Monday, 18 June 2018
           
Home
L-GHAXAR HADD MATUL IS-SENA (2018) L-IKBAR GHADU LI GHANDNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 09 June 2018

Din hija il- Liturgija ta' L-Ghaxar Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 adam_u_eva.jpg

 

Dawk kollha li tassew jemmnu fi Kristu u mxew ’il quddiem fil-Grazzja tal-Fidi, jinagħtaw Spirtu ġdid, natura ġdida differenti minn dik li twieldu biha.  Ħafna jaħsbu li wieħed jitgħammed u daqshekk... isir Nisrani, u l-aktar wara l-Konfermazzjoni tal-Isqof, isir Nisrani adult, fl-aħjar ta’ żmienu.  Mhux li kien daqshekk faċli.  Ir-rejaltà hi ferm differenti.  Il-bniedem ħareġ tellief fil-Ġnien tal-Għeden u din kienet telfa tremenda u traġika.  Hu sar ilsir.  L-ilsir jixxennaq għall-ġandar li huwa d-dnub.  Dan hu l-bniedem li bih nitwieldu.  Tant drajna fil-jasar ta’ din in-natura paralitika, illi ma nemmnux li hemm alternattiva għaliha.  Allura ċekkinna l-Kristjaneżmu għall-mod kif jidher f’għajnejn dan il-bniedem ilsir.  Dan il-bniedem huwa mdawwar bil-biża’ tal-mewt.  Kull meta titfaċċa daqsxejn tbatija, jidħol f’qoxortu, iħossu mhedded, jiddefendi lilu nnifsu, jiżbroffa l-egoiżmu tiegħu... u mhemmx x’tagħmel... ħafna drabi l-frott  ta’ dan huwa d-dnub.

 

Dan il-bniedem imwaqqa’ li lkoll tnissilna fih f’ġuf ommna jobgħod bla ma jrid lil min jheddu, lil min jaħqru, lil min jagħmillu nġustizzja.  Hu jobgħod lill-għadu u jesperjenzja ġewwa fih qawwa ta’ vjolenza kontra min ikissirlu l-paċi, kontra min seraqlu l-ħajja u dewqu l-mewt... jista’ jkun dewqu l-mewt b’kelma biss, jew b’atteġġjament, jew b’xi tradiment, jew b’xi vjolenza fiżika. 

 

 

Aħna, li ngħidu li nemmnu fi Kristu, nitolbuh jeħlisna minn dawn in-nies u li ssir ġustizzja minnhom. Dan il-bniedem dgħajjef ma jemminx li hu possibbli li wieħed iħobb lill-għadu tiegħu, lil dak li sallbu.  Hu jaf li Kristu tkellem dwar dan b’mod ċar, u lest li jaċċetta li din tkun ħaġa tajba ħafna, imma lanqas biss joħlomha, u jiddefendi lilu nnifsu billi jgħid li hu mhux Kristu, għax Alla biss iħobb lill-għadu.

 

Fil-fatt m’għandux għalfejn jiddefendi lilu nnifsu b’dan il-mod.  Meta Kristu qal lil dawk li kienu jimxu warajh li għandhom iħobbu lill-għedewwa tagħhom u jagħmlu l-ġid li dawk li jobogħduhom, Hu ma kienx qed jistenna dawn l-affarijiet minn bnedmin li għadhom bin-natura mwaqqa’ li biha twieldu.  Kristu jaf li żiemel mejjet fl-art hu inutli li ssawtu biex iqum.  Hu mejjet.  Dawn l-affarijiet jagħmluhom nies li mietu u qamu mill-mewt b’natura ġdida.  Fuqhiex qegħdin nitkellmu hawn?  Qegħdin nitkellmu fuq is-Sagrament tal-Magħmudija.  Hemm mewt ta’ natura mod, u twelid ta’ oħra fl-ilma tal-Magħmudija.  Imma dan mhux bil-maġiks iżda bi proċess twil, kultant tul il-ħajja kollha.  Il-Magħmudija hi l-Istorja ta’ Ħajjitna.  Dan is-Sagrament irid iseħħ fil-Ħajja ta’ min irid isir Nisrani tassew.  Hemm nies li qatt ma jidħlu f’dan il-proċess.  Jikbru u jixjieħu u jibqgħu lebsin ta’ tarbija spiritwalment.  F’dawn, il-Magħmudija baqgħet żerriegħa.  Hemm oħrajn li ż-żerriegħa saret xitla, imbagħad siġra li tat il-frott tal-Ħajja ta’ Dejjem bħal, per eżempju l-imħabba tal-għadu.  Mhux għax huma aħjar minn ħaddieħor, imma għax ġo fihom kiber l-Ispirtu ta’ Ġesù, u huwa Ġesù li jħobb lill-għadu fihom.

