Sunday, 21 October 2018
           
Home arrow News arrow Latest arrow IL-HMISTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2018) IL-MAGHMUDIJA TAGHMILNA PROFETI
IL-HMISTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2018) IL-MAGHMUDIJA TAGHMILNA PROFETI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 14 July 2018

Din hija il- Liturgija tal-Hmistax il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

pro_amos.jpg

 

Ġwanni l-Battista qal li huwa kien jgħammed bl-ilma, “imma min ġej warajja jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.” (Mt. 3, 11).  Hija din il-Magħmudija li rċivejna aħna!  Aħna rċivejna l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla u n-Nar li jagħmel Ħuġġieġa minn qalb il-bniedem.  Għal ħafna dan hu tqil biex jitwemmen, imma din hi Kelma ta’ Alla.  Dak il-Jum li fih irċivejna dan kollu, (u min jafha id-data tiegħu?), bdiet il-Ħajja ta’ Dejjem ġewwa fina li se ssib il-milja meta mmorru niltaqgħu ma’ Dak li miet għalina biex aħna nidhru quddiem il-Missier lebsin bil-merti tiegħu, iġġustifikati minnu, qaddisin!  Kollox ġie mogħti lilna bi Grazzja imma għajnejna għadhom morda u ma narawx ċar din il-meravilja kollha.

 

Il-problema tagħna hi li flok ma nħarsu lejn il-kwiekeb li jsejħulna, inħarsu lejn żokritna, lejn il-miżerja, id-dgħufija u l-fallimenti tagħna. Aħna emminna l-gidba li Alla hu rival tagħna u li l-hena tiegħu hi li jikkastiga l-inkapaċità tagħna li ngħixu l-Liġi.  Imma din l-inkpaċità tagħna, dan il-limitu safejn għandna ħila naslu fit-“tajjeb”, il-Knisja, b’ħafna kuraġġ ġej mill-Fidi, tmur issejjaħlu: “Xi ħtija hienja li stħaqqilha Feddej kbir bħal dan!” (mill-“Exultet” fis-Sahra tal-Għid).  Għax hija l-miżerja tagħna li niżżlet lil Alla fid-dinja fil-persuna ta’ Ġesù Kristu biex jurina li qalb Alla hi maqsuma tnejn bil-mogħdrija, bil-ħniena, bil-għali fuq kull wieħed minna li ġie lilU misruq minn satana.

 

 

Huwa għax aħna midinbin, (u xi tbatija hi din għalina... xi tbatija!) li Kristu ħass li hu vallapena li jsofri dak kollu li għadda minnu.  Ir-Ragħaj ġie jfittex lili u lilek fuq din l-art, u meta ma sabniex, niżel sa fil-qigħan tal-art, sa fil-miżerja tad-dnub, sa ġol-mewt li neżistu fiha, biex jaqlagħna ’l barra minn hemm.  Il-Magħmudija tagħna għandha setgħa ikbar minn qawwa nukleari, propju għax kisibha għalina, immeritaha għalina, Kristu, bil-Misteru tal-Għid tiegħu.  Huwa Hu li tgħabba b’dan il-bniedem il-qadim tagħna li hu tallab, u li l-ikel tiegħu huwa l-ġandar tal-passjonijiet u l-ġibdiet tiegħu, biex tkaxkar bih sa fuq il-Kalvarju.  Hemm, fuq il-għuda tal-forka, miet il-bniedem il-qadim, Adam, biex fil-Qawmien qam Adam il-ġdid ma’ Kristu, qomna aħna għal Ħajja Ġdida.

 

Imma kif se jseħħ dan kollu?  Għax dan jidher teorija sabiħa, imma aħna  għadna nħossuna miġbudin għad-dnub, naqgħu ħafna drabi, ftit kapaċi nħobbu lil min ma jħobbniex.  Din hi l-verità konkreta tal-Ħajja ta’ kuljum tagħna. Il-Bniedem il-Ġdid li akkwista għalina b’tant tbatija il-Mulej Ġesù, ġie miżrugħ fina fil-Magħmudija.  Fina hemm ingastat l-Għid ta’ Kristu.  X’irrid ngħid?  Il-Magħmudija hija proċess; għandha żmien ta’ maturazzjoni.  Meta ħadniha ta’ trabi bla ma konna nafu x’qed jiġri, inżergħet bħala żerriegħa.  F’dik iż-żerriegħa kien hemm l-‘embrijun’ biex ngħidulu hekk, tal-bniedem il-ġdid, il-bniedem irxuxtat fi Kristu, tal-bniedem ħieles mill-biża’ tal-mewt u mill-egoiżmi kollha.  F’dan l-embrijun hemm il-possibiltà ta’ bniedem li hu xbieha ta’ Kristu; Kristjan; wieħed li kapaċi jħobb  lil min joqtlu għax hu meħlus għal dejjem mill-mewt.  Possibbli? 

