Friday, 14 December 2018
           
Home arrow Home
IL-HAMES HADD TAL-GHID (2018) MIN JEMMEN FI KRISTU MA JMUT QATT! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 28 April 2018

Din hija il- Liturgija tal-Hames Hadd ta' l-Ghid (2018 )  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

vineyard1.jpg

 

Il-Vanġeli u t-Testment il-Ġdid kollu jtennu u jerġgħu jtennu li min jemmen fi Kristu ma jmut qatt!  L-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù hi li biH dehret il-Ħajja ta’ Dejjem, Ħajja Dejjem u għal Dejjem.  Hawn qed ngħidu ħwejjeġ kbar, immensi.  Kristu huwa l-uniku Salvatur veru tal-bniedem għax qed iwiegħed l-unika soluzzjoni għall-problemi tal-umanità kollha.

 

Il-bniedem iħabbel moħħu fuq elf ħaġa, u jekk tħares lejn il-qagħda tad-dinja tara problemi differenti kullimkien.  Anke jekk biss tħares lejn il-familja tiegħek, timla rasek bil-problemi; kull membri tal-familja huwa problema differenti, ibati minn kundizzjonamenti differenti, ifittex soluzzjoniiet differenti.  Ix-xjentisti dejjem joħolmu b’xi teknoloġija ġdida li ttaffi t-tbatija u l-problemi tad-dinja.  L-istess il-mediċina u l-politika.  Kollha jaħdmu kemm jifilħu f’qasam differenti u kollha jemmnu li l-qasam tagħhom u l-problemi li qed jippruvaw isolvu huma, huma l-aktar serji u urġenti.

 

Fil-verità problema waħda hemm.  Il-Kristjaneżmu jemmen li problema waħda hemm u l-psikoloġija tal-profond temmen f’dan ukoll.  Il-problema li tifni lill-bniedem li jgħix fis-silġ tan-North Pole jew fir-ramel tad-deżert, lil wieħed li għandu l-biljuni u lill-ieħor li m’għandux għaxja ta’ lejla hi... li hu għandu jmut.  Din hija s-saħta mdendla fuq ras kull maħluq, bniedem, annimal, pjanta, hu x’inhu.  L-annimali u l-pjanti jiddefendu ruħhom bil-mod tan-natura tagħhom. 

 

Il-bniedem jafha iktar lis-Sinjura Mewt għax hu ntelliġenti iktar. Hu jaf li jrid jispiċċa u dan l-għarfien jikkundizzjonalu kulma jmiss miegħu.  Fuq kollox jagħmlu egoist minn ġo ġuf ommu u dan wieħed jifhmu.  L-egoiżmu huwa “survival instinct” li tinsab f’kull annimal u f’kull bniedem.  Mingħajr ma jrid, min jitwieled isib ruħu f’tellieqa u dawk li jibqagħu l-aħħar se jlaqqtuha.  Il-Ħajja, flok rigal, tissarraf f’theddida.  Aħna l-ħin kollu f’tensjoni, kull tant moħbija, bil-ponnijiet lesti biex niddefendu ruħna kontra l-kompetizzjoni, kontra xi ġudizzju, kontra l-prekarjetà. 

 

Dan kollu, din is-sitwazzjoni li fuqha San Pawl jgħid, f’isem kull bniedem: “Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?” għandha isem fl-Iskrittura: “Il-biża’ tal-mewt”.  Il-psikoloġija titkellem fuqu dan ukoll, u tgħid li hemm żewġ tipi ta’ mewt li jifnu lill-bniedem: il-mewt fiżika, tal-ġisem, u l-mewt ontika.  Din tal-aħħar ħierġa mir-rejaltà tal-mewt fiżika.  Il-bniedem iħossu dgħajjef u bla difiża quddiem il-fatt li “trab kien u trab irid jerġa’ jsir” u allura jinbtu fih ħafna mwiet ontiċi.  Il-mewt ontika niltaqgħu magħha kuljum.  Xi ħadd joqtlok b’kelma, jew b’azzjoni, b’inġustizzja, b’xi theddida.  Jew tissuspetta f’xi ħaġa, tiġrilek xi traġedja, aħbar ħażina, inkwiet.  Dan kollu jisraqlek il-Ħajja.  Tqum filgħodu ssaffar għax vaganza u kollox jidher O.K.... tisma’ b’xi ħaġa li tnissel biża’, theddid, tħassib... u daqshekk.  Xi ħadd jew xi ħaġa serqitlek il-Ħajja, qatlitek.