 

Il-Magħmudija nirċevuha biex jitħassar l-effett ta’ dak li ġara fl-Għeden, imma tant hi kbira dik it-traġedja li hemm bżonn ta’ żmien twil ħafna biex l-ilmijiet tal-Magħmudija jgħarrqu lill-bniedem marid li writtna.  Altru li l-ebda Nisrani ma jista’ jgħid li wasal.  Ninsabu f’mixja, pellegrinaġġ; minn Fidi għal Fidi, jgħid San Pawl.  U din il-konverżjoni minn natura li tmut għal oħra li jkollha l-Ħajja ta’ Dejjem fiha, hi attakkata l-ħin kollu mill-ikbar għadu li għandna, ix-xitan. 

 

Dan hu tassew l-għadu li Alla ma jridniex inħobbuh, imma nobogħduh b’Mibegħda perfetta. Lill-għedewwa li huma bnedmin bħalna, l-Mulej jixtieq li naslu f’qagħda tant hienja u bla egoiżmu illi nsibuha naturali li nifhmuhom, nagħdruhom, inħobbuhom ukoll.  Imma lil satana, Alla jridna nobogħduh.  Dawk li ma jfittxux lil Kristu ma jobogħdux lix-xitan imma lill-bnedmin.  Min sab lil Kristu jħobb lil kulħadd imma jobgħod lil dak li l-ħin kollu jipprova jisraqlu lil Kristu. Min qatt ma tqabad kontra x-xitan jgħid li dan hu invenzjoni, ma jeżistix; imma dawk li tqabdu t-taqbida t-tajba kontrih, jafu tassew li hu jeżisti, u dan jafuh mill-esperjenza. 

 

Min għandu l-biża’ qaddis li jitlef lil Alla, skopra ħaġa waħda: li bi Kristu magħna, satana ma jista’ jagħmlilna xejn.  Kristu jaħkem fuqu.  L-arma tax-xitan hija l-mewt u l-biża’ tagħha.  Quddiem sitwazzjoni diffiċli, ix-xitan ifaqqa’ l-frosta billi jbeżżagħna minn dak li jista’ jiġrilna.  Iġagħlna naħsbu li aħna waħedna, bla Alla, għax Alla nesa jew raqad.  Allura, jgħidlek, aħseb għal rasek għax ħadd ma jaħseb għalik.  Kun vjolenti jekk trid li ħadd ieħor ma jkunx vjolenti miegħek.  Israq biex ħaddieħor ma jisirqekx.  Qarraq, għax ħaddieħor iqarraq ukoll.  Imbotta u agħti l-iżgambetti għax hekk se jagħmlulek jekk tagħtihom ċans.  U qalb il-bniedem titwebbes bla ma jinduna waqt li x-xitan jagħtina raġun, dejjem. 

 

Kif se nirbħu dan kollu biex ma nsibux ruħna f’nofs kurrent ta’ nies imkaxkra lejn it-telfien ta’ dejjem?  Anke jekk inlissen biss l-Isem ħelu ta’ “Ġesù”, diġa hu biżżejjed biex ix-xitan jitlef l-inizjattiva.  Int m’intix waħdek.  Kristu jkeċċi l-gideb tal-għadu bħalma r-riħ itajjar iċ-ċpar.

