Saturday, 21 July 2018
           
Home arrow News arrow Latest arrow IL-HDAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2018) X’INHI L-KNISJA ?
IL-HDAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2018) X’INHI L-KNISJA ? PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 17 June 2018

Din hija il- Liturgija tal-Hdax il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 003-parables-kingdom-heaven.jpg

 

X’inhi l-Knisja ? Mistoqsija taħraq !  Taħraq anke fi żminijietna meta ħafna li ma tantx jinkwetaw fuqha jgħidu li l-influwenza tagħha qed tisparixxi minn pajjiżna kif sparixxiet minn ħafna pajjiżi sekulariżżati.  Malli ssemmi l-Knisja ibqa’ ċert li ftaħt suġġett jaħraq u, b’sorpriża, jinteressa lil ħafna.  Iktar kemm il-bniedem isir « tad-dinja » iktar isibha bi tqila jifhem il-Knisja u jippretendi u jiddetta li l-Knisja trid issir bħalu, « biex ma tinqatax min-nies », jgħidu.

 

Nistgħu nirrispondu din il-mistoqsija billi ngħidu x’mhix il-Knisja.  Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu mhix xi Saltna ta’ din l-art.  Kristu sejħilha « Saltna » bħalma sejjaħ lilu nnifsu « Sultan » « imma mhux ta’ din l-art », Hu qal.  Hafna minn ġol-Knisja stess waqgħu f’din it-tentazzjoni fl-imgħoddi, u dan irriżulta f’pompi żejda u palazzi għal dawk li mxew l-aktar ’il quddiem fit-tmexxija tagħha.  Dan ġab ukoll marda ; marda ta’ kompromessi u anke ftehim ma’ gvernijiet u mexxejja tad-dinja li kienu ħatja ta’ dnubiet kbar.

 

Il-Knisja ma tiddependix fuq kollox minn kemm in-nies tagħha huma kapaċi jmexxu, jorganizzaw u jkunu nteliġġenti.  Lanqas il-qdusija tagħha ma tiddependi fuq il-merti u t-« tjieba » tal-bnedmin. Anke hawn, il-Knisja ġieli ċediet għal din it-tentazzjoni u ppruvat tikkopja d-dinja billi torganizza ruħha tajjeb, tagħmel statistiċi, statuti, tiġbor flus għal proġetti, issir brava fl-użu tal-midja moderni… issir dejjem iktar effiċjenti.

 

Lanqas hemm għalfejn il-Knisja tagħmel ħafna storbju, tagħmel pressjoni, tkun vjolenti b’mod makakk biex tikseb kisbiet temporanji u li jdumu ftit, bħal kull ħaġa oħra materjali.  Il-Knisja m’għandhiex għalfejn tkun popolista u titkellem b’mod li jintogħġob biex issir popolari.  Dan  ġieli sar fl-imgħoddi u llum hawn min għandu nostalġija għall-Knisja ta’ sittin sena ilu u iktar meta l-Knisja kienet « tikxef snienha » u tbeżża’ l-għedewwa.

 

U lanqas ma hi l-Knisja xi NGO kbira ; organizzazzjoni bi storja antika ta’ karità.  Il-missjoni tagħha mhix prinċipalment biex tkun preżenti fil-pajjiżi l-fqar u titma’ lill-foqra, anke jekk dan hi tagħmlu wkoll u tagħmel tajjeb u tkun qed tobdi lill-Imgħallem tagħha meta tagħmlu.  Imma l-Knisja mhix NGO.  Hafna jixtiquha li tkun hekk.  Anzi, id-dinja tirrispettaha meta tkun hekk. Il-Knisja trid li l-Knisja tkun NGO u hekk ma toħloqx problemi billi tkun sinjal li mhux il-materjali biss jeżisti.

