Friday, 25 May 2018
           
Home
IS-SEBA’ HADD TAL-GHID (2018) TLUGH IL-MULEJ FIS-SEMA (LAPSI) PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 12 May 2018

Din hija il- Liturgija tas-Seba' Hadd ta' l-Ghid (2018 ) Tlugh il-Mulej fis-Sema ( Lapsi ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 jesus_ascension-04.jpg

 

Il-festi kbar ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema (Lapsi), u l-Pentekoste (Għid il-Ħamsin) jgħaqqdu ċ-ċiklu tal-Għid, anzi jagħtuh tkomplija; huma parti minnu u l-final tiegħu.  Tlugħ il-Mulej fil-Glorja fuq il-lemin tal-Missier ifisser ħaġa waħda: Kristu huwa ħaj għal dejjem u qiegħed fis-sema jinterċiedi l-ħin kollu għalina quddiem il-Missier.  Huwa joffri l-ħin kollu l-pjagi glorjużi tiegħu a favur tagħna meta aħna nitbegħdu mill-qagħda ta’ Salvazzjoni, meta aħna jkollna għal xhiex inpattu... ħaġa li hi mpossibbli għalina li nagħmlu.  Kristu huwa t-tpattija waħdanija u biżżejjed għad-dnubiet u l-infedeltajiet tagħna. 

 

Il-Knisja ħadd ma jista’ għaliha għax ir-Ras tagħha li hu Kristu hu fil-Ħajja għal dejjem.  Minn kemm kriżijiet għaddiet matul is-sekli, bħalma tinsab għaddejja f’dan iż-żmien!  Imma l-maltemp jgħaddi u hi tibqa’ għax hi l-Ġisem ta’ Dak li waħdu kisser il-mewt.  Dan mhux biex naqgħu fi trijonfaliżmu vanituż u bla sens, imma biex nagħmlu kuraġġ u naqbdu t-tarka tal-Fidi tagħna quddiem tant ġrajjiet li jistgħu jaqtgħulna qalbna, kemm fil-Ħajja personali tagħna u anke f’dak li jkun jiġri madwarna u f’pajjiżi oħra.

 

 

Imma l-Knisja tiċċelebra xi ħaġa oħra f’din il-festa li missirijietna kienu jsejħulha “Lapsi”.  Kristu daħal fis-Sema b’ġisem bħal tagħna, b’laħam bħal tagħna.  Parti minna diġa tinsab hemm.  Ġisem bħal tagħna diġa jinsab fil-Glorja tal-Ġenna.  Dan hu Misteru.  Anke Marija daħlet hemm b’ġisem bħal tagħna u Hi għamlet dan bil-merti li rebaħ għaliha u għalina Binha.  Allura t-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema jerfagħlna l-ħarsa tagħna ’l hemm fejn hu pajjiżna.  Għal hemm ġejna maħluqin.  Il-mewt fiżika, il-firda, il-funeral u d-difna fejn jitmermer il-ġisem huma katekeżi sħiħa kontra dan.  Imma fejn kibret il-Fidi u saret soda, in-Nisrani jħares ’il fuq, hemm fejn qiegħed Kristu, hemm fejn qegħda Marija, hemm fejn jinsabu tant qaddisin, fosthom qraba tagħna. 

 

Jekk hawnhekk ikollna nitqabdu kontra ġrajjiet li jnikktuna, kontra tentazzjonijiet, kontra aljenazzjoijiet u qtigħ il-qalb, dan kollu għandu jħeġġina biex nemmnu tassew li l-kbir għadu ġej.  Għax għan-Nisrani, mhux veru li ż-żogħżija hi l-aħjar żmien.  Mhux veru li x-xjuħija tbeżża’ u tinkwieta.  Il-kbir għadu ġej, nerġa’ ngħid.  Kristu ma jigdibx.  Hu qal li mar iħejjielna post imbagħad jiġi biex iserraħna. 

 

Dak in-nhar li nitilgħu ħdejH nindunaw kemm diffiċli u tqila hi l-eżistenza tal-bniedem fuq din l-art.  Il-ħelsien, il-ferħ, il-mistrieħ, is-sigurtà, iċ-ċertezza li l-mewt ma tistax għalina iktar u d-dħul fil-Ħajja għal dejjem, dawn kollha se nsibuhom jistennewna.

