-nies ġusti kienu minn dejjem ippersegwitati għax mhux mifhuma mill-kultura ta’ żmienhom, l-istess kien Kristu, u dan ma setax ikun mod ieħor.  U jekk Kristu kien miċħud u mkaxkar lejn mewt kiefra, l-istess trattament trid tistenna l-Knisja għax dak kollu li wettaq Kristu tkompli twettqu llum il-Knisja għax hija l-Ġisem Mistiku ta’ Kristu.  Jekk trid tkun taf Kirstu fejn hu fl-Istorja llum, ħares lejn il-Knisja.

 

Il-profeti u n-nies ġusti u fuq kulħadd Kristu, ilkoll iddefendew il-bniedem kontra l-qawwa tal-ħażen li tgħammar fih.  Kristu jiddefendi lili kontra l-qawwiet tal-ħażen li jgħammru fija, u din it-taqbida lil Kristu tiswielu Ħajtu f’kull bniedem.  Din il-qawwa tal-ħażen, li magħha aħna nagħmlu allejanza, ta’ boloh li aħna, hija d-“Dnub”, in-naħa mudlama tal-esseri tagħna, ta’ dak kollu li aħna. Il-bniedem kapaċi jkollu intenzjonijiet mill-aqwa, imma hu lsir, u f’xi ħin jew ieħor se jidher dan il-jasar, jissuperah, jiddominah u jġagħlu jagħmel dak li ma jridx.  Dan id-dell tal-mewt fil-bniedem, fija u fik, kapaċi joqtol lill-istess Iben ta’ Alla. Hu inutli li niġġudikaw lil ħaddieħor: dan id-dell tal-mewt jinsab f’kull bniedem li għadu mhux mifdi minn Kristu.

 

Imma l-bniedem tal-lum, dan id-dlam li jgħammar fih ma jridx jammettih.  Adam u Eva ndunaw li dinbu, imma l-kultura tal-lum hija frott ta’ suppervja tant kbira li l-bniedem tal-lum jieħu għalih u jistmell lil kull minn jakkużah bi dnub.  L-kelma “Dnub” saret anatema, xi ħaġa mistkerrħa għall-ħsieb tal-bniedem.  Hu għalhekk li l-persekuzzjoni “pulita” li qegħda tifni l-Knisja u tbattal il-knejjes hi ferm aktar perikoluża mill-persekuzzjoni tal-Knisja tal-bidu, jew ta’ żmien l-ereżiji, jew tan-Nażismu u l-Komuniżmu. 

 

Ħafna jgħidu lill-Knisja li għandha bżonn tbiddel il-lingwaġġ biex tinftiehem mill-bniedem modern.  Huwa veru li l-Knisja għandha bżonn tirriforma ruħha f’kull ġenerazzjoni, kif qal il-mibki Papa Pawlu VI li qal “Għandna bżonn nibdnu l-Knisja f’kull ġenerazzjoni qisha ma kinitx teżisti qabel!”  Min iħobb lill-Knisja jafu tajjeb dan u jibki meta jara l-Knisja tkaxkar saqajha għax hu min-natura tiegħu li l-bniedem ma jridx tibdil li jikkawża insigurtà.

 

Imma dawk li jakkużaw lill-Knisja li hi antikwata, u li mhux veru jħobbuha, ma jridux iktar li l-Knisja ssemmi d-“Dnub” tal-bniedem.  Dak li hu “Dnub” sar jedd għall-bniedem tal-lum.  Imma neħħi d-“Dnub” min-nofs u teqred l-ideja tal-Missjoni ta’ Kristu.  Mill-Knisja, l-bniedem tal-lum irid jagħmel NGO kbira ta’ karità, speċi ta’ Red Cross kbira li tibgħat lin-nies tagħha fil-missjoni mhux biex tikxef il-jasar tad-dnub ta’ kull bniedem u xxandar lil Kristu bħala Salvatur, imma biex titma’ b’ikel materjali biss u twaqqaf sptarijiet għall-mard fiżiku biss.

