Friday, 27 April 2018
           
Home
HADD IL-PALM (2018) IL-BIDU TAL-GIMGHA MQADDSA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 24 March 2018

Din hija il- Liturgija  Hadd il-Palm - Il-Bidu tal-Gimgha Mqaddsa ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 palm_sunday.jpg

 

Il-Mulej Ġesù tnissel fil-ġuf ta’ Marija u twieled fl-għar ta’ Betlehem għal għan wieħed: biex huwa jgħix fil-milja tiegħu il-Misteru tal-Għid.  Din kienet is-siegħa tiegħu.  Hu stess jgħid li għal siegħa waħda ġie u kellu ħerqa enormi li tgħaddi.  Ta’ bniedem li kien, kien mimli tensjoni dwar din l-esperjenza li kienet dejjem toqrob.  Iktar kemm beda jitfarfar u jikber fil-grazzja, kif jgħidilna l-Vanġelu, iktar bdiet tiċċara f’moħħu, mill-ġdid ta’ bniedem li kien, il-missjoni li kellha timmarkalu l-ħajja tiegħu fuq din l-art.  Bdiet taħkmu l-intuwizzjoni qaddisa li dak kollu li kien hemm fl-Iskrittura kien appuntu dwaru, dwar il-persuna tiegħu, u li dan kollu kien qed jiggwidaH lejn il-kenosi, li kien ilu li beda, imma li kellha tispiċċa fil-qtil tal-Ħaruf tat-tpattija barra l-belt ta’ Ġerusalemm.

 

Meta telaq minn dar Ommu biex jibda l-missjoni tiegħU, ma kien għad baqagħlu l-ebda dubju dwar lejn xhiex kien miexi. Dak li minn dejjem kien f’moħħ il-Missier, kien wasal biex jitwettaq.  Il-pattijiet li Alla kien għamel mal-bniedem qabel, kienu pattijiet temporanji, tajbin għal dak iż-żmien biss.  Imma issa kien qorob iż-żmien li jiġi fis-seħħ il-Patt etern, il-Patt li kien minn dejjem għand il-Missier u li kien se jitwettaq issa, fiż-żmien.

 

 

Meta Alla ħalaq l-univers, dan kien att ta’ Mħabba.  Alla hu Mħabba u l-Imħabba dejjem trid tinqasam, tinagħta, toħloq, tkun gawduta minn ħaddieħor.  Għalhekk il-Mulej ma setax ma joħloqx l-univers.  U meta ħalaq il-bniedem, din kienet l-ikbar opra tal-Imħabba.  Il-bniedem ma setax ma jkunx maħluq totalment ħieles.  Alla seta’ joħloq bniedem li ma jiżbaljax, ma jidnibx, ma jagħmilx ħsara... imma dan ma kienx ikun att ta’ Mħabba għax ma kienx qed iħalli ħieles lill-ħlejqa tiegħu.  Meta l-Imħabba hi vera, ma tisforza lil ħadd, ma tagħmel vjolenza fuq ħadd, ma timponi fuq ħadd.  Aħna li naħsbu li nifhmu fl-Imħabba, ningannaw ruħna li nħobbu, u ma nkunu nħobbu xejn, meta lill-ieħor jew lill-oħra inkunu rriduh jew irriduha differenti milli hu jew hi.  Kemm vjolenzi nagħmlu fuq xulxin fl-isem tat-taparsi Mħabba li naħsbu li għandna.  “Għax irridlu l-ġid, ta!” ngħidu.

 

Alla ma mexiex b’dan il-mod magħna.  Ma ħalaqniex robots, ipprogrammati biex nobduH dejjem u awtomatikament.  Hu rriskja ħafna fuqna u kien jaf x’kienu se jkun l-għażliet tal-bniedem, fil-ħelsien tiegħu.  Imma Alla ma ħasibx fih innifsu meta ħalaqna.  Hu ried jaqsam magħna Mħabbtu billi jdewwaqna l-Ħajja li Hu biss kellu.  Din il-Ħajja mhix li wieħed jieħu n-nifs, jew jiekol, jew jaħdem.  Dik hi eżistenza.  Anke l-annimali jagħmlu dan kollu.  Il-vera Ħajja hi li l-bniedem iħossu maħbub.  U l-Imħabba li timla tassew qalb il-bniedem hi l-Imħabba ta’ Alla għax minnha ġie maħluq.

 

Alla kien jaf minn dejjem li din l-Imħabba kienet se titlob minnu ħwejjeġ enormi biex tkun emnuta mill-bniedem.  Kien diġa jaf li Adam ma kienx se jkollu saħħa jobdih fil-libertà mogħtija lilu u li malli l-bniedem jitħassar, kienu se jirtu dan it-taħsir id-dixxendenti tiegħu kollha.  Kien diġa jaf li Hu, Alla nnifsu, kien se jkolli jissagrifika ruħu biex jirbaħ lura qalb il-bniedem.  Dan is-sagrifiċċju hu kien se jgħixu fil-Misteru tal-Għid ta’ Ibnu. L-Imħabba li hi Alla kellha tinagħta f’idejn il-bnedmin, li ma kinux jemmnu fiha, biex tiġi msawta u tinqatel bħala offerta enormi għal dawk stess li kienu qatluha.  Dan seħħ biex, jekk dnub il-bniedem kien bla qies, bla limitu, bla tama ta’ tpattija, bla prezz li bih jista’ jinfeda... ekku, tidher din l-Imħabba li hi ikbar minn kollox għax hi Alla; tidher din l-Imħabba li tmur lil hemm mill-ikbar infedeltajiet u moħqrija, biex tħassar hi s-sentenza kontra l-bniedem.  Hija din l-Imħabba biss li tmur lil hemm saħansitra mill-mewt.  Hija din l-Imħabba biss li tħobb billi tmut flok l-għadu.  U hija din l-Imħabba biss li ġiet imqajma mill-mewt għax il-mewt ma setgħetx tirbħilha billi kienet iżgħar minnha.

