Wednesday, 19 September 2018
           
Home arrow News arrow Latest arrow L-ERBATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2018) IC-CKEJKNIN BISS JGHARFUH LIL KRISTU.
L-ERBATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2018) IC-CKEJKNIN BISS JGHARFUH LIL KRISTU. PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 07 July 2018

Din hija il- Liturgija ta' L-Erbatax il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

bloch-sermononthemount.jpg

 

Min se jagħraf jew jifhem lil Kristu bl-intelliġenza jew bir-rieda tiegħu?  Kristu huwa misteru li ħadd ma jista’ jgħarblu, imma l-Missier irid jgħarrafhulna bi Grazzja.  Bi Grazzja jfisser b’rigal b’xejn, gratis, bla ma jkun jistħoqqilna.  Dan il-Misteru ta’ Kristu, San Pawl isejjaħlu l-Misteru tas-Salvazzjoni tagħna.  F’waħda mill-Ittri tiegħu, Pawlu jgħidilna li l-Missier jixtieq jirrivelalna dan l-Għerf li jisboq kull għerf tad-dinja li jiġi mgħallem fl-iskejjel u fl-universitajiet.  Għax hawn m’aħniex nitkellmu fuq xi karriera jew xogħol, jew dottorat, imma qed nitkellmu fuq il-Ħajja nnifisha, anżi fuq Ħajja għal dejjem.

 

Għalhekk huwa Alla li jrid iwettaq din il-biċċa xogħol stupenda fil-bniedem li jgħarqf t-tifsir u l-wirt li hemm fil-Misteru tal-Għid ta’ Ibnu. Imma l-Ingliżi jgħidu: “it-takes two to tango”!  Aħna rridu nikkoperaw mal-Grazzja u għalkemm il-Grazzja tal-għarfien ta’ Kristu tinagħta, huma ftit li jaħtfuha u jagħmluha tagħhom.  U dawn il-ftit huma ċ-ċkejknin.  Mhux qed nirreferu għat-tfal fl-eta, imma għal dawk li ħallew lil Alla jċekkinhom, ineżżagħhom mill-kburija li kull bniedem għandu, ħallewH jagħmilhom sempliċi. 

 

 

Għax il-Bibbja tgħidilna li Alla qisu l-fuħħari li jibda jagħġen ċappa tafal li jkollu quddiemu fuq ir-rota tiegħu.  Għall-ewwel, naturalment, tkun bla sura u mimlija żrar u mperfezzjonijiet oħra.  Bil-paċenzja kollha hu jibda jnaqqiha u jnaddafha minn dan kollu, imbagħad jibda jagħġina, jagħfasha, jibdlilna l-forma, sakemm irattabha.  Wara dan fuq ir-rota tiegħu jibda jdawwarha biex jagħtiha l-forma li jixtieq hu, itawwalha jew jiċċatjaha, skont xi jkun irid jagħmel minnha.  Fl-aħħar, jekk it-tafal ma jwebbisx rasu u ma jħalliħx jaħdem, hu jagħmel minnu xi ħaġa ħafna ħafna sabiħa... xi vażun, xi platt, jew xi ġarra.

 

Hekk dejjem ħadem Alla ma’ Iżrael, il-poplu tiegħu, u għadu jaħdem hekk sal-lum mal-Knisja tiegħu, il-poplu ġdid li Hu kiseb bis-saħħa ta’ Ibnu. Hekk jaħdem miegħi u miegħek.  Jipprova jċekkina u jagħmilna umli permezz tal-Kelma, tal-Grazzja li l-ħin kollu tnixxi mis-Sagramenti tal-Knisja, imma wkoll permezz tal-Istorja.  Meta ngħidu permezz tal-Istorja nkunu qed infissru permezz tas-Salib li kulħadd għandu.  M’hawnx bniedem fid-dinja li ma jġorrx Salib.  Għall-pagan dan hu saħta, imma għan-Nisrani huwa Glorjuż għax hu fis-Salib li aħna nindunaw Alla min hu.  Li ma kienx għas-Salib li jien għandi u li int għandek, ħadd minna ma jagħti kas ta’ Alla; anzi naħsbu li aħna Alla u m’għandna bżonn ħadd.  Is-Salib huwa tbatija, imma li ma kienx għalih, ħadd ma jkun jista’ jżomm bina.  Illum is-soċjeta qed tipprova ssolvi s-Salib, issib soluzzjoni għal kull tip ta’ tbatija.  Imma s-Salib jibqa’ jiġri wara l-bniedem għax huwa dan li jagħti sinsla lil kull wieħed minna.  Hija t-tbatija li timmaturana.  Fuq kollox huwa s-Salib li jurina li aħna m’aħniex Alla imma bnedmin dgħajfa iżda maħbuba u li niswew id-Demm għażiż ta’ Kristu.

