Friday, 27 April 2018
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TIENI HADD TAL-GHID (2018) IL-FIDI F’GESÙ TERREMOT FIL-HAJJA!
IT-TIENI HADD TAL-GHID (2018) IL-FIDI F’GESÙ TERREMOT FIL-HAJJA! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 07 April 2018

Din hija il- Liturgija tat-tieni Hadd ta' l-Ghid (2018 )  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

thomas-the-incredulity-of-st-thomas-by-caravaggio.jpg

 

Kull min tassew għandu Fidi adulta fi Kristu Rebbieħ fuq il-Mewt, hu mimli żelu u ħeġġa għaliH u jixxennaq biex jgħin lill-Knisja xxerred l-Aħbar Unika u tal-għaġeb tiegħU kullimkien.  Mhux faċli jkollok din il-Fidi.  Dan ngħidu għalija l-ewwel wieħed.  Imma nkunu żgur fit-triq it-tajba jekk għandna l-Grazzja li nixxennqu għal aktar Fidi, nitniehdu fit-Talb tagħna biex Kristu jikber fina għax għadu żgħir wisq.  L-Antifona tal-Bidu tal-Ewkaristija ta’ dan it-Tieni Ħadd tal-Għid titkellem ċar fuq dan meta tikkwota lil San Pietru: “Ladarba intom bħal trabi għadhom jitwieldu, ixxenqu għal dak il-ħalib safi, il-ħalib tar-ruħ, biex bih tikbru sa ma taslu għas-salvazzjoni.”  (1 Pt. 2, 2). 

 

Gwaj għall-bniedem li jaħseb li għandu Fidi kbira u m’għandux għalfejn jitlob għal Fidi ikbar għax kuntent b’li għandu.  Aktarx li hu mqarraq.  Min beda miexi fit-triq tal-Fidi, qatt mhu kuntent b’li għandu.  Min daq kemm hu tajjeb il-Mulej irid iduq iktar.  Min għaraf xi ftit kemm hi kbira l-Imħabba ta’ Kristu għalih personali, irid jagħraf iktar. M’hemmx għejja hawn!  Fi Kristu m’hemmx għejja għax fi Kristu hemm Ħajja u Ħajja bil-kotra.  Id-dinja tgħejjik, iva, imma Kristu le.

 

Il-Kolletta, l-ewwel talba tal-Quddiesa tal-lum, ukoll tgħinna nifhmu kemm hu mportanti li nindunaw li l-Ħajja kollha hija mixja ta’ Fidi sakemm naslu fis-Sema pajjiżna.  Wara li titlob għal Grazzja ikbar ta’ Fidi, hi tħeġġeġ li aħna jkollna dehen biex nifhmu b’liema ħasil tnaddafna, b’liema spirtu tnissilna mill-ġdid u b’liema demm infdejna.  Araw x’għana hemm fi Kristu!  Ma tispiċċa qatt tiskopri l-ġdid.

 

Importanti li nifhmu, jew iktar importanti, nemmnu, b’liema ħasil tnaddafna fil-Magħmudija tagħna.  Kemm ftit japprezzaw x’rigal enormi hi l-Magħmudija.  Għidna kemm-il darba li l-Magħmudija mhix biss ir-rit li għamlulna meta konna trabi, imma tkompli tikber fina sal-aħħar jum.  Il-Magħmudija hija mogħdija mid-dlam għad-dawl, mill-jasar tal-ġibda għad-dnub u tal-egoiżmu għall-ħelsien tal-Imħabba u l-għotja lil ħaddieħor, mill-mewt għall-Ħajja ta’ Dejjem li tibda ġa minn hawn.  Il-Magħmudija hi tal-għaġeb u ma tistax isseħħ f’daqqa.  Meta nirċevuha nkunu rċivejniha bħala żerriegħa li wara trid tissaqqa sa ma ssir siġra li tagħti frott ta’ għemil tal-għaġeb.  Jekk il-Magħmudija tibqa’ żerriegħa, allura aħna nibqgħu egoisti, imdawrin bil-biża’ ta’ x’jista’ jiġri, bla fiduċja f’Alla, bla Fidi vera, anke jekk inkunu “reliġjużi”.