 

Hemm ħafna affarijiet oħra li mhix il-Knisja.  Il-Knisja mhix Saltna ta’ din l-art għax hi magħmula minn nies umli li skoprew li fi Kristu hemm għana u sens għall-Ħajja li d-dinja mhix kapaċi tagħti.  Bl-arroganza tagħha b’kollox, id-dinja hi miżżewġa lill-mewt.  Kulma għandha d-dinja qed imut.  Kollox jitħassar, imma l-bniedem għandu ħolma ta’ eternità ; iġorr fih vojt li l-etern biss jista’ jimla, u issa jew imbagħad kull bniedem jiġi wiċċ imb’ wiċċ ma’ din l-enerġija moħbija ġewwa fih.

 

Il-Knisja hi magħmula minn nies dgħajfa.  Alla għażel lil Iżrael, l-aktar dgħajjef fost il-ġnus.  Hu għażel sajjieda bħala l-ewwel dixxipli.  Hu jkompli jagħżel nies li jafu li huma dgħajfa u li kulma għandhom hu grazzja.  Dan Alla jagħmlu u jerġa’ jagħmlu biex tidher il-glorja tiegħu u mhux tal-bnedmin.  Gwaj għall-bniedem meta jikseb il-glorja : kbira tkun il-waqgħa tiegħu.  Għalhekk huwa l-Ispirtu s-Santu li jmexxi l-Knisja u mhux dak jew l-ieħor.  U terġa’, l-Knisja hi qaddisa mhux għax hi magħmula qaddisa min-nies, mill-membri tagħha, imma għax fiha jgħammar il-Qaddis.  Il-membri tagħha huma qaddisin ukoll għax ġew imqaddsa mill-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Huma qalu « Iva ! » lil Alla b’qalbhom kollha, imma b’daqshekk ma sarux qaddisin.  Huma ħallew lil Alla jagħmilhom qaddisin, u llum, bħal dejjem, il-Knisja hi mimlija nies qaddisa li jaħsbu li huma midinbin u agħar minn kulħadd !

 

Il-Knisja hi « fqira » għad-dinja.  Tajjeb !  Hekk għandu jkun.  Id-dinja ma tifhimx fil-Verità.  Dak li jimpressjona d-dinja hu falz minnu nnifsu.  Dak li jiġbed l-applaws tad-dinja hu frugħa.  Il-Knisja li waqqaf Kristu hi fqira, bla influwenza, bla setgħa, magħmula minn nies normali li ma jiswewx.  Hekk kienet il-Knisja fil-bidu.  Imma kienet din il-Knisja li ħakmet lill-Imperu Ruman, ħaġa li ħadd ma għamel qabel.  Kienet din il-Knisja li ma tgħajjatx u ma tbeżżax li niżżlet lill-Imperaturi ta’ Ruma għarkupptejhom quddiem Kristu !

 

Il-Knisja tassew li minn dejjem għenet lill-fqir, lill-imsejken, lill-imwarrab.  L-Istorja tixhdu dan !  Min waqqaf l-universitajiet għall-ewwel darba ?  Min fetaħ djar ta’ kenn għall-orfni u ġabarhom mill-ġuħ u l-mard tat-toroq ?  Min ħenn għar-romol meta l-gvernijiet qajla kienu jeżistu ?  Min għallem lill-fqar jaqraw u jiktbu u ħeġġiġhom jitgħallmu snajja li bihom bnew katidrali meraviljużi li huma l-glorja tal-bniedem ?  Min għaqqad l-Ewropa fi spirtu wieħed komuni, fidi waħda, kultura waħda ?  Dawn u tant oħrajn kienet il-Knisja li wettqithom għax fiha hemm l-Imħabba ta’ Alla tgħammar għall-bniedem.  Imma l-Knisja mhix NGO !  Mhux din hija l-missjoni ewlenija tagħha u jekk nintilfu fl-attiviżmu bħala l-unika triq inkunu qed naljenaw ruħna.  Il-Knisja qegħda fid-dinja biex tkun Kristu ħaj preżenti hawn.  Hu veru li Kristu fejjaq u tema’, imma mhux din kienet il-missjoni ewlenija tiegħu.  Hu ġie biex imut għall-bniedem u jqum biex jiġġustifikah u jagħtih ix-Shalom, is-Sliem, billi jfejqu minn ġewwa u mhux minn barra.  Dan hu x-xogħol tal-Knisja : li xxandar lil Kristu bħala l-Waħdieni li jaf x’inhi l-problema tal-bniedem u li din qegħda f’qalbu u mhux f’ġismu.  Meta tagħmel dan il-Knisja ma tibqax popolari mad-dinja.  Jgħajruha li tifred, hi fundamentalista, anke omofobika !  Hi li tagħti ħajjitha, bħall-Imgħallem, biex issalva l-bniedem, u jgħajjruha li hi għadu tal-bniedem għax ir-reliġjon iġġib il-ġlied, il-firda, id-differenza !

