Tuesday, 16 October 2018
           
Home arrow Home
IS-SITTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2018) IL-KNISJA U R-RAGHAJJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 21 July 2018

Din hija il- Liturgija tas-Sittax il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 jesus-and-disciples-in-boat.jpeg

 

Kif jista’ qatt ikun li Nisrani veru ma jkollux imħabba kbira lejn il-Knisja tiegħu?  Kif qatt jista’ jkun li Nisrani veru jpoġġi ġibdiet oħra ’il fuq mill-imħabba lejn il-Knisja li minnha hu jagħmel parti?  Kif qatt jista’ jkun, nerġa’ ngħid, li Nisrani veru ma jitnikkitx quddiem iż-żmien diffiċli li l-Knisja tinsab għaddejja minnu f’pajjiżna u anke f’ħafna soċjetajiet oħra?  Huwa Kristu li jsalva lil kull wieħed minna u huwa d-Demm glorjuż tiegħu li jagħmel tajjeb għall-infedeltajiet tagħna, imma Kristu jrid isalvana “fi Knisja”, f’komunità ta’ aħwa, f’karovana li taqsam id-deżert eżistenzjali tal-ħajja.

 

Kien Kristu li waqqaf il-Knisja meta ħejja ċirku ta’ dixxipli li sejħilhom Appostli.  Kien Kristu li ħalaq ġerarkija f’dan il-grupp meta għażel lil Pietru biex ikun l-ewwel fosthom, u tnejn oħra prominenti f’Ġakbu u Ġwanni.  Kristu kien jaf li għalkemm ħafna kienu se jkunu l-bnedmin li jippruvaw ifittxuh waħedhom, dawn kienu se jkunu bħal wieħed li jipprova jaqsam waħdu d-deżert. Hu ried jevitalna l-perikli fiżiċi tal-għejja, tal-għatx, tal-attakk tax-xemx fl-eqqel tagħha, u l-perikli tal-ħallelin.  Meta n-nies kienu jaqsmu d-deżert, dejjem kienu jagħmlu dan f’karovana, fi grupp, biex meta wieħed jiġi bżonn l-għajnuna jsibha, u jkun hemm difiża aħjar kontra l-ħallelin, għax fin-numru hemm is-saħħa. 

 

 

Barra minn dan hemm ħafna testi fit-Testment il-Ġdid li jitkellmu mill-Knisja bħala l-Għarusa ta’ Kristu li għaliha Hu ta ħajtu.  Iktar minn hekk il-Knisja hi l-Ġisem mistiku tiegħU.  Kristu għadu jgħammar fid-dinja għax hu fil-Knisja u l-Knisja fiH.  Huwa r-Ras tal-Ġisem li hi l-Knisja; huwa l-ġebla tax-xewka li fuqha tinbena u hija ngastata l-binja kollha li hi l-Knisja.  Huwa ħalla f’idejn il-Knisja biex hi ssaqqi d-deżert ta’ qlub il-bnedmin bl-ilmijiet tal-Ħajja li jgelglu mis-Sagramenti, mis-Sinjali tagħha.  Fuq tlieta toqgħod il-Ħajja Nisranija, trepied: il-Kelma ta’ Alla, l-Ewkaristija (u s-Sagramenti l-oħra) u l-Komunità, il-Knisja. Neħħi waħda u kollox jaqa’. 

 

F’din il-Knisja li hi Ommna u Għalliema tagħna, (u l-umli jafu kemm kbira hi l-għożża tagħha għalihom), hemm ġerarkija ta’ kariżmi.  Kulħadd hu mportanti.  Il-Konċilju Vatikan II saħħaq fuq il-Knisja bħala “poplu ta’ Alla” li alenija dejjem miexi flimkien lejn sejba dejjem ikbar u iktar ċara tal-Misteru glorjuż ta’ Kristu. Poplu b’nies ta’ sejħat differenti, imma lkoll importanti.  San Pawl jitkellem b’mod tal-għaġeb fuq dan meta jġib l-analoġija tal-ġisem fiżiku tagħna: l-għajn ma tgħaddix mingħajr is-sieq eċċ.  Imma anke Kristu sabha inevitabbli li jkun hemm ukoll gerarkija ta’ awtorità.  Mhux awtorità skont kif tifhimha d-dinja.  Kristu din għamilha ċara.  Imma awtorità ta’ qadi.

