Tuesday, 21 August 2018
           
Home arrow News arrow Latest arrow HADD WARA T-TRINITÀ QADDISA CORPUS DOMINI
HADD WARA T-TRINITÀ QADDISA CORPUS DOMINI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 02 June 2018

Din hija il- Liturgija tal-Hadd wara t-Trinita Mqaddsa  Corpus Domini bi hsibijiet  min Joe Rapa.

santissimo-sacramento-c.jpg

 

Il-Ħadd li għadda ċċelebrajna s-Solennità tat-Trinità Qaddisa, waqt li llum il-Knisja tpoġġi quddiemna l-Festa ħafna għażiża għalina l-Kattoliċi tal-Korpus, il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej.  Imbagħad wara jkollna Festa oħra ħafna importanti li hija “l-Qalb ta’ Ġesù”.  Dawn il-festi li jaħbtu ma’ tmiem Żmien il-Għid hekk kif ikun riesaq mgħaġġel is-Sajf, għandhom xeħta teoloġika, imma l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-Knisja kienet taf tlibbes kwistjonijiet teoloġiċi mhux ħfief bi lbies ta’ festi popolari u tradizzjonijet li malajr daħlu f’qalb il-poplu. 

 

Min jista’ jinsa Jum l-Ewwel Tqarbina tiegħu li ħafna drabi hi marbuta mal-Festa tal-Korpus; il-purċissjoni solenni mmens li kienet issir, li tilfet xi ftit mis-sbuħija maġika tagħha.  Il-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù kienet festa oħra għal qalb in-nies, li kienet ħafna inqas aljenata minn tal-lum.  Kienet festa li tqanqlet minn ġrajja mportanti ħafna għall-Knisja li seħħet  meta Soru Franċiża Santa Margerita Marija Alacoque, fis-seklu sbatax, irċeviet dehriet minn Ġesù li fiha ma rrivelalha xejn ġdid li mhux ġa kien qiegħed fl-Iskrittura, imma kellimha ħafna fuq l-Imħabba tiegħu għall-bnedmin; fuq il-qalb tiegħu li tħaddan fiha Mħabba li taf tistabar, taf taqdi, mhijiex għajjura, ma tfittixx dak li hu tagħha, ma tagħdabx, ma żżommx f’qalbha għad-deni, kollox tagħder u ġġerraħ kollox. Dan il-kliem li qed nuża jien kitbu San Pawl f’Innu famuż lill-Imħabba fl-Ewwel Ittra lill-Korintin.  Ara kif fl-Iskrittura ġa hemm kollox fuq Kristu u fuq Alla.

 

Imma d-dehriet tal-Qalb ta’ Ġesù kienu mportanti għax matul is-sekli tal-Medju Evu, il-Knisja kienet seħqet wisq fuq id-dixxiplina tal-Liġi u l-biża’ tal-kastig li l-Liġi ġġib magħha.  Dan kollu hu veru wkoll, u jista’ jkun li llum morna n-naħa l-oħra għax il-bnedem minn dejjem hekk kien, qisu l-pendlu tal-arloġġ, u llum donu li ‘xejn mhu xejn’.  Imma Kristu ried jgħaddi Kelma lill-Knisja tiegħu għax ma kinitx qegħda tisħaq biżżejjed fuq l-Aħbar it-Tajba, fuq il-Kerigma, fuq l-Imħabba bla tarf tal-Mulej għalija u għalik li jagħder ħafna iktar milli qatt nistgħu ngħadru aħna.  Infatti l-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù nistgħu insejħulha l-Festa tal-Aħbar it-Tajba li, f’Ibnu, l-Missier ta lid-dinja.

