Saturday, 21 July 2018
           
Home arrow Home
24 TA’ GUNJU, 2018 IT-TWELID TA’ WANNI L-BATTISTA IX-XBIHA TAN-NISRANI LI J&ABBAR LIL KRISTU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 23 June 2018

Din hija il- Liturgija TAT-TWELID TA’ ĠWANNI L-BATTISTA bi hsibijiet  min Joe Rapa.

st-john-the-baptist-detail.jpg

 

Il-Knisja Kattolika, mxerrda mad-dinja kollha tagħmel żewġ festi kbar f’ġieħ il-patrun tal-parroċċa tagħna, San Ġwann Battista : it-twelid tiegħu għad-dinja u t-twelid tiegħu għall-eternità ta’ glorja, wiċċ imb’wiċċ mal-Missier, fejn nittamaw b’ħerqa kbira li għad ningħaqdu miegħu meta jasal il-Jum tal-Glorja tagħna.  Il-parroċċa tagħna l-iktar li tiffesteġġja hija l-miġja tiegħu fostna, li ma tfissirx biss it-twelid tiegħu imma l-ħajja u l-missjoni tiegħu kollha fuq din l-art.  Il-Liturġiji li l-Knisja għandha biex bihom tiċċelebra l-Misteru ta’ dan il-Profeta qaddis huma għonja ħafna.  Hawnhekk, din is-sena, se nikkummentaw fuq il-qari tal-Vġili ta’ din il-Festa kbira.

 

Ngħiduha mill-ewwel li San Ġwann huwa sfida għal kull min jgħid li jrid jimxi wara Kristu.  Huwa faċli li nħallu s-sentimenti u l-emozzjonijiet jingannawna.  Dawn l-affarijiet Ġwanni rmiehom bħallikieku kienu knis.  Ħalla lill-familja tiegħu bħallikieku ma għeżistitx u qata’ l-irbit minn magħha u teliqilha lejn id-deżert fejn tgħallem jaħkem lil ġismu bħallikieku ġismu kien xi bhima selvaġġa li tiġi mmansata u tibda tobdi dejjem.  Dan għamlu għax sab teżor enormi ġewwa fih innifsu, u dan l-għana bla qies kien Alla.  Mhux bil-ħila tiegħu imma bi Grazzja kbira li Alla tah għax ried jagħmel minnu xabla msinna tajjeb li taqta’ u li magħha mhemmx ċajt fejn tidħol il-verità.

 

 

Il-profeti ma tantx kienu nies ħelwin.  Fuq il-profeta, l-boloh ma setgħux jgħidu : « Dak baħbuħ !  Minn tagħna, tafx.  Dħuli u ta’ man-nies ! »  Mela le !  Ġwanni l-Battista, bħall-profeti ta’ qablu, kien jiġi jaqa’ u jqum mill-popolarità.  Naħseb lanqas biss kien jaf xi tfisser din il-kelma.  Hu kien jaf li Alla bagħtu fuq missjoni serja mmens.  Ġie mtarraf lilu xi ħaġa li ħadd, ħlief il-Madonna, ma kien jafha: kien wasal il-Messija u hu, iva hu, kien se jkun il-Prekursur tiegħu, dak li jlestilu poplu biex jilqgħu.  Biex iwettaq dan ix-xogħol, Ġwanni ma ta kas ta’ xejn u ta’ ħadd.  Ħaġa waħda kienet importanti: ir-Rieda ta’ Alla, il-Verità.  Minn hawn ma kienx se jitħarrek u la għax kellu l-familja, u la għax kien se jbati l-ġuħ u l-għaks u la għax dawk “tal-knisja”, “tat-Tempju” kienu se jarawh ikraħ u jaħsbuh miġnun, u lanqas quddiem il-gvernijiet.  Xejn u ħadd ma kien se jħarrku. 

 

Fuq kollox ma kienx jemmen fis-saħta ta’ żmienna li hi li wieħed ikun “politically correct” f’li jgħid.  Illum trid tara li meta titkellem ma turta lil ħadd, tkun dħuli, ċerti affarijiet ma ssemmihomx.  Biex tidħol għall-verità trid iddum ittella’ u tniżżel kif se ssemmiha u tibda tgħid: “Forsi... forsi... forsi...”  Ma bin Żakkarija ma kienx hemm “forsi” ma’ ħadd.  Jekk int iswed kien jgħidlek li int iswed u jekk int abjad kien jgħidlek li int abjad. Ma kienx se jibża’ minnek jew mis-Sultan jew mill-Qassis il-Kbir.  Kien bniedem ta’ Alla u ma kien midjun ma’ ħadd ħlief ma’ Alla.