 

L-Ewwel Qari

 

F’kapitlu 3 tal-Ġenesi niltaqgħu mal-waħx tat-telfien tal-innoċenza tal-bniedem.  Hu kien kuntent b’kollox.  Ma kellux kollox għax ma kienx Alla, u Alla poġġielu quddiemu xi regoli bħala ubbidjenza meta semmielu ż-żewġ siġriet ipprojbiti tal-Ġnien tal-Għeden.  Imma l-bniedem kien jaf li hu bniedem u Alla hu Alla u kien aċċetta b’ferħ u radd il-ħajr l-għotja kollha meravilji tal-Ħajja u tal-Ħolqien ta’ madwaru għall-qadi tiegħu.  Ma kienx jaf x’inhu ħażen u għalhekk kien fis-sliem.  Qalbu ma kienet tixxennaq għal xejn ħlief li tgawdi dak li Alla poġġa madwarha u troddlu ħajr.  Din hi l-milja tal-paċi li l-bniedem jista’ jkollu miegħu innifsu u ma’ Alla li ħalqu.

 

Imma Alla ħalaq lill-bniedem ħieles, u ma setax ma joħolqux ħieles għax Alla hu Mħabba.  Hu ma ħalaqx lill-bniedem biex joqgħod jilgħab bih, imma biex jaqsam miegħu l-Imħabba u l-Imħabba vera tħalli lill-maħbub fil-libertà.  Din il-liberta’ tal-għażla hi dak li tagħmel lill-bniedem kbir u tassew maħbub, imma fl-istess ħin huwa l-punt debboli tiegħu u Alla kien jaf li hawn kien qed jirriskja kollox.

 

Akille kien l-aktar gwerrier kuraġġuż u setgħan li kellhom il-Griegi tal-qedem.  Kien jilbes armatura tal-ħadid li kienet tiksiħ kollu kemm hu ħlief fl-għarqub ta’ saqajh.  Imma kien propju hemm li darba vleġġa tal-għadu laqtitu.  Żvina u miet.  Il-ħelsien li Alla ta lill-bniedem, u li ma setax joħolqu mingħajru hu l-għarqub ta’ Akille tagħna lkoll.  Fil-Ġnien, Eva semgħet aħbar, katekeżi, raġunar ġdid li qatt ma kienet semegħtu qabel. Kellha għadu sieket, ħiemed, li ma kinitx taf bih.  Hu tkaxkar inkiss inkiss fil-kurituri ta’ moħħha u nissel hemm l-ewwel suspett dwar Alla:  “Alla ma jridikx tiekol mis-siġra għax ma jridikx issir bħalu!”    Ġiet proklamata għall-ewwel darba il-Gidba li għadha tidwi sal-lum, li tidwi kull darba li titnissel tarbija, bniedem ġdid, fil-ġuf. “Alla għajjur għalik; ma jridikx issir bħalu; huwa rival tiegħek; lilek illimitak; mhux veru għamlek ħieles; x’Imħabba Mħabba; l-Imħabba ma teżistix.  Aħseb għal rasek u tara kif mhux vera tmut!”

 

Din hi l-verità dwar xi ġralu l-bniedem.  Issa jekk kienx hemm siġra, jew frotta, jew Adam u Eva... dan lilna ma jimpurtaniex.  Jimpurtana ħaġa waħda: ir-rejaltà li fiha jien u int twelidna.  U din l-istorja, li tidher tat-tfal, hi mimlija kollha kemm hi bl-għerf li Alla ta bi proċess lill-bniedem.  Ma kinitx l-ewwel storja li nkitbet fil-Bibbja, imma l-bniedem laħaq għadda minn proċess ta’ xprunar tal-intelliġenza tiegħu biex Alla waslu għal din l-iskoperta tal-oriġini, tal-Ġenesi tal-waqgħa tiegħu.  Alla, li jaf kollox, u qatt ma hu maħsud jew sorpriż mill-Istorja, kien jaf li kollox kien se jgħaddi minn hawn.  Li l-bniedem li Hu ħalaq b’għożża kien se jittradiH u jdur kontriH.  Diġa kellu f’moħħu l-prezz li Hu stess kellu jħallas għall-Fidwa tal-bniedem fil-persuna ta’ Ibnu l-għażiż.  Anzi l-Missier ħalaq kollox b’Ibnu u għal Ibnu.  Hu ħalaq lill-bniedem biex iħobb lill-bniedem mhux meta hu tajjeb biss iżda b’iktar ħniena meta jidneb.