 

Il-Festa tal-Korpus li qed niċċelebraw illum hi festa kbira ħafna għax fiha l-Knisja tiċċelebra l-Misteru tal-Ewkaristija.  Ara kif il-Knisja taqbad verità mill-Istorja tas-Salvazzjoni u tiċċelebraha, għax waqt li qegħda tiċċelebraha tkun qed tgħixha mill-ġdid, iġġedded l-esperjenza tagħha, tagħmilha mill-ġdid preżenti.  Għalhekk il-festi huma tant importanti għax iżommu ħajjin il-Memorja. F’din id-dinja dejjem iktar miġnuna fuq ħwejjeġ ġodda, fejn kollox donnu qed jitlef il-karattru li kellu qabel, u mdawrin b’modi li jinbidlu l-ħin kollu, kemm hu mportanti li l-bniedem ma jinqatax mill-“Memorja”!  Il-“Memorja” mhix biss li wieħed jibqa’ jiftakar xi ħaġa li ġrat darba u daqshekk, imma jerġa’ jgħix dak il-fatt qisu qed isir issa.  Huwa dan li jżomm il-Fidi ħajja. 

 

Mela llum qed nerġgħu ngħixu r-rigal enormi tal-Misteru tal-Ewkaristija.  Ngħiduha kif inhi... dan jiddependi għal kollox mill-qies tal-Fidi li l-Mulej ikun tana b’rigal. L-ilma tax-xmara hu dejjem għaddej minn quddiemi, imma jien nista’ mmur nimla l-ilma jew b’barmil imtaqqab, jew inkella b’barmil li jżomm l-ilma.  Jekk il-barmil tiegħi issaddad u ttaqqab, inkun niżbalja jekk ngħid li x-xmara nixfet! 

 

L-Ewkaristija, l-Knisja tiċċelebraha ħafna drabi kuljum, għax fiha hi terġa tgħix il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu li fih Alla tana kollox; li fih hu bata, miet u qam mill-Mewt biex jirbaħ għalina merti kolossali... skużawni jekk inħobb nuża aġġettivi ta’ barra minn hawn, imma l-kliem tagħna huwa fqir wisq biex jiddiskrivi dak li tana b’xejn il-Mulej.  Ħafna jmorru “jisimgħu” Quddiesa biex jagħtu xi ħaġa lil Alla biex meta jiġu bżonnU jsibuH lest li jgħinhom.

 

Mhux aħna nagħtu l-Quddiesa lil Alla imma huwa Hu li jagħtina li ngħixu fiha dak li fi Kristu għamel għalina.  Kristu miet għalina biex aħna ma mmutux.  Kristu bata l-kastigi kollha marbuta mad-dnubiet tal-bniedem biex aħna ma jkollniex xi nħallsu. Kristu qam mill-mewt biex jurina li l-Imħabba ta’ Alla għalina hija ikbar mill-ħażen kollu li nistgħu nivvintaw. Min jemmen dan huwa ġust, huwa qaddis, huwa ġa salvat minn hawn.  Araw x’ħaġa tal-għaġeb hi l-Quddiesa!  Fiha wieħed jerġa jgħix il-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, u l-għoti ta’ Ġismu u Demmu bħala ikel u xorb għal matul it-triq tal-Ħajja.  Fiha hemm kollox.

 

Imma, dan hu kbir wisq għalina, tant li dan kollu jista’ jidher teorija ta’ fuq il-kotba.  Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jdawwalna, jagħtini Fidi kbira biżżejjed biex tħaddan dan ir-rigal enormi u biex ma nċekknux iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija f’sempliċi talba oħra, jew funzjoni oħra ġol-knisja.

 

L-Ewwel Qari

 

Illum, meta wieħed ikollu bżonn jagħmel ftehim ma’ xi ħadd ieħor skont il-liġi, jmur għand nutur, hu u sieħbu, u hemm jiffirmaw il-karti u jagħmlu l-proċedura li titlob il-liġi biex dan il-kuntratt isir att legali.  Imma dan hu biss fiż-żminijiet tagħna... l-aħħar erba mija, ħames mitt sena... ma nafx.  Qabel, speċjalment fiż-żmien bibliku, meta s-soċjeta ma kinitx imsejsa u organiżżata b’tant liġijiet, kollox kien jistrieħ fuq id-drawwiet tat-tribù u l-popli.  Meta Alla kien jidħol f’patt, ftehim ma’ xi ħadd, biex jimpressjona lil dak li jkun li dan il-Patt kien ftehim solenni, kien jagħmel użu mid-drawwiet tal-bnedemin. 

