Wednesday, 22 August 2018
           
Home arrow Home
FESTA TAL-HNIENA DIVINA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Monday, 16 April 2018

Nhar il-Ħadd 8 ta’ April 2018 kienet taħbat il-Festa tal-Ħniena Divina. Mit-3.00pm sal-4.00pm fil-parroċċa tagħna saret siegħa adorazzjoni b’talb speċjai lill-Ħniena Divina, li tmexxiet mill-Arċipriet. Imbagħad fl-4.00pm kien hemm il-Quddiesa bil-prietka tal-okkażjoni. Fil-meditazzjoni li għamel waqt l-adorazzjoni l-Arċipriet irrifletta fuq il-fiduċja li Ġesù jixtieq li aħna jkollna fih, f’kull sitwazzjoni tal-ħajja. Kien għalhekk li Ġesù nnifsu ried li fuq ix-xbieha tal-Ħniena Divina tiegħu jitniżżlu dawk il-kelmiet: “Ġesù, jiena nafda fik”, u qal lil Santa Fawstina li l-fiduċja fih hija dik li tiftaħ il-bibien tal-ħniena tiegħu. Aktar ma nafdaw fih, aktar naqilgħu grazzji mill-Ħniena tiegħu. Fl-omelija tal-Quddiesa mbagħad huwa rrifletta fuq il-ħniena li Ġesù Rxuxtat wera mal-appostli tiegħu miġbura fiċ-ċenaklu meta, wara li kienu abbandunawh fil-passjoni, huwa tahom il-paċi tiegħu, sawwab fuqhom l-Ispirtu s-Santu biex iqawwihom u tahom il-grazzja li jqiegħdu jdejhom fil-pjagi tiegħu biex isaħħaħhom fil-fidi. Din l-istess ħniena juri magħna Ġesù speċjalment fis-sagramenti tal-Qrar u tal-Ewkaristija.

20180408_170616-2000.jpg

 
< Prev   Next >