Monday, 24 September 2018
           
Home arrow Home
IT-TLETTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2018) KRISTU REBAH IL-MEWT GHALINA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 30 June 2018

Din hija il- Liturgija tat-Tlettax il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

jairus-and-jesus-2000.jpg

 

Il-Liturġija tal-Kelma ta’ dan il-Ħadd tiffoka fuq il-qalba tal-problema tal-bniedem, imma hija Kelma ferrieħa, Kelma li tagħti Aħbar Tajba lill-bniedem għajjien, tagħtih Tama. Hija Kelma li meta tiġi emmnuta taqleb il-Ħajja ta’ taħt fuq.  Din il-Kelma hija l-Kerigma Nisranija.  Hija din il-Kelma li tiġbed lin-nies lejn Kristu.  Minnha rridu nibdew meta nitkellmu mal-bniedem fuq il-Mulej.  Ħafna jibdew mill-morali: x’għandu jagħmel il-bniedem u x’mgħandux jagħmel.  Ħafna nies morda spiritwalment jiddarsu għax il-morali kapaċi tkun iebsa ma’ min hu dgħajjef.  Kristu kien iħobb jagħmilha mal-midinbin  propju għax kien jara fihom nies dgħajfa.  Dawn in-nies jinġibdu lejn Kristu u jibdew jitfejqu mhux bil-kmandamenti u l-preċetti imma bl-Aħbar it-Tajba tal-Imħabba ta’ Alla għalihom hekk kif inhuma, morda, midinba, ilsira tax-xjaten li jsawtu lill-bnedmin.

 

Fil-bidu għidna li l-Kelma se titkellem fuq l-ikbar problema li għandu l-bniedem.  Dan mhux il-faqar, mhux il-fallimenti fil-Ħajja, mhux jekk hux miżżewweġ jew le, sabiħ jew ikrah, għandux ħbieb jew jgħix waħdu, hux ħieles jew maħkum...  L-ikbar problema tal-bniedem minn dejjem kienet il-mewt.  Is-saħta fuq kull bniedem hija l-ħsieb dejjem preżenti fis-subkonxju ta’ moħħna li lkoll resqin lejn xifer is-sies.  Xi darba trid tmiss lilna biex nagħmlu l-pass fil-baħħ.  Dan jikkondizzjona l-għemejjel kollha tal-bniedem.  Huwa minn hawn li l-bniedem tilef il-kapaċità tiegħu li jħobb tassew.  Fil-Ġnien fejn dineb Adam, huwa mill-ewwel waħħal f’martu.  Mad-dnub daħal il-biża’ tal-kastig u l-egoiżmu.  Adam jikxef lil martu u f’qalbu qal: “Oqtol lilha jekk trid, basta neħles jien!”  Din hija t-traġedja tal-umanità.

 

F’din is-sitwazzjoni huwa inutli tiġġudika l-bniedem.  Għalhekk meta l-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja, Huwa ma bagħtux biex jiġġudika lill-bniedem, lanqas fl-aħħar mill-aħħar biex jgħallmu kif jgħix, imma bagħtu biex isalvah mill-mewt. Il-bniedem sab ruħu f’ċirku li ma jistax joħroġ minnu bis-saħħa tiegħu jew bir-rieda tajba tiegħu.  Id-dnub qatel lill-bniedem minn ġewwa u nissel fil-ġisem is-susa tal-mewt fiżika.  Min-naħa l-oħra l-mewt werwret lill-bniedem u biex jaħrab minnha, jew jiskansaha għal ftit, hu lest jagħmel kollox, jidneb.  Id-dnub welled il-mewt u l-mewt twelled id-dnub. F’din il-qagħda l-bniedem huwa paralitiku li inutli tgħidlu biex iqum għax għadmu huwa żlugat.  Din hi l-istampa tagħna lkoll.  Ilkoll twelidna f’din il-kundizzjoni li writtniha minn Adam.

 

Huwa minħabba d-dgħufija tal-bniedem li l-ħafna reliġjonijiet li vvinta m’għandhomx saħħa jgħinuh biex iqum.  Għax ir-reliġjonijiet kollha għandhom sett ta’ kmandamenti li nsejħulhom “il-Liġi”: jekk tobdi tmur il-Ġenna, jekk le tmur l-Infern.  Huwa għal dan il-liverll baxx u naturali li ċekkina il-Kristjaneżmu aħna wkoll.