 

Il-Mulej bagħtu biex iħejji n-nies għall-Miġja ta’ Ibnu.  Dan Ġwanni għamlu billi wera dnubhom lin-nies.  Din hi biċċa xogħol enormi, kbira u skomda mmens.  Għall-profeta tagħna, dan ma kien skomdu xejn.  Skomdu kien biss li jilwi mit-triq li tah Alla.  Hu kien jaf x’inhi l-konverżjoni.  Illum din il-kelma lanqas għadha moda.  Jgħidulek: “Mela aħna xi kriminali, jew?  M’aħniex ħżiena ta!  Ma nesaġerawx!  Għandna ħafna li hu tajjeb fil-parroċċi tagħna.”  Ġwanni kien jgħid il-verità u, ħaġa li tissorprendi, in-nies kienu jirrispettawh minħabba f’hekk.  Lil Ġwanni n-nies kienet tħobbu għax kien jgħidilha l-verità!  Saħansitra Erodi nnifsu kien jistmaħ u kieb jibża’ minnu!  Għax hekk jagħmel Alla mal-qaddejja “vera” tiegħu: jibgħat quddiemhom il-biża’ tiegħu biex iwerwer lil dawk li jwebbsu qalbhom.

 

Nistgħu ngħidu li Ġwanni beda jħaffer il-kanali għall-pedamenti tal-Knisja, il-poplu ġdid li Alla kien se jibni għalih.  Kien hu li lesta l-ewwel dixxipli li għażel Ġesù.  Ġesù kien jaf x’qed jagħmel meta għadda miexi fuq ix-xtajta tal-Għadira.  Huwa sejjaħ nies li kienu ġa malqqmin mill-Kelma ta’ Ġwanni: bħal Ġakbu u Ġwanni ulied Żebedew, u Indri, li mill-ewwel ġab miegħu li ħuh Pietru.  Dawn kollha kienu dixxipli ta’ Ġwanni u Ġesù beda jibni l-Knisja bihom.  B’dawn biss, il-Prekursur kien ġa qeda l-missjoni li tah Alla.  Imma barra minn dawn, hu qabbad in-nar tal-istennija f’kotra kbira ta’ nies.  Minħabba Ġwanni, tensjoni u stennija ħerqana ħakmet il-poplu.  Dak li kien imwiegħed sekli ilu, kulħadd beda jħoss li kien qorob biex iseħħ. 

 

Il-predikazzjoni kollha ħeġġa tal-“Anġlu tad-Deżert” xegħelet il-kotra għax hu kellu fih l-ispirtu kollu żelu ta’ Elija.  Ilbiesu kien jixhed li ma kellu rabta ma xejn; xagħru jtir fir-riħ kien xbiha tal-enerġija tal-Ispirtu s-Santu li hu bħar-riħ, la taf mnejn hu ġej lanqas fejn hu sejjer; kliemu kien ta’ wieħed li kellu għana li ħadd ma seta jmissulu.  Ma kellux x’jitlef.  Ma kellux kalkoli.  Alla kien l-ewwel u qabel kollox: qabel il-familja, qabel l-istima tan-nies, qabel l-awtoritajiet reliġjużi, qabel l-awtoritajiet politiċi, qabel l-istess ħajtu.

 

Imma dan x’inhu? Paniġierku tal-festa?  Le!  Dan hu n-Nisrani!  Dan hu li jrid jagħmel minna l-Mulej, kull wieħed li rċieva l-Magħmudija!  Jekk inħalluh... Aktarx li nibżgħu.  Naħsbu li Alla se jeħdilna xi ħaġa.  Tgħid Ġwanni ddispjaċih li fetaħ bieb qalbu għal Alla?  Tgħid xtaq jerġa’ lura?  Tgħid qal f’qalbu: x’mort għamilt b’ħajti?  Tgħid?  Mhux veru. L-ebda wieħed li sab lil Alla ma ddispjaċih minn din l-esperjenza.  Min isib lil Alla jsib il-milja tal-Ħajja.  Ġwanni mhux xi statwa li nammiraw u nżeffnu.  Hu xbiha tal-bniedem hieni li sab is-sens ta’ kollox.  Ma kienx waħdu.  Ħafna oħrajn skoprew il-Ħaruf ta’ Alla bħalu u ferħu u żifnu u taw glorja lil Alla.

