Friday, 27 April 2018
           
Home
IT-TIELET HADD TAL-GHID KBIRA HI L-MAHFRA LI REBHILNA KRISTU! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 14 April 2018

Din hija il- Liturgija tat-tielet Hadd ta' l-Ghid (2018 )  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 pietru_jippriedka.jpg

 

L-Għid mhux ġurnata waħda imma ħamsin jum!  Festa twila ħamsin jum!  Matul dawn il-ħamsin jum ta’ Festa hu projbit għan-Nisrani li jsum, jagħmel penitenza jew jiċċaħħad minn xi ħaġa.  Ħafna ma jifhmux dan il-għala.  Forsi jaħsbu li din il-Festa tagħlaq b’mod trijunfanti l-Istorja ta’ Ġesù li wera li t-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin.  Imma din mhix risposta tajba biżżejjed.  Jekk f’dawn il-ħamsin jum ta’ Festa int m’intix ferħan u m’għandekx is-sliem f’qalbek, allura wieħed ikollu jistaqsik x’tip ta’ Nisrani int.  Jew tisma’ min jgħidlek: Jien jogħġobni l-Milied ħafna iktar mill-Għid għax ifakkarni fi tfuliti, u l-affarijiet li kienu jferrħuni dak in-nhar fil-Milied għadhom iferrħuni sal-lum. Jew, addirittura hawn min jgħidlek li jħossu mqanqal jattendi b’devozzjoni ic-celebrazzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka u fuq kollox tal-Ġimgħa l-Kbira, imma mbagħad l-Għid... insomma... speċjalment il-Velja ta’ bil-lejl li hi tant twila u ma nifhimhiex.

 

L-ewwelnett il-Misteru tal-Għid huwa l-qalba u l-qofol tal-Kristjaneżmu.  Huwa l-Aħbar li l-Kristjaneżmu għandu għad-dinja.  Dan il-Misteru ma jxandarx biss Qawmien, imma qablu it-tbatija u l-Mewt, għax minn dawn ħareġ il-Qawmien.  L-Għid huwa t-Tridu kollu li ċċelebrajna: il-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt bil-lejl.  L-Għid huwa l-għan li għalih Kristu tgħabba b’ġisem tqil bid-dnub u l-mewt tagħna, f’ġuf ta’ Verġni u twieled f’għar.  Il-Misteru tal-Għid mhux biss l-għan tal-Inkarnazzjoni ta’ Kristu imma wkoll, u dan hu mportanti li nifhmuh, huwa l-għan tal-eżistenza tiegħi u tiegħek. Għalhekk, l-Għid huwa, intimament, il-Festa tagħna, il-Festa tal-bnedmin.  Għax Kristu miet u qam mill-mewt b’risq tagħna, għax neżistu aħna, għax għandna bżonn ta’ Salvazzjoni.

 

 

Kemm hawn min jifhem il-bżonn ta’ Salvazzjoni llum?  Il-bniedem dejjem hu aljenat. Hu jilgħab.  Hu jqatta’ l-ħin.  Jilgħab u jqatta’ l-ħin bix-xogħol, bil-familja, bil-passatempi, b’dak li jixtri, b’dak li jilbes u jiekol, bl-aħbarijiet li jisma’, bid-dnub... u ħafna drabi anke bir-reliġjon.  Dawn kollha jistgħu ikunu droga għalih li jorbtuh ma’ eżistenza li fil-fond hi bla sens.  Hu ma jindunax.  Imbagħad tiġi marda f’daqqa, jew aħbar li tregħdu... u x’waħda din!  Il-bniedem minn dejjem tħabat kemm felaħ biex jagħmel minn din il-ħajja il-bidu u t-tmiem ta’ kollox.  Imbierek il-bniedem li s-Salib jiftaħlu għajnejh li dan kollu hu qerq.  Għandu bżonn Salvazzjoni ġa minn hawn.  Mhux qed nitkellmu biss fuq Ħajja oħra.  Meta l-bniedem jikseb kollox fuq din l-art, jinduna x’inhi tassew din il-ħajja.  Il-ferħ etern li jfittex ma jakkwistahx b’kemm ikollu. Din hi l-esperjenza tal-bniedem.  Hemm triq oħra.  Hemm Salvazzjoni li hu ma jistax jakkwista; li Ħaddieħor akkwista għalih.