 

Imma l-Aħbar ta’ Kristu tissupera dan kollu.  Kristu huwa d-Dawl li jinfed dawn id-dlamijiet tal-inkapaċità tal-bniedem.  Il-mewt tagħna sabet għadu fi Kristu, sabet, sa fl-aħħar, lil Xi Ħadd li rebħilha.  Temmen int li Kristu għandu s-setgħa jaqlagħlek minn ġo qalbek il-biża’ tal-mewt u minflok jagħtik natura ġdida, natura ħielsa mill-mewt u li tgħix għal dejjem, natura ta’ Alla nnifsu?  Temmnu inti dan?  Għax hu dan biss li jagħmlek Nisrani.  Hawn miljuni u miljuni ta’ mgħammdin li qatt ma ħellsu mill-mewt, li m’għandhomx iċ-ċertezza tal-Fidi li Kristu rebaħ il-mewt għal dejjem u li hemm il-Ġenna tistenniena, Ħajja eterna.

 

Għal ħafna nies, anke reliġjużi, anke nies “twajba”, il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu ftit li xejn ifisser.  Għalihom Alla qiegħed hemm biex jeħlishom mill-problemi, meta fil-fatt Kristu ġie biex jeħlishom mill-“Problema l-Kbira” li għandhom.  Bil-Qawmien tiegħu mill-imwiet, Kristu giddeb lill-mewt, għamilha dgħajfa, u Hu sar Sid il-Mewt.  Min jemmen fiH jinagħtalu Spirtu Mqajjem.  Fik ma jgħix iktar dak il-bniedem dejjem imħasseb, inkwetat, ma tafx x’ġej għalik, imma bniedem ġdid li ma jibżax jekk ġismu jikber fiż-żmien, jixjieħ, jibda jimrad, iħoss saħħtu tonqos... għax jaf li hu u Kristu huma ħaġa waħda u jekk Kristu hu Ħaj għal dejjem, allura anke hu hu Ħaj għal dejjem għax hu jagħmel parti minnu.

 

Huwa biss min għandu din il-Fidi li jista’ jgħix il-Kmandamenti, anzi iktar mill-Kmandamenti huwa kapaċi jgħix id-Diskors tal-Muntanja.  Dan il-bniedem meħlus minn Kristu tfejjaq mill-ġerħa kbira li kellu f’qalbu u allura m’għadux iktar egoista, jaħseb fih innifsu l-ewwel bħal Adam, imma jista’ jħobb lill-għadu tiegħu.  Dan hu l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Dan hu wkoll dak li tagħmel fina l-Magħmudija meta din minn żerriegħa ċkejkna ssir siġra kbira ta’ Fidi li tagħmel il-frott imbierek.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Ktieb tal-Għerf jagħmilha ċara li l-mewt mhux Alla ħalaqha imma daħħalha fid-DNA tal-bniedem is-sinjur tal-ħażen, l-għadu tal-bniedem, ix-xitan.  Huwa għer għall-bniedem għax Alla ħalqu xbieha tiegħu, xbieha tan-natura tiegħu li fiha mhemmx susa tal-mewt.  Satana kien jaf li malli fil-bniedem, li Alla ħalqu ħieles, tidħol id-duda tad-diżubbidjenza, huwa jinqata’ mill-Ħajja vera u jsir biss eżistenza, ħlejqa li tieħu n-nifs, tiekol, torqod, taħdem... u tmut.

 

Huwa ttanta lill-bniedem għad-diżubbidjenza, għall-firda minn Alla li hu l-Ħajja, u l-bniedem waqa’ u miet.  Alla kien jaf minn qabel li l-ħelsien li ta lill-bniedem kienet se tgħaddih minn dan il-gwaj.  Imma Alla li hu Mħabba ma setax joħloq lil dak li jħobb bla ma jagħmlu ħieles.  Hawn tidher il-kobor tal-Imħabba li biha aħna mdawrin, sikwit bla ma biss nindunaw.  Alla rriskja bil-kbir fuq il-bniedem, għax f’Imħabbtu ma setax joħolqu “robot” li ttiħ il-ħabel u dejjem jagħmel li tridu int.  Kieku l-bniedem kien ikun ġugarell ta’ Alla.  Alla tah qalb u spirtu u dawn Hu ried jirbaħhomlu bl-Imħabba.