 

L-Ewwel Qari

 

It-tradizzjoni tal-Knisja tqis lil Ġwanni bħala l-bieb li jagħlaq it-Testment il-Qadim u li jiftaħ il-Ġdid.  Huwa l-aħħar fost il-Profeti tal-imgħoddi, imma fl-istess ħin huwa l-ewwel Profeta tal-Patt il-Ġdid għax lilu inagħta l-ewwel l-Għerf tal-Ispirtu s-Santu, l-istint qaddis u misterjuż ġewwa fih meta fi Kristu huwa għaraf il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja.  Kien hu l-ewwel li nduna li hemm quddiemu kellu lil Dak li ħabbar fuqu ħames mitt sena qabel Isaija fit-tliet poemi kbar tiegħu dwar il-Qaddej ta’ Jahweh.

 

Bin Żakkarija wiret l-ispirtu profetiku ta’ Ġeremija, kif se naraw f’dan il-qari, u ta’ Isaija, Eżekjel u l-bqija, imma l-aktar ta’ Elija.  Huwa wiret in-Nar ta’ Elija, iż-żelu, il-ħeġġa tiegħu, it-tħannin tiegħu biex jikkonverti lill-poplu u jlesti ġens li jista’ jilqa’ lil Dak li tant kien ilu mwiegħed.  Imma dan il-wirt mhuwiex għal Ġwanni biss.  Dan hu l-għaġeb.  Ġwanni l-Battista huwa Kelma ta’ Alla għalina.  Xi trid tgħidilna din il-Kelma li jisimgħa “Ġwanni”?  Li dan id-don, din il-kariżma ta’ “Profeta” hi l-wirt ukoll ta’ kull Nisrani li fih il-Magħmudija mmaturat u laħqet il-milja tagħha.  Kull Nisrani huwa Profeta u hu mqegħed fid-dinja biex jixhed quddiemha, jipprofetiżżalha li Kristu Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla; li ġie mibgħut fid-dinja biex ikun il-Ħaruf li jieħu fuqu il-kastig tal-ħażen kollu; li min jemmen fih hu ġġustifikat, magħmul Ġust; li hu jiġi maħtuf għal Ħajja bla tmiem quddiem is-Sbuħija ta’ Alla.

 

Kull Nisrani li jistħoqqlu dan l-isem glorjuż, hu bħal Ġwanni ippredestinat minn qabel il-ħolqien tad-dinja għal din il-missjoni ta’ Profezija.  Hu mibgħut bħalu.  Aktarx li bħal Ġeremija, bħal Isaija, bħal Eliżew, bħal Ġona, se nkaxkru saqajna għall-ewwel.  Għall-ewwel nibqgħu miblugħin għax bħalma tgħid il-Kurunella ta’ Ġwanni l-Battista, aħna lkoll għażżenin biex nitħabtu u nidħlu fin-numru tat-tajbin.  Ilkoll nixtiequ noqogħdu għall-kwiet inħarsu lejn iż-żmien għaddej fix-xejn. 

 

Bħalma qal darba l-poeta Indjan Tagore: “Huma jistkennu fir-rokna tagħhom, ikomplu jinsġu d-drapp mitfi tas-sigħat tagħhom.  Jew jerġgħu bilqiegħda fit-trab, jgħoddu l-muniti tagħhom.”  Imma huwa Alla li jqajjem lill-profeta biex jirkeb iż-żiemel tiegħu u jitlaq bħal gwerrier biex jikkumbatti l-ħażen ta’ madwaru.  Huwa Alla li jmisslu fommu lil Ġeremija, li naddaf lil Isaija b’ġamra taqbad, li ħadem fi Ġwanni u jaħdem f’kull Nisrani li jgħidlu “Ara, hawn jien il-qaddej tal-Mulej.  Ħa jsir minni skont Kelmtek!”