 

Fost dawn il-kariżmi hemm dik tar-ragħajja. Għandhom qadi fil-Knisja bħalma għandu kulħadd.  Għandhom responsabiltà!  Hu veru li l-Istorja tirrakkontalna li ħafna kienu dawk li ħasbu fihom infushom u mhux fin-nagħaġ.  Jien ma nafx għaliex dan għandu jissorprendina meta nafu li l-Knisja fid-dinja qegħda u mhux bħal xi bużżieqa ttir fl-ajru!  Il-Knisja hija sptar li lejha nitkaxkru għax, bla ma ridna aħna, tgħabbejna bin-natura li Adam ikkorrompa.  Minn dan l-aspett, ir-ragħajja u n-nagħaġ għandhom l-istess natura, imma din tinbidel bil-mod il-mod fil-Knisja sakemm jitwieled il-Bniedem il-Ġdid, il-bniedem tan-natura divina.  Ragħajja u nagħaġ ninsabu nterrqu fi vjaġġ dejjiemi lejn is-Sema pajjiżna. 

 

Id-deżert li qegħdin naqsmu mhux divertita!  Kbar huma t-tentazzjonijiet għan-Nisrani, u min minna għandu l-wiċċ jitfa’ l-ewwel ġebla.  Imma fejn kotor id-dnub kotrot fuq li kotrot il-Grazzja.  Din hija l-qawwa moħbija tal-Knisja. Mil-banda l-oħra, tuġagħna qalbna meta r-Ragħajja nfushom jiżbaljaw.  Kemm daqqiet qlajna, aħna li rridu l-ġid lill-Knisja, meta f’dawn l-aħħar snin inkixef l-orrur tal-pedofelija!  Kif jista’ wieħed ma jitniehedx u ma jxerridx id-dmugħ meta tara pajjiżi bi storja ta’ fedeltà kbira lejn il-Knisja bħall-Irlanda u Spanja, jirremettu f’daqqa l-Kristjaneżmu?  Kollox ikkrolla donnu l-Knisja għal żmien twil kienet biss dar tal-karti, bla ma ħadd kien induna!

 

Ninsabu fi żmien li qiegħed dejjem isir ixbaħ lill-era pagana li fiha twieldet il-Knisja.  L-Istorja mhix ikbar minn Alla.  Kristu huwa l-Pantokrator, is-Sid ta’ kollox u l-Istorja hi f’idejH!  Hu qed iħejji Knisja ġdida għal era ġdida.  Dan hu eċċitanti ħafna.  Hu se jibagħtilna Ragħajja qalbiena li jkunu xhieda veri għaliH fi żminijiet diffiċli.  Anzi diġa beda jibagħthomlna dawn ir-Ragħajja, jekk għandna l-ħila niftħu għajnejna biex naraw.  Illum, il-Knisja hi aktar umli minn dik ta’ ħamsin sena ilu, u għada tkun aktar mil-lum.  Il-Mulej qed jippermetti li tbati, li tfalli, li tiċkien, li tiftaqar, li ssir sempliċi, imma li tikber fl-ispiritwalità, fix-xhieda tagħha u fil-qdusija. 

 

Għadda ż-żmien, f’ħajjet Alla, meta kien jaqbillek tkun fil-Knisja.  Dalwaqt ikun il-kontra, anżi diġa bdejna. Ma jaqbillekx tkun fil-Knisja!  Hekk l-aħjar!  Insara iktar awtentiċi. Insara għax inagħtaw Fidi vera u soda.  Għadda ż-żmien li wieħed imur il-Knisja għax inkella jgħidu bih.  Illum jgħidu bik jekk tieħu lil Kristu bis-serjetà.  Tant aħjar! 