 

Jien u int m’aħna kapaċi nagħmlu xejn, jew ftit ħafna, minn dak li hemm fil-mera tan-Nisrani veru li hu l-Vanġelu.  Mhux tort tagħna!  Li wieħed isir Nisrani, jew aħjar, Nisrani adult, huwa miraklu. Dan iseħħ jekk il-Magħmudija titħalla tieħu l-proċess ta’ maturazzjoni tagħha.  Mhux ta’ b’xejn li għall-Knisja dari kienu tant importanti l-Parrini. Kienu jgħinu lill-ġenituri u lill-Knisja biex isaqqu din iż-żerriegħa, jikkultivawha, jħarsuha mill-irjieħ u l-irwiefen tal-iskandli, sakemm trabbi għeruq sodi u tkabbar zokk oħxon.

 

Il-Magħmudija għandha l-għan li tagħmilna tassew xhieda ta’ Kristu.  Hi tagħmilna wlied adottivi tas-Sultan il-Kbir li hu l-Missier.  Tagħmilna wkoll Saċerdoti, ilkoll kemm aħna.  Is-Saċerdot huwa dak li jidħol għall-proxxmu u għad-dinja bit-talb kollu tħannin tiegħu. Barra minn dan, tagħmilna wkoll Profeti.  Dan hu mportanti.  Ix-xogħol ta’ Profeta hu li jwassal il-Kelma ta’ Alla fl-ambjent ta’ madwaru.  Il-Profeta hu dak li jkellmek fuq Alla, mhux biss dak li jaqra l-futur, għalkemm dan jinagħta li jagħmlu wkoll.  L-Appostli kienu lkoll Profeti.  L-Insara huma msejħin fl-Iskrittura “Il-Profeti”.  Jekk miegħek issir inġustizzja u ma tirritaljax kif għandek dritt tagħmel u kif għandek il-mezzi legali li tagħmel, imma tibqa’ fis-sliem u tagħder lil għadu tiegħek, int tista’ ma titkellem xejn, imma ngħidlek li int tkun Profeta għal ta’ madwarek għax tkun qed tkellimhom fuq l-Imħabba ta’ Alla bil-fatti u mhux bil-kliem.

 

Din ta’ “Profeta” hija karatteristika importanti mmens fin-Nisrani. Jekk, per eżempju, tmur tieġ u tagħmel tliet sigħat tiekol u tparla bla ma ssemmi qatt l-Isem ta’ Ġesù, bla ma ġġib id-diskors fuq Dak li int tħobb għax miet għalik, jien ngħidlek li m’intix Profeta għax il-Magħmudija tiegħek għadha żgħira.  Tista’ tkun kemm trid “tal-Knisja”.  Bħali, int għandek bżonn konverżjoni. 

 

L-Ewwel Qari

 

Din il-qawwa profetika li tinżera fil-bniedem permezz tal-Magħmudija u hi xogħol l-Ispirtu s-Santu, telimina għal kollox ir-rispett uman u l-biża’ mir-rejazzjoni tal-oħrajn li ma jaqblux miegħek. Din hija karatteristika tal-“Bniedem Ġdid” li hu frott il-Magħmudija.  Il-bniedem il-qadim, kif għidna, huwa tallab għall-imħabbiet, affetti, popolarita, prosit tal-oħrajn.  Dan kollu nafu xi jfisser aħna.  Kemm tuġagħna qalbna meta ħaddieħor jaħseb ħażin fina, jew ma jistmaniex. Mgħobbijin b’obligi; nilbsu l-maskri biex nidhru kif ħaddieħor jixtieq jarana; dejjem inkunu “politically correct” u li rridu ngħidu nżommuh magħluq ġol-istonku tagħna.  Dan jagħmel mill-Ħajja madmad tqil.  Donnu hemm xi ħadd fuqna li jesiġi kif għandna nkunu u nidhru.

 

Il-Bniedem il-Ġdid m’għandu xejn minn dan.  M’għandu xejn x’jitlef għax l-għana tiegħu hu Alla.  Għalhekk il-Profeti kollha, spiċċa f’San Ġwann Battista, kienu nies trasparenti, taf fejn int magħhom għax dak li għandhom jgħidu, jgħiuhulek bla tidwir mal-lewża. Huma l-iktar nies li kapaċi jħobbuk u jgħinuk billi jgħidulek il-verità bla ma jistennew xejn mingħandek. 

