Friday, 25 May 2018
           
Home arrow News arrow Latest arrow IR-RABA’ HADD TAL-GHID (2018) KRISTU BISS HUWA S-SALVATUR TAGHNA
IR-RABA’ HADD TAL-GHID (2018) KRISTU BISS HUWA S-SALVATUR TAGHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 21 April 2018

Din hija il- Liturgija tar-Raba' Hadd ta' l-Ghid (2018 )  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 jesus-_good_shepherd_5.jpg

Fl-Istorja tad-dinja qamu ħafna nies li nagħtaw il-qima ta’ “Messija”.  Nies kbar li kaxkru l-folol warajhom.  Il-kotra emmnet fihom u kienet tagħmel dak li l-idolu tagħhom kien jgħidilhom. Fih ittamaw li jagħtihom sens għall-ħajjithom, li jsolvilhom il-problemi tagħhom, li jmexxihom lejn “nirvana”, lejn stat ta’ ħajja li ta’ qabilhom ma kellhomx.  F’kull ġenerazzjoni dehru nies bħal dawn, nies kapaċi ħafna fl-isfera tagħhom: slaten qawwija, gwerriera qalbiena, statisti ta’ qawwa...  Lil dawn in-nies, Alla tahom kariżmi, kapaċitajiet, biex jagħmlu l-ġid lin-nies tagħhom, għax il-bniedem għandu wkoll bżonn il-ġid materjali.

 

L-Istorja tal-bniedem, imma, tgħallimna li waqt li kien hemm ħafna li għamlu l-ġid lis-soċjetà, kien hemm ukoll dawk li għamlulha d-deni.  L-iżball tagħna dejjem hu li naħsbu li jekk ikun kuntent il-ġisem, ikun kuntent il-bniedem.  Kemm immorru mqarrqa jekk naħsbu hekk!  Irridu jew ma rridux, ninsew kemm ninsew, naljenaw ruħna kemm irridu, il-fatt jibqa’ li l-bniedem mhux ġisem biss għandu.  Kemm nies ma jonqoshom xejn materjalment, imma qed jgħixu ħajja vojta u bla sens.  Il-bniedem hu ġisem u spirtu u inutli nħajmu lill-ġisem u npaxxuh minn kollox, huwa l-ispirtu li jiddeċiedi jekk  ikollniex is-sliem, il-Ferħ veru, il-Ħajja li mhix sempliċi eżistenza.

 

 

Hawn nies li jonqoshom kollox fil-ħajja, imma għandhom ħafna iktar gost tal-Ħajja vera minn dawk li ma jonqoshom xejn.  il-materja nnifisha tixhed li hi nferjuri għall-ispirtu u miskin il-bniedem li jintefa’ fuq idejoloġija li tissodisfa biss il-laħam.  Għax il-laħam hu miżżewweġ lill-mewt, imma l-ispirtu huwa ħajja għal dejjem.

 

Hemm vojt fina li ħadd u xejn ma jista’ jimlih ħlief Kristu.  Dan ngħiduh b’wiċċna minn quddiem u bla mistħija:  Kristu biss kapaċi jimlilek qalbek u jagħti sens lil Ħajtek.  Nies kbar skoprewh dan.  Oħrajn, anke jekk baqgħu jissemew fl-Istorja, dan ma skoprewhx u għexu ħajja f’qies fqir immens, anke jekk il-folol ċapċpulhom u għal ħafna kienu eroj.  Kristu huwa l-waħdieni li ħabbek biżżejjed li jmut għalik.  Forsi dan il-kliem jinstemà qisu teorija astratta, kelma xotta, frażi li smajniha eluf ta’ drabi u tilfet is-sens tagħha bl-użu stess tagħha.

 

Dan hu veru.  Imma x’naqbad ngħidlek jien?  Huwa l-Ispirtu s-Santu, li jeżisti tafux, huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħti n-nar lil dan il-kliem fqir li qed nikteb hawn jien.  Mingħajr l-Ispirtu s-Santu ħadd ma jagħraf lil Kristu.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li jiftaħlek għajnejk, u dak li qabel kien xott, dak li qabel kont smajtu elf darba u ħalliek biered, f’daqqa waħda jagħmel minn qalbek Ħuġġieġa nar li xejn ma jkun jista’ jitfiha.  Huwa b’dan id-dawl tal-Ispirtu biss li int tkun tista’ tirrealiżża li tassew Kristu huwa l-Waħdieni li għandu salvazzjoni għalik, salvazzjoni minn hawn stess.  Il-bqija huma għafien li jtir mar-riħ.