 

Fid-dnub tagħna, fil-qagħda ta’ jasar tagħna, aħna niġġudikaw lil xulxin u nikkundannaw bla ħniena d-dnub ta’ ħaddieħor għax b’hekk inkunu ninħbew wara d-dnub ta’ ħaddieħor u ninsew tagħna.  Għax ir-razza tal-bniedem hi razza ta’ egoisti, ta’ nies li ma jistgħux ma jaħsbux fihom infushom l-ewwel u qabel kollox għax il-bniedem tilef is-sigurtà li kellu fil-bidu.  Wara l-Għeden, hu ma jafx min hu Alla, hux ħabib jew rival.  Sema’ kontro-katekeżi li poġġietlu suspett fis-subkonxju tiegħu u dan is-suspett seraqlu l-innoċenza. 

 

L-egoiżmu tagħna hu ferm aktar profond milli naħsbu.  Aħna naħsbu li l-egoiżmu u bħal meta t-tfal jiġġieldu fuq ċikkulata, jew meta aħna l-kbar nitqabdu fuq il-wirt.  Jerġa’ ħafna iktar.  Hi qagħda ta’ jasar.  Il-bniedem, malli l-Istorja ma togħġbux, jisplodi f’moħħu s-suspett ta’ Eva: Alla miegħi jew le?  Dan joħloq vojt li naħsbu li nistgħu nimlewh billi nakkwistaw, nakkwistaw, nakkwistaw.  Kollu ta’ xejn.

 

Dan l-egoiżmu jwerwer lill-Imħabba u jkeċċiha ’l hemm.  Adam, li kien iħobb lil martu b’mod li aħna lanqas biss nistgħu nobsru għax hu kellu innoċenza li aħna qatt ma kellna, issa jiġi jaqa’ u jqum minnha għax ħass ruħu mhedded.  Ħaseb li dan Alla issa kien irrabjat għalih għax ma obdihx.  Ħaseb li Alla ma kienx kapaċi jħobb daqshekk tant li jibqa’ jħobbu anke bl-iżball tiegħu.  Ħaseb li Alla kien bħalu.  Dawwar kollox fuq martu.  X’solitudni!  Ġisem wieħed, jinfired!  Adam għalih.  Eva għaliha.  Dan hu li jiġri l-ħin kollu fid-dinja.  U ħadd ma jista’ jdawwar ir-rotta li qabad il-bniedem ħlief Kristu, bis-sagrifiċċju tiegħU.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  3, 9-15

 

 

 

 

 

Wara li Adam kiel mis-siġra: il-Mulej Alla sejjaħlu u staqsieh: “Fejn int?”  U dak wieġeb: “Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għeri, u nħbejt.”  U staqsieh: “Min qallek li int għeri? Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek li ma tikolx minnha?”  U wieġeb Adam: “Il-mara li inti tajtni għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.”  U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X'inhu dan li għamilt?” U l-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija, u jien kilt.”  U l-Mulej Alla qal lis-serp:

 

     “Talli għamilt dan, misħut int 

     fost il-bhejjem kollha 

     u fost l-annimali selvaġġi. 

     Għal żaqqek titkaxkar, 

     u t-trab ta' l-art tiekol

     il-jiem kollha ta' ħajtek.

     U jien inqajjem mibegħda

     bejnek u bejn il-mara, 

     bejn nislek u nisilha,

     u hu jisħaqlek rasek 

     u int tisħaqlu għarqubu.”