 

U xi tkun ir-reazzjoni naturali u istantanja tal-bniedem?  Jiddefendi ruħu.  Jgħaqqad il-ponnijiet. Bniedem f’din il-qagħda ma jistax iħobb lil min qed iweġġgħu, lil min qed joqtlu. Inutli l-kmandamenti u l-‘brainwashing’ u l-priedki.  Wieħed iqerr u jerġa’ jqerr bla ma jinbidel.  Hu kelb mismut li kull ilma jaħsbu musħun.  Għalhekk Kristu jgħid: “Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari, ‘La toqtolx.’  Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh.  Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu, ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar tal-infern.”  (Mt. 5, 21w).  Għaliex din is-serjetà kollha?  Għax Kristu kien jaf li lil ħuk tista’ toqtlu mhux bis-sikkina biss.

 

Minħabba din il-mewt ontika, li hi bint il-mewt fiżika għax teżisti minħabba fiha, il-bniedem ma jistax jobdi l-kmandamenti.  Hu jaf li l-Ħajja teżisti jekk iħobb, imma hemm “line” li ma jistax jaqbeż lil hinn minnu.  Huwa jħobb lil min iħobbu, lil min jibnieh, lil min ma jheddux, lil min ma joqtlux.  Imma lill-għadu, le.  Din il-ħaġa hi Omm il-problemi kollha; Omm id-dnubiet kollha; Omm l-inġustizzji u l-korruzzjonijiet kollha.  Il-bniedem hu dgħajjef u jaħrab fid-dnub. Jaf x’inhu t-tajjeb imma ma jistax jagħmlu.  Għalhekk ħafna priedki moralisti ma jwasslu mkien.  X’inhi s-soluzzjoni mela.

 

Il-bniedem għandu bżonn natura oħra!  Natura ħielsa mill-biża’ tal-mewt.  Hawn, issa, qed inħallu warajna l-isforzi tal-bniedem, ir-reliġjożità tiegħu, u nidħlu fid-dinja tal-Grazzja, fil-qasam fejn jew jaħdem Alla jew xejn.  Għax hu Alla li kapaċi jibdel il-qalb; li kapaċi jagħti natura ġdida; li kapaċi jwelled mill-ġdid lill-bniedem.  U Alla dan għamlu!!!  Diġa għamlu!  U kemm swielu!  Alla dan għamlu fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. 

 

X’ħasra li d-dinja tfittex soluzzjoni kullimkien għall-mard tagħha bla ma tinduna bis-soluzzjoni li l-Missier jippreżentalha fuq platt tad-deheb.  Kristu ħa fuqu n-natura l-qadima tagħna misħuta mid-dnub u mill-mewt, u tellagħha miegħu fuq is-Salib, u hemm miet il-bniedem il-qadim tagħna.  U mal-irxuxar tiegħU, twelidna mill-ġdid, bniedem li ma jista’ jmut qatt.  Li wieħed jemmen f’dan hi Grazzja.  Inutli l-isforzi.  Il-Fidi hi Grazzja.  Min jemmen, miet u qam mill-mewt ma’ Kristu.  Min jemmen fi Kristu m’għadux iktar egoista għax m’għadux iktar jibża’ mill-mewt.  Għalhekk huwa issa li jista’ jħobb.  Huwa issa li jista’ jibda jgħix.  Huwa n-Nisrani biss li jista’ jgħajjat “Hallelujah!”  U bħal Kristu, hu mhu se jmut qatt iktar.  Imma kollox jiddependi milli inti temmen din l-Aħbar it-Tajba.