 

Il-Magħmudija hi Twelid Ġdid.  Jekk wieħed jitgħammed u meta jikber juri ċar li ma seħħx Twelid Ġdid fih, dan ma jfissirx li l-Magħmudija mhix effikaċi u hija biss teatrin.  F’min tikber fih il-Magħmudija tiegħu hu jitnissel mill-ġdid, kif tgħid il-Kolletta, isir Bniedem Ġdid.  Il-bniedem il-qadim imut fl-ilmijiet tal-Magħmudija u jitla minn hemm Bniedem Ġdid li hu l-Ispirtu ta’ Ġesù li jgħammar fina. 

 

U importanti wkoll li nemmnu u ngħarfu b’liema demm infdejna.  Jinfeda lsir.  L-ilsira kienu jinfdew fl-imgħoddi, jekk xi benefattur kien iħallas għall-ħelsien tagħhom.  Kemm aħna għomja li m’għandniex ħila nindunaw bil-jasar tal-bniedem.  Jekk ma nindunawx b’dan kif se nifhmu għal xhiex bata Kristu sa fuq is-Salib?  Xi bżonn kien hemm li Hu jgħaddi minn dan kollu?  Xi jfisser għalija personali l-Qawmien tiegħU?  Jien twelidt ilsir, mibjugħ lid-dnub għax ma ngħaddix mingħajr dnub.  Twelidt niġbed lejja sa mill-ewwel twerżieq għal ħalib ommi.  Il-bniedem hu egoista di natura għax għandu dubju dwar Alla f’moħħu li hu l-effett tad-dnub ta’ Adam u dan jagħmlu jibża’, solitarju, jibiegħ għall-idoli li jfittex mingħandhom ftit sigurtà... pereżempju l-flus, l-affetti, l-opinjonijiet ta’ ħaddieħor, eċċ.  Aħna lsira u tlalab b’idjena maħruġa ’l barra nitkarrbu: “Ħobbuni, ħobbuni, ħobbuni!” Dan hu l-bniedem mhux mifdi minn Kristu.

 

Imma l-Fidi adulta fi Kristu tagħmel minna ulied is-Sultan!  Ulied adottati minn Alla!  Nitilgħu mill-kantina fejn jgħammru l-ilsira, u nitilgħu fuq, fis-Sala sabiħa tas-Sultan.  X’differenza hemm bejn li jkollok dubju dwar jekk Alla hux jagħti kasek, jew li jkollok xhieda ġewwa fik li Alla hu Missierek tassew!

 

L-Ewwel Qari

 

L-Atti tal-Appostli hu Ktieb ferrieħi fil-Bibbja.  Il-Knisja tħobb tużah fil-Liturġija ta’ Żmien il-Għid.  Huwa l-Ktieb li jiddiskrivi Knisja għadha titwieled; Knisja mbellħa b’dak li rat b’għajnejha u messet b’idejha; Knisja mimlija bin-Nar tal-Ispirtu s-Santu.  Fuq kollox, Knisja għal kollox mixħuta biex ixxandar l-ikbar ġrajja li qatt ġrat fl-Istorja: il-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu.  Kienu nies Lhud dawn, li ndunaw li kienu qed jgħixu esperjenza li Alla kien wiegħed sa minn żmien Abraham.  Propju huma! 

 

Żewġ sinjali hemm bżonn li joħorġu mill-Knisja tal-lum: l-Imħabba lejn l-għadu u l-għaqda ta’ bejn l-aħwa. Imħabba u għaqda, żewġ affarijiet li d-dinja qatt u qatt ma kellha.  Għaliex?  Għax id-dinja hi ffurmata minn bnedmin bħalna, li wirtu t-taħsir u l-kundanna għall-mewt minn missirijiethom.  Ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni.  Kull bniedem dan jafu, u minħabba f’hekk kull bniedem huwa awtomatikament egoista, jiġbed lejh, jiddefendi ruħu dejjem anke meta għandu tort.  Mhux għax ħażin, dejjem ngħidu, imma għax hu lsir.  Ilsir ta’ sitwazzjoni li sab ruħu fiha mhux tort tiegħu.

 

Imma ekku, lil dan il-bniedem tidhirlu Salvazzjoni.  Il-mewt li tbeżżgħu, l-imwiet ta’ kuljum li jħassbuh, dawn kollha ġew mirbuħa għalih mill-Qawmien ta’ Kristu!  din hi l-Aħbar it-Tajba.  Dnibna kemm dnibna, jekk nemmnu li Kristu xtrana b’Demmu l-għażiż, aħna lkoll qaddisin, aħna lkoll ġusti, iġġustifikati mhux mill-opri tagħna, imma mill-Opra Waħdanija ta’ Kristu: il-Mewt u l-Qawmien tiegħU. min tassew jemmen dan... u kull meta nitkellmu fuq Fidi, dwar dan inkunu qed nitkellmu... kull min jemmen dan, jitfejqulu l-ġrieħi interni ta’ qalbu, ikollu s-sigurtà li Alla hu Missieru, u ma jibqax iktar imdawwar biċ-ċirku tal-biża’.  M’għadux iktar ilsir.  M’għadux iktar egoista u jiġbed lejh, għax m’għandux għalfejn.  Jista’ jħobb!  U dan mhux għax hemm il-kmandament.  Iħobb biss min hu mfejjaq mill-ġrieħi ta’ Kristu!