 

Il-biċċa l-kbira tal-ġnus tal-Lvant Nofsani fejn oriġinat l-Istorja tas-Salvazzjoni tagħna, kienu jissiġillaw il-kuntratt billi, barra li jkun hemm xhieda, kienu joqtlu xi annimali, jaqsmuhom min-nofs, jagħmluhom f’żewġ ringieli, nofs naħa u nofs in-naħa l-oħra, u t-tnejn li jidħlu f’kuntratt jgħaddu minn bejniethom waqt li jlissnu l-kelmiet importanti: “Hekk jiġrili, bħal dawn l-annimali, jekk jien ma nżommx dan il-patt li qed nagħmlu llum flimkien.”

 

Dan kien ikun rit impressjonanti għax il-Kelma f’dak iż-żmien kienet sagra u ħadd ma kien irid jiksirha l-aktar meta tkun intqalet quddiem xhieda.  Barra minn hekk, f’era superstizjuża, kienu tassew jemmnu li xi traġedja kbira kienet tilħaq lil min jikser il-patt.  Il-Bibbja tirrakkonta fil-Ktieb tal-Ġenesi, li Alla daħal f’Patt solenni ma’ Abraham b’dan il-mod.  Abraham kien daħal fi kriżi ta’ Fidi, u biex jgħinu, Alla jagħmel Patt miegħu bħalma kienu jagħmlu n-nies bejniethom.  Jordna lil Abraham li joqtol l-annimali, jirranġahom fl-art biċċa kull naħa u Alla għadda minn bejniethom f’forma ta’ fuklar ta’ Nar jaqbad.  B’hekk Alla ntrabat solennement ma’ Abraham li kien se jżomm miegħu il-wegħdiet li kien għamillu, li jagħtih iben u art.  Imma ħaġa li tolqotna hawn hi li Alla lil Abraham ma jħallihx jgħaddi minn bejn l-annimali għax il-Patt kien min-naħħa ta’ Alla biss.  Kien Alla li kien se jagħmlu missier ħafna ġnus, waqt li mingħand Abraham hu ma talab xejn.

 

Patt ieħor, Alla wettaq mal-poplu wara l-ħruġ mill-Eġittu, meta kien għadu fid-deżert quddiem il-Muntanja Sinaj.  Kienu għaddew sekli mill-Patt ma’ Abraham, u hawnhekk insibu li l-mod kif kien isir il-ftehim kien inbidel xi ftit.  Kienu jinqatlu xi annimali xorta waħda.  Xi wħud minnhom il-poplu offrihom sagrifiċċju lill-Mulej, għax din id-darba l-poplu wkoll kien se jintrabat mal-Patt, mhux Alla biss.  Alla kien qed iwegħdhom li huma jkunu l-Poplu tiegħu u Hu kien se jħarishom u jagħtihom Art fejn jgħammru, waqt li l-Poplu kellu jintrabat li jgħix skont il-Liġi li tahom.  Mill-annimali l-oħra, Mosè ħa d-demm tagħhom u xerrdu nofsu fuq l-altar li kien jirrappreżenta lil Alla u n-nofs l-ieħor fuq il-Poplu.  Hekk ma kienx isir Patt jekk ma jkunx issiġillat bid-demm tal-annimali, għax fid-demm kienu jaraw il-Ħajja.