 

Huwa meta l-Knisja ssir tixbah dejjem iktar lill-Qaddej ta’ Jahweh li lemaħ Isaija, li hi ssir il-Knisja awtentika ta’ Kristu.

 

L-Ewwel Qari

 

Alla huwa Sid l-Istorja.  Kull min jemmen f’Alla, jemmen f’dan, anke jekk sikwit dan ma jidhirx minn dak li jkun jiġri madwarna.  Il-bniedem jaħseb li jġib il-paċi hu, li jieħu ħsieb din il-pjaneta hu, bil-politika u l-ħsieb tiegħu.  Min għandu għajnejn tal-Fidi jara li Alla joħroġ il-ġid għall-bniedem mill-iżbalji li hu jwettaq.

 

U jekk Alla hu Sid l-Istorja, għax inkella x’Alla hu, Huwa wkoll Sid l-Istorja tal-Knisja.  Huwa Hu li jmexxiha, jnaddafha, jiżborha, jisqija, jħammlilha l-ħamrija ta’ madwarha u jdemmilha biex jagħtiha s-sustanzi.  Hu jinqeda bin-nies, bil-profeti li jibgħat, anke bis-sistema tagħha, imma huwa Hu l-qawwa moħbija fil-Knisja.  Eżekjel dan lemħu f’viżjoni, f’forma ta’ parabbola.

 

Iżrael kien sar siġra kbira, imma minnha l-Mulej qata’rimja żgħira, tarja li kien il-Messija li twieled minn Iżrael.  Huwa żera’ din ir-rimja f’post għammiel u saret siġra enormi li taħtha ġew jistkennu l-bnedmin minn kull ġens u lingwa.  Kristu sar Knisja li firxet il-friegħi tagħha kullimkien.  Hija Kattolika, jiġfieri Universali.  Mhemmx iswed jew abjad, sinjur jew fqir, intelliġenti jew ta’ bla skola, sid jew ilsir… kulħadd hu aħwa għad-dell ta’ din is-siġra.  Dak li t-Torri ta’ Babel fired, il-Knisja għaqqdet.  Imma huwa Alla li jista’ jnixxfilha l-weraq tagħha, jew inkella jħaddarha wara ż-żmien ta’ nixfa.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.  17, 22-24

 

Dan jgħid Sidi l-Mulej:

 

"Jien naqta' mill-quċċata taċ-ċedru l-għoli,

minn tarf il-friegħi l-għolja, rimja żgħira,

u nxettilha fuq il-muntanja għolja u kbira;

fuq il-muntanja l-għolja ta' Iżrael inxettilha.

 

U hi toħroġ il-friegħi,

u tagħmel il-frott,

u ssir siġra sabiħa taċ-ċedru.

U taħtha jistkenn kull tajr tal-ġwienaħ,

jistkennu għad-dell tal-friegħi tagħha.

 

U jagħrfu s-siġar kollha tar-raba'

li jien il-Mulej,

li siġra għolja nċekkinha,

u siġra żgħira nkabbarha;

nnixxef is-siġra l-ħadra,

u n-niexfa bil-weraq inħaddarha.

 

Jien, il-Mulej,

tkellimt, u li għedt nagħmlu."