 

In-nies li se nisimgħu fuqhom, jeżistu anke llum.  J’Alla nixxennqu li nkunu bħalhom.  Huma nies li m’għandhomx bżonn ta’ għana tal-art, għax għandhom għana ieħor: lil Kristu li jgħammar fihom.  Għalhekk huma setgħu ibiegħu kollox u jaqsmu mal-aħwa.  X’jiswa li tkun ġħani u ma jkollokx il-mewt mirbuħa minn Kristu f’Ħajtek?  X’jiswa li tkun famuż u tgawdi fama tal-għaġeb, kulħadd jafek u jitkellem fuqek, biex imbagħad l-iċken kritika tmislek ġerħa moħbija fil-ġewwieni tiegħek u titfgħek fl-infern?  Kristu biss jiswa; il-bqija kollox frugħa u vojt li jgħaddi.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  4, 32-35

 

Il-kotra kbira ta' dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien.  

 

B'qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna.  Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom  kien imur iqegħedhom f'riġlejn l-appostli. Mbagħad kien jitqassam kollox skond il-ħtieġa ta' kull wieħed.

 

Salm Responsorjali

 

It-Tradizzjoni hi mportanti ħafna għall-Knisja.  “Tradizzjoni” hija kelma li lkoll smajna dwarha, għalkemm forsi mhix tant ċara t-tifsira tagħha.  It-Tradizzjoni tal-Knisja hija l-Memorja tagħha.  Il-Knisja ma tistax tinsa dak li għaddiet minnu.  Meta kitbet il-Vanġeli u t-Testment il-Ġdid kollu, kienet qegħda tniżżel fuq karta xi ftit minn dak li kienet esperjenzjat, għaddiet minnu.  Jekk hemm miktub li l-aħwa kienu jbiegħu ġidhom u jaqsmu kollox bejniethom, il-Knisja kitbitu dan għax kienet għexitu, kienet għaddietu minnu, u għadha tgħaddi minnu.  M’hemm xejn miktub li ma seħħx fil-Ħajja tal-Knisja.  Anke l-Imħabba lejn l-għedewwa.

 

Il-Knisja dan kollu wettqitu u għexitu mhux għax kienet iffurmata minn nies li kien aħjar mill-oħrajn, imma għax kien nies li ġarrbu xi ħaġa tal-għaġeb: irċivew l-Ispirtu ta’ Ġesù rebbieħ fuq kull tip ta’ biża’. Dawn l-affarijiet ma jsirux għax xi ħadd jikkmandak tagħmilhom, imma għax ikollok Spirtu Ġdid ġewwa fik, tkun Bniedem Ġdid.  Din hi l-Konverżjoni.  Il-Konverżjoni vera hi mogħdija, passaġġ minn qagħda fejn int m’għandekx esperjenza ta’ Alla, għal qagħda totalment differenti li fiha int tkun invadut mill-Ispirtu ta’ Ġesù.  In-Nisrani adult, li lejh irridu nħarsu, lejh irridu nimxu, huwa bniedem li mietet fih in-natura l-qadima li twieled biha, u inagħtatlu n-natura ta’ Alla nnifsu, u jwettaq l-opri tal-Qdusija għax għandu dan l-Ispirtu u mhux għax hu aħjar minnu nnifsu mill-oħrajn.