 

Dan hu ħafna, ħafna mportanti.  Int u jien għandna sejħa marbuta mal-Magħmudija tagħna.  Aħna mibgħuta biex inkun profeti quddiem qrbatna, ħbiebna, sħabna fuq ix-xogħol, fil-parroċċa.  Min tinagħtalu l-Kelma; min jinagħtalu sabar fit-tbatija li, bla ma jaf, jolqot lin-nies; min jinagħtalu istint biex jirranġa lil dawk li tlewmu u jġib il-paċi; min li jaqdi mill-qalb; min li jħobb u jħobb anke meta l-Imħabba tiegħu hi traduta.  Alla hu dejjem oriġinali.  Aħna stess lanqas nindunaw li Hu jkun qed jużana.  Għalhekk Ġwanni l-Battista mhux biss figura storika fl-Istorja tas-Salvazzjoni, imma fuq kollox huwa Kelma ħajja ta’ Alla llum li qegħda tipprova tinfed il-qoxra xierfa ta’ qalbna biex tidħol ġewwa u ddawwalna.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  1, 4-12

 

 U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:

"Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek;

qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.

Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus."

 

Jien weġibt:

"Ah, Sidi Mulej, ma nafx nitkellem, għadni żgħir."

U l-Mulej weġibni: "Tgħidx, 'Għadni żgħir'.

Inti tmur kull fejn nibagħtek,

u tgħid kull ma nordnalek.

La tibżax minnhom, għax jien miegħek biex neħilsek,"

oraklu tal-Mulej.

 

 

U l-Mulej ħareġ idu u messli fommi, u qalli l-Mulej: "Ara, qegħedtlek kliemi fuq fommok. Ara, jiena llum qegħedtek fuq il-ġnus u s-saltniet, biex taqla' u ġġarraf, biex teqred u tħott, biex tibni u tħawwel."

 

Salm Responsorjali

 

Dawn l-aħħar versi tal-ewwel qari jagħtuna xbiha ta’ kif għandu jkun il-bniedem t’Alla.  Żgur li mhux xi ħadd kwiet li qatt ma kellu xi jgħid ma ħadd!!  Ġwanni ma kienx bniedem kwiet!  Bħal Elija, hu ħadha mal-kbarat tal-pajjiż.  Lis-Sultan Aħab Elija qallu “Int qattiel u ħalliel!”  u lil Erodi Ġwanni qallu: “Int adulteru!”  Lill-Fariżej u lin-nies tat-Tempju Ġwanni staqsiehom x’ġew jagħmlu quddiemu huma li kienu “nisel il-lifgħat” (Mt. 3, 7).  Irnexxielu jagħmel għedewwa fil-politika u anke fil-qasam reliġjuż!  Altru li ma kienx bniedem kwiet, fommu sieket, jimxu rasu baxxuta.  Kif qal il-Mulej għal kull profeta fl-aħħar tal-Ewwel Qari: “Ara qegħedtlek kliemi fuq fommok.  Ara, jien illum qegħedtek fuq il-ġnus u s-saltniet, biex taqla’ u ġġarraf, biex teqred u tħott, biex tibni u tħawwel.”  (Ġer. 1, 12). 

 

Is-Salm li għandna jitkellem ħafna fuq il-profeta, fuq Ġwanni u anke fuq in-Nisrani.  Għaliex jiftħu ħalqhom u ma jistgħux iżommuh magħluq dawn in-nies?  Għax ma jħaddmux moħħhom u joqogħdu kwieti?  Għax fihom daħal l-Ispirtu ta’ Dak li hu l-aqwa setgħa fuq il-ħolqien kollu.  Ma jinfixlux għax il-Mulej hu l-kenn tagħhom.  Il-Mulej huwa ġust u Hu jsalvahom u ħadd ma jista’ għalihom.  U jekk fl-aħħar, wara li jkunu wettqu dak li kellhom iwettqu, Hu jitlaqhom għall-mewt, dan jagħmlu biex jeħodhom fil-mistrieħ tiegħu li jisboq kulma moħħ il-bniedem jista’ qatt jimmaġina.