 

Dawn huma affarijiet aktarx strambi għas-soċjetà tagħna, imma l-qtil tal-annimali kien jagħmel preżenti b’mod viżibbl il-kastig kbir li kien hemm marbut mal-ksur tal-Patt.  Wara kollox anke fil-kultura tagħna, jekk xi kuntratt jinkiser tidħol il-liġi u tikkastiga lil dak li jkun permezz tal-qrati.  Inkella kollox jikkrolla u jkollna ġungla flok ċiviltà.

 

Dawn l-affarijiet huma mportanti għalina l-Insara għax jgħinuna nifhnmu xi ftit il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Meta bagħat lil Ibnu, l-Missier ried jagħmel Patt Ġdid, Patt għal dejjem mal-umanità.  Il-Patt ta’ Mosè kien għadda żmienu u kien instab li ma kienx tajjeb għax il-Poplu ma kienx kapaċi jżomm in-naħħa tiegħu tal-ftehim... ma kienx kapaċi jobdi l-Liġi.   F’dan il-Patt il-Ġdid, Alla jintrabat b’mod solenni magħna mhux bid-demm tal-annimali imma bid-Demm ta’ Ibnu stess imxerred fuq is-Salib.  Il-bnedmin ma qatlux annimali din id-darba, imma nqatel il-Ħaruf innoċenti li huwa Kristu Ġesù.

 

F’dan il-Patt il-Ġdid, Alla ma jwegħdniex Art imma l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn.  X’inhi din il-Ħajja ta’ Dejjem li l-Missier tant ried iwegħdihielna b’mod solenni billi jħalli lil Ibnu stess jinqatel biex jissiġilla l-Patt?  Din hija l-Ħajja ta’ Alla nnifsu.  Alla jrid jagħti lili u lilek in-natura tiegħu.  Ma’ din in-natura, l-mewt ma tista’ tagħmel xejn għax Alla ma jistax imut.  Kulma hu mitlub mill-bniedem hu li jemmen f’dak li għamel għalih Kristu fuq is-Salib u bil-Qawmien tiegħu mill-imwiet.  In-Nisrani, iktar kemm jikber fil-Fidi fi Kristu, inqas jibża’ mill-mewt.  Tikber il-Fidi u jiċkien il-biża’ tal-mewt sakemm jisparixxi għal kollox u n-Nisrani jistenna b’ħerqa li għajnejh jistrieħu darba għal dejjem fuq Wicc Dak li ħabbu tant.  Mhux ta’ b’xejn li l-Knisja ssejjaħ il-jum tal-mewt fiżika tal-ġisem tagħna bħala id-“Dies Natalis”, “Jum it-Twelid” tagħna, il-Jum tal-għaġeb li fih tibda l-Ħajja vera tagħna.

 

Fil-qari li ġej mill-Eżodu mhux se nisimgħu dan kollu, imma se nassistu għall-Patt li Alla għamel mal-Poplu fi żmien Mosè, li kien xbiha tal-Patt Ġdid li kellu jagħmel magħna.

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu.  24, 3-8

 

F’dak iż-żmien: Mosè niżel jgħid lill-poplu kull ma qallu l-Mulej u kull ma ordnalu. Il-poplu wieġeb b'leħen wieħed u qal: “Kull ma qalilna l-Mulej nagħmluh.”

 

Mosè kiteb il-kliem kollu tal-Mulej, u fil-għodu qam, bena artal taħt il-muntanja, u waqqaf tnax-il plier għat-tnax-il tribù ta' Iżrael.   Mbagħad bagħat xi żgħażagħ minn ulied Iżrael biex joffru sagrifiċċji u joqtlu għoġiela bħala sagrifiċċji tas-sliem lill-Mulej.   Mosè ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-artal.  Mbagħad ħa  l-ktieb tal-patt, u qara minnu hekk li seta' jisimgħu l-poplu. U huma qalu: “Kull ma qalilna l-Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu.”  Mosè mbagħad ħa d-demm u, hu u jroxxu fuq il-poplu, qal: “Hawn hu  d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom skond dan il-kliem kollu.” 