 

Dan hu ambjent li jiskandaliżża, imma huwa ambjent idejali fejn titwieled Knisja li tkun kapaċi tipproduċi l-martri. Huwa Kristu nnifsu li qed isalpa lill-Knisja f’dawn l-ibħra “ġodda” li mhumiex imniżżla fil-mappa!  Fid-dgħufija tagħna aħna ngħajtu “Salvana! M’intix tara li qed negħrqu?”  U Hu jwieġeb: “Nies ta’ fidi ċkejkna, għaliex qegħdin tiddubitaw?”

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Kotba profetiċi huma mimlija b’ammonizzjonijiet terribbli kontra r-ragħajja, il-mexxejja, tal-merħla li hija l-poplu ta’ Alla.  Il-profeti kienu jeħduha kontra l-mexxejja reliġjużi u anke dawk politiċi ta’ żmienhom.  F’San Ġwann Battista għandna għerq veru mnissel mit-tradizzjoni profetika Lhudija.  Dan l-istint profetiku li Alla jikkoltiva fil-bniedem għadu ħaj sal-lum u jibqa’ ħaj sakemm Alla jibqa’ jitħabat biex isalva l-umanità. 

 

Ħafna drabi, dan il-fenomenu jikklaxxja mal-istabilità tal-amministrazzjoni u t-tmexxija.  Waqt li l-profeta ma teħodlux kopja u ma tafx biex se joħroġlok, it-tmexxija hi iktar konservattiva u tiddejjaq b’dak li Kristu jgħid fuq in-Nisrani, per eżempju, li qisu bħar-riħ la taf mnejn hu ġej u lanqas fejn hu sejjer.  Din l-prekarjetà, in-nuqqas ta’ ordni u organizzazzjoni tnaffar lill-klassi tar-ragħajja u bil-lingwaġġ tal-lum, il-profeta għandu mnejn kien ikun akkużat li hu “popolista” u “anti-establishment”.

 

Lill-Profeta tat-tradizzjoni Lhudija u lin-Nisrani, naturalment, ma tistax tagħtihom dawn it-tikketti.  Huwa bniedem li ma tpoġġih fl-ebda “pigeon-hole”  għax tassew li l-ikel tiegħu huwa li jagħmel ir-rieda ta’ Alla u mhux tal-bnedmin. Jekk din ir-rieda ta’ Alla tkaxkru bħal riefnu biex jattakka lill-politiċi, lil dawn hu jattakkahom; biex jattakka lill-mexxejja reliġjużi, lil dawn jattakkahom; biex jattakka lill-poplu, li mhux dejjem hu innoċenti bħall-“merħla”, lil dawn hu jattakkahom.  Għalhekk mhux popolista fis-sens li nafu aħna.  Popolista huwa dak li jfittex jogħġob bi kliemu lill-massa.  Il-Profeta, li hu Profeta tassew, għandu istint ieħor: li jagħmel dak li jgħidlu Alla. M’għandu lil ħadd jiddefendih ħlief il-Kelma li jġorr qisha nar f’għadmu u li ma jistax iżommha siekta.

 

Huwa għalhekk li tradizzjonalment, il-Profeta ftit għandu ħbieb u l-ħakkiema rari ħafna huma favur tiegħu.  Kważi dejjem jispiċċa ħażin.  Anzi il-Profeta jaf li meta d-dinja ċċapċaplu, meta jgħidu li hu popolari, “ta’ man-nies”, ħlejju, “jaf imur”, jgħaqqad flok jifred... hawn għandna xi ħaġa li mhix sew!  Illum il-Knisja hi l-ħin kollu attakkata minn dawk li jaħsbu li jifhmu u ma jifhmu xejn, lanqas biss jafu fuqhiex qegħdin jitkellmu; dawk li jgħidulha li m’għandhiex tibqa’ “medjevali” (dan l-aġġettiv, mamma mia!) imma timxi mal-poplu, mal-“progress” (gidba), maż-żminijiet... Fil-verità id-dinja trid li l-Knisja tagħmel kompromessi mal-kultura dominanti tal-lum.  Tifhem lil Kristu meta jgħid li Hu ma ġiex biex jgħaqqad imma biex jifred, mhux biex iġib il-paċi imma s-sejf.