 

U l-Mulej Alla sejjaħ lil Adam u staqsieh: “Fejn int?”  U dak wieġeb: “Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għeri, u nħbejt.”  U staqsieh: “Min qallek li int għeri? Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek li ma tikolx minnha?” [ U wieġeb Adam: “Il-mara li inti tajtni għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.” U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X'inhu dan li għamilt?” U l-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija, u jien kilt.”  U l-Mulej Alla qal lis-serp:

 

     “Talli għamilt dan, misħut int 

     fost il-bhejjem kollha 

     u fost l-annimali selvaġġi. 

     Għal żaqqek titkaxkar, 

     u t-trab ta' l-art tiekol

     il-jiem kollha ta' ħajtek.

     U jien inqajjem mibegħda

     bejnek u bejn il-mara, 

     bejn nislek u nisilha,

     u hu jisħaqlek rasek 

     u int tisħaqlu għarqubu.”

 

Salm Responsorjali

 

Satana rnexxielu jdaħħal f’moħħ il-bniedem l-esperjenza tal-biża’, ħaġa li ma kienx jaf biha fil-bidu meta hu kien għadu nnoċenti u konvint li Alla ħalqu sforz l-Imħabba tiegħU.  Malli tilef is-sigurtà tal-Imħabba, għax issa ma kienx ċert iktar Alla min hu billi emmen lill-Ħażin,  il-bniedem beda jara kollox tqil; kollox sar sfida: il-Ħajja nnifisha, l-ambjent ta’ madwaru, l-annimali, ix-xogħol, is-saħħa tiegħu... u fuq kollox ir-relazzjoni mal-“ieħor”. Fl-Għeden, Adam induna li hu kien kapaċi jabbanduna u jitradixxi lil martu jekk hu jkun fil-periklu.

 

L-ewwel darba li tidher il-Kelma “biża’ fil-Bibbja huwa f’vers 10 tal-Kapitlu 3 tal-Ġenesi, li għadna kif qrajna.  Adam jibża’ minn Alla għax dineb.  “Smajt ħossok fil-ġnien”, jgħidlu, “u bżajt għax jien għeri, u nħbejt.”  U mill-ewwel Alla jgħidlu: “Jaqaw kilt mis-siġra?”  Jaqaw ma emmintnix meta għidtlek li jekk tinqata’ minn miegħi, tmut?  Jaqaw ħsibt ħażin fija?  Minn hawn ’il quddiem, l-azzjonijiet kollha tal-bniedem huma ddettati minn xi biża’, minn xi tħassib, mill-kundizzjoni tiegħu ta’ dgħufija, ibda minn Kajjin li qatel lil ħuh sal-gwerra nuklejari li qed nibżgħu minnha fi żmienna.

 

Is-Salm li għandna llum huwa Salm 130, Salm imqanqal ħafna, emozjonali u li tassew joħroġ mill-qalb.  Salm li jurina x’teżor, x’ġawhra huma s-Salmi.  Salm ta’ lamentazzjoni ta’ bniedem li, minħabba l-waqgħa tal-bidu ta’ Adam, qiegħed issa jsofri l-konsegwenzi, bħalma nsofruhom aħna. Tant kedded, tant inkwiet, tant inġustizzji, tant tensjoni.  Dawn kollha huma parti minn ħajjitna u fuqhom jitkellmu s-Salmi, bħalma jitkellmu wkoll fuq il-ferħ, is-saħħa, l-għors tal-Ħajja, it-tenerezza tal-Imħabba ta’ Alla u l-Providenza tiegħu.

 

Is-Salmista jokrob għax, bħall-bqija tal-bnedmin, hu jidenb u jiżbalja, għax wiret il-laħam ta’ Adam.  Hu jixtieq li kien xi ħaddieħor: iktar fidil lejn Alla, iktar ubbidjenti, iktar “twajjeb”, iktar kapaċi jieqaf lill-Ħażin, l-għadu tiegħu.  Imma huwa xorta hu mimli tama.  Għalkemm dan hu Salm ta’ lamentazzjoni u sikwit jintuża fil-funerali, huwa Salm li jipproklama l-Imħabba u l-Maħfra ta’ Alla, bħalma suppost, wara kollox, jagħmel funeral  Nisrani. 