 

Id-dinja taċċetta lill-Knisja meta din tagħmel dan ix-xogħol, li dejjem għamlitu, imma ma taċċettahiex meta xxandar lil Kristu bħala l-Ħellies waħdieni tal-bniedem. Hija umiljazzjoni għall-bniedem li jammetti dnubu u li għandu bżonn Ħellies mill-jasar tiegħu. għalhekk il-battalja kontra l-abort hi tant importanti għall-Knisja għax hawn qed tintlagħab l-eżistenza tal-bniedem innifsu.   Jekk l-omm tasal biex toqtol lil binha bla ma tħoss xejn, bla sens ta’ dnub, bla tingiż tal-kuxjenza, dan ifisser li l-bniedem sar agħar mill-annimali li qatt ma jaslu biex iwettqu dan.  Huwa hawn fejn trid twassalna l-kultura moderna li hi ferm iktar perikoluża mill-komuniżmu u l-“iżmi” kollha tal-Istorja. 

 

Din il-kultura tippriedka li llum il-bniedem sar “adult”, kiber, ma għadux tfal, ma tistax tbeżżgħu, ma tistax twissih.  Il-bniedem sar “alla” li jaf hu x’inhu tajjeb għalih u x’inhu ħażin, u hu insult għalih li teżisti l-Knisja fuq wiċċ l-art li tipprova ddawlu bid-Dawl li rċeviet mingħand Dak li ħalaq kollox.

 

Il-verità hi li l-qagħda tal-bniedem hi tant prekarja, tant perikoluża, li l-Missier bagħat lil Ibnu l-Waħdieni biex iwettaq att wieħed, opra waħda: li jidher Hu bħala l-“Midneb” u jilqa’ fuqu l-kastig tal-mewt li hemm marbut mad-“Dnub” biex jiffranka l-mewt ta’ dejjem lil kull wieħed minna.

 

Hawn mhux qed nitkellmu fuq ħmerijiet tafux.  Dawn l-affarijiet huma l-iktar suġġett serju.  Ħdejh, kollox hu karfa u frugħa.  Ma jistax ikun li l-bniedem u l-annimal huma l-istess, u l-bniedem jgħix Ħajtu qisu annimal jagħmel li jiġi għal idejh għax għada lkoll immutu.  Ma jistax ikun li d-“Dnub” nagħtuh iċ-ċittadinanza u kollox isir mhu xejn u Kristu jkun miet għal xejn.

 

Qed ngħixu dan iż-żmien tar-Randan li għad-dinja ma jfisser xejn.  Għal dawk li huma mnebbħa li jfittxu lil Kristu u jridu jiskopru x’sens għandu f’ħajjithom, dan jista’ jkun żmien fejn jiddawlu fuq din is-setgħa tad-dnub li tgħammar fina u jobogħduha, jindmu minnha u jiskopru, bi grazzja, ir-risposta meraviljuża tal-Missier għal dnubietna.  Alla jħobbna hekk kif aħna, midinbin, imma fl-Imħabba tiegħu ma jridniex nibqgħu fejn aħna. 

 

Jekk aħna midinbin, għaliH aħna mejtin.  Hu jrid jagħtina l-Ħajja u Ħajja bil-kotra u l-Ħajja hi din: li int u jien nemmnu li Kristu huwa l-vittma ta’ tpattija li tagħmel minna nies ġusti u li l-baħħ tal-mewt ġie mibdul bil-qawmien tiegħu f’Ħajja eterna, Ħajja ta’ ġmiel, Ħajja ma’ Alla. 

 

L-Ewwel Qari

 

Ġeremija hu l-eżempju eċċellenti tal-messaġġier mibgħut minn Alla biex jiftaħ għajnejn il-bniedem agħma fuq id-dnub tiegħu.  Ġeremija huwa l-bniedem ġust li dejjem jibki l-bluha miġnuna tal-bniedem li fis-suppervja tiegħu ma jridx jisma’ li hu dgħajjef, li hu idolatra, li ħalaq għalih allat li ma jistgħux jagħtuh dak li qed ifittex.  Il-bniedem jirvilla għall-profeta ta’ Alla.  Dejjem hekk kien. 