 

L-Ewwel Qari

 

L-Atti tal-Appostli huwa Ktieb dejjem frisk u ferrieħi għax huwa l-Ktieb tal-Aħbar it-Tajba.  Huwa jirrakkonta l-effett li l-Aħbar tar-Rebħa fuq il-Mewt tagħna l-bnedmin, maħduma minn Kristu, kellha fuq nies komuni bħalna.  Kienu nies egoisti, bla kapaċità li jagħmlu r-rieda ta’ Alla, bla ħila li jħobbu b’mod differenti mill-pagani.  Ħafna minnhom kienu pagani wkoll.  Ismijiet li jferrħu l-qalb bħal Barnaba, Titu, Timotju, Lidja, Ħananija, Stiefnu, Kornelju, Silas, Ġason, Aristarku...  Kollha nies imwielda mill-ġdid kienu dawn.  Fuq kulħadd, huwa l-Ktieb ta’ Sawl ta’ Tarsu, li nafuh bl-isem ta’ Pawlu.

 

Pawlu huwa xbiha tal-bniedem li jitwieled mill-ġdid, kif se nisimgħu.  Tant jissorprendi l-Ispirtu s-Santu li lanqas il-Knisja ma riedet temmen għall-ewwel li dan il-bniedem, magħluq fih innifsu, mimli mibegħda għall-Isem ta’ Ġesù u li kien ħaqarha tant, kien issa wieħed mill-aqwa xandara tiegħU!  Kellu jkun Barnaba li kkonvinċa lill-Knisja ta’ Ġerusalemm li l-esperjenza ta’ Sawl kienet minnha.

 

Imma nagħmlu żball kbir jekk fin-nuqqas ta’ Fidi tagħna naħsbu li dawn l-affarijiet, dan it-Twelid mill-ġdid, l-Ispirtu s-Santu jwettqu biss f’nies speċjali li jagħżilhom għal missjoni speċjali.  Hu veru li kulħadd jirċievi l-Grazzja fil-qies li kapaċi jirċeviha.  Hu veru li mhux kulħadd huwa msejjaħ għall-istess qies ta’ esperjenza.  Imma Kristu miet għal kulħadd.  Huwa miet għalija u għalik daqs kemm miet għal Pawlu u Pietru u Ġakbu u Ġwanni.  X’jimporta li dawn huma flixken kbar mimlijin sax-xifer bl-Ispirtu u aħna flixken żgħar, jekk bħalhom inkunu mimlijn sax-xifer ukoll?

 

Aħna, jekk irridu, nistgħu nixorbu mill-istess għajn ta’ Ħajja bla tmiem.  Aħna jista’ jkollna ċ-ċertezza, l-“Assurance” qaddisa, il-kapparra li m’aħna se mmutu qatt.  Anke jekk ġisimna jimrad u jnin u joqrob lejn il-mewt, in-Nisrani jibqa’ jemmen li fih hemm jgħix Xi Ħadd ieħor li hu aqwa mill-mewt u li se jġorru miegħU lejn eternità hienja, fejn lil Kristu narawH hekk kif inhu u aħna nkunu bħalu għax bħalu ma mmutu qatt.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  9, 26-31

 

F’dak iż-żmien : meta Sawl wasal Ġerusalemm beda jfittex li jissieħeb mad-dixxipli. Imma lkoll kienu jibżgħu minnu, għax ma kinux emmnu li tassew ikkonverta.   

 

Mbagħad Barnaba qabdu u ħadu miegħu għand  l-appostli. Hu qalilhom kif Sawl kien ra lill-Mulej fit-triq u semgħu jkellmu, u kif f'Damasku kien tkellem b'wiċċu minn quddiem fl-isem ta' Ġesù.  Għalhekk Sawl baqa' magħhom, dieħel u ħiereġ Ġerusalemm, u kien jitkellem bil-miftuħ f'isem il-Mulej.   Kien jitħaddet mal-Lhud Griegi u jiddiskuti magħhom; iżda huma kienu jfittxu li joqtluh.   Meta l-aħwa saru jafu b'dan, niżżluh lejn Ċesarija u bagħtuh Tarsu.