 

L-Ewwel Qari

 

Hawn se niltaqgħu mal-Profeta Eżekjel, x’aktarx fl-ewwel dehra ta’ Alla li kellu.  Alla jibagħtu fuq missjoni fost il-poplu imma jagħmilhielu ċara li dawn ma kinux se jilqgħu il-Kelma tiegħu għax Iżrael kien sar ġens rasu iebsa.  Ma kienx għadu jfittex x’inhi r-rieda ta’ Alla għalih.  Kien nesa l-għeruq tiegħu: li meta ma kien jiswa xejn u kien ilsir fl-Eġittu, Alla daħal f’ħajtu b’għeġubijiet li baqgħu jiġu rrakkontati u ħelishom minn hemm.  Naddaf l-Art Imwegħda mill-ġnus li kienu jaħkmuha u tahielhom bi Grazzja. Hu tahom djar li ma bnewx huma, bliet li ma waqqfux huma, siġar taż-żebbuġ u dwieli li ma ħawlux huma u bjar ta’ ilma ġieri li ma ħaffrux huma.

 

Imma meta stanew b’dan kollu, il-poplu mtela bih innifsu u beda jimxi iktar fuq kif jirraġuna moħħu milli kif tgħidlu l-Kelma tal-Mulej.  Dan  jikkonferma dak li għidna qabel: jekk ma jidhirx is-Salib, il-bniedem jisfratta.  Dan mhux fuq livell individwali biss imma fuq livell ta’ nazzjon ukoll.  Għand poplu supperv u mkabbar bih innifsu, Alla jibgħat lill-Profeta tiegħu.  Anke jekk kollu ta’ xejn, Hu xorta jibagħtulhom biex ikunu jafu li fosthom kien hemm Profeta.  Sakemm f’nofs il-poplu għad hemm Profeta li jxandar, li jħabbar, li jitkellem bla ma jibża’ fuq Alla, għad hemm tama għal dak il-poplu.  Meta jgħib il-Profeta u tiskot il-profezija, u ħadd aktar ma jibqa’ jsemmi lil Alla imma kulħadd jitkellem fuq l-ekonomija, id-drittijiet, il-politika, l-isports, il-passatempi, allura it-tama tibda tgħib għal dik is-soċjetà li taqbad it-triq li qabdu tant soċjetajiet qabilha fl-Istorja.  Tispiċċa msemmija f’xi ktieb u tgħib hi wkoll.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.  2, 2-5

 

F’dak iż-żmien: daħal fija l-ispirtu u waqqafni fuq riġlejja; u smajt x'kien qiegħed jgħidli. "O bniedem," qalli, "qiegħed nibagħtek għand ulied Iżrael, ġens ta' nies rashom iebsa, li rvellaw kontra tiegħi; dinbu kontra tiegħi, huma u missirijiethom sa llum stess. Huma nies wiċċhom sfiq u qalbhom iebsa; se nibagħtek għandhom, biex tgħidilhom: 'Dan jgħid Sidi l-Mulej',  jisimgħu u ma jisimgħux - nies ta' ras iebsa huma - ħa jkunu jafu li hemm profeta f'nofshom.

 

Salm Responsorjali

 

L-Eżilju f’Babilonja kienet esperjenza serja u qarsa għall-poplu ta’ Alla. Wara li tilfu l-gwerra ma’ Babilonja, ħafna mill-poplu ġew meħuda refuġjati ta’ bil-fors fl-inħawi ta’ din il-belt kbira, l-iktar belt setagħna ta’ dak iż-żmien.  Tħallew fil-Palestina dawk biss li kienu fqar, bdiewa u ħaddiema tar-raba’.  In-nies li kienu influewenti, kif ukoll dawk tas-sengħa, l-aktar il-ħaddieda li kienu perikolużi għax kienu jagħmlu l-armi, dawn kollha ġew eżiljati.