 

Jekk tagħmel xogħolha sewwa, il-Knisja tara l-bnedmin jirvillaw għaliha għax hi dejjem tifqagħlhom l-bużżieqa tas-suppervja tagħhom u turihom li mhuma xejn.  Lis-soċjeta ta’ żmienu, Ġeremija wriha dak li kien qed jara hu: li din is-soċjetà kienet riesqa lejn il-qerda totali.  Il-Kelma tiegħu kienet il-Kelma ta’ Alla u allura dak li qal dak iż-żmien jgħodd illum, qed jgħidu llum lilna, għax il-Kelma ta’ Alla hi misteru li jseħħ u jerġa’ jseħħ. 

 

Kull soċjetà tirremetti l-Kelma ta’ Alla u kull soċjetà tmur tiltaqa’ mal-waqgħa tagħha.  Il-bniedem jogħla, jogħla, jogħla fis-suppervja tiegħu, u għal mumenti jidher li xejn ma jista’ għalih... sakemm jilħaq il-quċċata u jtawwal idu lejn Alla nnifsu... u minn hemm it-tisbita tkun tal-għaġeb.  Kull soċjetà għaddiet minn dan. 

 

Ġeremija falla; u Iżrael mar lejn l-Eżilju.  Lil-profeta ġagħluh jibki; u Ġerusalemm ġiet meqruda u t-Tempju maħruq.  Imma fil-qalba ta’ dan id-diżastru, il-Mulej inebbaħ lill-profeta b’dehra tal-ħelsien.  Ġeremija jilmaħ Patt ġdid.  Mhux iktar il-Patt tas-Sinaj mibni fuq liġi li jekk tobdiha għandek rigal u jekk le għandek il-kastig.  Il-bniedem wera li mhux kapaċi jobdi l-liġi tal-Ħajja.  Kif se jsalvaha Alla allura lil din il-ħlejqa tiegħu li Hu tant iħobb?  Kien għad fadallu ħaġa oħra x’jagħmel.  Kien wasal iż-żmien li għalih Alla ħalaq l-univers.  Kien qed joqrob il-Patt il-Ġdid, il-Patt aħħari li fih l-Imħabba ta’ Alla kellha tintwera fil-milja tagħha. 

 

Mill-bogħod, Ġeremija jilmaħ il-Patt tal-Messija.  Hu jinduna li Alla kien se jwettaq xi ħaġa enormi li biha jrattab il-qalb tal-bniedem b’tali mod li din il-qalb ma jkollhiex aktar bżonn liġi li tgħidilha x’għandha tagħmel bil-fors, imma jkollha l-Imħabba li timbuttaha hi. Din hi l-konverżjoni finali tal-bniedem.  Dan kollu kellu jseħħ fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  31, 31-34

 

 "Araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta jien nagħmel patt ġdid ma' dar Iżrael u dar Ġuda; mhux bħall-patt li għamilt ma' missirijiethom fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom biex ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru, għalkemm jien kont l-għarus tagħhom, oraklu tal-Mulej.

 

"Imma dan ikun il-patt li għad nagħmel ma' dar Iżrael wara dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej. Nqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f'qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.  Ma jgħallmux iżjed lil xulxin, u ħadd ma jgħid lil ħuh: 'Agħraf il-Mulej', għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir, oraklu tal-Mulej. Għax jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx."

 

Salm Responsorjali

 

Għidna li l-Missjoni ta’ Kristu fiha sens biss jekk il-bniedem jagħraf li hu midneb bis-sinċerità kollha.  Għidna wkoll li bħalissa jinsab għaddej l-ikbar attakk ta’ Satana fuq il-futur tal-bniedem għax qed inawwar l-għeruq tal-Missjoni ta’ Kristu.  Illum il-bniedem m’għadux jifhem x’ġie jagħmel Kristu għalih għax l-għadu seraqlu l-konoxxenza tad-dnub.  Hu midneb, imma mhux umli biex jammetti dan. 