 

Il-Knisja kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha; kienet dejjem tikber u timxi 'l quddiem bil-biża' tal-Mulej, u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna ta' l-Ispirtu s-Santu.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 22 l-aħħar li ltqajna miegħu kien fil-Liturġija tal-Ġimgħa l-Kbira !  Dan kif inhu, li f’dan iż-żmien ta’ ferħ tal-Għid se nerġgħu lura lejn Salm li jitkellem fuq it-tbatijiet ta’ Kristu ?  Għax huwa Salm paskwali, li wara li jgħinna ngħixu it-tbatijiet ta’ Ġesù, l-aħħar parti, li se nitolbu bih f’din l-Ewkaristija, hija l-għajta ta’ radd il-ħajr ta’ bniedem imwieled mill-ġdid, ta’ bniedem meħlus minn ħalq il-mewt.  B’dan is-Salm fuq fommu miet il-Mulej tagħna !

 

X’ferħ inixxi minn dawn l-aħħar versi ta’ dan is-Salm !  « Il-foqra jieklu u jixbgħu. »  (v. 27) ; « Jerġgħu lura għand il-Mulej it-truf kollha tal-art » (v. 28) ;  « Għalih tgħix ruħi ! » (v. 30) ; « Dan għamlu l-Mulej ! » (v. 32).  Huwa Salm tal-Passjoni u tal-Qawmien fl-istess ħin.  Għax ma tistax tifred dawn it-tnejn fil-Misteru tal-Għid.  It-tbatija u l-Glorja.  Il-Mewt u l-Qawmien.  Il-luttu u ż-żfin.  Id-dlam u d-dawl.  Dan hu l-Għid.  Din hi l-Magħmudija tagħna.

 

Ritornell :  Mulej, minnek ġej it-tifħir tiegħi f’ġemgħa kbira.

 

Salm 22

 

Inrodd il-wegħdiet tiegħi

quddiem dawk li jibżgħu minnu.

Jieklu l-fqajrin u jixbgħu;

ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.

 

Ħa tgħix qalbhom għal dejjem!

Jiftakru t-truf kollha ta' l-art,

u jerġgħu lura lejn il-Mulej;

u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

 

 

Għax tal-Mulej hi s-saltna;

hu fuq il-ġnus isaltan.

Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu;

quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.

 

U għalih tgħix ruħi,

lilu jaqdi n-nisel tiegħi.

Ixandru 'l Sidi lin-nisel li għad jiġi,

ixandru l-ġustizzja tiegħu lill-poplu li għad jitwieled:

"Dan għamlu l-Mulej!"

 

It-Tieni Qari

 

Fuq it-Twelid Ġdid u fuq il-Ħajja ta’ Dejjem li ma tispiċċa qatt u li tibda minn hawn, wieħed jista’ jpaċpaċ kemm irid, imma huma l-fatti li jgħoddu.  X’jiswa li wieħed jitkellem tajjeb fuq il-Bxara ta’ Kristu li tgħid li min jemmen fiH żgur li mhux se jmut, biex imbagħad dan l-istess bniedem li jgħid li jemmen f’dan kollu, jidħol fi kriżi għal kull kelma li jgħidulu, għal kull kritika, għal kull sitwazzjoni li ma togħġbux?  Kliemu jkun kliem fieragħ.

 

X’jiswa li wieħed jgħid li għandu l-Fidi, jekk ma għandux saħħa li jħobb lill-għadu.  Hu veru li dan hu mpossibbli għall-bniedem u ma tistax tiġġudika bniedem li ma jasalx li jħobb f’dan il-qies.  Imma min għandu l-Fidi għandu wkoll l-Ispirtu ta’ Ġesù, l-Ispirtu s-Santu rebbieħ fuq kulma normalment joqtol lill-bniedem.  Dan l-Ispirtu qed jgħammar fih, u huwa dan l-Ispirtu ta’ Ġesù li jħobb fih lill-għadu.  Il-ħtija tal-bniedem hi li jiftaħar li għandu l-Fidi waqt li m’għandu xejn. Huwa bniedem li jħobb jinganna lilu nnifsu.  Huwa l-bniedem li għadu ma jafx li hemm differenza bejn reliġjożità u Fidi Nisranija.  Int tista’ tkun reliġjuż ħafna, imma anke l-Lhud, anke l-Misilmin huma reliġjużi ħafna, iżda m’humiex Kristjani, ma tweldux mill-ġdid fi Kristu.