 

L-Ewwel Qari

 

Luqa jibda l-Ktieb tal-Atti tal-Appostli bil-ġrajja ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema.  Ir-ritorn tal-Mulej fis-Sema witta t-triq għall-bidu tal-ġrajja tal-Knisja.  Kristu m’għadux iktar fid-dinja bil-preżenza fiżika tiegħu, imma minn issa ’l quddiem huwa preżenti fil-Ġisem mistiku tiegħu, il-Knisja.

 

Hawn għandu l-aħħar diskors tiegħu mal-Appostli li kien għażel sa mill-bidu biex jaqsmu miegħu il-ġrajja tat-tliet snin tal-missjoni tiegħu.  Imma hu tal-għaġeb kif id-dixxipli baqgħu sal-aħħar ma jistgħux jifhmu x’kienet preċiż il-missjoni tal-Messija.  Baqgħu iħarsu lejn kollox mil-lenti politiċi ta’ salvazzjoni u indipendenza politika ta’ pajjiżhom mill-ħakma tal-barrani (Ruma).  Sal-aħħar mument!  Kristu ma kienx jimpurtah minn dan.  Għalih il-problema profonda ta’  kull bniedem ma kinitx waħda politika, imma ta’ fidi.  Aħna ma nistgħux niġġudikaw lill-Appostli għax m’aħniex aħjar minnhom.  Sikwit nitilfu d-dimensjoni eterna tagħna: il-fatt li se ngħixu għal dejjem, u naqgħu fil-kanal tal-ħsieb li din il-ħajja biss teżisti.  Għalhekk għalina huma tant importanti il-politika, is-saħħa, is-suċċess, il-flus, il-kumditajiet... 

 

Kristu jirrispondi lill-Appostli li huma kellhom bżonn jirċievu l-Ispirtu s-Santu li kellu jdawwalhom fuq kollox.  Qalilhom biex ma jagħmlu xejn imma jistennew il-Miġja tal-Għerf, il-Miġja tan-Nar iħeġġeġ, il-Miġja tal-Ispirtu.  Dan seta jiġi għax rebaħulna Kristu bit-tbatijiet tiegħu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  1, 1-11

 

Fl-ewwel kitba tiegħi, O Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem mill-bidu sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li bl-Ispirtu s-Santu wissa lill-appostli li hu kien għażel.  Lil dawn hu deher ħaj wara mewtu b’xhieda sħiħa għalih innifsu, billi dehrilhom għal erbgħin jum u kellimhom fuq is-Saltna ta’ Alla.  Waqt li kien magħhom, qalilhom biex ma jitilqux min Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew isseħħ il-wegħda tal-Missier.  “Fuq din,” qalilhom, “smajtuni nkellimkom: li Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu fi ftit jien oħra.”

 

Għalhekk, xħin kienu flimkien, staqsewh, “Mulej, hu dan iż-żmie li fih int se terġa’ twaqqaf is-saltna ta’ Iżrael?”  Hu weġibhom: “Mhix biċċa tagħkom li tkunu tafu l-jiem u ż-żmien li l-Missier żamm fis-setgħa tiegħu.  Imma intom tiksbu qawwa, meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu.  U tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija, u sa truf l-art.”

 

Wara li qal dan, kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.  Hu u tiela’ ’l fuq huma kienu jħarsu b’għajnejhom iċċassati lejn is-sema, meta f’daqqa waħda ġew ħdejhom żewġt irġiel bi lbies abjad, li qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema?  Dak Ġesù, li ttieħed minn magħkom lejn is-sema, hekk għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer.”

 

Salm Responsorjali

 

It-Tlugħ tal-Mulej fis-sema hu mument ta’ ferħ għax Kristu wettaq dak kollu li kien hemm bżonn jitwettaq favur tagħna.  Huwa għallem u għamel il-mirakli u għex ħajja perfetta, imma mhux dawn kienu l-għan prinċipali tal-missjoni tiegħu.  Il-missjoni tiegħu propjament kienet li hu jobdi lill-Missier u jgħix il-Misteru tal-Għid bit-tbatija, l-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt tiegħu.  Issa Hu jirritorna lura rebbieħ fuq l-għedewwa tiegħu li huma s-setgħat tal-ħażen, il-qawwiet li jaħkmu lill-bniedem u jġagħluh ibati u jġagħluh jagħmel lill-bnedmin l-oħra jbatu.