 

Is-Salmista huwa konxju ħafna tal-ġibda naturali tiegħu lejn il-ħażin u lil Alla jgħidlu li jekk se joqgħod jiflilu kull żball u kull ażżjoni li jagħmel, mitluf hu.  Nies bħal dawn lil Alla minn dejjem għoġbuh!  Alla dejjem iggosta nies li jħabbtu fuq sidirhom bis-serjetà u mhux bla ma jafu x’qed jagħmlu, jew saħansitra b’ipokrizija.  Nies bħal Pietru li qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għax jiena midneb!” (Lq. 5, 8). Jew il-pubblikan tat-Tempju li qallu: “Mulej, ħniena għax jien midneb!” (Lq. 18, 13).  Jew bħall-ħalliel imsallab miegħu li qallu: “Ftakar fija Mulej meta tkun fis-Saltna tiegħek!” (Lq. 23, 42).  Jew, forsi l-aqwa eżempju: David li lill-Mulej jgħidlu: “Ikollok ħniena minni O Alla fi tjubitek; fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.  Għax jiena ssawwart fil-ħtija u fid-dnub wildittni ommi!”  (S. 51, 3.7). 

 

Dan il-bniedem li kiteb is-Salm li għandna, jħoss li jinsab f’qiegħ l-art, fi kriżi u dippressjoni, mhux għax ipprova jirnexxi f’xi ħaġa u falla, jew kellu xi biċċa negozju kbira li kien jistenna kemxa kbira minnha u baqa’ b’xiber imnieħer.  Lanqas għax mar għand it-tabib u tah aħbar ħażina.  Jinsab fil-qigħan tal-art għax xtaq ikun fidil mal-Mulej imma ma kienx kapaċi jirreżisti l-ħażin.  Min minna għandu din bħala l-ikbar dieqa ta’ ħajtu.  Dan huwa Salm ta’ Ndiema perfetta.

 

Għalkemm midneb, huwa jistenna l-Mulej, jistenna li jirranġa miegħu, jistenna li l-Mulej jissorprendih bl-Imħabba u mhux kif jgħidlu l-qarrieq, bil-kastig.  Huwa jistenna l-Imħabba tal-Mulej aktar milli l-għassiesa ta’ bil-lejl jistennew is-sebħ biex imorru lejn darhom.  Kemm hi sabiħa din it-tixbiha!  Anzi mhux hu biss imma Iżrael kollu: “Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, jistenna Iżrael lill-Mulej!  Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, u l-fidwa għandu bil-kotra.”  (vv. 6-7).  Ara kemm mexa ’l quddiem il-bniedem fl-għarfien tiegħu ta’ Alla: Adam jinħeba minn Alla minħabba d-dnub, imma s-Salmista huwa mbuttat lejn Alla u jitniehed għalih minħabba d-dnub tiegħu!

 

U l-Missier iwieġeb għal dan kollu billi jibgħat lil Ibnu, iħalliH jitla’ fuq Salib bħala vittma tat-tpattija għan-nies bħal dan il-bniedem li kiteb dan is-Salm, għax il-qalb tal-Missier dejjem tgħarrex biex tara jekk l-iben prodigu li tbiegħed minnu jerġax jiġi lura biex jaħfirlu.

 

Ritornell: Għand il-Mulej hemm it-tjieba, u l-fidwa hi għandu bil-kotra.

 

Salm 130

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa,

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra,

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna,

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi,

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ,

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,

u l-fidwa għandu bil-kotra.

 

Hu li jifdi lil Iżrael

minn ħtijietu kollha.