 

Jekk Kristu kellu Salib, anke jien u int għandna ieħor.  Jekk dan is-Salib qatel il-ġisem mgħobbi bid-dnubiet tal-oħrajn li kellu Kristu, anke s-Salib tagħna joqtolna, jisirqilna l-Ħajja, jdallmilna l-eżistenza tagħna.  Imma s-Salib ta’ Kristu fetaħlu t-triq lejn il-Glorja waħdanija li teżisti, il-milja tal-Ħajja.  Quddiem il-bniedem li għalih is-Salib hu bla sens, Kristu ċarrat purtiera tqila biex il-bniedem jara x-xenarju veru tal-eżistenza tiegħu: li kollox hu l-Għid; li kollox fih sens; li kollox miexi lejn dak li hu fettex għalxejn fl-affarijiet tad-dinja.  L-Għid huwa l-Festa l-Kbira tagħna għax min jemmen, miet u rxoxta.  L-imgħoddi għadda u diġa minn hawn tibda Ħajja ġdida li l-mewt m’għandhiex iktar setgħa fuqha.

 

L-Ewwel Qari

 

Imma biex il-bniedem jgħaddi mill-proċess meraviljuż tal-Għid fil-Ħajja tiegħu, biex f’Ħajtu sseħħ din il-mogħdija, dan il-passaġġ, din il-bidla stupedna mill-irbit tal-biża’ tal-mewt għall-ħelsien totali fi Kristu rebbieħ fuq dak kollu li joqtolna... biex iseħħ dan hemm bżonn il-Grazzja ta’ Alla.  Il-kelma “Grazzja” hi ħafna mportanti għalina l-Insara.  Għal min hu biss reliġjuż ma tantx.  Min hu biss reliġjuż jemmen li hu jrid ikun biex isalva ruħu.  Minnu jiddependi kollox. Għall-bniedem reliġjuż, huwa l-bniedem fiċ-ċentru.  Għan-Nisrani, huwa Kristu u l-Misteru tal-Għid li huma fiċ-ċentru u mhux l-isforzi u l-merti tiegħu.  In-Nisrani ma jidħaq bih ħadd!  Hu jaf li l-bniedem m’għandux ħila jgħix il-Qdusija, lanqas il-qaddisin.  Huwa Kristu li jaħtaf lill-bniedem u jtellgħu mill-bir tar-rejaltà mwaqqa’ tiegħu.  U hawn tidħil il-Grazzja.

 

Il-kelma “Grazzja” tfisser “rigal mogħti b’xejn, gratis, bla mistħoqq”.  Il-Grazzja mhix il-“paga” li l-ħaddiem jaqla’ b’xogħolu.  Dik għandu dritt għaliha.  Il-“Grazzja” hi ħaġa oħra.  Hi rigal ta’ Alla li l-ebda xogħol u merti tal-bniedem ma jistħoqquha.  Meta tirċeviha, int tibqa’ mbellah u sorpriż bil-ġenerożità ta’ Alla.  Il-Fidi hi “Grazzja”, l-ikbar “Grazzja” li jista’ jagħtik Alla.  Li int tidħol, tassew tidħol fil-Misteru tal-Għid u tagħraf x’għamel għalik Kristu, x’wirt akkwistalek... din tkun tassew Grazzja, għax ħadd minnha mhu kapaċi jakkwista dan bil-ħila tiegħu.  Din hi Ħajja ġdida, natura ġdida.  Hawn ma jgħodx it-tagħlim jew kemm taf dwar Kristu.  Ma jgħoddx int min int.  Tista’ tkun l-ikbar midneb... tmissek il-Grazzja u jinfetħulek għajnejk u tara kollox ġdid.