 

Id-dinja tgħidlu li Kristu ġie biex ifejjaq lill-morda u jgħin lill-batuti.  Dan hu veru, imma hu qerq tgħid li din kienet il-Missjoni li għaliha bagħtu Missieru.  Id-dinja tgħid li Kristu ġie biex jgħallimna moralità ġdida, mod ġdid kif ngħinu lil xulxin u nuru solidarjetà ma’ xulxin.  Dan hu veru wkoll, imma, mill-ġdid, hu qerq li tgħid li din kienet il-Missjoni ewlenija tal-Iben ta’ Alla.  Ħafna nies ġusti dehru u ħadmu b’dawn l-idejat, u ħafna reliġjonijiet ġew imwaqqfa fuq dawn il-valuri.

 

L-Iben ta’ Alla mhux sempliċi bniedem “ġust” ieħor.  Mhux sempliċi bniedem “kbir” li vvinta reliġjon oħra.  Jekk ngħidu dan inkunu qed inbaxxuH ħafna. Kristu ġie biex lill-bniedem li qed iħoss it-toqol ta’ dnubu, li hu mejjet minħabba d-dnub, jeħodlu dan il-madmad, jilbsu Hu u jieħu Hu l-kastig minfloku biex hekk jagħmel mill-bniedem ħolqien ġdid, bniedem innamrat ma’ dak Alla li ħelsu mill-mewt tiegħu.

 

L-Għid kien il-Missjoni ta’ Kristu għax hu dan li għandu bżonn il-bniedem, illum ukoll.  L-Għid huwa l-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt.  Huwa hawn li tinqered l-akbar għadu tal-bniedem li hi l-mewt.  Hu tajjeb tfejjaq u tferraħ, imma minn se jidħol jitqabad kontra l-ikbar problema li għandu l-bniedem li hi l-mewt?  Dan hu li għamel Kristu.

 

Imma min se jifhem dan jekk mhux il-bniedem li jgħid: “Ikollok ħniena minni, o Alla fi tjubitek, għax jien nagħrafhom ħtijieti u d-dnub tiegħi hu dejjem quddiemi.  Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; naddafni mid-dnub tiegħi” (S. 51 3w)?  Il-bniedem li jaf minn fejn ġejjin id-dwejjaq u l-problemi tiegħu, huwa l-bniedem għaref li jista’ jiskopri l-meravilja tal-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu.  David kiteb dan is-Salm meraviljuż wara li kien dineb bil-kbir.  Kien qatel u kien adultera.  Kien seraq u kien ħarbat familja.  U qalb Alla nħallet għalih.  Tafu għaliex?  Għax għaraf dnubu. 

 

David kien l-oppost tal-bniedem tal-lum.  Kellu biex jissuppervja u jaħseb li ħadd ma jista’ għalih, imma hu kien jokrob quddiem Alla għax x’ħin kien iħares lejh innifsu ma kien jara xejn ħlief ħmieġ u ħtija.  Dan hu l-bniedem misjur għal Alla.  Dan hu l-bniedem li jinagħtalu li jiltaqa’ mal-Imħabba sorprendenti ta’ Alla.

 

Ritornell:  Oħloq fija, o Alla, qalb safja.

 

Salm 51

 

 Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi.

 

 Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

 

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

Lill-midinbin ngħallem triqatek,

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

 

It-Tieni Qari

 

L-Ittra lil-Lhud hija ittra meraviljuża li titkellem dwar Kristu li hu l-Qassis il-Kbir tassew.  X’inhu r-rwol tal-qassis?  Hu il-bniedem li jintervjeni quddiem Alla għall-bqija tal-bnedmin.  Hu jitlob għalihom u jitniehed quddiem Alla biex jaħfer in-nuqqasijiet tagħhom, biex jagħraf li huma dgħajfa u fqar, anke jekk il-biċċa l-kbira jaħsbu li huma xi ħaġa.  Dan ix-xogħol ħadd ma jista’ jagħmlu aħjar minn Ġesù Kristu.  Għax il-qassisin kollha għandhom, huma wkoll, id-difetti tagħhom; anke huma għandhom il-bniedem il-qadim li wirtu mingħand missirijiethom, u anke huma jinsabu fi proċess, taqbida biex tikber il-Magħmudija tagħhom u l-bniedem il-qadim jegħreq u jmut biex jitwieled il-ġdid. 