 

Il-Mulej huwa sur għall-profeta u fortizza qawwija; blata li fuqha id il-ħażin ma tistax tilħqu.  Aħna nittalbu biex ikollna fiduċja fil-Mulej u hekk inserrħu rasna fiH meta jagħfas is-Salib fuq spallejna... imma kemm aħna fqar, kemm aħna dgħajfa.  Ninkwetaw, nibżgħu, nitħassbu, inħossuna mhedda, u nistgħġbu bil-kuraġġ ta’ Ġwanni u ta’ dawk li jagħtu xhieda għal Alla quddiem kulħadd.  Minn fejn ġabuh dan kollu?  Dan is-Salm jgħid: “Minn ħdan ommi inti ħadtni!”  In-Nisrani li jimxi ’l quddiem fil-Fidi għandu din il-fiduċja, din iċ-ċertezza, li hu magħżul minn Alla li mhux se jitilqu.  Magħżul mhux għax hu xi qaddis minnu nnifsu.  Din għidniha miljun darba u nkomplu nirrepetuha.  L-ebda qaddis qatt ma ħares lejh innifsu bħala qaddis.  Din kienet it-tentazzjoni tal-Fariżej u billi huma mhux veru li kien nies ta’ Alla, waqgħu quddiemha u emmnu li l-qdusija kienet minnhom u taħghom u mhux mogħtija bi Grazzja.  Għalhekk kienu kburin u kienu jiġġudikaw “right, left and centre”. 

 

Ġwanni kien qawwi u kolonna tal-ħadid mhux għax kien jemmen fih innifsu imma għax kien jemmen f’Alla, u mal-Fidi mogħtija minn Alla ħadd ma jilgħab.  Wieħed jistgħu jitfgħuh il-ħabs, ixewxu n-nies kontrih, jaqilgħu kalunji kemm jifilħu, itellgħuh il-qorti... u jistgħu jeħdulu ħajtu wkoll, waqt li jaħsbu li jkunu qed jagħmlu ħaġa tajba.  Imma l-Fidi hi ikbar minn dan kollu.  Min għandu l-istint ta’ Alla, id-Dawl ta’ Alla ġewwa fih, ħadd ma jista’ għalih.

 

Ritornell:  Minn ħdan ommi inti ħadtni.

 

Salm 71

 

Fik, Mulej, jien nistkenn;

ma jkolli qatt għax ninfixel.

Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni;

agħtini widen u fittex eħlisni.

 

Kun sur ta' kenn għalija;

int wegħedt li tiġi dejjem issalvani,

għax blata u fortizza int għalija.

Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin,

minn id il-qarrieq u l-kiefer.

 

Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi;

Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

Fuqek serraħt sa minn twelidi,

sa minn ġuf ommi inti ħadtni;

inti dejjem it-tifħir tiegħi.

 

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,

il-jum kollu l-għemejjel ta' l-għajnuna tiegħek,

O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;

u jien s'issa għadni nxandar għeġubijietek.

 

It-Tieni Qari

 

San Pietru, lid-dixxipli tiegħu li qatt ma kienu raw fiżikament lil Ġesù jgħidilhom: “Intom lil Ġesù Kristu ma rajtuhx, imma tħobbuh u temmnu fih, għalkemm ma tarawhx.”  (v. 8).  Il-profeti ħabbew lil Ġesù mill-bogħod, ħabbru fuqu u stqarrewh anke jekk ma rawhx għax ġew qablu.  Ġwanni kien l-iktar ixxurtjat fost il-profeti kollha għax quddiem għajnejh deher il-Waħdieni. Huwa raH mhux biss bl-għajnejn tal-ġisem, imma aktar important bl-għajnejn tal-Fidi.  Minn fejn ġieh dan jekk mhux bi Grazzja minn Alla?  Hu ra lil kuġinuh riesaq u Dawl idda f’qalbu.  “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla!” qal.  B’idu mifruxa u b’sugħajh dritt huwa wrieH u ħabbru bħala l-Ħaruf tal-Għid li kien inqatel biex il-poplu jeħles mill-jasar tal-Eġittu.

 

Kien qed iħabbar ħwejjeġ kbar u profondi.  Il-poplu kien ħerqan għal Messija differenti: ġeneral kbir, sultan ta’ qawwa, bniedem tal-għaġeb li jġennen lil kulħadd warjah fi gwerra qaddisa li tispiċċa fi trijonf li bħalu l-istorja tal-bniedem kienet għadha qatt ma rat.  U Ġwanni “jara” ħaġa oħra: il-Ħaruf manswet li jittieħed għall-qatla bla ma biss jiftaħ fommu.  Il-Ħaruf li jittella’ fuq l-altar u hemm iħanxrulu għonqu għax fuqu waqa’ d-dnub tal-umanità kollha.  Hu ntelaq f’dirgħajn il-mewt biex jien u int nibqgħu ngħixu għal dejjem jekk nemmnu f’dan il-Misteru tal-Għid.  Xi ħwejjeġ enormi “ra” Ġwanni fid-dlam tal-lejl.