 

Il-Knisja vera hi magħmula minn nies li jafu li Alla hu tajjeb u li t-tjieba tiegħu hi għal dejjem.  (v. 1).  Dawn in-nies ixandru u jerġgħu ixandru: “It-tjieba tiegħU hi għal dejjem.”  Huma jafu li t-tjieba tal-Mulej marret minn fuq, rebħet rebħa enormi: għax Kristu farrak il-mewt u salva lil Adam.  M’hemmx pessimiżu, qatt ma jista’ jkun hemm pessimiżmu f’dawk li kellhom laqgħa ma’ Ġesù.  Għax “il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!”  (v. 15).  Il-Leminija tal-Mulej ma ħallietx lil Kristu mirdum ġo qabar.  Il-Leminija tal-Mulej splodiet ’il barra l-blata ssiġillata tal-qabar, u qatt ma jista’ jkun hemm pessimiżu anke jekk jitbattlu l-knejjes kollha u ħadd iktar ma jrid jaf b’xejn, għax Kristu qam u Hu qam tassew, Hallelujah!  Kollox fih sens fid-dawl tal-Għid, anke l-aħbariiet il-ħżiena.  Ir-rebħa hi tiegħu u Hu jaf x’inhu jagħmel.

 

Ritornell: Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, għax it-tjieba tiegħu għal dejjem!

 

Salm 118

 

Ħa jgħidu wlied Iżrael:

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa tgħid dar Aron:

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

 

 Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa,

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila.

Ma mmutx, imma nibqa' ngħix,

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej,

iżda ma telaqnix għall-mewt.

 

 

 Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

 

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih!

 

It-Tieni Qari

 

Il-Vanġelu ta’ San Ġwann u l-Ittri tiegħu huma meravilja tal-Ispirtu s-Santu għalina.  Immeditaw bil-kwiet u fi spirtu ta’ ġabra l-Ewwel Ittra tiegħu u taraw kemm hu veru dan.  Is-silta tal-lum hi stqarrija ta’ barra minn hawn: “Kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla.”  (v. 1).  Qegħdin nindunaw x’qiegħed jgħid?  Min jemmen tassew li Ġesù li ġie msallab huwa l-Iben ta’ Alla, Alla nnifsu, dan mhux bniedem “normali” imma “speċjali” għax m’għandux in-natura umana imma dik divina.  Min jemmen hu Iben Alla u għandu l-istess natura ta’ Alla.  Kelb għandu n-natura ta’ missieru li hu kelb bħalu.  IL-Kelma ta’ Alla hawn qegħda tgħidilna li jien u int, jekk nitwieldu mill-ġdid, jekk isseħħ il-Magħmudija tagħna, ikollna natura differenti minn dik li għandna llum, ikollna n-natura ta’ Alla.

 

U x’inhi l-iktar ħaġa li tolqtok fin-natura ta’ Alla?  Alla ma jmut qatt!  Huwa etern!  Meta twelidna minn Adam, minn missierna u ommna tal-laħam, irċivejna natura li tmut.  Imma jekk nitwieldu minn Alla bil-Fidi fi Kristu, din in-natura tinbidel u ninagħtaw natura li ma tmut qatt.  Kellu raġun is-Salmista, bi grazzja profetika, jgħajjat: “Ma mmutx imma nibqa’ ngħix!”  (S. 118, 17).

 

Malli l-bniedem jirċievi din in-natura li ma tmut qatt ta’ Alla, Ħajtu tinbidel.  Int tkun taf jekk għandekx in-natura ta’ Alla jew le.  Dawn l-affarijiet mhumiex teoriji gustusi fuq ktieb.  Din in-natura jew għandek jew m’għandekx.  Min għandu hu se jwettaq ħwejjeġ li qabel kienu mpossibbli għalih għax kellu natura li dejjem għexet f’dell il-mewt.

 

Malli inti tinagħta ċertezza mill-Ispirtu s-Santu li jgħammar fik li jgħidlek li int tassew iben Alla, inti tfiq mill-egoiżmi kollha tal-bnedmin, u tkun tista’ twettaq il-kmandamenti kollha u fuq kollox tgħix id-Diskors tal-Muntanja li ħabbar Kristu.  Ma kienx jiċċajta bin-nies dak in-nhar Kristu!  Kristu kien jaf li dak id-Diskors kien impossibli għan-nies “normali”, imma hu naturali għal dawk li jiġu adottati minn Alla.  San Ġwann se jgħidilna li “l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal!”  (v. 5, 3). 

 

X’int tgħid Ġwanni?  M’humiex tqal il-kmandamenti?  Mhux tqil taħfer lil min feriek bis-serjetà?  Mhux tqil li tagħder u tiskuża u tħobb lill-għadu li lilek ma jħobbokx?  Mhux tqil ma tkunx żieni f’soċjetà li tagħti qima lis-sesswalità ħażina?  Mhux tqil iddawwar ħaddek flok tpatti?  Mhux tqil tagħti u tagħti u terġa’ tagħti?  Mhux tqil ma tiqafx kontra l-inġustizzji li jsirulek?  Mhux tqil dan?  Tant hu tqil li jmur kontra n-natura tal-bniedem.