 

Wieħed ma jistax jieqaf jikkontempla l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Lanqas li kieku kellna intelliġenza hekk kbira li nifhmu l-misteri kollha, u ħajja tant twila biex nikkontemplaw bir-reqqa dak kollu li għamel Alla għalina... xorta nistgħu nibqgħu sal-aħħar nifs naħsbu fuq dan il-Misteru u nkunu għadna fil-bidu miegħu.  Għalhekk ikollna nirrassenjaw ruħna għal kliem sempliċi għax nemmnu li hu l-Ispirtu s-Santu, bil-Grazzja tiegħu, biss, biss, li jista’ jiftħilna għajnejna biex naraw raġġ dawl minn wieħed minn tant uċuħ li għandha din il-ġawhra. 

 

U l-Kliem sempliċi huwa dan: li bi dnubna aħna mejta, imma fl-Imħabba tiegħu, il-Missier bagħat lil Ibnu biex jieħu Hu fuqu nnifsu l-qrusa ta’ din is-saħta tad-dnub.  Bagħtu biex imut biex int u jien ngħixu għal dejjem.  Bagħtu biex iħallas id-dejn li twelidna bih u żidnih matul ħajjitna.  Bagħtu biex, rebbieħ fuq il-Mewt, jagħtina sehem mill-Ispirtu rebbieħ tiegħu biex minn issa ’l quddiem aħna nsiru sidien ta’ dak kollu li qabel kien ikiddna u joqtolna.  Bagħtu biex jimmansa l-mewt biex iktar kemm nikbru fil-Fidi iktar nindunaw li l-mewt mhi xejn ħlief oħtna li tiftħilna, bi ħlewwa, l-Bieb ta’ eternità hienja.

 

Ta’ xhiex kien ħaqqulna dan kollu?  Biex immeritajnihom dawn il-Grazzji kollha?  Il-Grazzja, isimha magħha: rigal ‘gratis’, b’xejn, bla mistħoqq.  Il-qaddisin huma qaddisin għax indunaw li l-qdusija tagħhom mhix tagħhom imma mlibbsa lilhom għax Xi Ħadd Ieħor immeritahielhom. U dan ix-Xi Ħadd Ieħor hu l-Għażiż tagħna, Sidna Ġesù Kristu.  Minħabba l-merti ta’ Kristu aħna lkoll ġusti quddiem il-Missier, aħna lkoll qaddisin ġa minn hawn, bid-difetti tagħna kollha.  Imma din il-Grazzja wieħed irid jaħtafha, irid jemminha, irid jagħmilha tiegħu.  Dan biss hu mitlub minna. 

 

Għalhekk meta nikkontemplaw il-Kurċifiss f’dawn il-ġranet, ma nkunux boloh u naqgħu fis-sentimentaliżmu u passjonijiet emozjonali, u nikkundannaw lil min xeħet dik it-tbatija kollha fuq Ġesù.  Għall-kuntrarju, l-Kurċifiss ikellimna fuq dnubna, fuq il-kobor u s-serjetà enormi ta’ dnubna u tal-firda tagħna minn Alla. Jagħmel x’jagħmel il-bniedem... jista’ jivvinta l-penitenzi... jitlob u jokrob minn filgħodu sa filgħaxija u saħansitra bil-lejl...  jagħti ġidu kollu f’karità, u anke jmur għall-martirju... li ma kienx Kristu li tela’ fuq is-salib għalih, kien imut fi dnubietu. 

 

Dan hu tqil ħafna għalina biex nifhmuh.  L-ikbar tbatija ta’ Kristu hija l-bżieq tal-inkredulità tagħna, tan-nuqqas ta’ twemmin tagħna.  Aħna għomja, imma Kristu “jara” u hu għax jaf x’kien se jiġri minna, li Hu għex il-Misteru tal-Għid għalina.  J’Alla l-velu tal-Imħabba tagħna jasal biex jixxotta l-bżieq tagħna minn wiċċ Kristu.

 

L-Ewwel Qari

 

Isaija kien l-ewwel profeta li lemaħ, fid-dlam tal-futur, il-Misteru tal-Għid li kellu jsalva d-dinja li temmen. Hu għex xi ħames sekli qabel Kristu, u ftit warajh, Żakkarija, wieħed mill-profeti hekk imsejħa “ż-żgħar”, ukoll jara, bl-għajnejn tal-Fidi, lil Wieħed mgħolli ’l fuq mill-poplu tiegħu, minfud għall-mewt min-nies li ħasbu li kienu qed jagħmlu r-rieda ta’ Alla.  Imma Żakkarija jilmaħ konverżjoni enormi, għax il-poplu jinduna b’dak li kien wettaq b’idu u jibku lil min kienu qatlu bħalma missier jibki lil ibnu l-waħdieni li jkun mietlu.