 

Ġeremija kien il-Profeta per eċċellenza.  Hu tassew li ġie mibgħut biex jifred u mhux biex jgħaqqad; biex jgħid il-verità u mhux dak li jintgħoġob. Hu jattakka lir-ragħajja li huma kemm il-mexxejja politiċi kif ukoll dawk reliġjużi tat-Tempju, kif kellu jagħmel warajh Eżekjel.  Il-Knisja għandha tkun profetika u gwaj għad-dinja meta hi ma tibqax Dawl fid-dlam, profezija, Kelma ta’ Alla għal dawk li ma jafux fejn se jaqbdu jagħtu rashom.

 

Illum għandna ħafna li ma jafux fejn se jaqbdu jagħtu rashom.  Ħadd ma jaf iktar x’inhi l-verità.  Anzi jgħidulek li l-verità “as such” ma teżistix. Kollox hu relattiv. Int għandek dritt toħloq verità għalik bla ma jindaħallek ħadd.  Għandek dritt tgħid li trid.  Agħżel int.  Agħmel int.  Il-Knisja ddejjaq lil dawn in-nies.  Il-Knisja ddejjaq lill-profeti foloz li kliemhom jintogħġob mill-merħla.  Huwa għalhekk li l-merħla ħierġa minn maqjel u tinsab dieħla f’ieħor.  Xejn ġdid.  L-Istorja dejjem tirrpeti ruħha. 

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  23, 1-6

 

"Gwaj għar-rgħajja li jeqirdu u jxerrdu

l-merħla tal-mergħa tiegħi,

oraklu tal-Mulej.

Għalhekk dan jgħid il-Mulej,

Alla ta' Iżrael, lir-rgħajja,

li jirgħu l-poplu tiegħi:

'Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi,

gerrixtuhom u ma ħadtux aktar ħsiebhom.

Arawni, se naħseb fikom jien

minħabba l-ħażen ta' għemilkom,

oraklu tal-Mulej.

 

 

U jiena niġbor il-fdal tal-nagħaġ tiegħi

mill-artijiet kollha li xerridthom fihom,

u nreġġagħhom lura lejn il-mergħa tagħhom,

u jnisslu u joktru.

U nqiegħed fuqhom rgħajja li jirgħuhom,

u ma jitbeżżgħux aktar, ma jitwaħħxux;

u ħadd minnhom ma jonqos,

oraklu tal-Mulej.

 

Araw, għad jasal żmien,

oraklu tal-Mulej,

meta nqajjem lil David rimja ġusta,

li jsaltan ta' sultan,

u jmexxi bil-għaqal

u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż.

Fi żmienu Ġuda jkun salv,

U Iżrael jgħammar fiż-żgur.

U dan hu l-isem li jsejjħulu:

'Il-Mulej  is-Sewwa tagħna.'

 

Salm Responsorjali

 

Ġeremija kellu għajnejn profetiċi, u waqt li l-ftit li jpappuha kienu jgħidu li kollox miexi tajjeb, ara kemm aħna aħjar minn ta’ qabilna, hu kien qed jara merħla mferrxa u bla ragħaj.  Imma l-Profeta jara wkoll lil Alla jaħdem u l-qari li smajna jispiċċa bit-tħabbira hienja tal-Messija mwiegħed li jsejjaħ u l-merħla terġa’ tinagħqad.

 

Dan ir-Ragħaj “is-Sabiħ” kif tħobb issejjaħlu l-Liturġija tal-Lvant, ir-“Ragħaj it-Tajjeb” kif insibuH aħna, huwa Ġesù Kristu, l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla l-Ħaj.  Il-ħolqien kollu inħalaq għaliH.  L-Istorja nħalqet għaliH u dejjem miexja lejH.  It-tikketti banal tal-midja dwar “liberali”, “konservattivi” eċċ huma bluha.  In-Nisrani, li bil-Magħmudija rċieva għajnejn u widnejn ta’ Profeta, (għalhekk fl-ikonografija tal-Lvant l-għajnejn u l-widnejn huma dejjem kbar), jaf li Kristu huwa ċ-ċentru ta’ kollox, ta’ kulma jiġri.  Kollox jgħaddi, imma Hu jibqa’.  Mexxejja, kulturi, sistemi, demokraziji, dittatorjati… kollox jaqa’ mis-siġra bħal weraq meta jidbiel u jinxef.  Huwa Kristu li hu l-Bidu u l-Aħħar, li jofroq iż-żminijiet, li jiddomina ż-żmien, l-Istorja.