 

Imma hu appunta għalhekk li Ġwanni, mimli bil-ferħ jgħid li mhumiex tqal l-opri tal-Ħajja ta’ Dejjem.  Għax dawn huma mpossibli għal dawk li għadhom bin-natura li twieldu biha, imma għal dawk li fihom seħħet għal kollox dak li tgħid il-Magħmudija, (imut il-qadim u jitwieled il-ġdid), dan kollu tassew li jsir ħafif.  Nerġa’ ngħid, mhux għax in-Nisrani, minnu nnifsu hu aħjar mill-oħrajn.  Hu nnifsu jgħaġġel jgħidlek li mhux veru.  Imma għax fih tgħammar Qawwa Ġdida, dik il-Qawwa li ħarġet lil Kristu mill-qabar. 

 

Dawn huma ħwejjeġ tal-għaġeb.  Jistgħu jiġru lilna?  Iva!  Irċivejna l-Magħmudija bħala rahan li Alla jrid jagħmel din il-bidla fina!

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu.  5, 1-6

 

 Kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla, u kull min iħobb lill-Missier iħobb lil min twieled minnu.  Minn dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu 'l Alla u nagħmlu l-kmandamenti tiegħu.  Għax din hi l-imħabba ta' Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu m'humiex tqal;  għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja.

 

Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna. Għax min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta' Alla?

 

Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu verità. 

 

Evanġelju

 

Għidna ħafna ħwejjeġ ta’ barra minn hawn.  Min se jemmen li jistgħu jiġru jekk mhux min tmissu l-Grazzja?  Min se jitlob lill-Missier biex jagħtih natura ġdida jekk mhux dak li diġa għandu qalbu milquta mill-Grazzja?  Għax kollox hu xogħol Alla, mill-bidu sal-aħħar.  Minn nfusna, aħna lkoll Tumas.  Irridu naraw biex nemmnu.  Dan hu l-Ħadd ta’ Tumas.  Dejjem niltaqgħu miegħu, miskin, f’dan iż-żmien sabiħ għall-Knisja.  Imma, nerġa’ ngħid, aħna lkoll Tumas.  U Allaħares ma tkunx il-Grazzja li taħdem fina b’mod hekk ċar li nispiċċaw aħna wkoll nemmnu għax ”naraw”.

 

In-Nisrani jemmen li Alla huwa Mħabba għax, bi Grazzja, iltaqa’ ma’ din l-Imħabba u ma setax ma jemminhiex.  L-Appostli l-oħra wkoll emmnu għax raw.  Lil Marija ta’ Magdala ma emmnuhiex sakemm kienu għadhom ma rawx huma wkoll.  Imma Alla jagħmel l-għeġubijiet f’nies dgħajfa li mhuma aħjar minn ħadd.  Kien b’dawn in-nies li l-Mulej ikkonverta l-Imperu Ruman u xerred il-Knisja mad-dinja kollha!  L-ewwel ħaġa li l-Inka tal-Peru u l-Aztek tal-Messiku raw meta waslu l-bojod mill-Ewropa kien il-Kurċifiss li l-missjunarju kien iġorr f’idu malli jaqbeż fl-ilma minn ġod-dgħajsa.  Dan mhux spirtu tal-bnedmin imma ta’ Alla.  Din mhix in-natura ta’ Adam imma dik ġdida mirbuħa għalina minn Kristu rxuxtat.  Hallelujah!

 

Versett: Hallelujah! Tumas, emmint għax rajtni, igħid il-Mulej; henjin dawk li ma rawx u emmnu. Hallelujah.

 

 

Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f'nofshom; u qalilhom: "Is-sliem għalikom!"  Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej.  Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: "Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom."  Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: "Ħudu l-Ispirtu  s-Santu.  Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma."

  

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù.  Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: "Rajna l-Mulej." Iżda hu qalilhom: "Jekk ma narax f'idejh il-marka ta' l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta' l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx."  Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f'nofshom, u qalilhom: "Is-sliem għalikom!"  Mbagħad qal lil Tumas: "Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen."  Wieġeb Tumas u qallu: "Mulej tiegħi u Alla tiegħi!"  Qallu Ġesù: "Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu."

  

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m'humiex imniżżla f'dan il-ktieb.  Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta' Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f'ismu.

Last Updated ( Saturday, 07 April 2018 )
 
< Prev   Next >