 

Il-Fidi vera tagħmlek “Ġdid”.  Il-Fidi vera jindunaw biha n-nies għax bla ma taf issir xhud ta’ Kristu.  Il-Fidi vera xxerred il-fwieħa tal-Qawmien ta’ Kristu u tiġbed in-nies li qabel kienu jfittxu l-Ħajja fl-idoli mejta.  San Ġwann jgħid ħafna drabi li hu mill-imħabba li wieħed jintagħraf jekk hux Nisrani veru jew le.  L-Insara huma l-melħ li jagħtu togħma lid-dinja.  Ma jfissirx li huma biss se jsalvaw.  Imma mingħajrhom ma jsalva ħadd.  Mingħajr il-Knisja (l-Insara veri) ma jsalva ħadd.  Għax hi l-Knisja li tmellah u tagħti togħma “ġdida” lid-dinja.  Imma mhux kulħadd imsejjaħ biex ikun melħ għax Allaħares il-borma kollha tkun melħ!

 

Għalhekk min jixtieq li jkun Nisrani adult, għandu jagħraf lilu nnifsu u jitlob mingħand Alla l-Grazzja l-kbira tal-Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  J’Alla ma nkunux minn dawk li konna ppredestinati minn qabel il-ħolqien biex insiru xbiha ta’ Kristu u nibqgħu ma nsirux għax għoġobna iktar li noqogħdu għall-kwiet fil-ġenb.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu.  3, 18-24

 

Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa.   Minn dan naslu li nagħrfu li aħna fil-verità, u quddiem Alla nserrħu l-kuxjenza tagħna,  jekk il-kuxjenza ċċanfarna, għax Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox. 

 

Għeżież, jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna qawwija quddiem Alla,  u kull ma nitolbu naqilgħuh mingħandu, għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu.  Dan hu l-kmandament tiegħu: li nemmnu fl-isem ta' Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu 'l xulxin, kif wissiena hu.   Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jgħammar f'Alla u Alla fih. B'hekk nagħrfu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana.

 

Evanġelju

 

Dak li jidher tant tqil u mpossibbli għall-bniedem il-qadim imdawwar biċ-ċirku tal-biża’ tal-mewt, huwa naturali għall-bniedem li ġa għandu l-Ħajja bla tmiem ġewwa fih. Huwa bħal fergħa li ħierġa miz-zokk tad-dielja.  Iz-zokk huwa Kristu u l-fergħa terda’ l-Ħajja ta’ Dejjem miz-zokk.  Għalhekk il-fergħa hi tqila bil-frott, bl-għenieqed li jferrħu qlub il-bnedmin għax l-Ispirtu għaddej il-ħin kollu miz-zokk għall-fergħa, minn Kristu għan-Nisrani.  Imma jekk il-fergħa tinqata’ miz-zokk u ssib ruħha fl-art, mhux se tarmi l-weraq u lanqas tnissel frott.  Tinxef għax mejta.  Hi ħajja biss sakemm hi magħquda maz-zokk.

 

X’eżempju brillanti ġab Ġesù biex ifisser il-Ħajja ta’ Dejjem li dawk li jemmnu fiH għandhom!  Il-fergħa minnha nnifisha ma tistax tagħmel frott.  Il-frott jinsab fiz-zokk u jgħaddi għal ġol-fergħa.  Minna nfusna ma nistgħu nagħmlu xejn, imma jekk ninfetħu għall-Ispirtu ta’ Ġesù dan jiġri fina bħalma d-demm jiġri fil-vini; u fejn jiġri l-Ispirtu hemm hemm il-Ħajja ta’ Dejjem.  Għax il-Mewt u l-Ispirtu s-Santu m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ xulxin, imma l-Ispirtu s-Santu u Ħajja għal dejjem, iva.

 

Versett: Hallelujah. Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, igħid il-Mulej; min jibqa’ fija, dan jagħmel ħafna frott.  Hallelujah.

 

Qari mil-Evanġelju ta’ San Ġwann.  15, 1-8

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi.   Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar.  Intom ġa ndaf minħabba  l-kelma li għedtilkom.  

 

Ibqgħu fija, u jiena nibqa' fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.  Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa' fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.   Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; mbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu.  Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa' fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom.  Din hi l-glorja ta' Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi.

 
< Prev   Next >