 

Pietru kien wieħed minn dawn.  Quddiemu kellu l-istess nies li ħamsin jum qabel kienu sallbu lil Kristu.  Hu jxandrilhom il-Kerigma.  Ixandrilhom l-Għid.  L-Aħbar it-Tajba. Jgħidilhom ħwejjeġ kbar. Dnubhom kien maħfur għax waqt li kienu qed joqtlu lil Kristu, kienu qed jiġu mpattija dnubiethom kollha.  Kristu kien qed imut għal dawk li kienu qed joqtluh!  U magħhom kien hemm aħna.  Din hi Aħbar għalina llum.  L-umanità kollha qatlet lil Kristu.  Id-dnub tiegħi u tiegħek.  Imma jekk jien ma nagħrafx dnubi, dan kollu hu bla sens għalija.  Issa billi noqgħod inħares lejn Kristu msallab u nemozzjona ruħi u ngħid kemm bata... mingħajr ma nagħraf ir-rejaltà moħbija li l-ħażen tiegħi inagħqad mal-ħażen ta’ kulħadd, inġabar fi xkora waħda u Kristu qered din l-ixkora tal-mewt billi patta Hu għaliha... jekk ma nagħrafx dan...

 

Għalhekk f’dan il-qari naraw lil Pietru, l-ewwel juri dnubu lill-poplu.  Wera kuraġġ hawn, kuraġġ ġej mill-Ispirtu s-Santu li rċieva bi Grazzja!  Ħadd ma jridek turih dnubu.  Imma m’hemmx għarfien ta’ Kristu mingħajr dan.  Il-poplu nduna.  Din Grazzja oħra!  Talbu x’għandhom jagħmlu biex jeħilsu mid-dejn enormi li kellhom.  Indiema!  U Pietru jgħidilhom: soluzzjoni waħda hemm – li wieħed jemmen li l-Missier bagħat lil Ibnu biex ikun il-Ħaruf li jmut għall-merħla.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  3, 13-15.  17-19

 

F’dak iż-żmien: Pietru qal lill-poplu: “Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, u Alla ta' Ġakobb, Alla ta' missirijietna gglorifika lill-qaddej tiegħu, Ġesù, li intom ittradejtuh u ċħadtuh quddiem Pilatu, għalkemm dan kien qatagħha li jitilqu.  Intom ċħadtu  l-Qaddis u l-Ġust, tlabtu l-ħelsien ta' wieħed qattiel  u qtiltu lill-Awtur tal-ħajja. Imma Alla qajjmu mill-imwiet, u ta' dan aħna xhieda. 

 

Issa, ħuti, jiena naf li kemm intom u kemm il-kapijiet tagħkom, għamiltu dan għaliex ma kontux tafu.  Imma b'hekk Alla temm dak li hu kien ħabbar sa minn qabel b'fomm il-profeti, jiġifieri, li l-Messija tiegħu kellu jbati.  Indmu, mela, u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom.

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salmi huma l-Liturġija tal-Ħajja għax huma jiċċelebraw il-Ħajja kollha, jiċċelebraw il-mumenti kollha tal-eżistenza tagħna.  Is-Salmi huma l-mod kif jaħsibha Alla fuq id-dlam u d-dawl li minnhom hi magħmula l-Ħajja; fuq id-dwejjaq u l-ferħ; fuq it-taħbit u l-mistrieħ; fuq il-bżonn ta’ għajnuna u t-tifħir għall-għajnuna mogħtija.  Is-Salmi huma l-Ħajja tagħna.  Bħal kollox huma Grazzja, rigal mhux mistħoqq.  Imbierek min it-Talb tiegħu għandu t-tonalità tas-Salmi.  Imbierek min għal kull sitwazzjoni eżistenzjali li jsib ruħu fiha, mill-ewwel jaħbat ma’ moħħu Salm adattat.  Hieni l-bniedem li jitlob bit-Talb stess ta’ Alla! 

 

Is-Salmi llum m’għadhomx iktar il-prerogattiva tal-qassisin.  Dan ġara fl-imgħoddi għax kważi l-qassisin biss kienu jafu jaqraw.  Illum is-Salmi  saru wkoll it-Talba tal-lajċi, u j’Alla iktar għada mil-lum.

 

Salm 4, li għandna parti minnu llum, huwa t-Talba ta’ bniedem mimli fiduċja f’Alla.  Ara ma jkunx hawn min jaħseb li min jimxi wara Kristu se jeħles mit-taħbit jew mis-slaleb.  Ara ma jkunx hawn min “jimxi” wara Kristu biex jixtriH ħalli jagħmel li jkollu Ħajja mingħajr problemi.  Sakemm qegħdin f’din id-dinja, qal Ġesù, inbatu jkollna.  It-tbatija hi parti min-nisġa tal-Ħajja.  Imma x’differenza bejn wieħed li jidħol fit-tbatija mimli fiduċja f’Alla Missieru, u ieħor li jidħol waħdu, waħdu!