 

Imma huwa Isaija, il-profeta li jibqa’ magħruf għall-erba poeżiji dwar “il-Qaddej ta’ Jahweh”, kif inhuma magħrufin minn dawk li huma midħla tal-Kotba Mqaddsa.  Hawn għandna silta mit-tielet għanja li tiddiskrivi b’mod li jaħsadna t-tbatijiet tal-Messija.  Min jismagħa din il-Kelma jgħid: “X’ħaġa tal-għaġeb!”  Il-profeta jilmaħ lil dan il-Qaddej misterjuż li Alla jiftaħlu widintu u jurih il-misteri tiegħu, fuq kollox l-Imħabba tiegħu.  Dan jagħmlu biex il-Qaddej, li huwa d-dixxiplu li jitgħallem minnu, jkun jista’ jgħin lil min hu għajjien b’xi Kelma.  Huwa dixxiplu fidil, tant li kull filgħodu jħoss lil widintu bil-għatx biex tisma’ dak li għandu x’jgħidilha Alla. 

 

Iżda mhux Alla waħdu huwa protagonist, għax id-dixxiplu tiegħu ma jirreżistihx.  Din il-Kelma ħelwa li kien jirċievi kull filgħodu għamlet minnu Qaddej li lest li jagħmel ir-rieda ta’ Alla bla kalkoli.  Din il-Kelma, li hu ma riedx jittradixxi, toħloqlu ħafna għedewwa li jgħadduh minn tbatijiet kbar għax hu wrihom dnubhom u niġġiżhom fil-laħam il-ħaj minħabba l-kburija tagħhom.

 

Huma jsawtuh fuq dahru, nitfulu lħitu xagħara, xagħara, ksewlu wiċċu bil-bżieq u umiljawh bit-tgħajjir u ż-żeblih tagħhom. Iżda huwa ma reġax lura mill-Kelma li kienet issuqu dejjem ’il quddiem.  Anzi, għamel wiċċu bħaż-żnied u ma staħax minn dak kollu li Alla bagħatu jgħid.  Dan għamlu għax kien jaf li hu u Alla kienu ħaġa waħda.  Ma kellux minn min jibża’ għax jekk Alla kien miegħu x’setgħu jagħmlulu l-bnedmin?  Hu kellu dawl li kien idawwallu din it-triq imwiegħra tiegħu, u dan id-dawl kien il-Misteru tal-Għid.  Kien jaf li f’dan il-Misteru kien hemm niżla terribli, kenosi lejn il-qigħan tal-art.  Iżda hemm fil-qiegħ nett kien jaf li kien hemm Alla jistennih biex jgħollih ’il fuq, ’il fuq lejn Glorja li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet.  Dan hu l-Għid: niżla ’l fuq, kif jgħidu Missirijiet il-Knisja.

 

Quddiem il-Kurċifiss f’dawn il-ġranet, hu mportanti li nżommu dan il-Misteru ta’ “niżla ’l fuq” quddiem għajnejna.  Id-dinja titbellah quddiem dan, imma huwa dan il-Misteru li jimmarka l-Istorja ta’ kull wieħed minna.  Ħafna ma jindunawx bih, imma hienja huma dawk li jiġi muri lilhom dan id-dawl.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  50, 4-7

 

Sidi l-Mulej tani lsien ta' wieħed jitgħallem,

biex nagħraf ngħin lill-għajjien b'xi kelma.

Ta' kull filgħodu jqajjimli 'l widinti,

biex nisma' bħal wieħed jitgħallem.

Sidi l-Mulej fetaħli widinti,

u jiena ma webbistx rasi,

ma rġajtx lura.

 

Tajt dahri lil dawk li kienu jsawwtuni,

ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;

ma ħbejtx wiċċi  mit-tagħjir u l-bżieq,

 

Sidi l-Mulej jgħinni,

għalhekk ma nitħawwadx;

għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:

jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

 

Salm Responsorjali

 

Dan iż-żmien tar-Randan u tal-Ġimgħa Mqaddsa ilaqqgħuna mal-għana tal-Kelma ta’ Alla li l-Knisja ddewwaqna fil-Liturġija tagħha.  Kristu jgħidilna li jekk naqraw l-Iskrittura nsibu xhieda fuqu fiha, u wara li smajna waħda mill-Għanjiet tal-Qaddej, issa għandna Kelma profetika oħra fuq dan iż-żmien, Salm 22 li jitkellem b’mod li jqajjimlek ġismek xewk xewk dwar il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.