 

Il-qari se jgħidilna li l-profeti stħarrġu u tkixxfu fuq il-Grazzja enormi li kellha tmiss lill-bniedem bil-wasla tal-Messija, imma kien Ġwanni li messitu x-xorti li “jara” dan kollu.  Lid-dixxipli tiegħu huwa bagħathom wara Ġesù u ħabbarulhom u kien jaf li dak li kien imgħarraf lilu ma kienx għalih innifsu iżda għal dawk li kienu miegħu.  Hu ma kellux jara b’għajnejh il-Misteru tal-Għid jitwettaq, imma huwa għażel li jiċċekken u jinżel ’l isfel minn Indri, Gakbu, Ġwanni, Pietru u l-oħrajn li kienu tiegħu u li issa ma kinux se jibqgħu iktar tiegħu.  Huma kien se jaraw kollox u hu le.  Huma kien se jġarrbu l-meravilja tal-Ispirtu s-Santu fil-Pentekoste, u hu le.  Huma kienu se jistgħaġbu bl-għeġubijiet tal-Mulej fl-evanġelizzazzjoni fost il-ġnus, u hu kien se jkun band’ oħra.

 

Imma Ġwanni kien jaf li hu kien quddiem ħwejjeġ enormi li mqar l-anġli xtaqu jifhmuhom. (v. 12). 

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu.  1, 8-12

 

Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m'intomx tarawh, intom temmnu; fih intom tifirħu b'ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser,  waqt li tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom, li hu s-salvazzjoni tagħkom.

 

Il-profeti, li ħabbru l-grazzja li kellha tingħata lilkom, stħarrġu u tkixxfu fuq din is-salvazzjoni;  huma kienu jitkixxfu l-mod u f'liema żmien kien qiegħed jaħseb l-Ispirtu ta' Kristu, li kien fihom, meta kien jixhdilhom minn qabel it-tbatijiet ta' Kristu u l-glorji tiegħu li kellhom jiġu warajhom.  Lilhom kien mgħarraf li mhux għalihom infushom, imma għalikom, kien jiswa dak li huma kienu jħabbru, u li issa kien imxandar lilkom minn dawk li, bil-qawwa ta' l-Ispirtu s-Santu mibgħut mis-sema, qegħdin jagħtukom l-Evanġelju. Dawn huma ħwejjeġ li l-anġli stess jixtiequ jifhmuhom sewwa.

 

Evanġelju

 

Ta’ nteress għalina nkunu nafu li xi snin ilu, studjużi u arkeoloġisti Lhud skoprew il-kalendarju ta’ meta kien imisshom jaqdu fit-tempju t-taqsimiet saċerdotali fi żmien Kristu u qabel.  Huma ma kienx jinteressahom la minn Żakkarija, li kien mit-taqsima ta’ Abija, u lanqas mill-kalendarju liturġiku antik tal-Knisja.  Imma dak li skoprew jagħti raġun lit-tradizzjoni tal-Knisja li tiċċelebra it-Tħabbira tal-Mulej f’Marżu u t-Twelid ta’ Ġwanni f’Ġunju, biex ma ngħidu xejn dwar li taw raġun ukoll li l-Knisja poġġiet il-Milied f’Diċembru għax hekk kienet tgħid it-tradizzjoni u hekk kien tassew.

 

Huma skoprew li t-taqsima ta’ Abija kienet taqdi fit-tempju kull sena fi żmien Settembru!  Kien f’Settembru li Żakkarija rċieva l-Aħbar stupenda wisq għalih li kien se jkollu iben.  Skont il-Vanġelu, it-Tħabbira tal-Mulej lil Marija seħħet sitt xhur wara, mela f’Marzu.  U disa’ xhur wara Settembru jaħbat Ġunju... kif disa’ xhur wara Marzu jaħbat Diċembru.  Dan kollu joħroġ mill-fatt li Żakkarija deher quddiem il-Mulej fil-kamra fejn kien hemm l-altar tal-inċens xi darba f’Settembru.