 

Din u din biss hija t-Tama tal-bniedem, għax Dan il-Waħdieni li l-Istorja taqdiH huwa Ragħaj Tajjeb li lest jagħti ħajtu għan-nagħġa tiegħu.  GħaliH  jien niswa ħafna bħala persuna.  Jien m’inix tikka mitlufa f’soċjetà egoista fejn il-bniedem sar solitarju, waħdu, magħluq f’xi flat daqs nitfa, b’xi kelb żgħir bħala l-unika kumpanija.  Minn gwaj kbir irid isalvana dan ir-Ragħaj ħanin.  Morru fl-ibliet il-kbar; ixxabtu mat-tirġien tal-blokki tal-appartamenti, u araw f’liema dieqa jgħix il-bniedem li jibki waħdu.  L-Ewropa għad terġa’ tiskopri l-Knisja u tarmi lil hemm minnha bħal biċċa ċaruta maħmuġa dak Ii tqarrqet bih.

 

Ritornell: Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

 

Salm 23

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

f'mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni.

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu.

 

Mqar jekk nimxi f'wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,

huma jwennsuni.

 

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta' ħajti.

U ngħammar f'dar il-Mulej

sakemm indum ħaj!

 

It-Tieni Qari

 

Rajna kif il-Profeta, in-Nisrani, jifred; huwa sinjal ta’ kontradizzjoni meta jgħid is-sewwa kif inhi, bla ma jkun “politically correct” kif iħobbu jkunu l-“puliti” ta’ żmienna. Min ġie maħkum mill-ispirtu profetiku, mhux tajjeb għad-diplomazija, u li kellu jibda kors fiha, jitlaq jiġri ’l barra wara kwarta.  Iżda issa, Pawlu se jgħid li “Kristu, minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna – il-mibegħda ta’ bejnietna.” (Ef. 2, 14).  Għad-dinja, Kristu hu divisiv, jifred, idejjaq u aħjar tgħalqu fis-sagristija.  Imma għal dawk li jemmnu fiH, għal dawk li ħallewH joqtol fihom il-bniedem il-qadim li jobgħod, u qajjem il- bniedem il-ġdid li jixbah lilU, lil dawn Kristu jagħmilhom “ħrief”, aħwa tassew bi fraternità ikbar minn dik tad-demm u l-laħam. Din l-Għaqda u l-Imħabba ta’ bejn l-aħwa u Mħabba fil-qies tas-Salib, Imħabba għal min isalbek, issibhom biss għand l-Insara ta’ Fidi adulta.  Mhux għax huma aħjar mill-oħrajn, imma għax Alla ħadem fihom u huma ħallewh jaħdem fihom.  Kollox hu Grazzja, kollox xogħol Alla.

 

Dawn is-sinjal tal-Għaqda u l-Imħabba jqajmu question-mark fid-dinja għax hi mhix kapaċi tikkuppjahom.  Id-dinja hija l-ġabra ta’ dawk li għadhom mhumiex salvati minn Kristu għax ma jemmnux fil-Msteru Glorjuż tal-Għid tiegħU.  Dawn għadhom imdawrin biċ-ċirku tal-mewt li jheddidhom u jagħmilhom egoisti, mhux ħżiena, imma egoisti għax ikollhom ifendu għal rashom.  Ma jemmnux li Alla hu l-Abba, il-Missier tagħhom, allura jibilgħu dak li tgħid id-dinja: “aħseb għal rasek għax ħadd mhu se jaħseb għalik”, “il-flus kollox, bihom ma jkollok bżonn ħadd”, “l-ieħor aħarbu, mela tgħinu, għax l-ieħor hu l-infern, iġagħlek tbati”. 