 

It-Tieni Qari

 

Is-saħta li ġabilna d-dnub hija l-Mewt.  Imma din il-Mewt ħadha fuqu Ġesù biex aħna bħal għasfur naħarbu mix-xibka.  Din hija l-Fidi Nisranija.  Il-Fidi Nisranija mhix reliġjon, imma “Aħbar Tajba”, “Aħbar ta’ barra minn hawn”, “Bxara li triegħed l-Istorja mhux tal-umanità biss, imma fuq kollox tiegħi u tiegħek”.  Reliġjon tagħtik sensiela ta’ kmandamenti u preċetti: jekk inti bravu u tobidhom, inti tgħaddi għall-premju; jekk le, hemm il-kastig. Dan eżatt bħall-eżami tal-iskola.

 

Ġesù Kristu jaqta’ n-nifs lix-xitan.  Ix-xitan jixlina u ma jigdibx hawn għax tassew li nidinbu.  Hu jħajjarna għall-ħażen u aħna naqgħu biex imbagħad hu jmur quddiem Alla u jixlina, għax l-għors tiegħu hu li jara l-Mewt ta’ dejjem tinżel fuqna bħala kastig.  Imma ara ġej l-għaġeb tal-Aħbar ta’ Kristu: maġenb il-Missier hemm l-Iben u Hu jdur fuq il-Missier u jgħidlu: “Għal dan, għal din, jien xerridt demmi fuq is-Salib.  Għalih/għaliha għandi ġismi mmarkat bil-pjagi.  Dawn emmnu fija u l-merti tiegħi huma tagħhom; ir-rebħa tiegħi hija tagħhom.”

 

Dan hu l-Kristjaneżmu: l-iskoperta tas-Salib ta’ Kristu bħala tpattija għalina.  Dan hu r-ritorn lura ta’ Adam lejn il-Missier.  Adam iddubita mill-Imħabba u staħba minnha għax ħaseb li hi se tikkastigah.  Imma quddiem Kristu msallab għalih, Adam jersaq lejn il-Missier u jgħidlu: “Missier, ġejt lura għax Ibnek miet għalija.  Jien m’għandix merti biex inpatti dnubi, imma l-merti tiegħU huma l-merti tiegħi għax jien emmint fiH.”  Dan hu n-Nisrani.  Dan hu li jsalva lid-dinja.  Hemm Ħajja bla tmiem tistenniena.  U anke jekk il-ġisem jixjieħ u jintemm, xejn ma jaqta’ qalb il-Fidi tagħna.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  4, 13 – 5, 1

 

Ħuti : Billi aħna għandna l-istess spirtu ta' fidi li fuqu hemm miktub: "Emmint, u għalhekk tkellimt," aħna wkoll emminna, u għalhekk tkellimna; għax nafu li dak li qajjem lill-Mulej Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma' Ġesù u jressaqna quddiemu flimkien magħkom.  Għax dan kollu minħabba fikom, biex il-grazzja tilħaq ħafna bnedmin oħra, u b'hekk jitkattar ir-radd ta' ħajr, għall-glorja ta' Alla.

  

Għalhekk ma naqtgħux qalbna, għax imqar jekk il-bniedem ta' barra jitħassar, il-bniedem ta' ġewwa jiġġedded minn jum għal jum.  Id-daqsxejn ta' tbatija tagħna ta' issa tħejjilna kobor ta' glorja bla qjies għal dejjem;  lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem.

 

Aħna nafu li jekk din it-tinda ta' l-għamara tagħna fl-art tiġġarraf, aħna għandna dar oħra, maħduma mhux bl-idejn, imma xogħol ta' Alla, għal dejjem fis-sema.

 

Evanġelju

 

L-Evanġelu tal-lum huwa qari qawwi.  Kristu huwa akkużat li l-Ispirtu tigħu huwa l-ispirtu tax-xitan !  Anke qrabatu stess ħasbu li tilef moħħu u saħansitra ġarrew magħhom lil Ommu nnifisha biex jippruvaw jikkonvinċuh jerġa’ lura lejn id-dar, jieħu ħsieb Ommu u jerġa’ jaqbad is-sengħa li għallmu missieru u hekk jgħix fil-kwiet, Hu u huma wkoll !