 

Fl-Imħabba tiegħu, Alla ġa kien jaf minn qabel li kellu xi darba jagħmel att ta’ Mħabba ferm ikbar minn meta vvinta lill-bniedem u l-ħolqien kollu.  Kien jaf li kellu jsir bħall-bniedem, bid-dgħufija tiegħu, bil-mewt li taħkem fuqu.  Kien jaf li kellu jasal jum meta anke Hu, jduq il-mewt flimkien mal-bniedem biex jirbaħ il-mewt u jġorr lill-bniedem għażiż tiegħu lejn kif kien fil-bidu.  Dan kollu kellu jwettqu f’Sidna Ġesù Kristu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf.  1, 13-15; 2, 23-24

 

Il-mewt mhux Alla għamilha;

u lanqas togħġbu l-qerda tal-ħajjin.

Hu ħalaq kollox biex jgħix;

għall-ħajja huma l-ħlejjaq tad-dinja,

m'hemmx fihom velenu tal-mewt.

Is-saltna tal-mewt ma taħkimx fuq l-art,

għax il-ġustizzja ma taqax taħt il-mewt.

 

Għax Alla ħalaq il-bniedem biex ma jmutx,

u għamlu xbieha tiegħu nnifsu.

Bl-għira tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja;

u jafu xi tfisser dawk li huma tiegħu.

 

Salm Responsorjali

 

Ħafna mis-Salmi jitkellmu fuq l-għedewwa u jitolbu lil Alla biex jeħles lill-bniedem mill-għadu.  Jekk il-problema ewlenija tal-bniedem huwa l-fatt li dineb u miet, allura l-għadu veru tiegħu huwa dak li xeħtu f’din il-qagħda: ix-xitan. Dan l-għadu hu bla saħħa quddiem Alla u jekk aħna rridu u nduru fit-talb tagħna lejn Alla, Hu jeqirdu u jeħlisna minnu.

 

Dan huwa Salm Paskwali, Salm tal-Għid, għax ifaħħar lil Alla li daħal fil-ħajja tiegħu meta kien mejjet, mitluq, bla saħħa, imdejjaq, u ħatfu minn hemm u għollih ’il fuq u ħelsu.  L-għedewwa riedu jifirħu bl-inkwiet u l-biża’ tiegħu, iżda Alla laqa’ għalih u bidillu l-għali tiegħu f’festa, il-luttu fi żfin.  Dan hu li kapaċi jagħmel Alla tagħna fi Kristu u bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu.  Jekk aħna nemmnu l-Kelma tiegħu hu jkeċċi l-mewt ’il barra minna u jagħmel minna nies Ħajjin tassew, mimlijin tifħir u gratitudni lejn Alla.

 

Ritornell: Ngħollik, Mulej, għax erfjtni.

 

Salm 30

 

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,

u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.

Mulej, Alla tiegħi, jien sejjaħtlek;

sejjaħtlek, u int fejjaqtni.

 

Mulej, tellajtli mill-mewt 'il ruħi,

ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra.

Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,

faħħru l-isem imqaddes tiegħu.

 

Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,

iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.

Fil-għaxija jidħol il-biki,

fil-għodu jidwi l-għajat ta' ferħ.

 

 Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;

kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.

Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi,

neżżajtni min-niket, bil-ferħ ħażżimtni.

Għalhekk ruħi tgħannilek bla heda;

Mulej, Alla tiegħi, nfaħħrek għal dejjem!

 

It-Tieni Qari

 

Se nisimgħu qari li għall-ewwel se ngħidu: “Dan x’għandu x’jaqsam mat-tema tal-lum.  Donnu dan il-qari huwa barra mis-suġġett.”  Hawn San Pawl mhux se jagħmel bħas-soltu u jxandar l-Aħbar it-Tajba u r-rebħa ta’ Kristu fuq mewt il-bniedem, imma se jitlob mingħand il-Korintin li jissagrifikaw ruħhom bis-serjetà u jagħtu parti minn ġidhom f’ġabra għal dawk il-komunitajiet l-oħra li kien qed ibatu minn ħafna nuqqasijiet fil-faqar tagħhom.

 

San Pawl jgħid lill-Korintin li huma kien għonja mhux biss fil-ġid tal-art, imma iktar minn hekk kienu għonja fil-Fidi fi Kristu.  Din il-Fidi fi Kristu għamlithom nies ċerti li ma kienu se jmutu qatt; ma kinux għadhom ikkundizzjonati iktar mill-biża’ tal-mewt. Dan kien il-veru għana tagħhom.  Din ir-rebħa tal-Fidi neżżegħthom mill-egoiżmu u tathom il-virtu enormi tal-Imħabba, Imħabba vera.