 

L-Ewwel Qari

 

Fl-ewwel ġranet tal-Knisja, fiż-żmien ta’ wara l-Pentekoste, kien perikoluż ħafna ssemmi l-Isem ta’ Ġesù u li tgħid li hu l-Kristu, il-Midluk, il-Messija mibgħut mill-Missier.  Infatti fl-ewwel ġranet wara l-Għid tal-Mulej, id-dixxipli ma dehru mkien għax kien ġewwa bil-bibien imsakkra tajjeb.  Kienu qed jibżgħu!  U kellhom għaliex.  L-għedewwa ta’ Kristu, li ma kinux minn fost dawk li kellhom setgħa politika imma kienu minn fost in-nies “tat-Tempju”, kienu mimlijin b’sodisfazzjon qarrieq għax kienu ħelsu mill-Imgħallem, u kellhom fuqhom rabja u vjolenza għal min kien se jibqa’ jsemmi dan l-Isem.

 

Kien l-Ispirtu s-Santu li għamel mill-Appostli u mid-dixxipli “nies ġodda”, ġodda fil-veru sens tal-Kelma.  Huma kienu l-ewwel li daqu l-frott tas-sagrifiċċju u tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt.  Għax l-ubbidjenza ta’ Kristu għamlet minnU Spirtu li jinagħta lin-nies.  Din tal-għaġeb.  Aħna tgħallimna li s-sagramenti ħarġu mill-għotja ta’ Kristu fuq is-Salib, u dan hu minnu naturalment.  Imma nistgħu nifhmu b’mod aktar ċar meta ngħidu li Kristu mqajjem mill-Mewt sar Spirtu li jitferra’ f’dawk li jixtiquh. 

 

Dan hu Spirtu li l-ebda mewt ma tbeżżgħu għax hu rebbieħ fuq il-Mewt. Aktarx li ma tantx nafu, jew ma tantx nemmnu li qrib tagħna, qrib tagħna ħafna hawn din il-Qawwa li trid tinvestina, tinvadina, tifqa’ l-bibien imsakkra tajjeb ta’ qalbna u tagħmel minna “nies ġodda” b’natura ġdida.  Kristu kapaċi jagħmlu dan.  L-Ispirtu s-Santu kapaċi jagħmlu dan.  Jekk Kristu ġie mrebbaħ fuq il-Mewt mill-Missier, mela kollox hu possibbli għalih.

 

Lill-kapijiet li qatlu lil Kristu, l-Appostli kellmuhom ċar.  Ma qagħdux jilagħbu bil-kliem.  Ma kinux ibatu, bħalna, mill-“political correctness”.  Bħal Ġwanni l-Battista qabilhom, kellhom fihom Spirtu li ma jibżax għall-wiċċ u lanqas jibża’ minn ħadd.  Lil dawn il-kapijiet li għorku jdejhom meta raw lil Ġesù mitluq mejjet fuq is-Salib, l-Appostli qalulhom li f’ħadd aktar m’hemm salvazzjoni għall-bniedem ħlief f’Ġesù ta’ Nazaret.  F’ħadd aktar: la fil-Liġi li huma kienu kburin tant biha imma li ma kellhomx ħila jobduha, la fil-mexxejja jkunu min ikunu, la fis-saħħa, la fl-għana, la fis-suċċess, la fil-fama... f’ħadd u f’xejn ħlief fi Kristu.  Hu biss jista’ jagħtina rebħa fuq il-mewt li riesqa; oħrajn jistgħu jtaffulna l-aptit għall-ħwejjeġ materjali, imma l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn jagħtihielna biss Kristu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  4, 8-12

 

Pietru, mimli  bl-Ispirtu s-Santu, wieġeb: "Kapijiet tal-poplu u xjuħ,  intom illum qegħdin tistħarrġuna fuq il-ġid li għamilna lil wieħed marid, u biex dan fieq.  Mela kunu afu intom ilkoll, u l-poplu kollu ta' Iżrael: jekk dan ir-raġel hu hawn quddiemkom qawwi u sħiħ, dan ġara  bis-saħħa ta' l-isem ta' Ġesù Kristu ta' Nazaret, li intom sallabtuh u Alla qajjmu mill-imwiet.  Din hi

 

         ‘Il-ġebla li intom, il-bennejja, warrbtu

         u li saret il-ġebla tax-xewka.’

 

F'ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi." 