 

Is-Salmista għandu esperjenza tal-għeġubijiet ta’ Alla.  Ħafna drabi, t-Talb tagħna, li dejjem jinstema’, ikollu, iżda, riżultat differenti minn dak li ridna aħna.  Imma r-riżultat magħżul minn Alla hu dejjem aħjar minn dak li kieku konna nagħżlu aħna.  Għalhekk dan is-Salm jgħid: “Kunu afu li l-Mulej wera  tjieba kbira miegħi.” (v. 4).  Forsi mhux eżatt kif stennejt, imma b’mod aqwa għax Hu jara iktar minna.

 

Ħafna huma dawk, forsi aħna magħhom, li ma jissaportux il-prekarjetà u l-insigurtà li wieħed jistenna l-għajnuna ta’ Alla bla ma jaf meta se tasal.  Lkoll nafu xi jfisser dan.  Ilkoll fqar fil-Fidi u l-Fiduċja.  Malajr naqtgħu qalbna mill-Mulej u nagħmlu bħan-nies ta’ Betulja fl-Istorja ta’ Ġuditta li taw “time-limit” lil Alla: “Jekk ma tgħinniex sa ħamest ijiem oħra, nagħmlu dak li għandna nagħmlu...”  (Ġud. 7, 31).  Imma min hu għani fil-Fiduċja, għandu s-sliem għax jaf f’Min qed jafda.  “Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, għax int waħdek, Mulej, fis-sod taqegħedni.”  (v. 9).

 

Ritornell: Ixħet id-dawl ta’ wiċċek fuqna, Mulej.

 

Salm 4

 

Weġibni, meta nsejjaħlek,

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq,

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi;

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?"

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi,

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem.

 

It-Tieni Qari

 

Bħalissa, waqt li int qed taqra dawn in-noti, qed isseħħ xi ħaġa tal-     għaġeb.  Kristu, id-Difensur tiegħek, Dak li dejjem jilqa’  għalik u jifhmek, bħalissa stess, qiegħed juri l-pjagi tiegħu quddiem il-Missier u b’leħen imqanqal jgħidlu: “Jien għal din il-bniedma, għal dan il-bniedem, tajt Demmi kollu!  Jien, lilek Missier, obdejtek sal-qiegħ nett tal-eżistenza tiegħi biex nirbaħ merti għalih/għalha.  It-Tbatija, il-Mewt u l-Qawmien tiegħi jien qed noffrihom issa għal dan/din biex tinżel il-Grazzja tiegħek u ddawwal l-għajnejn imċajpra tal-bnedmin.” 

 

Il-Kelma li ġejja taċċertana li għandna li dan id-Difensur tal-għaġeb, l-avukat meraviljuż tagħna li qed jiddefendina quddiem Missieru.  “Min se jifridna mill-Imħabba ta’ Alla?” (Rum. 8, 35).  Meta hu tana kollox f’Ibnu; meta hu ma qagħadx jaħsibha u offriH bħala tpattija għalina fuq l-altar tal-Qdusija sabiex jien u int nidhru ġusti quddiemU... meta tana dan kollu, kif sejjer ma jħarisx lejn Ibnu li jidħol għalina?  San Pawl jgħid: “Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-Imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.”  (Rum. 8, 38-39).  Jekk tassew nemmnu dan fil-fond ta’ qalbna, kif nistgħu nidinbu?  Kif nistgħu naħsbu ħażin f’Alla?

 

San Ġwann l-Evanġelista, f’din l-Ewwel Ittra tiegħu, jgħid li min “jagħraf” lil Kristu, min “jafu” mill-qrib, dan ma jistax jidneb, ma jistax ma jżommx il-kmandamenti tiegħu (ara v. 4).  Dan jiġri għax iktar kemm tikber il-Fidi fina, iktar jiġi Hu jgħammar fina u aħna tassew insiru Tempju tiegħU.  Allura aħna jkollna l-Grazzja mbierka li naraw lill-proxxmu kif jarah Ġesù, li nħennu kif iħenn Ġesù, li ma npattux kif qatt ma patta Ġesù, eċċ.