 

Fil-qari mit-T.Q. tal-lum, għandna lil Profeta Għamos, raġel sempliċi, ta’ bla skola, li lanqas kien midħla wisq tal-Iskrittura.  Kien bidwi li l-aktar li kien jaf jagħmel kien jiżbor il-ġummajż.  Il-ġummajża hi speċi ta’ tina selvaġġa u ma waħda minnhom insibu fil-Vanġelu, li Żakkew ixxabbat biex jilmaħ lil Ġesù għaddej.  Faċli tixxabbat magħha għax għandha z-zokk qasir u l-friegħi baxxi għalkemm tista’ titwal sa erbgħin pied.

 

Dan il-bniedem, ħatfu l-Ispirtu s-Santu u mlieh bl-ispirtu tal-Profezija.  Ftit qabel is-silta li se naqraw, hu kien ħabbar qerda għas-Saltna ta’ Samarija u tant kien irrispettat għax ma kienx jagħmel qliegħ mill- predikazzjoni tiegħu, u kien bniedem tant semplici, li t-teħbir tiegħu tefa’ s-Sultan u l-gvern tiegħu fi kriżi.  Il-kelma tieg]u kellha setg]a fuq il-poplu. Għalhekk, hawn se nisimgħu kif jiġi mgħajjar u mkeċċi għax kien perikoluż.  Kollha hekk jispiċċaw il-Profeti veri.  Il-profeti foloz kien jaħdmu għall-flus u għalhekk kienu joqogħdu attenti xi jgħidu għax obligati lejn ħaddieħor, speċjalment lejn min jaħkem.  Iżda hija l-kelma tal-Profeta veru li sseħħ.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos.  7, 12-15

 

 F’dak iż-żmien : Amasija qal lil Għamos: "Mur, bniedem veġġenti, itlaq lejn l-art ta' Ġuda, u ħobżok kulu hemm, u ħabbar hemm; u tkomplix iżjed tħabbar ġo Betel, għaliex Betel santwarju tas-sultan, it-tempju tas-saltna."

 

Wieġeb imbagħad Għamos u qal lil Amasija: "Jien m'iniex profeta, lanqas bin profeta; jiena biss ragħaj u niżbor il-ġummajż; iżda l-Mulej qabadni minn wara l-merħla, u l-Mulej qalli: 'Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi, Iżrael.'

 

Salm Responsorjali

 

Dan is-Salm inkiteb biex jagħmel il-qalb lil dawk li kienu qed jippruvaw jibnu mill-ġdid il-pajjiż wara li rritornaw lura mill-Eżilju ta’ Babilonja.  Hawn se nisimgħu biss l-aħħar parti tiegħu.  Għalkemm ħafna drabi l-Ħajja ddawwarna bi sfidi, li xi wħud minnhom ma jiddependix mis-saħħa tagħna li jintrebħu, il-Mulej hu dejjem qrib.  Hu dejjem qrib lejn dawk li jibżgħu minnU; li ma jfettlilhomx li jnikktu l-Ispirtu qaddis tiegħu ġewwa fihom billi jidinbu, hekk, qisu xejn mhu xejn.  Min għandu l-biża’ sinċier tal-Mulej, ma jibżax minnu għax jista’ jlaqqatha, imma għax jibża’ li jitlef il-Preżenza tiegħu maġenbu u fih.

 

Jibża’ mill-Mulej biss min jaf il-ħlewwa tiegħu għax daqha u esperjenzjaha.  Fl-Apokalissi, l-Mulej jgħid: “Ara jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi.”  (Apok. 3, 20).  Hija din l-intimità ħelwa li n-Nisrani jibża’ li jitlef.  Dan hu li jfisser il-biża’ tal-Mulej.

 

Ritornell: Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Salm 85

 

Ħa nisma' xi jgħid Alla;

il-Mulej is-sliem ixandar,

għall-poplu u l-ħbieb tiegħu,

u għal dawk li jafdaw fih.

 

Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu

għal dawk li jibżgħu minnu,

biex jgħammar is-sebħ f'artna.

 

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,

il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet,

u l-ġustizzja mis-sema tixref.