 

Salm Responsorjali

 

Ħafna jaħsbu li “tkun tal-Knisja” jfisser li tiċċaħħad mill-gost tad-dinja, tas-sabiħ, titlaq il-Ħajja, tiċċaħħad, tkun dejjem bil-geddum.  Din hi gidba li deffes ix-xitan fil-moħħ ta’ ħafna.  Din hija injoranza dwar il-Knisja u dak kollu li tfisser.  Mhux veru li Kristu jrid jeħodlok xi ħaġa.  Anzi Hu jrid jagħtik il-Ferħ, il-Ħelsien, l-Imħabba… u dan kollu “gratis”, jiġifieri b’xejn, bla ma jippretendi xejn.  Kirstu huwa għotja sħiħa ta’ Alla għall-bniedem li Hu ħalaq.

 

Il-bniedem li “sab” lil Kristu huwa bniedem mimli gratitudni u radd il-ħajr; ma jafx kif għandu jgħid “Grazzi!!” lil Alla.  Is-Salmista jfaħħar lil Alla bil-kliem li jużaw il-bnedmin imma huwa t-taħbit u t-ħannin tal-qalb li l-aħjar li jesprimu l-Imħabba.  In-Nisrani, il-maħbub ta’ Kristu, huwa bħal siġra sabiħa tal-palm li l-qawwa tagħha qegħda fejn ma tidhirx.  L-għeruq ħoxnin tagħha huma l-qawwa tagħha.  Dawn jinżlu ’l isfel ħafna sakemm isibu l-ilma għaddej ġieri taħt id-deżert mejjet.  U anke jekk xuxxitha hi taħt in-nar tax-xemx qalila, hi ma tinkeddx għax il-ħin kollu terda’ mill-ilma misterjuż dejjem ġej.

 

Dan hu n-Nisrani!  Jekk Kristu ma jrid jieħu xejn lil ħadd, xorta ma wiegħedx Ħajja ħafifa.  Min iħobb ma jafx joqgħod bi kwietu.  L-Imħabba hi l-isbaħ ħaġa u t-tbatija fl-Imħabba titlef in-niggieża tagħha.  Kemm hi aħjar Ħajja bi tbatija imma mimlija Mħabba, milli ħajja komda, ma jdejqek ħadd, imma waħdek, dejjem waħdek, dejjem bil-għatx għal tbissima.  Imma jekk in-Nisrani għandu x-xemx tal-kuntrarju tiżreġ fuqu, hu ma jgħejjiex, ma jiddejaqx, ma jaqtax qalbu, ma jgergirx… għax il-ħin kollu jixrob mill-ilma moħbi tal-Imħabba tal-Mulej tiegħu.

 

U anke jekk is-siġra tixjieħ, tibqa’ tagħti l-frott, tibqa’ tagħmel il-ġid, u tfaħħar lil Alla.  Tibqa’ tħaddar f’dinja bla kulur għax kulħadd ħsiebu fih innifsu.

 

Ritornell:  Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.

 

Salm 92

 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,

li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,

Nxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek,

u billejl il-fedeltà tiegħek,

 

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar,

bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Mħawwlin f'dar il-Mulej,

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta' Alla tagħna.

 

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,

kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,

u ebda qerq ma jinsab fih.

 

It-Tieni Qari

 

L-arma sigrieta tan-Nisrani hi li hu għandu ċertezza, “Assurance”, garanzija fil-fond ta’ qalbu li hu mhu se jmut qatt.  Ħa jixjieħ, jimrad, u jmut ġismu kemm irid, imma l-Ħajja tibqa’ għaddejja, għax il-Ħajja ġejja minn Alla u hu jaf li Alla jħobbu b’Imħabba eternal. Din mhix ċajta!  Dan mhux għax għallmuhielu fid-duttrina.  Ħadd mhu se jpoġġi rasu taħt mannara għax xi ħadd qallu li hemm Ħajja oħra.  Il-Fidi hi li l-Mulej imisslek qalbek fis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu, u z-zkuk li int ġbart b’dak li smajt fuq Alla, jieħu n-nar fik u jsir Ħuġġieġa li ħadd u xejn ma jista’ jitfihielek!  Dan hu veru.  Staqsi lil min ġarrab dan.