 

Salm Responsorjali

 

Quddiemna, l-Missier qiegħed ipoġġi ġebla samma u qawwija, imma li, b’xi mod, ma togħġobniex mill-ewwel malli narawha.  Qed ipoġġi din il-ġebla biex nibnu ħajjitna fuqha, biex nibnu darna fuqha, biex tkun il-ġebla tax-xewka li żżomm il-binja ta’ Ħajjitna fis-sod, speċjalment waqt il-maltemp.  U din il-ġebla hija Kristu.

 

Ara ma taħsbux li hu faċli nagħrfu fi Kristu l-ġebla waħdanija li fuqha nistgħu ninbnew bla ma niġġarfu.  Ara ma taħsbux li din hija xi ħaġa awtomatika.  Ħafna li jriduha ta’ Nsara mhux Kristu huwa l-ġebla tax-xewka li fuqha hi mibnija l-eżistenza tagħhom.  U dan ngħidu b’biża’ għax hu faċli għalija li nwarrab din il-ġebla ’ l hemm!  Dan ngħidu għalija l-ewwel wieħed.  Kemm tentazzjonijiet għandna. Kemm affarijiet jistgħu jiġu qabel Kristu!  Tista’ tkun il-familja l-ġebla tax-xewka tagħna.  Jew is-saħħa u għomor twil.  Jew xi persuna li nammiraw.  Jew il-flus, l-ikbar għadu ta’ Alla.  Jew is-suċċess f’dak li nagħmlu, il-fama, l-istima...  Kemm hawn ġebel madwarna!  Liema se naqbdu biex biha ningastaw il-binja ta’ Ħajjitna?

 

Is-Salmista jgħid li aħjar tistkenn fil-Mulej milli tittama fil-bnedmin.  Dan ngħiduh aħna wkoll... bil-fomm.  Il-verità hi li kull bniedem  jgħaddi mill-esperjenza li jqis il-ġebla li hi Kristu bla siwi, bla mportanza, imma li mbagħad ħafna huma dawk li jindunaw bl-iżball li jkunu għamlu, u jerġgħu iħottu l-binja u jibnuha mill-ġdid fuq Kristu.  Għax il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka u bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan, ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna (ara vv. 22-23). 

 

L-għaġeb hu li Kristu għandu tant Sabar bina!  Hu li ma jonqsu xejn, huwa priġunier tal-Imħabba miġnuna li għandu lejn kull bniedem.  Imħabba li tissarraf f’rispett enormi għalija u għalik.  Iħallina niżbaljaw biex nindunaw aħna, mill-esperjenza, li żbaljajna, u nduru lejH minn qalbna.  O Sabar Qaddis ta’ Alla!  X’għamilt jien biex jistħoqqli tant rispett u stima mingħandek?!

 

Ritornell: Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka.

 

Salm 118

 

 Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

 

Aħjar tiskenn fil-Mulej

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej

milli tittama fil-kbarat.

 

Niżżik ħajr talli weġibtni

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

 

Mbierek minn ġej f'isem il-Mulej!

Nberkukom minn dar il-Mulej.

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

 

It-Tieni Qari

 

Aħna li għandna xi Tama fil-Mulej; aħna li inagħtajna bi Grazzja li ddoqqilna ħelwa f’widnejna l-Kelma tiegħu; aħna li rċivejna mingħandu l-ewwel sinjali tal-Fidi bla ma Hu qagħad iħares lejn wiċċna imkemmex bid-dnub… aħna ninsabu f’Mixja dejjiema.  Sal-aħħar nifs aħna nimxu, nimxu, nimxu lejn għarfien dejjem akbar tal-Imħabba tal-Missier murija f’Ibnu Ġesù. 

 

Il-Magħmudija li rċivejna ta’ trabi, tinsab miexja magħna, dejjem tikber fina, dejjem iseħħ fina dak il-Misteru tal-għaġeb: jegħreq fl-ilma tal-Ispirtu s-Santu il-bniedem li twelidna bih, in-natura miġbuda għad-dnub, biex minflok titwieled persuna oħra, persuna ġdida, bin-natura ta’ Alla nnifsu!  Imberkin aħna jekk nemmnu li Alla jħobbna biżżejjed li jixtieq iwassalna lejn il-mewt fiżika tagħna bla biża’, anzi bi stennija għal dak li se nsibu jistenniena, għax Kristu jkun rebaħ il-mewt tagħna bħalma rebaħ lil tiegħu.