 

Issa kien imiss il-Miġja tal-Imħabba li hi l-Ispirtu s-Santu.  Sat-Tlugħ tal-Mulej, id-dixxipli kienu għadhom ma jafux iħobbu.  Bħall-pagani kienu jħobbu lil min iħobbhom.  Biex wieħed iħobb anke lil min jobogħdu, dan hu xogħol l-Ispirtu s-Santu.  Biex  jiżra dan it-tip ta’ Mħabba li l-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja.

 

Dan is-Salm jiċċelebra r-rebħa tal-Messija imwiegħed. Kristu sar is-Sultan tal-Univers kollu u t-Tama waħdanija tal-bniedem.

 

Ritornell:  Tela’ l-Mulej b’għajat ta’ ferħ, il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

 

Salm 47

 

Ċapċpu idejkom, intom ġnus kollha,

Ifirħu b’Alla, għajtu u għollu leħinkom!

Għax il-Mulej, il-Għoli, hu tal-biża’

Hu Sultan kbir fuq l-art kollha.

 

Tela’ l-Mulej b’għajat ta’ ferħ,

Il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

Għannu lill-Mulej, għannu,

Għannu lis-Sultan tagħna, għannu!

 

Għax hu s-Sultan tal-art kollha;

Għannu bis-sengħa lil Alla!

Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,

Alla qiegħed fuq it-tron imqaddes tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Lapsi jdaħħalna fl-istennija tal-Pentekoste, ġrajja oħra mmensa fl-Istorja tas-Salvazzjoni individwali ta’ kull wieħed minna.  Ma nintelqux u naħsbu li għandna l-Ispirtu fil-milja tiegħu għax irċivejnih fil-Magħmudija u fil-Konfermazzjoni.  F’dawk is-Sagramenti inżera’ l-Ispirtu, imma dan l-Ispirtu jrid  jikber.  Għandu jkollna għatx għalih.  Hu l-ilma li jifqa’ d-deżert xott ta’ ruħna.  Huwa n-Nar li jsaħħan lil qalbna u jagħmilha tħobb u tobdi lil Alla mhux għax tibża’ jew biex tiggwadanja xi ħaġa, imma għax tħobb. 

 

Mingħajr l-Ispirtu s-Santu, s-sagrifiċċju ta’ Kristu, il-Misteru tal-Għid tiegħu jibqgħu qishom ġrajja li ma jmissux magħna u ma jinteressawniex.  Nispiċċaw, kif għidna qabel, jinteressana aktar jekk aħniex se nieħdu żieda fil-paga, jew jekk hux kollox OK fil-viżta għand it-tabib, jekk hix se ssir ġustizzja magħna fil-wirt...

 

San Pawl jitkellem fuq ħwejjeġ għeżiez: l-għaqda u l-Imħabba ta’ bejnietna.  Dawn huma frott l-Ispirtu s-Santu li jrid jinvadi lil ruħna.  Pawlu jitkellem fuq il-kariżmi li Hu jagħti lill-membri tal-Knisja.  Min jaf jagħmel ħaġa u min hu msejjaħ għal oħra, imma flimkien insiru binja mibnija tajjeb fuq il-ġebla tax-xewka li hi Kristu.

 

Qari ill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  4, 1-13.

 

Inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu lil xulxin.  Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem, ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħdad;  Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd. 

 

Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skont il-qjies tad-don ta’ Kristu.  Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura: “Tala’ fil-għoli, jassar l-ilsiera, ta doni lill-bnedmin.”

 

“Tela”, xi jfisser dan għajr li hu niżel ukoll fl-inħawi l-aktar t’isfel tal-art?  Dak li niżel huwa dak li tela’ fuq is-smewwiet kollha, biex jimla kollox.  U huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud ragħajja u mgħalllmin.  Hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla.