 

Huwa ċar li Kristu huwa sinjal ta’ kontradizzjoni.  Huwa jġib it-taħwid !  kif jista’ jkun mod ieħor ?  Hu jċaqlaq l-ilma tiegħi u tiegħek.  Aħna rridu li nkunu ilma kwiet, ma jitħarrikx, bla ħoss, bla riskji.  Dan hu li nixtiequ aħna !  Nixtiequ ndendlu tabella mal-bieb ta’ barra « Do not disturb » u ħalluna fil-kwiet.  U jiġi Kristu, jidħol fil-Ħajja ta’ dak li jkun, iqanqallu l-ilma qiegħed tiegħu, iqallibulu… u kieku taf x’intiena toħroġ !  Kristu ma jridx jara mewt imma Ħajja !  Ma jridx jara telqa imma ħeġġa !  Ma jridx jara nuqqas ta’ Fidi imma nies li f’qalbhom għandhom Ħuġġieġa taqbad u li biha jqabbdu l-qalb tal-oħrajn !

 

Lill-Fariżej u l-kapijiet reliġjużi qalbilhom ħajjithom u dejjaqhom, anzi dardarhom.  Bdew jidgħu biH.  Mamma mia !  Bdew jidgħu bl-Ispirtu s-Santu għax l-Ispirtu s-Santu li kien jgħammar fiH qalu li kien l-ispirtu ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten !  Għal Kristu dan hu d-dnub il-kbir.  Dan id-dnub ma jħallikx temmen li Kristu miet għalik u għalhekk dak li jkun jintilef għal dejjem.  Qrabatu ħasbuh miġnun !  Kemm persekuzzjonijiet għan-Nisrani.  Kemm jaħsbu ħażin fih, ibda minn ta’ ġewwa !  Is-soċjeta ippersegwitat lil Kirstu u tippersegwita lill-Knisja.  Is-soċjetà gidbet fuq Kristu u tigdeb fuq il-Knisja.

 

Huma dawk li jiskopru fihom l-istint li jgħidilhom li fi Kristu biss hemm dak kollu li fittxew f’Ħajjithom, huma dawk li jsibu t-Teżor. Tnejn jisimgħu l-istess tħabbira : wieħed jiddawwal, l-ieħor jitlaq l’hemm qisu ma sema’ xejn.  X’misteru !  Lili u lilek, Alla qed jistedinna biex inkunu Ommu u, wkoll, ħutu l-vera, mhux dawk li ħasbu li moħħu kien mar.  Ommu emmnet l-Aħbar.  Kienet l-ewwel waħda, dak in-nhar tal-Anġlu f’Nazaret.  Hi emment u jekk jien u int nemmnu nissieħbu magħha.  Magħha nkunu Omm Ġesù għax Ġesù jitnissel f’qalb dawk li jemmnu fih u mhux igiddbuh.

 

Versett :  Hallelujah.  Is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, qered il-mewt, u wera fid-dawl il-ħajja permezz tal-Evanġelju.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  3, 20-35

 

F’dak iż-żmien, Ġesù, flimkien mat-tnax, mar id-dar, u l-kotra reġgħet inġemgħet, hekk li anqas biss setgħu jieklu.  Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu.

 

Il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: "Dan għandu fih lil Begħelżebul," u wkoll, "Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten."   Hu sejjħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: "Kif jista' x-Xitan ikeċċi x-Xitan?  Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa.   U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa.  Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista' jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem.  Ħadd ma jista' jidħol fid-dar ta' wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; mbagħad id-dar jaħtafhielu żgur.  Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu.  Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa' ħati għal dejjem."  Għax kienu qalu: "Għandu fih spirtu ħażin."

 

Darba ġew ommu u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejjħulu.  Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru. "Ara", qalulu, "ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk."  U hu weġibhom: "Min huma ommi u ħuti?"  Mbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: "Dawn, ara, huma ommi u ħuti.  Kull min jagħmel ir-rieda ta' Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi."

 

 
< Prev   Next >