Monday, 18 June 2018
           
Home
HADD WARA PENTEKOSTE IT-TRINITÀ QADDISA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 26 May 2018

Din hija il- Liturgija tal-Hadd wara Pentekoste  (It-Trinita Mqaddsa ) (2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

mission.jpg

 

Kulma hu qaddis u għandu x’jaqsam ma’ Alla hu Misteru.  Ħafna nies jagħżlu d-dinja tal-materja u jsiru materjalisti jew sekolarizzati għax lilhom jinteressahom biss dak li jaraw u jmissu, dak li hu tad-dinja.  Dawn ma jindunawx li b’hekk ikunu qed jiżżewġu l-mewt għax kulma hu materja qiegħed imut il-ħin kollu.  Infatti kulma jaraw għajnejna, jisimgħu widnejna u jmissu jdejna, dak kollu li jolqot is-sensi tagħna, kollox fih is-susa tal-mewt.  Kollox hu effimeru, bħad-duħħan jew bħaċ-ċpar ta’ filgħodu li jintemm malli titfaċċa fuqu x-xemx.

 

Oħrajn, huma miġbuda mill-Miseru, minn dak li ma jidhirx, minn dak li hu etern u ma jmutx, minn dak li, għalkemm hu lil hemm mis-sensi u l-moħħ tal-bniedem, jafu li m’għandux is-susa tal-mewt fih.  F’dawn in-nies, li l-Iskrittura tgħid li huma magħżula minn Alla sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, hemm istint, istint qawwi li jimbuttahom lejn il-Misteru ta’ Alla.  Mhux biex jifhmuh, għax jafu li sakemm jibqgħu fuq din l-art ma jistgħu qatt jifhmuh, imma biex iġarrbuh, jgħixuh, ikollhom esperjenza tiegħu.  Għal dawn hu naturali li jemmnu li jeżisti Alla li minnu ħareġ il-ħolqien, li hu Xi Ħadd personali ħafna, li jidħol fil-ħajja tal-individwu hu min hu, u jinteressah minn kull bniedem.

 

Hemm Misteri li l-bniedem jista’ jasal biex jagħraf, bid-dawl t’Alla.  Imma hemm oħrajn li l-bniedem ikollu għajnejn u moħħ għalihom meta jara lil Alla hekk kif inhu fil-Glorja d-dinja l-oħra.  Per eżempju, Misteru li Alla stess jurihulna huwa l-Misteru tas-Salvazzjoni tagħna.  San Pawl jgħidilna li n-Nisrani jagħraf dan il-Misteru għax jinagħtalu li jagħraf lil Kristu u l-Misteru tal-Għid li seħħ b’risq tiegħu.  Imma li aħna nagħrfu l-Misteru ta’ tliet Persuni f’Alla wieħed mhux mogħti lilna.  Imma għad nagħrfuh wara din il-Ħajja.

 

Għal dan it-tip ta’ Misteru, il-Fidi hija biżżejjed.  Hija l-Fidi li tgħidilna li l-Missier huwa dak li lilna jħobbna anke hekk kif aħna, anke meta aħna għedewwa tiegħu, anke meta aħna midinbin.  Huwa ma jridnix nibqgħu fid-dnub għax ħadd daqsu ma jaf li d-dnub huwa mewt u fl-Imħabba tiegħu Hu ma jridnix noqtlu lilna nfusna għal dejjem bid-dnub tagħna.  Hu jħobbna midinbin u jitħassarna lsiera u miżerabbli, u għalhekk hu bagħat lil Ibnu fid-dinja.  Ibnu obda lil Missieru b’risq tagħna biex sar il-Ħaruf tat-tpattija għad-dnubiet kollha ta’ kull bniedem.  Imma biex ngħarfu dan il-Misteru tal-Għid ta’ Ġesù jinħtiġielna d-Dawl tal-Ispirtu s-Santu.  Mingħajr l-Ispirtu s-Santu dak li għamel Kristu jibqa’ moħbi u mhux emmnut.  Il-Pjan tal-Missier bi Kristu jseħħ fina biss jekk jiġi jgħammar fina l-Ispirtu s-Santu.  Dak kollu li għamel u qal Ġesù għalina jibqa’ muntanja zkuk xotti u niexfa li huma mejta għax-xrara nar tal-Ispirtu li jqabbad kollox f’Ħuġġieġa qaddisa u enormi li timla lil qalbna, ssaħħanha, trattabha u tħeġġiġa.  Fi kliem ieħor, il-bniedem li jemmen isir Imħabba bla kundizzjoni għax fih jgħammru t-tliet Persuni li huma Wieħed; Alla Wieħed.