 

Għalhekk San Pawl seta’ jdur lejn dawn il-Meħlusin, u jistenna li huma jinfirdu minn parti mil-ġid tagħhom u jagħtuh lil ħuthom fil-bżonn.  Il-bniedem li għadu fqir fil-Fidi din il-ħaġa mhux kapaċi jagħmilha.  Għax kif għidna, min għadu mhux meħlus mill-biża’ bi Kristu, mhux se jaħseb fik l-ewwel imma fih innifsu.  Dan hu l-egoiżmu li jinsab fina u li jinbet mill-biża’ ta’ min jaf x’jista’ jiġri.  Il-flus huma għadu t’Alla propju għax il-bniedem “mejjet”, taħt is-setgħa tal-mewt, ifittex is-sigurtà tiegħu fihom; jagħmilhom alla tiegħu.  Il-Korintin ma baqgħux iggranfati mal-flus propju għax Kristu ħelishom mill-mewt u l-egoiżmu.  Pawlu stenna li nies ta’ Fidi bħalhom, kapaċi jagħtu anke kollox għax l-għana tagħhom mhux f’affarijiet materjali li jintemmu imma fil-Ħajja ta’ Dejjem li rebħilhom Kristu.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  8, 7.9. 13-15

 

Ħuti: Bħalma intom għonja f'kollox, fil-fidi u fil-kelma, fl-għerf u fiż-żelu kollu, fl-imħabba li aħna rawwimna f'qalbkom, hekk għandkom tistagħnu f'din il-ħidma ta' ħniena.  Intom tafu l-grazzja ta' Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.

 

Mhux biex il-piż iħeff minn fuq l-oħrajn u jaqa' kollu fuqkom, imma kulħadd indaqs. Bħalissa ħallu ż-żejjed tagħkom jagħmel tajjeb għan-nieqes ta' dawk li ma għandhomx, biex iż-żejjed tagħhom għad ikun jista' jpatti għan-nieqes tagħkom. U hekk ikun kulħadd indaqs,  bħalma hu miktub:

 

     "Min ġabar ħafna ma sabx iż-żejjed,

     u min ġabar ftit ma baqax bin-nieqes." 

 

Evanġelju

 

Il-mara li kienet tbati mit-tnixxija tad-demm hija figura eżatta tal-bniedem marid spiritwalment bil-Ħajja l-ħin kollu ħierġa minnu.  Id-demm huwa s-sinjal tal-Ħajja għax il-Ħajja tinsab fid-demm.  Mad-demm il-bniedem ikun qed jitlef il-Ħajja.  Din il-mara, kuljum kienet tnixxi d-demm bħalma kuljum aħna mmutu xi ftit, mhux biss fisikament, imma wkoll b’mod ontiku.  Il-mewt ontika hija frażi tal-psikoloġija tal-profond.  It-tifsir tagħha huwa ħafif.  Aħna ngħidu li tista’ toqtol bl-ilsien, u hekk hu.  Xi ħadd jgħidlek kelma u joqtlok biha.  Ma joqtlokx fiżikament għax lanqas imiss miegħek, imma joqtlok fuq livell eżistenzjali ħafna.  Din hija l-mewt ontika li niltaqgħu magħha aktarx kuljum, bħal dik il-mara li l-Ħajja kienet ħierġa minnha kuljum.

 

Filgħodu tqum mimli enerġija u tħares ’il quddiem lejn ġurnata sabiħa, l-aktar jekk tkun bil-‘leave’ jew tkun vaganza... tisma’ kelma li tniggżek fil-laħam il-ħaj, u barra aħna!  Jitla’ s-sħab u tgħib ix-xemx.  B’xi mod tkun mitt ontikament.  Taret il-Ħajja minnek.  Tibda teżisti mhux tgħix.  Din il-mara, bħalna, kienet iggranfata mal-Ħajja li kienet qed taħarbilha.  Kemm daret tobba!  Kemm fetxet soluzzjoni ’l hemm u ’l hawn.  Imma min se jagħtiha l-Ħajja li ma taqtax, li ma tispiċċax, li tissupera l-marda tagħha, Ħajja dejjem, Ħajja ta’ Dejjem, minn hawn?  Min?   Din hija il-“one million dollar question”!  Fejn għandi mmur biex insib il-Ħajja vera?  Din li għandi jista’ jisraqhieli kulħadd.  Jisraqhieli r-raġel, il-mara, it-tfal, l-aħbarijiet, l-ekonomija tal-familja... mitt elf ħaġa... saħansitra t-temp!  Għal dan ġejna maħluqa aħna?