 

Dan huwa s-Salm li fih ftakar Kristu fuq is-Salib!  Ara kemm is-Salmi huma l-Ktieb tat-Talb ta’ Alla nnifsu!  Fis-siegħa li fiha l-Mulej tagħna jinżel sal-qiegħ nett tal-kenosi tiegħu, Huwa jintelaq f’dirgħajn dan is-Salm, Salm 22, li hu Salm li jlissen wieħed li jħossu maqtugħ u misħut minn Alla; imdawwar bil-mewt li m’hemmx ħelsien minnha; magħluq f’solitudni tal-biża’; imfarrak minn falliment totali; b’ġismu maqsum bl-uġigħ waqt li jitqabad kontra l-mewt rebbieħa.  “Eli, Eli, lamma sabachtani!  Alla tiegħi, Alla tiegħi, lili għaliex tlaqtni?” (v. 1)  hija l-għajta li biha jiftaħ dan is-Salm terribli.

 

Meta l-Fidi tiġi meruta u kulma tara b’għajnejk hu xhieda li dak li emmint fih kien qarraq bik... eh, dak hu n-nadir, l-iktar post fond fejn jista’ jinżel l-ispirtu tal-bniedem.  Bħala bniedem, il-Missier għadda lil Ibnu minn kollox.  “Bqajt ’il bogħod u ma salvajtnix, ma tajtx widen għall-għajat tiegħi!  Alla tiegħi, ngħajjat binhar u ma tweġibx, ngħajjat billejl u ma nsibx mistrieħ.” (v. 2w).  Is-Salmi jgħidu kollox.  Kull esperjenza li qatt għadda minnha l-bniedem, sabiħa jew kerha, taraha hemm impinġiha fi Kliem Alla.

 

Imma Kristu ma kienx għal kollox waħdu f’dan il-baħħ tal-Fidi, il-lejl mudlam tal-Fidi kif hemm min sejjaħlu.  Kien hemm xi ħadd ieħor miegħU, xi ħadd li bħalu kienet qed tirtogħod b’dak li kienet qed tara u l-għajat li kienet qed tisma’, l-għajat tar-rebħa tal-għedewwa tal-Fidi tagħha, ix-xjaten li dejjem meruha fuq dak li kienet qed tittama.  Marija!  F’dak it-tmiem terribli żgur li l-ispirtu tad-dlamijiet kellem lill-ispirtu innoċenti tagħha: “Fejn hi l-Wegħda tal-anġlu, dak in-nhar li bdiet din l-Istorja?  Saltna li ma tintemm qatt kienet il-Wegħda.  Tiftakar?  Fejn hi l-Wegħda issa?  Saltna li ma tintemm qatt sabiħ!  Marija, int ġejt ingannata, bħalma ġie ngannat ibnek!”

 

Anke aħna ngħaddu minn dawn il-mumenti, anke jekk mhux fuq dan il-livell tal-għaġeb.  Imma hawn minn għadda minn traġedji kbar.  Hawn ommijiet li jafu xi tfisser id-Duluri taħt is-Salib.  Għax kulma hemm miktub hu miktub fuqna wkoll.

 

Imma f’daqqa waħda tiġri xi ħaġa tal-għaġeb!  Il-bniedem maħqur għall-mewt iħoss l-ispirtu tiegħu jirpilja u t-Tama terġa tħeġġeġ f’sidru.  Hu ċert li, jekk Alla telqu, dan bi ħsieb tajjeb.  Dak li fiH kien fada dejjem, ma kienx se jitilqu għal dejjem.  Riesaq iż-żerniq wara l-lejl twil tat-tbatija.  Ekku l-Misteru tal-Għid!  Kristu fuq is-Salib jilmaħ ir-rebħa tiegħu għax Missieru kien miegħu.  “Le, mhux se mmut imma se ngħix!”  igħid Salm ieħor, “u se nħabbar l-għemejjel tal-Mulej!”  (S. 118, 17).  Kristu jmut iħares lejn il-Qawmien.  Dan hu l-Ispirtu tal-Verità li ħakem tant Insara li fis-sekli ta’ wara taw demmhom għal Kristu.  Ma kinux imġienen.  Huma raw iż-żerniq sa minn qabel ma mietu.  Huma daħlu fil-Ħajja li hi aqwa mill-mewt qabel ma ruħhom ħarġet.  Naturalment, ħafna mill-qawwa tas-Salm tintilef għax hu mqassar ħafna għall-iskopijiet liturġiċi.  Nistedinkom taqraw u timmeditaw is-Salm 22 kollu kemm hu fil-Bibbja tagħkom.

 

Ritornell: Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

 

Salm 22

 

Dawk kollha li jarawni jidħku bija,

jgħajbuni, iħarrku rashom  u jgħidu:

"F'idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!

Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!"

 

 Qabda klieb daru għalija;

ġemgħa nies ħżiena rassewni.

Taqqbuli idejja u riġlejja;

nista' ngħodd għadmi kollu.

 

Ħwejġi jaqsmu bejniethom;

jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

Mulej, la titbegħidx minni;

qawwa tiegħi, fittex għinni!

 

Nxandar ismek lil ħuti;

nfaħħrek f'nofs il-ġemgħa.

Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;

sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb;

ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael.