 

L-Ewwel Qari

 

Kif għidna xi darba, il-Bibbja hija ktieb mimli ismijiet ta’ nies.  Għax jekk il-Bibbja tirrakkonta dak li għamel Alla, dawn l-għemejjel ta’ Alla saru fil-ħajjiet u l-istejjer ta’ persuni umani bħalna.  Għax waqt li l-Bibbja ma tagħtiniex trattat dwar min hu Alla, ma tiddiskrivihx kif jagħmel il-Katekiżmu tal-Knisja, tgħidilna imma, li Alla hu Dak li jidħol fil-ħajja tan-nies, li jaħdem fihom u għalihom, li jsawwar Storja, anzi Stejjer ma’ kull bniedem.  Alla huwa Storja, huwa Ġrajja.  Alla hu Dak li jgħaddi.  Alla huwa dejjem f’moviment, qatt mhu wieqaf.  Alla huwa l-Għid : mogħdija mix-xejn għal ħolqien ta’ xi ħaġa, mogħdija mid-dlam għad-dawl, minn jasar għal ħelsien, minn mewt għal ħajja.  Kullimkien, kull fejn hemm Alla, hemm xi ħaġa qegħda sseħħ.

 

Mosè jkellem lill-poplu fuq dan Alla li hu « Ġrajja ».  Huwa jfakkar lil Iżrael fuq il-Ġrajja tiegħu għax fiha għandu l-prova li Alla jeżisti u li dan Alla kien iħobbu, jiddefendih, iħarsu.  Għalik dan jgħodd ukoll, u kif !  Jekk trid ix-xhieda dwar l-eżistenza ta’ Alla li hu Mħabba, m’hemmx għalfejn tmur ’il bogħod.  Haffer fik innifsek għat-Teżor !  Ħares lejn Ħajtek, lejn l-Istorja tiegħek.  Din l-Istorja hija Kelma ta’ Alla.  L-Istorja tiegħek hija x-xhieda li Alla jeżisti!

 

Iżrael kellu Memorjal kbir ta’ Alla, jiġifieri ġrajja ċara u kbira li Alla jeżisti u li hu kien il-poplu tiegħU.  Din il-ġrajja, li għalih saret Memorjal, kien il-ħelsien mill-jasar tal-Eġittu.  Għal Abraham, il-ġrajja, il-Memorjal tiegħu kien li hu, li ma setax ikollu tfal, kellu iben, Iżakk, li kien wegħedulu Alla.  Kemm Iżrael u kemm Abraham ma kellhom l-ebda problema dwar l-eżistenza ta’ Alla, tal-Missier, Jahweh, il-Ħallieq ta’ kollox.  Kull meta kienet tinqalgħalhom xi waħda u jħossuhom bla saħħa, b’daharhom mal-ħajt, kienu jiggranfaw mal-Memorjal, il-“Memorja”, il-Ġrajja li kellhom ta’ Alla f’ħajjithom, u jissaħħu fil-Fidi u fit-Tama permezz ta’ hekk.

 

Jien nistiednek tħares lura lejn ħajtek, lejn dak il-mument ewlieni, jew forsi iktar minn wieħed, fejn Alla wriek li hu qiegħed hemm u li qiegħed hemm għalik.  Kemm hu mportanti dan!  It-tagħlim u t-tagħrif dwar Alla hu mportanti wkoll, imma l-Fidi tinbena fuq il-ġrajjiet li ngħaddu minnhom.  Għalhekk is-Salib li kull wieħed minna għandu hu tant importanti.  Għan-Nisrani s-Salib huwa ġawhra bla prezz!  Għax hu fis-Salib li Abraham, Iżrael, jien u int iltqajna, jew għad niltaqgħu ma’ Alla.  U meta wieħed jiltaqa’ ma’ Alla jkun sab l-iskop ta’ ħajtu.  Għalhekk is-Salib hu glorjuż u l-Knisja tħobb tagħmlu tad-deheb imżejjen b’ħaġar prezzjuż.  Mhux biex tiddandan, imma għax il-Knisja għandha esperjenza li fit-tbatija, fis-Salib hi “rat” lil Alla.  Kemm persekużżjonijiet!  Min kien se jħabbar li dik is-setta li kienet maħqura ġewwa Ruma kellha tegħleb saħansitra l-Imperu Ruman?  Bis-saħħa ta’ min?  Ta’ erba’ sajjieda?  Fis-Salib u fid-dgħufija tidher il-Qawwa ta’ Alla!