 

Din il-mara tal-Vanġelu setgħet staqsietha din il-mistoqsija: “Għal dan ġejt maħluqa jien?”  Imma din il-mara mhix mara kwalunkwe, imma hija il-“Mara”.  Kristu minn fuq is-salib lil Ommu sejħilha: “Mara!”.  Il-Mara tal-Vanġelu tal-lum hija il-Mara tal-Fidi.  Hija Xbieha ċara tal-Knisja.  Il-Knisja hija magħmula minn nies dgħajfa u morda imma li tfejqu minn Kristu għax emmnu fiH.  Din il-Mara semgħet bi Kristu, u billi ndunat li kulma għandha d-dinja huwa frugħa, knis, duħħan, għax ma kienx irnexxielha tagħtiha dak li xtaqet, hija daret b’qalbha, b’ruħha, b’kulma kellha lejn dan il-bniedem li kien l-aħħar tama tagħha.  Tant kibret il-Fidi fih li f’qalbha qalgħet xi ħaġa kbira, glorjuża, stupenda: “Imqar jekk immiss tarf il-mantar tiegħu, jien żgur li nfieq!”  Żgur!  Din tassew hija “il-Mara”, il-Knisja. 

 

Nies bħal dawn lil Kristu jwaqqfuH; nies bħal dawn jisiltu minn Kristu l-Ispirtu s-Santu tal-Ħajja;  nies bħal dawn jissorprendu lil Kristu, jaħsduH, jimpressjonawH, jgħaġġbuH.  Hija l-Fidi tal-bniedem biss li tgħaġġeb lil Kristu... bħall-Fidi taċ-Ċenturjun... jew bħall-Fidi tal-Mara (Mara oħra!) Kangħanija. Bla ma jrid Hu, minn Kristu l-Fidi tieħu minnu l-enerġija tal-Ħajja.  Ma talbitu xejn.  Ma kellmitux. Ma rahiex.  U ħass il-miraklu ħiereġ minnU!  X’għaġeb! “Binti, il-Fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem!”  B’qalbu kollha Kristu jgħidlha: “Shalom!  Sliem!”  Mur, inti ħajja għal dejjem!

 

Anke int tista’ tmiss lil Kristu, bil-Fidi tiegħek.  Jien, aħna lkoll.  Kemm għandna bżonn!  Mhux kwistjoni li tmiss lil Kristu.  Forsi missejtu llum meta kellek l-Ostja Mqaddsa f’idek.  Il-kbira hi li tmissu bil-Fidi. Bħalma jgħid lil bint Ġajru fil-Vanġelu tal-lum ukoll: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!”  “Talitha, qum!” bl-Aramajk. Kull bniedem li huwa kkundizzjonat f’dak li jagħmel minn xi biża’ jew tħassib, li kollu ġej mill-mewt, ħa jmiss lil Kristu bil-Fidi, ħa jemmen li fi Kristu hemm il-Ħajja li ma taqta’ qatt... u jitwieled mill-ġdid.

 

Versett: Hallelujah. Fi tjubitek żommni ħaj, Mulej. U nġares l-ordnijiet ta’ fommok. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  5, 21-43

 

F’dak iż-żmien : Wara li Ġesù raġa' qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta' nies.  U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, nxteħet f'riġlejh,  u talbu ħafna u qallu: "Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix."  U Ġesù telaq miegħu, b'kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.

 

U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm.  Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kull ma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar.  Meta semgħet b'Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar,  għax qalet: "Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejjqa."  F'daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha. 

 

Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: "Min messli l-mantar?"  Id-dixxipli tiegħu qalulu: "Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: Min messni?"  Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan.  Mbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża' għax għarfet x'kien ġralha, resqet, nxteħtet f'riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu.  "Binti," qalilha, "il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek."

 

Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: "Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?"  Iżda Ġesù sama' x'kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: "Tibżax, biss inti emmen."  U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu. 

 

Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru.  Daħal, u qalilhom: "Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla m'hijiex mejta, imma rieqda."  U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll 'il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla.  Qabdilha idha, u qalilha: "Talitha, qum!" jiġifieri: "Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!"  Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb.  U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.

 
< Prev   Next >