 

It-Tieni Qari

 

F’dawn il-programmi, speċjalment ta’ żmien il-Ġimgħa Mqaddsa, sikwit nużaw il-kelma Griega “kenosi”, li b’ilsinna tfisser “niżla”.  Kull Nisrani għandu jkun familjari ma’ din il-kelma li tintuża ħafna minn dawk li huma familjari mal-Iskrittura.  Il-“kenosi” l-iktar li tintuża hi biex tfisser in-niżla ta’ Ġesù Kristu, li minn Alla sar bniedem u spiċċa maqtul bħala kriminal, anzi, agħar minn kriminal, bħala midgħi, imneħħi min-nofs għax kien qed jagħmel il-ħsara lill-proġett ta’ Alla għall-poplu tiegħU.  Daqshekk tal-waħx kienet il-kenosi, in-niżla fl-umiljazzjoni għall-Iben ta’ Alla.

 

Imma “kenosi” jgħaddi minnha kulħadd.  Kull Storja ta’ kull bniedem fiha l-kenosi tagħha, anke ta’ dawk li jidhru li għamlu tant suċċess minn Ħajjithom.  Biss biss, ix-xjuħija hija kenosi, niżla bil-mod il-mod lejn il-mewt fiżika.  Il-kenosi hi dejjem esperjenza ta’ umiljazzjoni, ta’ nżul ’l isfel.  Il-bniedem jiċċekken, anke l-iktar wieħed supperv minna.  Ngħaddu minn esperjenzi li jagħmluna żgħar.  U dan jagħmlilna tajjeb ħafna, tafux.  It-tbatija hija kerha għal kulħadd, anke jekk hi parti min-natura, imma hija t-tbatija li tagħmel minna rġiel veri u nisa veri, maturi u lesti nifhmu u nagħdru lil ħaddieħor.

 

Il-qari li ġej huwa poeżija, jew għanja ta’ San Pawl meħuda mill-Ittra lill-Filippin, li tispjega b’mod stupend in-niżla ta’ Kristu.  Imma mhux biss.  U hawn hu s-sigriet ta’ kollox, is-sigriet tal-ġrajja li qed ngħixu iktar milli nfakkru, f’dawn il-jiem.  Il-kenosi ta’ Kristu, tan-Nisrani u, nittamaw, anke ta’ kulħadd, hija niżla ’l fuq, biex nirrepetu espressjoni tal-Knisja primittiva.  Niżla ’l fuq!  Tidher stramba din. 

 

Il-bniedem li jibda jixjieħ u jmajna, jinsab nieżel, nieżel lejn it-tluq minn hawn lejn Ħajja aħjar, jekk tassew nemmnu li Kristu rebaħ il-mewt bil-Qawmien tiegħU.  Imma mhux ix-xjuħija biss hija kenosi.  Kemm nies li rnexxew wara tant fallimenti.  Kemm nies għaddew mill-forġa tal-prova sakemm fl-aħħar waslu biex jaqtgħu qalbhom għal kollox, imma mbagħad raw ir-rota tibda ddur favur tagħhom bil-mod il-mod, sakemm bdiet tagħqad kemm tiflaħ.  Kollha kemm aħna għandna x’nirrakkontaw dwar dan.  Niżla ’l fuq hi l-Istorja ħafna drabi.  Għax mis-Salib tinbet il-Ħajja.

 

Anke n-natura tgħallimna ħafna dwar dan.  Il-ħabba tal-qamħ, u ż-żrieragħ kollha, jindifnu taħt l-art fejn imutu, jinqasmu u jibdew jitnawru… imma ekku, meta kollox jidher mitluf, minn ġoż-żerriegħa maqsuma jitnibbet għerq ċkejken, xhieda ta’ Ħajja ġdida, għerq li jofroq il-ħamrija u jsir pjanta, xitla li tagħti l-frott fi żmienha, sakemm jerġa jibda ċiklu ieħor ta’ niżla ’l fuq.

 

Kristu Ġesù hu l-Mulej tagħna għax hu huwa d-Dawl veru għal kull bniedem li jgħix fuq l-art. Hu huwa l-kenosi lejn it-tlugħ fil-Glorja.  Min għandu l-Ispirtu ta’ Ġesù jaf li hu mhu se jmut qatt għax anke fih se jirrepeti ruħu l-Misteru tal-Għid.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin.  2, 6-11

 

Ġesu Kristu li għad li kellu n-natura ta' Alla,

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, 

iżda xejjen lilu  nnifsu

billi ħa n-natura ta' lsir;

sar jixbah lill-bnedmin,

u deher minn barra bħala bniedem;

ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,

anzi sal-mewt tas-salib.

 

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet

u żejjnu bl-Isem  li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta' Ġesù

 - fis-sema, fl-art u f'qiegħ l-art –

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom,

  u kull ilsien jistqarr:

"Ġesù Kristu hu l-Mulej,

għall-glorja ta' Alla l-Missier."

 

Evanġelju

 

F’dan il-Ħadd tal-Palm, hi tradizzjoni antika tal-Knisja li jiġi proklamat ir-rakkont sħiħ tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Kristu.  L-episodji ewlenin nafuhom, imma l-Knisja terġa xxandarhom f’widnejna, kif se terġa tagħmel nħar il-Ġimgħa l-Kbira. Għax hu mportanti li mhux biss niftakru f’dak li ġa smajna, imma ngħixuh, isir parti minna, jdawlilna dak li minnu ninsabu għaddejjin bħalissa.  Dan mhux bil-ħila tagħna imma bi Grazzja.