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju.  4, 32-34,  39-4

 

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Staqsi liż-żminijiet ta' l-imgħoddi, iż-żminijiet ta' qabel, sa minn mindu Alla ħalaq il-bniedem fuq l-art, fittex minn tarf għall-ieħor tas-sema, u ara kienx hemm ġrajja hekk kbira bħal din, jew qattx instemgħet oħra bħalha.  Qatt kien hemm poplu li sama' leħen Alla jitkellem minn ġon-nar - bħalma smajt int - u baqa' ħaj?  Jew qatt xi alla fittex li jagħżel għalih poplu minn fost poplu ieħor b'tiġrib, b'sinjali, b'għeġubijiet, b'taqbid, b'id qawwija u bi driegħ merfugħ, b'għemejjel kbar tal-biża', bħalma għamel għalik quddiem għajnejk fl-Eġittu l-Mulej, Alla tiegħek?

 

Mela, kun af illum, u żommha f'moħħok, li  l-Mulej hu tassew Alla, kemm fl-għoli tas-sema kemm hawn isfel fuq l-art, u li ma hawnx ieħor għajru.  Ħares, għalhekk, l-ordnijiet u l-kmandamenti tiegħu li se nagħtik illum biex ikollok riżq, int u wliedek warajk, ħalli tgħix żmien twil fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik għal dejjem.”

 

Salm Responsorjali

 

Dan is-Salm se jfaħħar lill-Mulej bħala l-Ħallieq tas-sbuħija naturali u l-għeġubijiet li aħna mdawrin bihom.  Kemm hu faċli nidraw kollox!  Kemm għandna għax inħossuna grati li l-Mulej tana l-Ħajja.  Għax jien u mhux ħaddieħor floki?  Qatt staqsejtha lilek innifsek din il-mistoqsija?  Jien kont minn dejjem f’moħħ Alla u Hu kien jaf li f’punt X jien kont se nidher fuq din il-pjaneta.  Hu kien ġa jafni minn qabel ma twelidt, bil-ħażin u t-tajjeb tiegħi, bil-karattru, bil-fattizzi u bl-Istorja.  Imma lili u lilek ħalaqna ħielsa għax hu Mħabba.  U dan il-ħelsien huwa l-kuruna ta’ fuq ras kull bniedem. 

 

“Għajnejn il-Mulej huma fuq dawk li għandhom il-biża’ tiegħu” (v. 18).  Dawn huma dawk li skoprew li Dak li ħalaq kollox mhux biss huwa ħabib tagħhom imma hu l-Pa, l-Abba, il-Missier tagħhom. X’ħelsien mit-tħassib żejjed, mill-inkwiet fuq il-ħmerijiet, mill-mistħijat u l-biża’ għall-wiċċ, mis-suppervja li ġġagħalna nieħdu għalina għal xejn u niġġieldu ma’ dak li jkun.  Kemm hi sabiħa l-fiduċja f’Alla Missier!  Mhux ta’ b’xejn li min hu tassew Nisrani jiggosta l-Ħajja iktar, jinnota s-sbuħija tan-natura iktar, u jgawdi d-dinja iktar minn dawk li jagħmlu d-dinja alla tagħhom.  Kos, x’kontradizzjoni!

 

Ritornell:  Imbierek il-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu.

 

Salm 33

 

Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.

 

Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,

u b'nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.

Għax hu tkellem, u hi saret;

hu ordna, u hi twaqqfet.

 

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Fih jinsab l-hena ta' qalbna,

fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.

 

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna.