 

It-tagħlim isir konvinzjoni, u din il-konvinzjoni dwar l-Imħabba ta’ Alla u l-Ħajja ta’ Dejjem tibdillek il-mod kif tħares lejn kollox: lejn is-salib, lejn in-nies, lejn l-Istorja li għandek, lejn il-problemi li qabel kienu donnhom muntanji imma li ħdejn iċ-ċertezza tar-rebħa fuq il-mewt, isiru żrar żgħir.  “Aħna ngħixu bil-fidi”, jgħid San Pawl f’dan il-qari.  Iċ-ċertezza ma tiġix biss minn ħwejjeġ li tara.  Ħadd minna ma mar fuq il-qamar, imma nafu li fuqu jistgħu jinżlu n-nies għax ċerti li darba niżlu.

 

Din il-Fidi hi rigal ta’ Alla.  Jekk m’għandekx, tista’ titlobha.  Anzi nistiednek titlobha.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  5, 6-10

 

Ħuti: Aħna dejjem qalbna qawwija u nafu li sakemm indumu mlibbsa b'dan il-ġisem, nibqgħu 'l bogħod mill-Mulej: għax aħna ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni.  

 

Aħna qalbna qawwija u persważi li aħjar noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej.  Għalhekk fuq kollox aħna nfittxu li nogħġbu lilu, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn dan il-ġisem.  

 

Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta' Kristu, ħalli kulħadd jieħu skond  it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.

 

Evanġelju

 

Kristu jrid li jkollu Knisja umli u dawn il-parabboli li se nisimgħu jixhdu għal dan.  Il-bidwi huwa dak li jevanġelizza.  In-Nisrani huwa evanġelista min-natura tiegħu.  Jekk sab lil Kristu kif qatt jista’ jkun li ma jitkellimx fuqu.  U jekk isib li l-kliem hu fqir wisq, jew hu dgħajjef biex jitkellem quddiem ħaddieħor jew anke f’widnejn ħaddieħor, hu jista’ jxandar, jitfa’ ż-żerriegħa billi jgħix skont Kristu.  Dan ikun ħafna mhux ftit.

 

Aħna ngergur li ftit naraw frott fl-evanġelizzazzjoni.  Donnu nitfgħu iż-żerriegħa u ma jikber xejn, anzi donnu li l-art qiegħda dejjem iktar titballat!  Mhux veru!  Kollox miexu lejn it-tajjeb, fis-sigriet.  Il-Mulej jaf x’inhu jagħmel.  Inħallu f’idejh!  Nitfgħu ir-responsabiltà tal-frott fuqu.  L-ispallejn ta’ Alla jifilħu għal ħafna responsabiltà, tbizax! 

 

Il-Knisja qegħda f’idejn tajba... M’hemmx għalfejn noqogħdu niftaħru li ħadd ma jista’ għaliha.  Dan hu kliem fieragħ tal-bnedmin.  Anzi hu tajjeb li ngħaddu min-nixfa, minn żmien fejn dak kollu li kien jidher sabiħ f’għajnejna, sejjer lura.  Tibżax.  Ħaliha tiżreġ ix-xemx.  Ftakar li s-siġra l-vera tinsab mhux mill-ħamrija ’l fuq, iżda taħt, fejn hemm l-għeruq li ma jintaħqux mir-riefnu, u fejn hemm l-ilma tal-Ispirtu s-Santu għaddej li n-nixfa ma tafx bih. 

 

Fiduċja f’Alla!  Kemm fil-Ħajja tagħna personali, kif ukoll fil-Ħajja tal-Knisja.

 

Versett: Hallelujah. Ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawla fikom, li tista’ ssalvalkom irwieħkom. Hallelujah.

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lill-kotra tan-nies:  "Is-Saltna ta' Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet  iż-żerriegħa fl-art.  Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif.  L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, mbagħad is-sbula, mbagħad il-qamħ mimli fis-sbula.  U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu  għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad."

  

U qal: "Ma' xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta' Alla, jew b'liema parabbola nfissruha?  Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara' fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art;  imma wara li tinżara' tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar ta' l-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha."

  

B'ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma,  u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

 

 
< Prev   Next >