 

Il-kenosi tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Kristu huma Aħbar Tajba għalina li ssib it-trijonf tagħha f’Ħadd il-Għid.  Imma dan il-wiċċ ”mudlam” tal-munita tal-Misteru tal-Għid jurina ħaġa waħda:  kemm hi kbira l-Imħabba ta’ Alla għalija, għalik u għalina lkoll, qaddisin, midinba, Insara, mhux Insara, ateji...  Fi Kristu, Alla tfarrak għax dak hu li taf tagħmel l-Imħabba vera.  Hu miet biex aħna ngħixu għal dejjem.  Hu bata biex it-tbatija li rridu ngħaddu minnha f’din il-Ħajja tiddawwal, ikollha sens u hekk tiġi mmansata.

 

Se nisimgħu dwar ħafna li kienu kontra l-Mulej tagħna.  Imma dawn huma aħna.  Infatti salvi huma dawk li sallbu lil Kristu!  Dawk li jaqtgħu rwieħhom minn dan ir-rakkont u jgħidu:  ”Aħna ma konniex hemm!” ikun qed jinqatgħu mill-Misteru li jsalvahom.  Kristu bata għal kull midneb, u kull midneb ġagħal lil Kristu jbati.  Dan hu l-Misteru li d-dinja, bl-egoiżmi tagħha ma tistax tifhem għax id-dinja ma tifhimx il-vera Mħabba.

 

Versett:  Glorja u tifħirlilek Kristu!  Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.  Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem.  Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skont San Mark.  14, 1 – 15, 47

 

Kien għad baqa' jumejn għall-Għid u għall-Ażżmi, u l-qassisin il-kbar u l-kittieba bdew ifittxu kif jaqbdu lil Ġesù bil-qerq ta' moħħhom u jagħtuh il-mewt.  Għax bdew jgħidu: "Mhux fil-festa, li ma tqumx xi rewwixta fil-poplu."

  

Ġesù kien qiegħed jiekol għand Xmun il-lebbruż f'Betanja. Daħlet mara, b'vażett ta' l-alabastru biż-żejt ifuħ ta' nard pur, jiswa ħafna, kissret għonq il-vażett, u ferrgħet iż-żejt fuq ras Ġesù.  U kien hemm xi wħud li bdew jitmasħnu bejniethom u jgħidu: "Dal-ħala kollu ta' fwieħa għalfejn?    Dil-fwieħa setgħet iġġib aktar minn tliet mitt dinar u jingħataw lill-foqra." U bdew jeħduha magħha. 

 

 Imma Ġesù qal: "Ħalluha; għala qegħdin iddejjquha? Ħaġa tajba għamlet miegħi.  Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, u tistgħu tgħinuhom kull meta tridu. Imma lili mhux dejjem se ssibuni magħkom.  Hi għamlet li setgħet; dilkitli ġismi bil-fwieħa għad-difna minn qabel. Tassew ngħidilkom, li kull fejn jixxandar l-Evanġelju fid-dinja kollha li għamlet din jingħad ukoll, b'tifkira tagħha."

  

 Mbagħad Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-Tnax, mar għand il-qassisin il-kbar biex jagħtihom lil Ġesù f'idejhom.  Għal din l-aħbar ferħu ħafna, u wegħduh li jagħtuh xi flus. U hu beda jfittex il-waqt tajjeb biex jagħtihom lil Ġesù f'idejhom.

  

Fl-ewwel jum ta' l-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf ta' l-Għid, id-dixxipli tiegħu qalulu: "Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla ta' l-Għid?"  Mbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Morru l-belt, u tiltaqgħu ma' raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta' fejn tarawh dieħel, 'Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista' niekol l-ikla ta'  l-Għid mad-dixxipli tiegħi?'  U hu jurikom kamra kbira fuq, mgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk." 

 

 U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla ta'  l-Għid.

 

Għall-ħin ta' filgħaxija Ġesù ġie mat-Tnax.  U kif kienu fuq il-mejda jieklu qal: "Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini, wieħed li qiegħed jiekol miegħi."  Huma bdew isewwdu qalbhom, u wieħed wara l-ieħor staqsewh: "Jaqaw jien?"  Qalilhom: "Wieħed mit-Tnax, li qiegħed ibill il-ħobż fi platt wieħed miegħi.  Għax Bin il-bniedem imur, kif hemm miktub fuqu; imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f'idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak  il-bniedem li kieku ma twieled xejn!"

  

Huma u jieklu, ħa l-ħobż f'idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: "Ħudu, dan hu ġismi."  Mbagħad ħa kalċi f'idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu.  U qalilhom: "Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna.  Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta' Alla."

  

Mbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.  U Ġesù qalilhom: "Lkoll se titħawwdu, għax hu miktub: ‘Nidrob ir-Ragħaj, u n-nagħaġ jitferrxu’.  Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom."  Qallu Pietru: "Ukoll jekk jitfixkel kulħadd, jiena ma nitfixkilx."  Qallu Ġesù: "Tassew ngħidlek, li llum, dal-lejl stess, qabel ma s-serduk ikun idden darbtejn, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet."  Iżda Pietru tenna bil-qawwa kollha: "Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!" U l-oħrajn ukoll, kollha qalu l-istess.