 

It-Tieni Qari

 

Qari qasir imma memorabbli.  Jiftaħ bil-kliem: “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla.”  (v. 14).  Mhux kulħadd huwa iben adottiv ta’ Alla.  Hawn min jgħid li l-bnedmin kollha huma wlied Alla.  L-Iskrittura ma tgħidx hekk.  Lanqas kull min hu mgħammed ma tista’ tgħidlu li hu “iben Alla”.  Għax aħna rċivejna l-Magħmudija ta’ trabi, sagrament qawwi u tal-għaġeb imma f’forma ta’ żerriegħa li trid tikber f’siġra li tati l-frott.  Hitler ukoll kien mgħammed.  Anke Stalin.  U tant oħrajn li ġew jaqgħu u jqumu mill-Magħmudija tagħhom!  Dawn qatt ma kienu ulied Alla, għax kull min hu iben Alla għandu n-natura ta’ Missieru li hu Alla.  Kelb għandu n-natura ta’ kelb għax missieru huwa kelb.  Għasfur, ta’ għasfur.  In-Nisrani veru għandu n-natura ta’ Alla għax ġie magħmul iben Alla għax fih il-Magħmudija tiegħu tant kibret illi dak li deher f’sinjali meta konna trabi, issa seħħ.  Fl-ilmijiet tal-Magħmudija ġie mgħarraq il-bniedem il-qadim li kulma jagħmel hu mejjet għax għandu l-mewt ġewwa fih.  Dan il-bniedem il-ħin kollu jistkenn fid-dnub.  F’ħafna nies din in-natura mwaqqa’ ta’ Adam ma tmut qatt.  Dawn qatt mhuma ulied Alla.

 

Lil Nikodemu, bniedem ġust u tajjeb, Kristu jgħidlu li jrid jitwieled mill-ġdid.  Il-ġustizzja u t-tjieba ta’ Nikodemu, lil Kristu ma mpressjonawhx, għax kull bniedem irid jgħaddi minn dan il-proċess tal-Magħmudija biex jidħol fis-Saltna.  Mela kif il-bniedem il-qadim jegħreq fil-Magħmudija, hekk ukoll minn dak l-ilma jitwieled il-bniedem il-ġdid.  Ara kif il-Magħmudija mhix xi ħmerija... issawwab ftit ilma, nagħtuh isem u hekk daħal fis-soċjetà, fil-Club...  Il-Magħmudija tinagħraf mill-opri li jitwettqu mill-bniedem li jkun.  Il-bniedem il-ġdid mhux dak il-bniedem li twieled, imma ieħor.

 

U l-Ispirtu s-Santu mhux qiegħed hemm biex jgħallem, jew jgħin, jew ma nafx x’jagħmel.  L-Ispirtu s-Santu huwa l-ikbar Qawwa li teżisti fl-univers u ’l barra mill-univers.  Meta Hu jidħol fl-ispirtu tal-bniedem, jibdlu għal kollox.  Il-Bibbja ta’ Ġerusalemm, f’nota fuq dan il-vers tgħid: “Aktar minn sempliċement ‘għalliem ġewwieni’, l-Ispirtu s-Santu huwa l-prinċipju (dak li jġorr miegħu, jew jimbotta, jew minnu jibda kollox) ta’ ħajja sewwasew divina fi Kristu.  Dawk li fihom il-Magħmudija tat il-frott kollu u l-Ispirtu s-Santu kiber u sar matur fihom, jibdew jgħixu l-istess Ħajja ta’ Kristu.  Mhux għax ma jiżbaljawx.  Mhux għax ma jibqgħux dgħajfa bħal ġarar tal-fuħħar. Mhux għax huma aħjar ‘di persuna’ minn ħaddieħor, imma għax ħallew l-Ispirtu ta’ Kristu jivadihom u jaħkimhom b’tali mod li mhux huma iktar li jgħixu imma Kristu hu Dak li jgħix fihom.

 

Ħafna nies jibżgħu minn bidla bħal din!  Almenu, dawn huma aħjar minn dawk li ma jagħtux kas, jew jaħsbu li l-Ispirtu s-Santu hu xi ħamiema dgħajfa li jekk taħsadha ttir ’l hemm!  San pawl jgħid, (u min jaf iktar minnu?) li min għandu l-Ispirtu s-Santu ma jibża’ minn xejn lanqas mill-mewt.  Anzi l-mewt hi għal kollox mirbuħa fih.  “Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċivejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi.”  (v. 15). 