 

Imma Kristu huwa l-Qassis il-Kbir perfett għax hu bla dnub. Mhux biss: waqt li l-qassisin l-oħra ta’ żmienu kienu joffru l-annimali b’offerta ta’ tpattija, Huwa offra lilu nnifsu.  Dan hu li jagħmel lil Kristu l-Uniku Qassis il-Kbir li jidħol għad-dinja kollha waqt li lill-Missier juriH il-pjagi prezzjużi tiegħu.  Dawn il-pjagi huma l-merti tagħna lkoll.  Huma dawn il-pjagi tal-Qassis il-Kbir tagħna li jsalvawna u jimmeritawlna l-Ġenna u l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda saħansitra minn hawn.

 

Din is-silta tibda b’vers li jurina kemm hi serja l-qagħda ta’ kull bniedem u kemm swietlu lil Alla s-Salvazzjoni tagħna.  Aħna lkoll aljenati waħda nobis u niġu f’sensina biss meta tiġrilna xi waħda.  Aħna ninqdew bir-reliġjożità biex nikkalmaw il-kuxjenza... min għad baqagħlu kuxjenza; immorru sal-knisja u nagħmlu xi devozzjonijiet u naħsbu li b’hekk nirranġaw kollox. 

 

Il-problema tagħna hi l-mewt!  Quddiem dan il-mostru lkoll ninbarmu u ma naraw lil Alla mkien f’din il-problema.  Kristu daħal fil-qalba tal-problema tal-bniedem u twerwer bħala bniedem.  Araw kemm hi serja l-qagħda tagħna.  Ġagħalna lil Kristu jokrob quddiem Missieru biex jgħaddih qawwi u sħiħ minn din l-esperjenza tal-għaġeb li hi l-Misteru tal-Għid tiegħu.  U ġagħalna lill-Missier li jabbanduna lil Ibnu għalina u ma ħafirhilux biex aħna nkunu salvi mill-mewt ta’ dejjem.  Kristu kien Iben u bla ħtija, imma, bħala bniedem, Hu tgħallem minn dak kollu li għadda minnu, xi jfisser tobdi.  Tgħallem xi jfisser tintelaq għal kollox f’dirgħajn il-Missier.  Ir-riżultat?  Huwa għex l-Għid.  Daħal fil-mewt imma għadda għall-Ħajja bla tmiem.  Daħal quddiem il-mostru u għelbu u qatlu.  Għalina u f’isimna.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  5, 7-9

 

Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b'leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta' jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. 

 

Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser  l-ubbidjenza.  U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta' dejjem għal kull min jisma' minnu.

 

Evanġelju

 

Miskin il-bniedem li jirbaħ id-dinja kollha, imbagħad, bla ma jinduna, jitlef ruħu!  Miskin il-bniedem li jakkwista għana, fama, popolarità, dak kollu li toffri d-dinja, imbagħad imur waħdu ġol-kaxxa għad-difna.  Kieku ried Kristu kien ikollu dan kollu, u iktar ukoll.  Ix-xitan offrielu d-dinja kollha biex jiżvijah.  Imma l-Mulej kien jaf liema hi t-triq, l-unika triq li twassal għall-Ħajja vera u bla tmiem.  Din it-triq hija li jagħmel ir-Rieda ta’ Alla.  U r-Rieda ta’ Missieru kienet li Hu jgħix il-Misteru tal-Għid flokna, f’isimna, b’risq tagħna, għax aħna lkoll nibżgħu minnha din it-triq.

 

Kristu huwa l-Kelma ta’ Alla u l-Għerf ta’ Alla.  Ħadd ma jista’ jidħaq bih.  Hu rebaħ id-dinja propju minħabba dan: kien jaf li hi gidba u ma ħallihiex tingannah.  Ġew l-appostli u qalulu li l-Griegi riedu jitkellmu miegħu.  Min kienu l-Griegi?  Dak iż-żmien kienu l-iktar nies stmati flimkien mar-Rumani.  Dawn tal-aħħar minħabba s-setgħa politika u militari tagħhom, imma tal-ewwel, il-Griegi, minħabba l-għerf li kellhom.  Il-filosofija Griega kienet tmexxi lir-Rumani, lil ħafna mil-Lhud ukoll, u l-popli tal-punent kollu.