 

Imma Pawlu, f’din l-Ittra qiegħed jitkellem ma’ nies minn Efesu li emmnu l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù, u hija din il-Fidi, mhux l-opri tagħhom, din il-Fidi salvathom. Xi jfisser salvathom?  Ifisser li fihom twettaq dak li jitwettaq taħt xbihat fil-Magħmudija.  Il-bniedem tad-dnub, il-bniedem il-ħin kollu mhedded mill-mewt ontika u fiżika, dan il-bniedem qadim li bih nitwieldu, ġie mgħarraq fl-ilmijiet... miet, u floku, flok in-natura qadima, inagħtaw natura ġdida, dik ta’ Kristu nnifsu!  Possibbli dan?  Għad-dinja dan huwa thewdin.  Huma ħwejjeġ li wieħed irid iġarrabhom, jagħmel esperjenza tagħhom. Il-bniedem li jemmen fi Kristu “jsir ħolqien ġdid, il-qadim għadda u issa hawn il-ġdid.”  Jekk dan mhux veru mela San Pawl qed jigdeb, u jigdbu wkoll tant nies li għaddew minn din il-metamorfosi, din il-bidla.

 

Dawn in-nies iħobbu bla sforz, u għalhekk huma hienja, anke jekk bħal ħaddieħor iridu jġorru s-Salib tagħhom.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  2, 13-18

 

Ħuti: Imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu 'l bogħod, issa tqarribtu bis-saħħa tad-demm ta' Kristu.

 

 

Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna - il-mibegħda ta' bejnietna - u ħassar bis-sagrifiċċju ta' ġismu  l-Liġi bil-kmandamenti u l-preċetti tagħha.  Mit-tnejn, ried b'hekk joħloq bih innifsu bniedem wieħed, il-bniedem il-ġdid, billi jagħmilhom paċi t-tnejn bejniethom u jħabbibhom it-tnejn ma' Alla f'ġisem wieħed permezz tas-salib li bih qered il-mibegħda ta' bejniethom.  

 

Mbagħad ġie jħabbar is-sliem, sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u sliem lil dawk li kienu fil-qrib.  Permezz tiegħu, it-tnejn li aħna għandna bi Spirtu wieħed id-dħul għal għand il-Missier.

 

Evanġelju

 

L-aħħar parti ta’ dan il-Vanġelu titkellem fuq l-għatx kbir li ħafna nies għandhom għal Kristu.  Anke jekk il-Knisja ma togħġobhomx; anke jekk xebgħu jisimgħu moraliżmi fil-priedki, “tagħmilx hekk, tagħmilx dak, għamel din…”u diġa jafu minn qabel li m’għandhomx saħħa jobdu l-Liġi; anke jekk sofrew xi nġustizzja mingħand xi ħadd li jilagħbha tan-Nisrani; xorta waħda hawn nies li huma għatxana għal Kristu.  Tafu għaliex?  Għax daqu d-dinja.  Ippruvaw dak li tati d-dinja.  Tafu x’sabu? Vojt. Xejn. Baħħ.  Dawn huma nies tassew għorrief, mhux bil-priedki li semgħu, imma bl-esperjenza li kienet Kelma ta’ Alla qawwija għalihom.  L-Iben il-Ħali mhux id-diskorsi ta’ missieru ikkonvertewh imma l-qiegħ li fih niżel.

 

Għalhekk, tgħaddi kemm tgħaddi minn gwajjijiet, il-Knisja dejjem tirkeb fuq il-mewġ li jrid jidfinha.  Satana m’għandux ċans.  Il-kultura sekularizzanti m’għandhiex ċans.  Għax il-Ħajja tinsab fil-Knisja biss, għax Kristu hemm qiegħed.

 

Versett: Hallelujah!  In-ngħaġ tiegħi jisimgħu leħni, igħid il-Mulej; u jiena nagħrafhom u huma jimxu warajja. Hallelujah!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  6, 30-34

 

F’dak iż-żmien : L-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu.  U hu qalilhom: "Ejjew miegħi  intom  biss  weħidkom  f’xi  post  imwarrab,  u  strieħu ftit."  Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom.  

 

Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab,  imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru 'l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.

 

Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ. 

 
< Prev   Next >