 

Għandna aħna dan l-Ispirtu?  Ħa ngħidu li bla ma jistħoqqilna għandna l-ewwel sinjali ċkejkna tiegħu.  Dan mhux biex naqtgħu qalbna, imma biex nirriflettu fuq il-meravilja tal-Wegħda tal-Ispirtu u nixxenqu għaliH u nitolbu lill-Missier bi Kristu għaliH!  U din hi talba li l-Mulej jismagħha żgur u jwettaqha żgur.  Dan qalu Kristu meta kien qed jitkellem fuq dan l-Ispirtu li kellu jinvadi d-dinja.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  8, 14-17

 

Ħuti: Dawk kollha li jmexxihom  l-Ispirtu ta' Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża', imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajjtu: "Abbà! Missier!"

 

Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta' Alla, werrieta ma' Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.

 

Evanġelju

 

Waqt li l-ewwel Qari tkellem fuq il-Persuna tal-Missier, Jahweh, li ġie rrivelat lill-poplu ta’ Iżrael, u t-tieni Qari fuq il-ħakma tal-Ispirtu s-Santu fuq dawk li jinfetħu għaliH, issa l-Vanġelu se jitkellem fuq il-Qawwa u s-Setgħa ta’ Ġesù Kristu, l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla.

 

Huma l-aħħar mumenti tar-relazzjoni fiżika tad-dixxipli ma’ Ġesù għax kien wasal il-waqt li Hu jirritorna minn fejn kien ġie mibgħut.  Kristu jibgħat lid-dixxipli kullimkien fid-dinja biex ixandru li l-mewt intrebħet u li din ir-rebħa kellha tgħammar fil-ġewwieni ta’ dawk kollha li jemmnu l-Aħbar bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu.  Dak li l-Missier bagħtu jagħmel fid-dinja, Ġesù wettqu, u l-frott ta’ din l-Opra ta’ barra minn hawn kellha tinżera’ f’kull bniedem li jemmen permezz tal-Ispirtu.  Ekku t-Trinità magħquda ħaġa waħda f’opra ta’ Mħabba lejja, lejk u lejn kull bniedem.

 

Kristu qatt ma jiddikjara lilu nnifsu Alla, imma meta Tumas qallu: ”Mulej tiegħi u Alla tiegħi” ma widdbux li kien qed jgħid xi dagħwa.  U f’dan ir-rakkont tal-lum, hu jgħid: ”Lili nagħtat kull setgħa fis-sema u fl-art.” (v. 18).  Ħadd ma għandu ”kull setgħa fis-sema u fl-art” ħlief Alla biss.  Huwa b’din is-setgħa li hu jwiddeb lill-Knisja li l-ikbar u l-oħla xogħol tagħha huwa l-Evanġelizzazzjoni.  Bażikament, l-Evanġelizzazzjoni tfisser ix-xandir tal-Aħbar it-Tajba dwar li l-mewt ġiet mirbuħa darba għal dejjem minn Ġesù, u li minħabba dan il-fatt il-bniedem hu salvat mill-mewt ta’ dejjem.  Kull min jemmen f’dak li għamel Ġesù se jgħix għal dejjem u l-ħtijiet kollha tiegħu huma mħassra għax il-kastig ta’ kulħadd waqa’ fuq spallejn l-Iben ta’ Alla.  Hi sempliċi.  Min xandarha mhux bil-fors kellhom ikunu nies ta’ skola, jew għalliema bħall-Iskribi u l-Fariżej.  Predikazzjoni semplici. Imma fiha jaħdem l-Ispirtu s-Santu! 

 

Din il-predikazzjoni kkonvertiet id-dinja ta’ dak iż-żmien u tibqa’ tixxandar b’żelu u ħeġġa sal-aħħar jum għax il-Mulej hu dejjem magħna.

 

Versett: Hallelujah.  Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu, lil Alla li hu, li kien, u li ġej.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  28, 16-20

 

F’dak iż-żmien : il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù.  Kif rawh, nxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. 

 

Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: "Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.  Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru tal-Iben u tal-Ispirtu  s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.  U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien."

 
< Prev   Next >