 

Salm Responsorjali

 

Salm 116 jitkellem fuq il-ferħ tal-bniedem li jaf li Alla għamel Patt miegħu.  Hu jaf li Alla hu fidil u li dan il-Patt ma jistax ikun li jintmess jew ma jinżammx. Min-naħa tiegħu hu jwiegħed lil Alla li l-parti tiegħu hu kien se jagħmel ħiltu kollha biex iżommha.  Hu jgħid, “Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni u nsejjaħ isem il-Mulej.”  (v. 13).  Il-kalċi hu mimli bl-inbid li hu x-xbieha tad-demm tal-annimali li ssiġilla l-Patt il-Qadim.  Illum, f’isimna, il-Presbiteru wkoll jgħolli ’l fuq quddiem il-Missier il-Kalċi tas-Salvazzjoni bid-Demm ta’ Ibnu stess għax f’kull Ewkaristija, f’kull Quddiesa l-Knisja terġa’ tgħix, terġa’ twettaq il-ftehim glorjuż, il-Patt il-Ġdid li Alla għamel magħha, li fi Kristu Ibnu jagħtina Ħajja li ma tintemmx.  Kollox minnU.  Kollox jaħdem Hu fina.  Kollox bata Hu biex nakkwistaw aħna wirt liema bħalu. 

 

Għalhekk l-Ewkaristija hija fil-fatt Sagrifiċċju ta’ Radd il-Ħajr, kif ngħidu kull darba fit-Talba Ewkaristika.  Iktar kemm jiċċaraw l-għajnejn tal-Fidi tagħna u naraw dak li wettaq għalina Kristu; il-Glorja li kisbilna meta Ġismu safa’ maqsum u Demmu mxerred għalina; iktar nidħlu fil-Quddiesa, f’dan ir-Rit tant sabiħ ta’ Ringrazzjament u Gratitudni.

 

Ritornell: Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni u nsejjaħ isem il-Mulej.

 

Salm 116

 

Xi nrodd lill-Mulej

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Ntemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

Għażiża f'għajnejn il-Mulej

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

 

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi.

Lilek noffri sagrifiċċju ta' radd il-ħajr,

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Ntemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta' dar il-Mulej,

ġo nofsok, Ġerusalemm!

 

It-Tieni Qari

 

Il-lingwaġġ tal-Ittra lil-Lhud mhux faċli għalina li nifhmuh għax imsejjes ħafna fuq ir-ritwal taċ-ċerimonji li kellhom il-Lhud.  Kulma Alla kien qalilhom jagħmlu fit-Tempju jew fil-laqgħat tagħhom, kollha kienu jitkellmu b’mod misterjuż fuq il-Messija li kellu jiġi.  Dan, il-Lhud ma kinux jafu bih, naturalment, imma għalina feġġ Dawl enormi fuq l-Iskrittura kollha u b’ferħ kbir nindunaw kif it-Testment il-Qadim il-ħin kollu jitkellem fuq Kristu.

 

Il-Qari li ġej ma nkunux nistgħu nifhmuh tajjeb jekk ma mmorrux lura għal ċerimonja, anzi festa li kellhom il-Lhud u li għadhom jagħmluha sal-lum.  Qed nirreferi għall-“Yom Kippur” li bil-lingwa tagħna tfisser “Jum il-Maħfra” li taħbat f’Ottubru.  Dan hu tassew jum important u kbir fil-liturġija tagħhom. 