 

Dawn huma l-ulied veri ta’ Alla: dawk li nħellsu mill-biża’ tal-Mewt.  Għax il-Fidi trid tidher mill-fatti.  Il-Fidi tant hi Grazzja meraviljuża li wieħed ma jistax iżommha moħbija.  Mill-bniedem tal-Fidi, li hu Bin Alla, joħroġ dawl li d-dinja m’għandhiex, u dan id-dawl hu r-rebħa fuq il-mewt, kull tip ta’ mewt.  Int sal-lum, kelma iebsa toqtlok.  Dik hi mewt.  Int sal-lum inġustizzja toqtlok.  Dik hi mewt.  Int sal-lum marda serja toqtlok.  U wkoll il-mewt tal-ġisem, il-mewt fiżika.  Dawn it-tipi ta’ Mewt idawru lill-bniedem bil-biża’.

 

Huwa hawn li trid tiddi l-Fidi fi Kristu rebbieħ fuq il-mewt!  Dawk li huma wlied Alla jinagħtaw in-natura ta’ Alla; u l-Mewt ma tbeżżax lil Alla u daqshekk ieħor tbeżża’ lil min għandu n-natura tiegħu.  Lejn dan trid teħodna l-Magħmudija tagħna biex tilħaq il-milja tagħha.  Aħna nrossu ’l quddiem lejn din il-milja għax jaqblilna, għax din hi l-isbaħ ħaġa li tista’ tiġrilna.  Altru li lil Alla ma nistgħu nagħtuH xejn!  Huwa Hu li għandu Teżor imprezzabbli x’jagħtina.

 

San Ġwann l-Evanġelista jgħid, fil-Qari li ġej, li dan kollu hu thewdin għad-dinja.  Id-dinja hija miżżewġa lill-Mewt.  L-unika soluzzjoni għall-Mewt li d-dinja toffri lil dawk li huma marbutin magħha hi l-aljenazzjoni.  Id-dinja tipprova taħrab mill-Mewt billi tinsiha, miskina.  Il-bniedem jinsa bid-divertiment, bix-xiri u l-infiq tal-flus, bl-affetti u l-imħabbiet ċkejkna tiegħu, bl-istimi u l-fama, bis-suċċessi, bis-saħħa li tigdiblu għax l-ebda bniedem ma għandu saħħa li tegħleb il-Mewt, fl-aħħar mill-aħħar.

 

Għall-kuntrarju ta’ dan, l-Appostlu ta’ Kristu se jgħidilna li aħna ninsabu f’mixja lejn ħwejjeġ tal-għaġeb.  Lanqas hu ma jaf x’inhuma dawn il-ħwejjeġ, imma l-fatt li hu diġa għandu rebħa fuq il-mewt minn hawn, hu xhieda li l-kbir tassew għadu ġej!  Anzi l-Kelma taċċertana minn ħaġa ta’ barra minn hawn: li meta jidher Hu aħna nkunu bħalU!  Temmnu inti dan?  Temmen li d-dinja ma tistax toffrilek ħwejjeġ ogħla minn dawn?

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu.  3, 1-2

 

Araw b'liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew. Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu.  

 

Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x'se nkunu 'l quddiem m'huwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu.

 

Evanġelju

 

Malli Adam dineb fil-Ġnien, l-ewwel ħaġa li għamel, flimkien ma’ martu, kien li nħeba.  X’kien li ġagħlu jagħmel dan?  Il-biża’. Id-dnub iġib il-biża’ fil-qalb tal-bniedem.  U l-biża’ ġej mid-dubju, li hu missier id-dnub, li Alla ma jistax iħobbna hekk kif aħna anke meta nittraduH.  Dan is-suspett fuq Alla jikber u jilħaq il-milja meta narawH qisu rival tagħna u mhux iktar ħabib.  Billi ħadd minna m’għandu kontroll fuq Ħajtu, ħafna jaraw lil Alla dittatur li jiddeċiedu Hu x’jagħmel b’Ħajjitna.  Dan hu s-semm, il-velenu li żera’ fina satana.  Kemm hu diffiċli li taqla’ din il-Gidba Primordjali ’l barra minn moħħok!

 

Minħabba din il-firda mill-Imħabba li ħalqitna, aħna nsibu ruħna f’solitudni.  Din hi tal-biża’.  Anke jekk wieħed kien dejjem maħbub mill-ġenituri tiegħu; anke jekk wieħed hu miżżewweġ u għandu t-tfal li jħobbuh... jiġu waqtiet meta l-bniedem hu waħdu, waħdu għal kollox.  Huwa hawn li tidher l-iktar is-saħta tal-firda minn Alla.