 

Dan l-abbiss fl-Istorja ta’ Iżrael seħħ wara sensiela twila ta’ slaten ħżiena u ta’ Profeti li kienu jiġu mmaqdra, middieħqa u ħafna minnhom maqtula. Ir-reliġjon ta’ Jahweh kienet biss rit minn barra fit-Tempju, imma l-qalb tal-poplu kienet simnet bil-ġibdiet tad-dinja.  L-eżilju dam sebgħin sena u l-poplu qala’ l-permess jerġa’ lura lejn artu meta sar sultan ta’ Babilonja, Ċiru.  Iżda billi xi wħud kienu qed ipappuha tajjeb f’Babilonja għax il-Lhud minn dejjem kienu nies jinqalgħu għan-negozju, dawn baqgħu ma marrux lura.  Marru lura biss dawk li kienu ssaffew minn din l-esperjenza u kienu jħossuhom li kienu l-poplu ta’ Alla.

 

Iżda meta ġew lura sabu lil pajjiżhom imħarbat, Ġerusalemm u t-Tempju meqrudin, u ġnus barrannin li kienu jgħammru flokhom fl-art.  Dawn, naturalment, ma ħadux gost meta rawhom ġejjin lura u komplew jagħmlu l-ħajja tal-Lhud iktar iebsa u jmaqdruhom u jwaqqgħuhom għaċ-ċajt meta rawhom jippruvaw jerġgħu jibnu s-swar ta’ Ġerusalemm u t-Tempju ta’ Alla. Dan kollu sewa biex kompla jċekken lil dan il-poplu u jsir iktar umli.  Dan is-Salm inkiteb aktarx f’dawn iż-żminijiet iebsa.  Huwa Salm ta’ poplu umli u mċekken li kien tilef il-glorja kollha li kellu qabel, imma li kien qed jiġi msawwar fil-forġa tal-Istorja biex iwelled lill-Messija li kien qed joqrob.

 

Iżrael huwa jien.  Iżrael huwa int.  Din il-Kelma hi Kelma ta’ Alla u hi misterjuża, jiġifieri mhux sempliċi “History” imma Kelma li sseħħ u terġa’ sseħħ fil-ħajjiet tal-bnedmin.  Alla jinqeda bl-Istorja tagħna, bis-Salib tagħna biex jagħżaqna bih, mhux għax hu kattiv, bħalma aktarx nissuspettaw meta nkunu għaddejjin minn xi nkwiet, imma biex jagħmilna art tajba, maħduma, għammiela li fiha jinbet il-Qaddis, l-Emanwel, dak li tassew jagħti sens lil kollox.

 

Ritornell: Għajnejna lejn il-Mulej, sa ma jħenn għalina.

 

Salm 123

 

Lejk nerfa' għajnejja,

int li tgħammar fis-smewwiet.

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom;

bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;

hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna,

sa ma jkollu ħniena minna.

 

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina,

għax mitmugħa sax-xaba' bit-tagħjir.

Mxebbgħa għall-aħħar ruħna

biż-żebliħ ta' l-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.

 

It-Tieni Qari

 

Anke San Pawl sab is-Salib tqil u xtaq li Alla jneħħihulu!  Hu jiddiskrivi s-Salib tiegħu bħala “xewka f’ġismi, messaġġiera tax-xitan, biex toqgħod tniggiżni”. (v. 7).  Iżda ta’ Nisrani prim li kien hu kellu d-dixxerniment, id-dawl fuq is-Salib tiegħu.  Kien jaf li tant irċieva Grazzji u għerf u għarfien dwar Kristu mingħand Alla, li kien faċli li hu jitkabbar u jibda jiddandan fuq l-oħrajn waqt li jibda jaħseb li hu xi ħaġa minħabba l-affarijiet li, wara kollox, kien irċieva b’xejn mingħand Alla.

 

Din hi d-differenza bejn in-Nisrani u l-pagan.  Għall-pagan, it-tbatija hija saħta u bla sens… għalkemm minn dejjem kien hemm għorrief fost il-pagani li bl-għerf tad-dinja rnexxielhom jifhmu li it-tbatija tibni, mhux tkisser lill-bniedem; tagħtih sinsla; tagħtih personalità.  In-Nisrani jaf li jekk Alla jneħħi idU minn fuqu hu jintilef.  Għalhekk fis-Salib personali tiegħu huwa jara r-riedni li bihom Alla jikkontrollah, jimmansah, jagħmlu umli u ċkejken.  Meta mbagħad in-Nisrani jiġbor il-frott tal-ħbiberija tiegħu ma’ Alla, huwa jirringrazzja lill-Mulej għas-Salib li tah, għall-Istorja li kitiblu.  Il-Glorja tan-Nisrani huwa li fil-qalba tas-Salib huwa jara l-Imħabba ta’ Alla.  Ara ma jkunx hawn min jaħseb li dan hu faċli!!  Anzi, għall-bniedem huwa mpossibbli.  Imma għal Alla m’hawn xejn li ma jistax ikun.