 

Mosè kien ordna li meta ssir it-Tinda tal-laqgħa, jew aktar tard it-Tempju f’Ġerusalemm, dan kellu jinbena eżatt kif Alla kien ippjanta li għandu jinbena.  Il-binja tat-Tempju kienet titkellem b’mod teoloġiku lill-poplu.  Kien hemm il-btieħi fejn kien ikun hemm il-poplu; imbagħad kien hemm żewġt ikmamar importanti: waħda fejn kien hemm l-altar fejn kienu jidħlu l-qassisin joffru l-incens kuljum u mbagħad kien hemm kamra ’l ġewwa minn din.  Din kienet l-iktar kamra mportanti għal Iżrael, il-post imsejjaħ “il-Qaddis tal-Qaddisin”, espressjoni li biha riedu jfissru li f’din il-kamra ċkejkna u vojta kien hemm l-iktar spazju, post qaddis fuq wiċċ id-dinja kollha.

 

Kif għidna, l-qassisin biss setgħu jidħlu fil-kamra tal-altar, imma fil-Qaddis tal-Qaddisin ma seta’ jidħol ħadd, għax din il-kamra kienet xbiha tas-Sema u l-bnedmin kollha kienu mniġġsa bid-dnub u l-eba ħaġa mniġġsa ma setgħet tidħol hemm.  Il-kamra kienet mifruda mill-kumplament b’purtiera kbira u ħoxna.  Kien jidħol biss il-Qassis il-Kbir darba fis-sena, appuntu fil-festa tal-Yom Kippur, Jum il-Maħfra.

 

Issa, ara kif kollox jitkellem fuq Ġesù Kristu mingħajr ma l-Lhud qatt indunaw b’dan.  F’dan il-Jum solenni, il-Qassis il-Kbir kien jidħol hemm ġew b’bieqja demm tal-annimali biex jitlob lil Alla maħfra għalih u għall-poplu kollu.  Id-demm tal-annimali kienet offerta qaddisa bi tpattija għad-dnub li jkun wettaq il-poplu matul is-sena.  Il-Qassis il-Kbir kienu jidħol dejjem fl-isess ħin ta’ din il-festa, waqt li mal-pajjiż kollu n-nies kienet tieqaf għax dak kien ħin qaddis li fih kien qed jinħafer id-dnub ta’ kulħadd.

 

B’dan il-“background” issa nistgħu induru lejn il-qari tagħna.  Kemm aħna nies xortina tajba!  Aħna m’aħniex ngħixu fi żmien it-tixbihat imma fi żmien ir-rejaltà li dawn ix-xbihat kienu jitkellmu fuqhom.  Issa mhux iktar il-qassis il-kbir li jidħol quddiem Alla imma huwa Iben Alla, il-Mulej Ġesù nnifsu, il-Qassis il-Kbir tagħna li daħal darba waħda, darba għal dejjem quddiem il-Missier meta tela’ fuq is-Salib… u ma daħalx jitlob li jitħassar id-dejn kollu tagħna bid-demm tal-gniedes imma b’Demmu stess, bid-Demm ta’ Alla nnifsu.  Dawn huma affarijiet tal-għaġeb.

 

Malli Kristu mejjel rasu fuq is-Salib, u dak li qabel kien isir fuq l-annimali bla siwi issa kien seħħ fuq Alla nnifsu, il-Purtiera tat-Tempju ċċarrtet!  Hekk jgħid il-Vanġelu.  Issa nafu xi jfisser dan!  Din hija l-Meravilja tas-Salvazzjoni tagħna.  Hemm f’dik il-Kamra tat-Tempju, fejn ma seta’ jidħol ħadd, issa jista’ jidħol kulħadd, dawk kollha li għandhom il-Fidi fid-Demm tal-Ħaruf.  Hu fetħilna s-sema li qabel kienet magħluqa għalina, u mhux għalina biss imma anke għall-patrijarki, għall-profeti u għan-nies ġusti kollha li mietu qabel Kristu.  Dan hu l-Patt il-Ġdid.  Din hija s-Salvazzjoni tagħna, il-Fidi f’dak li wettaq għalina l-Mulej Ġesù.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  9, 11-15

 

 Ħuti : Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid li diġà ġie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li m'hijiex maħduma b'idejn il-bnedmin, jiġifieri m'hijiex ħolqien ta' din l-art;  hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm  tal-mogħoż u ta' l-għoġiela, imma bis-saħħa ta' demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem.  