 

Minħabba dan, ilkoll kemm aħna egoisti.  Issa naf li ħafna ma jaqblux ma’ dan.  Jaħsbu li ħaddieħor huwa egoist u mhux huma.  Imma jekk aħna egoisti, dan mhux għax aħna ħżiena, iżda hu riżultat dirett tad-dubju li lkoll inġorru dwar Alla.  Tgħid, Alla jgħinni jew ma jgħinnix?  Tgħid Alla se jagħtini l-Istorja li nixtieq jien jew se jivvintali xi waħda tinkiteb?  Dubji, dubji, dubji.  U mingħajr ma rridu, intellgħu il-ponnijiet biex niddefendu ruħna.  Dan hu l-egoiżmu.  Il-bniedem ma jistax ma jiġbidx lejh.  Għandu vojt li jheddu ġewwa fih.

 

Għidli waħda: Min se jħobbok hekk kif int lilek?  Il-mara... anke jekk tittradiha u tweġġagħha?  Uliedek... li tħallihom jiġġieldu fuq il-wirt minħabba fik?  Ħabibek... li jiskopri li għidt fuqu minn wara dahru?  Min se jħobbok anke meta int ikrah u mhux ta’ min jafdak?  Min se jħobbok meta int tiżbalja serjament?

 

Kristu huwa r-Ragħaj it-Tajjeb li mhux xrik, mikri, imħallas biex jieħu ħsieb in-ngħaġ.  In-ngħaġ huma tiegħu!!  Huwa jħobbhom għax huma tiegħU.  Hu jafhom waħda, waħda.  Jafhom b’isimhom.  U n-ngħaġ tiegħu jimxu warajH anke jekk jeħodhom sa tarf is-sies, għax jafu li Hu lest li jmut għal kull waħda minnhom.  Huma ċerti minn dan!  M’għandhomx suspett!  Sparixxa d-dubju.  M’għandhomx iktar solitudni, għax iħarsu lejn dahar ir-Ragħaj għażiż tagħhom li jimxi quddiemhom u jafu li se jeħodhom fejn hemm il-ħaxix u l-ilma tal-Ħajja.

 

Huma rawh jiġġieled għalihom mal-ilpup.  Huma rawh kollu dimija, b’ġismu mfarrak.  Lill-ilpup rebħilhom kollha, imma lilU rawh minxur fl-art, mejjet!  Huma bdew jgħajtu bil-biża’ li qabadhom.  Bdew jiġru ’l hemm u ’l hawn.  Resqu lejH u rawh hemm mejjet, ma jitħarrikx.  Beda tiela is-swied tal-ajru u r-riħ.  L-ilpup kienu mejta imma kienu qatlulhom l-Għażiż taghom.  Ir-Ragħaj tagħhom, Dak li kien ħabbhom hekk kif kienu, Dak li kien telaq lil sħabhom biex ġie jfittixhom meta għamlu fattihom, Hu, it-Tama tagħhom, kien mejjet!  Kien inqatel biex jiddefendihom.

 

Iżda l-Imħabba ma tmut qatt!  Fil-ġenn tat-telfa, ara, Aħbar Tajba!  Ir-Ragħaj tagħna ġej lura!  Huwa ħaj!  In-nagħaġ irossu fuqU, jmissuH, ma jridux jemmnu li huwa Hu!  Ir-Ragħaj Tagħna huwa ħaj tassew!  Hu rebaħ il-mewt.  Hu aqwa mill-mewt.  Huwa hu r-risposta tal-Missier għad-dubju li twieled fil-Ġnien tal-Għeden.  FiH tgħib is-solitudni għax qatt m’aħna waħedna.  Hu dejjem magħna.  U l-Istorja tagħna hi l-isbaħ li seta’ jiktbilna.  Kuraġġ!  Hu jaf x’inhu jagħmel.  Hu biss jafha t-triq.  Nistrieħu fiH.  NafdawH.  U l-Ġenna tibda minn hawn...

 

Versett: Hallelujah.  Jiena r-ragħaj it-tajjeb, igħid il-Mulej; jiena nagħraf in-ngħaġ tiegħi, u n-ngħaġ tiegħi jagħarfu lili.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  10, 11-18

 

Jiena r-ragħaj  it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu. Il-mikri, li m'huwiex ir-ragħaj, u li n-ngħaġ m'humiex tiegħu, jara  l-lupu ġej, u jħalli n-ngħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom.  Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-ngħaġ.  

 

Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-ngħaġ tiegħi, u n-ngħaġ tiegħi jagħrfu lili,  bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-ngħaġ tiegħi nagħti ħajti.  Għandi wkoll ngħaġ oħra, li m'humiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.  

 

Għalhekk iħobbni  l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa' neħodha.  Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa' neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri."

 
< Prev   Next >