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi,

u s-sliem fuq il-passi tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Dan il-passaġġ li ġej, mill-Ittra lill-Efesin, juri lil Pawlu fl-aqwa tiegħu; donnu ma jistax jikkontrolla lilu nnifsu fil-ħeġġa li jgħid dak li ġie lilu muri.  Is-silta tiftaħ b’waħda mill-itwal sentenzi fil-Bibbja, donnu l-Appostlu ma jistax jieqaf u jikkontrolla ruħu!  Hija l-Kelma ħajja li tgħammar fih li saret Nar jaqbad, Ħuġġieġa tivvampja li, kif qal qablu l-Profeta Ġeremija, “F’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi.  Għejjejt inżommu magħluq ġi fija, ma niflaħx aktar għalih!”  (Ġer. 20, 9).

 

Dan hu li tagħmel fina l-Magħmudija meta nħallu lil Alla jkabbarhielna.  Fil-Magħmudija nsibu dak li se jgħid il-qari: “kull xorta ta’ barka spiritwali fi Kristu.” (v. 3).  Dawk li l-Magħmudija se tikber fihom kienu ġa magħżula minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex ikun xbihat ċkejkna ta’ Kristu f’dinja miżżewġa lill-mewt.  San Pawl jgħid li l-Missier għarrafna l-Misteru tas-Salvazzjoni tagħna; jiġifieri minn jimxi ’l quddiem fil-maturazzjoni tal-Fidi, jidħol u jifhem il-Misteru ta’ dak kollu li Kristu wettaq b’risq tagħna.  Dan hu l-Għerf veru, Għerf li ebda università m’għandha l-kapaċità li tagħtik, imma li l-Mulej jogħxa jagħtih lis-sempliċi, bħalma kien Għamos.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  1, 30-14

 

 Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu,

 li berikna b'kull xorta ta' barka spiritwali,

fis-smewwiet fi Kristu.

 

Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja,

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

quddiemu fl-imħabba.

 

Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta' Ġesù Kristu; hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu,  għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

 

Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet, skond l-għana tal-grazzja tiegħu. Biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu.

Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel,

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet; jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu,

kull ma hu fis-sema u kull ma hu fl-art.

 

Fih aħna wkoll konna magħżula, iddestinati minn qabel, skond il-pjan imfassal minn qabel minn min imexxi kollox skond il-fehma tar-rieda tiegħu, sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu, aħna, li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu.

 

U fih intom ukoll smajtu l-Kelma tal-Verità, l- Evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom, u emmintu fiha. Kontu ssiġillati bl-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed; [Efes:1:14] li hu r-rahan tal-wirt tagħna sakemm għadna nistennew il-fidwa sħiħa tal-Poplu li Alla kiseb għalih, għat-tifħir tal-glorja tiegħu.

 

Evanġelju

 

Ta’ Alla hemm bżonn nagħmlu esperjenza.  Hu tajjeb li nisimgħu fuqU, imma Alla jrid li jakkompanja t-tagħrif bl-esperjenza.  Fuq Alla hu mportanti li jkollna x’nirrakkontaw minn Ħajjitna. Imma dan jirrikkjedi riskju min-naħħa tagħna. Biex tafda f’xi ħadd b’għajnejk magħluqa tkun qed tirriskja fih.  Alla l-ħin kollu jirriskja fuqna, u jippretendi li dawk li jeħduh bis-serjetà jirriskjaw, anke b’mod serju, fiH.

 

Dan hu li Kristu mbotta lill-Appostli biex jagħmlu meta bagħathom tnejn, tnejn iħabbru s-Saltna bla ma jieħdu xejn magħhom: la flus, la ikel, ħwejjeġ biss ta’ fuqhom, u bla ma jafu jekk kienx se jkun hemm min jilqagħhom u jitmagħhom. Id-dinja tidħol f’qoxritha quddiem din it-telqa kollha fiduċja f’Alla. Ħafna jagħmlu mir-reliġjon, reliġjon materjali, dinjija, bla skumdità, bla riskji… u jispiċċaw m’għandhom xejn x’jirrakkontaw fuq Alla għax qatt ma ħallewH iġibhom daharhom mal-ħajt.

 

It-tajba hi li meta ġew lura, l-Appostli kienu mimlijin ferħ u stagħġib għall-mirakli li kienu kapaċi jwettqu bil-Kelma profetika tagħhom.  Anke satana kellu joqgħod għalihom!  Tassew kellhom x’jirrakkontaw.  Kellhom Memorjal ta’ Alla.  Dan għandna bżonnu lkoll biex il-Fidi tagħna tikber.

 

Versett: Hallelujah. Ilqgħu l-kelma ta’ Alla, mhux bħala kelma ta’ bniedem, imma bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  6, 7-13

 

F’dak iż-żmien: Ġesù sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena.  U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom;  imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi.  

 

Qalilhom: "Fejn tidħlu f'xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk.  U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom."  Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu;  u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejjquhom.

 

 
< Prev   Next >