 

Dawn l-affarijiet mhumiex fantasija.  Il-Kelma ta’ Alla titkellem fuq ħwejjeġ prattiċi, fuq il-Ħajja.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu.  2, 1-5a

 

Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux; imma jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust.  U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.  U b'dan nafu li nagħrfu 'l Ġesù: jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu.  Min jgħid "Jiena nafu" u ma jżommx il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u l-verità m'hijiex fih.  Iżda kull min iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta' Alla fil-milja tagħha. 

 

Evanġelju

 

Kristu miet biex aħna jkollna l-maħfra tad-dnubiet.  Min ma jemminx dan ikun qed jidneb kontra l-Ispirtu s-Santu għax ikun qed igiddeb il-Kelma li hi ispirata minnU.  Il-Maħfra ma tiġix bħal meta wieħed ifaqqa’ subgħajh. Meta Alla jaħfer, Hu ikun qed iħallas prezz qares.  Kull darba!  Għax id-dnub hu dejjem kontra l-Qdusija u kontra l-Ħajja.  Fil-Qdusija biss hemm il-Ħajja.  Barra mill-Qdusija, fid-dnub, hemm il-Mewt.  Alla ma jistax ibiddel dan.  Hu ma jistax jgħid: “Ħa nirranġa illi anke fid-dnub il-bniedem jibqa’ ħaj, qisu ma ġara xejn.  Ħa nagħmel li d-dnub ma jkollux il-konsegwenza tal-mewt.”  Alla dan ma jistax jagħmlu għax ikun imur kontra l-Liġi tal-Qdusija.  Fil-Qdusija biss hemm il-Ħajja vera, nerġa’ nirrepeti.

 

Issa biex il-midneb  jirritorna lura mhi ħaġa faċli xejn.  Hemm kont, hemm dejn x’jitħallas.  Kull meta dnibt, jien mitt.  Kif u min se jerġa jagħtini l-Ħajja?  Jien, lili nnifsi?  Impossibbli.  Il-Maħfra tfisser “ritorn lura lejn il-Ħajja tal-Qdusija”.  Min se jdaħħal lili, maħmuġ bid-dnub, fil-Qdusija.  Jien ma nistax nidħol.  Hu b’dan il-mod li forsi xi ftit nistgħu nifhmu r-raġuni l-għala Kristu kellu jbati tant, u Hu li hu l-Ħajja nfisha, kellu jċedi Ħajtu fuq Salib għal kull individwu.  L-ebda bniedem ma seta jifdi lilu nnifsu, daqskemm l-ebda mejjet ma jista’ jqajjem lilu nnifsu.  Il-Maħfra tinagħta għax xtrahielna Kristu fuq is-Salib.  Dejnna ġie mħallas għax ħallsu Alla nnifsu fi Kristu. 

 

Min hu konxju ta’ dnubu u tassew għandu l-Indiema, jgħożż il-Kliem qaddisa li bih jagħlaq il-Vanġelu tal-lum: “Lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm, tixxandar f’Ismi l-indiema għall-Maħfra tad-dnubiet.”  (v. 47).  Min għandu l-Grazzja li jħossu ħati quddiem Alla, jiggranfa mal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu għax hawn u hawn biss teżisti l-Maħfra għalih.  Ħa nkunu nafu li jekk inqerru bis-serjeta, is-Sagrament inaddafna minn kull dnub bis-saħħa tal-merti miksuba għalina fus is-Salib minn Kristu.

 

Versett:  Hallelujah.  Mulej Ġesù, fissrilna l-Iskrittura; ħeġġilna qalbna, int u tkellimna. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  24, 33-48

 

F’dak iż-żmien : Id-dixxipli kienu qegħdin itarrfuU huma x'kien    ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

 

Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f'nofshom u qalilhom: "Is-sliem għalikom!"  Huma twerwru bil-biża' għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma.  Iżda hu qalilhom: "Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f'qalbkom?  Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien."   Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh.  Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: "Għandkom xi ħaġa ta' l-ikel hawn?"  Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija,  u hu ħadha u kielha quddiemhom.

 

Mbagħad qalilhom: "Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet, 'Jeħtieġ li jseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta' Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi.' "

 

Mbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura.  U qalilhom: "Hekk kien miktub, li  l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet,  u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f'ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm.  Intom xhud ta' dan. 

 

 
< Prev   Next >