 

Jekk id-demm tal-mogħoż u tal-gniedes u l-irmied ta' l-għoġla mraxxax fuq dawk li huma mniġġsa jista' jqaddishom billi jagħtihom l-indafa tal-ġisem, kemm aktar id-demm ta' Kristu, li bl-Ispirtu ta' dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jista' jnaddaf il-kuxjenza tagħkom mill-għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj!

 

U għalhekk hu medjatur ta' patt ġdid, testment ġdid, biex, wara li seħħet il-mewt għall-fidwa tal-ħtijiet li saru fi żmien il-patt ta' qabel, dawk li huma msejjħa minn Alla jiksbu l-wirt ta' dejjem li hu wegħedhom. 

 

Evanġelju

 

Fl-ikla tal-Għid li l-Mulej ried jiċċelbra għall-aħħar darba mal-Appostli tiegħu hawn il-lejl qabel ma miet, Kristu kompla juri li kulma  kien isir fiċ-ċerimonji tat-Testment il-Qadim kien kollu jitkellem fuq l-Opra Kbira Tiegħu ta’ Salvazzjoni.  Hu kien se jagħti Ġismu u Demmu mhux biss biex ikunu tpattija għall-bniedem li n-natura tiegħu tiġbdu lejn id-dnub, imma, jerġa’ iktar minn hekk, biex ikunu ikel għalina, aħna li għadna fil-vjaġġ tal-Fidi lejn il-Ħajja ta’ Dejjem.  Bil-Ħajja ta’ Dejjem m’aħniex nirreferu biss għall-Ġenna, għall-Ħajja l-oħra wara l-mewt fiżika.  Kif tgħallem il-Knisja, u jgħid l-Evanġelju, il-Ħajja ta’ Dejjem tibda minn hawn fil-qies tal-Fidi tagħna li nittamaw dejjem qegħda tikber. 

 

U meta nieklu l-Ġisem u nixorbu d-Demm ta’ Alla nnifsu, tkun qed isseħħ xi ħaġa enormi fina : in-natura tagħna tkun qegħda tinbidel bil-mod il-mod.  Minn natura mwaqqa’, natura mwerwra mill-mewt, nibdew nirċievu n-natura ta’ Alla nnifsu, natura li ma tmut qatt. Fil-vini tagħna jibda jiġri d-Demm ta’ Kristu u l-Ġisem ta’ dak li anke l-mewt twerwret quddiemu jitwaħħad mal-Ġisem tagħna.  Tassew li aħna nsiru t-Tempju Qaddis tal-Mulej, eqdes mill-istess Tempju ta’ Ġerusalemm li kien biss kopja u xbiha ta’ dak li kellu jiġri wara. 

 

Kemm kellu raġun il-Papa San Iljun il-Kbir fl-ewwel żmien tal-Knisja meta qal : « Agħraf O Nisrani il-kobor tiegħek ! »

 

Versett : Hallelujah.  Jiena hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema, igħid il-Mulej ; jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż igħix għal dejjem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  14, 12-16,  22-26

 

 Fl-ewwel jum ta' l-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf ta' l-Għid, id-dixxipli tiegħu qalulu: "Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla ta' l-Għid?"  Mbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Morru l-belt, u tiltaqgħu ma' raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh,  u għidu lil sid id-dar ta' fejn tarawh dieħel, 'Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista' niekol l-ikla ta'  l-Għid mad-dixxipli tiegħi?'  U hu jurikom kamra kbira fuq, mgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk."  U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla ta'  l-Għid.

 

Huma u jieklu, ħa l-ħobż f'idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: "Ħudu, dan hu ġismi."  Mbagħad ħa kalċi f'idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu.  U qalilhom: "Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna.  Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta' Alla."

  

Mbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. 

 

 
< Prev   Next >