 

 

Waslu f'qasam jismu Ġetsemani, u qal lid-dixxipli tiegħu: "Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm nitlob."  U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u bdew jaħkmuh il-biża' u d-dwejjaq.  Qalilhom: "Nħossni mnikket għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru."  Mexa kemmxejn 'il quddiem, nxteħet fl-art, u talab li, jekk jista' jkun titwarrab minnu dik is-siegħa.  U qal: "Abbà, Missier, kollox jista' jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int."  Ġie ħdejhom u sabhom reqdin, u qal lil Pietru: "Xmun, rieqed? Ma flaħtx tishar siegħa waħda!  Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef."  U raġa' mar u tenna l-istess talba.  Mill-ġdid ġie u għal darb'oħra sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas; u ma għarfux x'jaqbdu jgħidulu. Ġie għat-tielet darba u qalilhom: "Torqdu issa u tistrieħu? Biżżejjed. Is-siegħa waslet; araw li Bin il-bniedem se jkun mogħti f'idejn il-midinbin. [ Qumu! Ejjew immorru! Ara, dak li se jittradini hu fil-qrib!"

 

 

Minnufih, kif kien għadu jitkellem, wasal Ġuda, wieħed  mit-Tnax, b'ġemgħa nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u mill-kittieba u x-xjuħ.  Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal minn qabel u qalilhom: "Dak li nbusu huwa hu; aqbduh u morru bih mgħasses tajjeb."  Malli mbagħad wasal, baqa' sejjer fuqu u qallu,"Rabbi." U biesu.  

 

Huma meddew idejhom fuqu u qabduh.  Imma wieħed minn dawk ta' madwaru silet is-sejf, ta daqqa bih lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu.   Ġesù dar   fuqhom u qalilhom : "Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili!  Jien kuljum kont inkun fostkom fit-tempju ngħallem, u ma żammejtunix. Imma dan kollu ġara biex isseħħ l-Iskrittura."  Mbagħad id-dixxipli tiegħu kollha telquh u ħarbu.  Wieħed żagħżugħ mar warajh imgeżwer b'liżar biss fuq xejn, u qabduh;  imma hu telqilhom il-liżar f'idejhom u ħarab għeri.

  

Ħadu lil Ġesù għand il-qassis il-kbir, u nġabru l-qassisin   il-kbar kollha u x-xjuħ u l-kittieba.  Pietru kien baqa' miexi warajh mill-bogħod sa ġol-palazz tal-qassis il-kbir, u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja ħdejn in-nar għas-sħana.  Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollu bdew ifittxu xhieda kontra Ġesù biex jagħtuh il-mewt, u ma sabux.  Tassew li kien hemm ħafna li xehdu bil-qerq kontra tiegħu, imma x-xhieda tagħhom ma kinitx taqbel.  Mbagħad qamu xi wħud jagħtu xhieda qarrieqa kontra tiegħu u qalu:  "Aħna smajnieh jgħid, 'Jiena nħott dan it-tempju mibni bl-idejn, u fi tlitt ijiem nibni ieħor li ma jkunx mibni bl-idejn!' Imma x-xhieda tagħhom anqas f'dan ma kienet taqbel.  Mbagħad il-qassis  il-kbir qam f'nofs il-ġemgħa u staqsa lil Ġesù: "Xejn ma twieġeb? X'inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?"  Iżda hu baqa' sieket u ma wieġeb xejn.  Mill-ġdid il-qassis il-kbir staqsieh u qallu: "Int il-Messija, Bin l-Imbierek?"  "Jiena hu," wieġbu Ġesù, u intom għad taraw lil Bin il-bniedem bilqegħda n-naħa tal-lemin tal-Qawwa u ġej fuq is-sħab tas-sema."  Mbagħad il-qassis il-kbir ċarrat l-ilbies ta' fuqu u qal: "Xi ħtieġa għandna iżjed ta' xhieda?  [Mk:14:64] Id-dagħwa smajtuha! X'jidhrilkom?" U kollha qatgħuhielu li kien ħaqqu l-mewt.

 

Mbagħad xi wħud bdew jobżqulu fuqu, jgħattulu wiċċu, jagħtuh bil-ponn u jgħidulu: "Aqta' min!" U l-qaddejja bdew jagħtuh bil-ħarta.

  

Waqt li Pietru kien isfel 'il ġewwa mid-daħla tal-palazz, ġiet waħda qaddejja tal-qassis il-kbir.  Kif rat lil Pietru qiegħed għas-sħana, waħħlet għajnejha fuqu u qaltlu: "Int ukoll kont ma' Ġesù ta' Nazaret."  Imma hu ċaħad u qal: "Ma nafx, m'iniex nifhem x'inti tgħid." U ħareġ 'il barra fid-daħla tal-palazz. U s-serduk idden.  Il-qaddejja ratu, u reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemm: "Dan wieħed minnhom."  U mill-ġdid ċaħad. Wara ftit, dawk li kienu ħdejh reġgħu qalu lil Pietru: "Tassew, int wieħed minnhom; għax int ukoll mill-Galilija."  Mbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef: "Jiena ma nafux lil dan il-bniedem li qegħdin issemmu."  Minnufih is-serduk idden għat-tieni darba. Pietru ftakar fil-kelma li kien qallu Ġesù: 'Qabel ma s-serduk jidden darbtejn, inti tiċħadni tliet darbiet.' U nfexx jibki.