 

Evanġelju

 

Aħna mdorrijin nisimgħu minn tfulitna li Kristu miet għalina u li Kristu qam mill-mewt.  Tant ilna nisimgħuha din il-frażi li saret “komuni”  għalina, u tlifna l-fil ta’ x’ifisser temmen u x’ifisser ma temminx.  Il-Fidi Nisranija hija bbażata fuq din il-frażi.  Huwa dan li ħabbru l-Appostli u d-dixxipli b’ferħ u stagħġib kbir.  Mhux ċajta tgħid li bniedem midfun ġie lura miċ-ċimiterju.   Mhux ċajta tgħid li Alla nnifsu niżel fid-dinja biex fl-Imħabba miġnuna tiegħu jitgħabba bil-kastig tad-dnub ta’ kull bniedem.  U hija ħafna serja tgħid li l-problema vera tal-bniedem hi li hu mgħobbi bil-ħtija misterjuża li jġorr fil-profond tiegħu.

 

Imma l-Fidi hi faċli li tqisha.  Hu faċli tkejjel jekk għandekx Fidi jew le.  Il-Fidi tagħtik il-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn.  Il-Fidi ġġiblek l-Imħabba li tkeċċi l-biża’ tal-mewt ’il barra.  Il-Fidi mhix “reliġjożità”.  Hi ferm aktar minn hekk.  Il-Fidi vera tagħmlek kapaċi twettaq opri li huma mpossibbli għall-bniedem pagan, u dan mhux għax int aħjar minnu imma għax fik issa, bil-Fidi, hemm jgħammar Kristu, bl-Ispirtu s-Santu.

 

Wara l-Pentekoste l-Appostli u d-dixxipli ma marrux ixandru lil Kristu bi dmir, lanqas għax imġegħla, u lanqas għax hekk kienet tgħidilhom jagħmlu l-kuxjenza u allura jħossuhom “ħatja” jekk ma jmorrux.  Huma marru jwaqqfu l-Knisja kullimkien b’ferħ kbir, b’entużjażmu, b’żelu li ma kienx uman imma frott  in-Nar tal-Ispirtu s-Santu li kellhom jaqbad f’sidirhom.  Iktar tard, San Ġwan Griżostmu, wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja qal: “Jekk inħossni marid spiritwalment u mitluq, nibda nxandar lil Kristu u nfiq!”  Din tgħodd għalina.  Miġrugħ bid-dnub tiegħek?  Tħoss il-madmad tqil tad-dgħufijat spiritwali tiegħek?  Tinsab fi kriżi?  Tkellem fuq Kristu.  Tkellem it-tajjeb fuq Kristu, u tfiq, titħeġġeġ, tinħeles.

 

Mhux l-ewwel darba li għidna, li dan huwa l-ewwel xogħol tal-Knisja fid-dinja: li xxandar il-Bxara t-Tajba ta’ Kristu.  Lanqas li xxandar il-morali u l-kmandamenti l-ewwel, imma l-Aħbar li Kristu tgħabba bid-dnubiet tiegħek kollha u d-dejn tagħhom tħallas kollu għax ħallsu Hu.  U din l-Imħabba gratis għall-għadu li Alla wera miegħek fi Kristu hi aqwa mill-ħażen kollu li tista’ tagħmel għax il-Missier qajjimha mill-Mewt din l-Imħabba u xejn aktar ma jista’ għaliha. 

 

Daqshekk int maħbub, int li forsi tħossok waħdek u fallut fil-Ħajja.  Ifraħ u qum fuq tiegħek għax hemm Spirtu li jixxennaq jgħammar fik.  Hu minn jemmen fil-Bxara t-Tajba li jsir kapaċi jgħix il-Liġi tal-Qdusija għas fih tinbet Imħabba reċiproka għal min ħabbu tant.

 

Versett: Hallelujah.  Morru għallmu l-Ġnus kollha, igħid il-Mulej; jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  16, 15-20

 

F’dak iż-żmien: Ġesù wera ruħu lill-Ħdax u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu.  Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.  U dawn huma l-mirakli li jsieħbu ’l dawk li jemmnu: f’Ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu x-xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara, iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”

 

U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.

 

U huma mbagħad marru jippriedkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

 

 
< Prev   Next >