 

Iżda s-Salib jagħti ċans lix-xitan biex jiġi bl-inganni u t-tixwix tiegħu kontra Alla.  F’dan il-qari San Pawl jgħid li din ix-xewka li tqegħditlu f’ġismu,u li aħna ma nafux x’inhi, kienet messaġġiera tax-xitan.  Dan għax ix-xitan dejjem jaqbad it-tbatija biex jgħidlek: “Ara kemm iħobbok Alla!  Ara x’bagħatlek!  Dik Imħabba eh!  Alla nsiek!  Alla mhux Imħabba.  Anzi, Alla ma jeżistix!”  Dan għaddejna lkoll minnu.

 

In-Nisrani irid ikun imħejji tajjeb minn Alla nnifsu biex iżomm wieqaf meta jaslu fuqu dawn il-mumenti.  Is-Salib huwa żmien li jgħaddi.  Hemm bidu u hemm tmiem.  Anke jekk itul, kollox jgħaddi.  Alla biss jibqa’.  U Alla huwa Ħajja għal dejjem għalik jekk bis-saħħa tiegħu toħroġ rebbieħ u tibqa’ tafda.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  12, 7-10

 

Ħuti: Biex ma mmurx nintefaħ bija nnifsi minħabba fil-kobor tar-rivelazzjonijiet, tqegħditli xewka f'ġismi, messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx.  Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni. Iżda hu weġibni: "Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm  id-dgħajjef." Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta' Kristu tgħammar fija. 

 

Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-debbulizzi tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks, il-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu; għax meta nkun dgħajjef, nkun qawwi.

 

Evanġelju

 

Il-qari li smajna jgħid li t-tbatija tagħmlilna tajjeb għax turina kemm aħna dgħajfa.  Imma mhux biss: turina wkoll li Alla jagħmel l-għeġubijiet fid-dgħajfa u bid-dgħajfa.  Kull bniedem huwa dgħajjef, anke dawk li għandhom l-ikbar setgħa fid-dinja.  Imma ħafna jaħbu d-dgħufija tagħhom fil-kburija u s-suppervja tagħhom.  Dan għax fi kburitu, il-bniedem ma jridx jammetti li hu ħlejqa u mhux Alla, li hu dgħajjef u mhux xi blata żonqrija.  Ilkoll għandna minnu dan!  Ilkoll nibżgħu li ninkixfu quddiem in-nies, li ħaddieħor jinduna li aħna żgħar, wara kollox. 

 

Il-bniedem ta’ Alla hu dejjem sinċier; anzi jitgħaxxaq juri d-dgħufija tiegħu biex in-nies ifaħħru lil Alla u mhux lilu jekk jagħmel xi ħaġa tajba.  Din hija l-qalba tal-umiltà vera.  Bħal dik li wera Ġwanni l-Għammiedi meta qal: “Jinħtieġ li jikber Hu u niċkien jien!” (Ġw. 3, 30). X’jiswielna li nikbru aħna u jiċkien Alla f’ħajjitna?  Kulma għandna, dak kollu li nitkabbru bih huwa frugħa, duħħan, bis-susa tal-mewt fih.  Kollox għad jispiċċa.  Għandna manija kif nagħmlu alla mill-ħmerijiet. Imsejken il-bniedem li jaħseb li hu xi ħaġa; kbira tkun il-waqgħa tiegħu!

 

Hekk ħasbu n-nies ta’ Nazaret.  Lil Ġesù ma stmawhx għax kien wieħed minnhom u kienu jafu lil familtu.  Ilkoll ħasbu li kienu aqwa!  Kienu għomja bil-kburija.  Magħhom Kristu ma wettaq xejn. Għomja kienu u għomja baqgħu. Telaqgħhom għal riħhom u mar ifittex nagħaġ oħra, nies umli mħejjijin biex jilqgħuH.

 

Versett: Hallelujah. Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna, u ’l dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jkunu wlied Alla.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  6, 1-6

 

F’dak iż-żmien: Ġesù telaq minn hemm u mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu.  Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u  l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: "Mnejn kisbu dan kollu? U x'inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn  l-għeġubijiet kbar b'idejh?  Dan m'huwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet m'humiex hawn magħna?" U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih. 

 

Qalilhom Ġesù: "Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f'pajjiżu u fost qrabatu u f'daru stess."  U hemmhekk ma sata' jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom;  u baqa' mistagħġeb bin-nuqqas ta' fidi tagħhom.

 
< Prev   Next >