 

Jekk Ġwanni huwa Kelma ta’ Alla għalina, anke Żakkarija.  Kemm ilna ma nfaħħru lil Alla?  Kemm ilna ma nitkellmu fuqu ma’ xi ħadd fit-triq jew fuq xi mejda f’xi każin?  Meta l-aħħar li ħassejt li kellek tassew għalfejn tfaħħar u tirringrazzja lil Alla?  Kemm ilek mutu?

 

Żakkarija kien reliġjuż twajjeb u rett, imma ma kellux Fidi kbira biżżejjed biex jemmen dak li ġie mqiegħed quddiemu.  Għalih kienet impossibiltà kbira wisq.  Anke għal Alla?  Anke Marija tħawdet, imma b’mod differenti.  Hi ma staqsietx: “Kif jista’ jkun dan?”  imma “Kif se jkun dan ladarba ma narafx raġel?”  Kif se jseħħ dan il-misteru?

 

L-aħbar li rċieva Żakkarija ma kinitx faċli li titwemmen. It-tentazzjoni għalina hi li ma nħarsux lejn Dak li għamlilna l-Wegħda imma lejna nfusna.  Hekk għamel Żakkarija.  Huwa ra raġel xiħ.  Huwa ra mara sterili, ħawlija. Kif jista’ jkun?  Il-frott ta’ dan hu l-muta.  Meta wieħed ma jistenniex affarijiet kbar, kbar ħafna mingħand Alla, jibred, ibaxxi rasu, jibda jikkalkula... u jaqa’ fil-muta.  Jaħseb li kollox jiddependi minnu.  Ma jemminx fir-rigali meraviljużi ta’ Alla li jħeġġuh.  Jinxef fit-talb.  U iktar u iktar fit-tifħir.  Kemm-il darba ġralna dan!

 

Lilna Alla qiegħed iwegħedna li se jagħmel minna xbiha ta’ Ibnu!  Qiegħed iwegħedna li se jagħtina Spirtu rebbieħ fuq kull tip ta’ mewt li tkidd u toqtol lill-bniedem.  Qiegħed iwegħedna Ħajja għal dejjem. Kif nafu li qed iwegħedna dan?  Għax hu għażel li aħna nkunu mgħammda!  Daqshekk sempliċi.  Ħafna dawn l-affarijiet ma jemmnuhomx.  Isiru muti.  Jitkellmu biss fuq il-flus u l-affarijiet tad-dinja. Moħħhom imxerred.

 

Alla hu Sorpriża!  Dan ġarrbu Żakkarija.  Dan ġarrbu l-Għaġeb tal-presepju.  Dan iġarrbu n-Nisrani.  U s-Sorpriża ta’ Ala taqta’ nifs il-bniedem u dan jinfexx f’barka lil Alla, f’tifħir, f’radd il-ħajr, f’Ewkarisitja, f’kant ferrieħi, anke fi żfin.  Għaliex ma nemmnux li f’Alla dan hu possibbli li jseħħ f’ħajjitna? Alla huwa Festa u jrid jagħmel Festa minn ħajjitna.

 

Versett: Hallelujah. Dan ġie bħala xhieda, biex jixhed għad-dawl, biex ilesti lill-Mulej poplu mhejji sewwa.  hallelujah.

 

Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija, mit-taqsima ta' Abija; martu, li kien jisimha Eliżabetta, kienet minn ulied Aron.  It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas ta' xejn skond il-preċetti u l-kmandamenti kollha tal-Mulej.  Ulied ma kellhomx, għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.

 

Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru ta' qassis quddiem Alla, għax kien imissha t-taqsima tiegħu,  u, skond id-drawwa tal-liturġija, ntgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens.  Waqt ir-rit ta' l-inċens, il-kotra kollha tal-poplu kienet qiegħda titlob barra.

 

 U deherlu anġlu tal-Mulej, wieqaf in-naħa tal-lemin ta' l-artal ta' l-inċens.  Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa' biża' fuqu.  Imma l-anġlu qallu: "Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni.  Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel.  Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda inbid jew xorb qawwi, u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.  Huwa jreġġa' lil ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom,  u hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta' Elija, biex iraġġa' l-qlub  tal-missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti, ħalli jlesti poplu mħejji sewwa  għall-Mulej."

 

Last Updated ( Sunday, 24 June 2018 )
 
< Prev   Next >