 

L-appostli, ta’ bnedmin li kienu, ħadu gost li issa anke l-Griegi kienu qed jiġu mpressjonati mit-tagħlim ta’ Ġesù.  Għalihom, din kienet xhieda oħra li kien qed joqrob iż-żmien li l-Mulej iwaqqaf is-Saltna tiegħU, li għalihom kienet tfisser poter politiku u materjali u xejn iktar.  Imsieken l-appostli.  Kienu għal kollox iddominati mill-bniedem il-qadim tagħhom u għalhekk sikwiet kienu jinħasdu mir-reajazzjonijiet u t-tweġibiet ta’ Kristu.  Hu kien spiritwali; huma kienu materjali.  Lill-Griegi, Kristu ma jkellimhomx.  Anzi, fihom jara sinjal minn Missieru li s-siegħa vera tiegħu kienet waslet.

 

Missieru ma kienx bagħtu fid-dinja biex ikun famuż imma fallut fuq salib.  Missieru kien bagħtu biex ikun il-Ħaruf tal-Għid li b’demmu jeħles lill-bniedem mill-mewt.  Kien bagħtu biex ikun il-bodbod ta’ Jum il-Maħfra, il-Yom Kippur, li fuq rasu kienu jixħtu d-dnubiet ta’ kulħadd u kienu jitilquh biex imur mgħobbi bi dnubiet il-poplu jiġġerra fid-deżert sakemm imut hemm bil-għatx u bil-ġuħ u miegħu imutu dnubiethom.  Dawn kienu riti li Alla nnifsu kien nebbaħ lil Mosè, imma li kienu kollha xbiha minn qabel ta’ dak li kellu jseħħ fil-futur fil-persuna tal-Messija. 

 

Kull meta Ġesù kien ikun fis-sinagoga u hemm kien jisma’ l-poeżiji ta’ Isaija dwar il-Qaddej ta’ Jahweh, ġismu kien iqum xewk xewk għax kien jaf li l-profeta kien qed jitkellem fuqu.  Hu kien jaf li hu kellu jkun dak li bil-ġrieħi tiegħu kellu jfiq il-poplu.  Hu kien jaf li Hu kien il-ħabba tal-qamħ li tinżera’, tinqasam, tmut, imma li minnha toħroġ Ħajja ġdid u hekk tibqa’ tgħix għal dejjem.  Dan hu l-Għid. 

 

Imma Hu kien jaf li l-Għid kien jinkludi kenosi tal-biża’, niżla;  imma niżla’ ’l fuq, kif jgħidu l-Missirijiet tal-Knisja.  Kristu kellu jinżel ’il fuq: imut, imma jqum; jixxejjen, imma jitgħolla; ifalli, imma jirbaħ qalb kulħadd.  Fuq dan titkellem l-Iskrittura kollha.  Dan hu l-proċess ta’ Alla.  Din hija t-Triq.  Permezz tal-Għid kellu jkun igglorifikat Kristu u jiftaħ l-għajn tal-Ħajja u tal-Ispirtu tiegħU għalina lkoll.

 

Versett:  Glorja u tifħir lilek, Kristu!  Jekk xi ħadd irid jaqdini, jimxi warajja, igħid il-Mulej; u fejn inkun jien, hemm ikun il-qaddej tiegħi.  Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  12, 20-33

 

Fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien hemm xi Griegi.  Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh: "Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù."   

 

Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù.  U Ġesù weġibhom: "Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat.   Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa' weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.   Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f'din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta' dejjem.  

Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ. 

 

"Issa qiegħed inħoss ruħi mħawwda. U x'naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa.  Missier, agħti glorja lil ismek." Dak il-ħin instama' leħen mis-sema: "Jiena diġà gglorifikajtu, u nerġa' nigglorifikah." 

 

In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed. Oħrajn qalu: "Kellmu xi anġlu."  Ġesù wieġeb: "Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom.  Il-ġudizzju ta' din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta' din id-dinja.  U meta nintrefa' 'l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja."  

 

Hu qal dan biex jurihom b'liema mewt kien sejjer imut. 

 

Last Updated ( Saturday, 17 March 2018 )
 
< Prev   Next >