  

Fil-għodu kmieni l-qassisin il-kbar iltaqgħu malajr max-xjuħ u mal-kittieba u mas-Sinedriju kollu biex jiftiehmu bejniethom. Mbagħad rabtu lil Ġesù, ħaduh u tawh f'idejn Pilatu.

 

Pilatu staqsieh: "Inti s-sultan tal-Lhud?" U hu wieġeb u qallu: "Int qiegħed tgħidu."  Il-qassisin il-kbar bdew jaqilgħu ħafna akkużi kontra tiegħu.   Iżda Pilatu raġa' staqsieh: "Ma twieġeb xejn? Ara kemm akkużi qegħdin iġibu kontra tiegħek!"  Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, hekk li Pilatu baqa' mistagħġeb.

  

F'nhar ta' festa kien jitilqilhom wieħed ħabsi, lil dak li kienu jitolbu huma.   Issa fil-ħabs kien hemm wieħed jismu Barabba, arrestat flimkien max-xewwiexa li fir-rewwixta kienu qatlu lil xi ħadd.

 

In-nies telgħu u bdew jitolbuh jagħmel kif kien jagħmlilhom dejjem.   Qabad Pilatu u qalilhom: "Tridux nitilqilkom is-sultan tal-Lhud?"  Għax hu għaraf tajjeb li l-qassisin il-kbar kienu tawh lil Ġesù f'idejh minħabba l-għira.  Iżda l-qassisin il-kbar bdew ixewwxu n-nies li aħjar jitilqilhom lil Barabba.  Pilatu raġa' staqsiehom u qalilhom: "U x'nagħmel imbagħad b'dak li intom issejjħulu s-sultan tal-Lhud?"  Iżda huma nfexxew jgħajjtu mill-ġdid: "Sallbu!"  Qalilhom Pilatu: "Imma x'għamel ħażin?" Huma aktar bdew jgħajjtu: "Sallbu!"  Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.

  

Is-suldati ħaduh magħhom ġewwa fil-palazz, jiġifieri l-Pretorju, u sejjħu r-riġment kollu.  Libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk.  U bdew isellmulu: "Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!"  U qabdu jagħtuh b'qasba fuq rasu, jobżqulu fuqu, u jilwu rkubbtejhom quddiemu biex jagħtuh qima.  Mbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-ilbies aħmar u xeddewlu ħwejġu.

  

U ħaduh 'il barra biex isallbuh.  Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba', u ġagħluh jerfagħlu s-salib.  U wassluh f'post jismu Golgota, li jfisser post il-Qorriegħa.  U tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra, imma hu ma riedx jieħu minnu.  Mbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti ħalli kull wieħed jieħu li jmissu. Kienet it-tielet siegħa xħin sallbuh.  Il-kitba li turi l-ħtija  tal-kundanna tiegħu kienet tgħid hekk: "Is-sultan tal-Lhud."  Miegħu sallbu wkoll żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.  Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajjruh, iċaqilqu rashom u jgħidu: "Għajb għalik, int li tħott it-tempju u tfittex terġa' tibnih fi tlitt ijiem!  Inżel minn fuq is-salib u salva lilek innifsek!"  Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih bejniethom u mal-kittieba u jgħidu: "Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva!  Ħa jinżel issa l-Messija, is-sultan ta' Iżrael, minn fuq   is-salib biex aħna naraw u nemmnu!" U dawk li kienu msallbin miegħu bdew imaqdruh huma wkoll.

  

Xħin saret is-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa' siegħa.  U fid-disa' siegħa Ġesù għajjat b'leħen qawwi: "Eloî, Eloî, lema sabaqtani!", li jfisser: "Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?"  Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: "Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!"  U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl-inbid qares, waħħalha f'tarf ta' qasba u tah jixrob filwaqt li qal: "Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!"  Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu.  U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s'isfel.  Iċ-ċenturjun li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal: "Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!"

 

Kien hemm ukoll xi nisa jħarsu mill-bogħod, fosthom Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġosè, u Salomi; dawn, meta Ġesù kien fil-Galilija, kienu jmorru miegħu u jaqduh. U kien hemm ukoll bosta oħrajn li kienu telgħu Ġerusalemm miegħu.

  

Kien ġa sar filgħaxija, u billi kien Jum it-Tħejjija, jiġifieri lejlet is-Sibt, Ġużeppi minn Arimatija, membru magħruf tal-Kunsill, li hu wkoll kien jistenna s-Saltna ta' Alla, għamel il-ħila, daħal quddiem Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù.  Pilatu stagħġeb li kien ġa miet; bagħat għaċ-ċenturjun u staqsieh jekk kienx ilu li miet. Meta mbagħad sar jaf mingħand iċ-ċenturjun, ta l-ġisem ta' Ġesù lil Ġużeppi,  u dan xtara liżar ta' l-għażel, niżżel lil Ġesù  mis-salib, keffnu fil-liżar u qiegħdu f'qabar imħaffer fil-blat; mbagħad gerbeb ġebla fid-daħla tal-qabar.  Marija ta' Magdala u Marija omm Ġosè qagħdu jaraw fejn tqiegħed.

 

Last Updated ( Saturday, 24 March 2018 )
 
< Prev   Next >